Il-professjonijiet legali - Slovenja

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: is-Sloven diġà ġew tradotti.

Din il-paġna tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-professjoni legali fis-Slovenja.

Prosekuturi
Imħallfin
Avukati
Nutara
Avukati tal-Istat


Il-professjonijiet legali

Organizzazzjoni tal-professjoni legali:

Il-professjonijiet legali

Fir-Repubblika tas-Slovenja persuna b'lawrija universitarja fil-liġi tista' tagħżel minn bosta professjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja, inkluż imħallef, prosekutur, avukat tal-Istat, avukat u nutar.

Il-Prosekuturi (Tožilci)

Organizzazzjoni

Skont l-Artikolu 135 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja, il-Prosekuturi tal-Istat (državni tožilci) iressqu u jippreżentaw l-att ta' akkuża kriminali u għandhom setgħat oħrajn mogħtija mil-liġi. Is-setgħat u l-organizzazzjoni tagħhom huma fil-biċċa l-kbira stipulati fl-Atti dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Statali (Zakon o državnem tožilstvu) u l-Att dwar il-Proċedura Kriminali (Zakon o kazenskem postopku).

Hemm 11-il uffiċċju distrettwali tal-prosekutur statali (okrožno državno tožilstvo) fis-Slovenja (Celje, Koper, Kranj, Krško, Ljubljana, Maribor, Murska Sobota, Nova Gorica, Novo mesto, Ptuj, Slovenj Gradec), Uffiċċju tal-Prosekutur Statali Speċjalizzat (Specializirano državno tožilstvo), organizzat fuq bażi ta' mal-pajjiż kollu u Uffiċju tal-Prosekutur Statali Suprem (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaVrhovno državno tožilstvo Republike Slovenije) f'Ljubljana.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Statali Speċjalizzat huwa responsabbli mill-prosekuzzjoni tal-attivitajiet kriminali fl-oqsma tal-kriminalità organizzata tradizzjonali u ekonomika, it-terroriżmu, il-korruzzjoni u attivitajiet kriminali oħra li jeħtieġu li d-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tagħhom issir minn prosekuturi statali organizzati u mħarrġa apposta. Id-Dipartiment għall-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Uffiċjali b'Awtorizzazzjonijiet Speċjali (Odelek za preiskovanje in pregon uradnih oseb s posebnimi pooblastili, magħruf bħala posebni oddelek jew 'dipartiment tal-investigazzjonijiet speċjali') jopera bħala unità organizzazzjonali indipendenti fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Statali Speċjalizzat. Il-prosekuturi statali f'dan id-dipartiment tal-investigazzjonijiet speċjali huma responsabbli mill-prosekuzzjoni ta' reati kriminali mwettqa minn uffiċjali tal-pulizija, uffiċjali tal-aġenziji tal-affarijiet interni b'setgħat ta' pulizija, uffiċjali tal-pulizija militari, uffiċjali tas-servizz tal-intelligence u s-sigurtà tal-Ministeru tad-Difiża u uffiċjali tal-Aġenzija tal-Intelligence u s-Sigurtà Slovena. Jipprovdu wkoll gwida lill-uffiċjali tal-pulizija li jaħdmu mad-Dipartiment.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Statali Suprem huwa l-uffiċċju tal-prosekutur tal-ogħla grad fil-pajjiż u fih jaħdmu:

  • prosekuturi statali supremi (vrhovni državni tožilci) u prosekuturi statali superjuri (višji državni tožilci),
  • prosekuturi statali b'xogħol temporanju jew part-time.

Prosekuturi statali superjuri jressqu appelli fil-proċedimenti tal-appell quddiem il-qrati superjuri (višja sodišča) fis-Slovenja. Fi proċedimenti dwar rimedji straordinarji fil-qasam tad-dritt kriminali u fil-qasam tal-affarijiet ċivili u amministrattivi, il-prosekuturi supremi tal-istat jidhru quddiem il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja (Vrhovno sodišče Republike Slovenije).

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Statali Suprem huwa mqassam fi:

  • tliet dipartimenti (id-dipartiment tad-dritt kriminali (kazenski oddelek), id-dipartiment tal-affarijiet ċivili u amministrattivi (civilno-upravni oddelek) u d-dipartiment tat-taħriġ u s-superviżjoni esperta (oddelek za izobraževanje in strokovni nadzor)), u
  • iċ-Ċentru tal-Informazzjoni Esperta (Strokovno informacijski center), li l-kompiti tiegħu jinkludu l-għoti ta' għajnuna esperta fil-qasam tat-tassazzjoni, finanzjarju, kontabilistiku u dixxiplini oħrajn meħtieġa għall-prestazzjoni effiċenti tal-prosekuturi statali u li jiżgura l-iżvilupp, l-unità u l-operazzjoni ta' appoġġ bl-informazzjoni għall-funzjonament tal-uffiċċji tal-prosekuturi statali.

Rwol u dmirijiet

Ir-rwol u d-dmir ewlieni tal-prosekuturi tal-istat huwa l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali. F'dan il-kuntest huma responsabbli:

  • mit-teħid ta' kull pass meħtieġ għad-detezzjoni ta' attivitajiet kriminali u s-sejbien tat-trasgressuri u għall-iggwidar ta' ħidmet il-pulizija fil-proċedimenti ta' qabel il-proċess, fejn il-pulizija jkunu indipendenti mill-prosekutur statali f'termini organizzazzjonali,
  • it-tressiq ta' talbiet għal investigazzjoni,
  • it-tressiq u l-preżentazzjoni tal-akkużi fil-qorti rilevanti, u
  • it-tressiq ta' appelli kontra sentenzi tal-qorti li ma jkunux finali, u rimedji straordinarji kontra d-deċiżjonijiet finali tal-qorti (appelli kontra deċiżjonijiet tal-qorti tal-prim'istanza f'kawżi kriminali jkunu ppreżentati mill-prosekutur statali li jkun ressaq l-akkuża fil-qorti tal-prim'istanza, filwaqt li rimedji straordinarji jitressqu mill-prosekuturi statali supremi).

Il-leġiżlazzjoni kriminali applikabbli tippermetti lill-prosekuturi statali li f'ċerti ċirkostanzi jagħżlu rimedji alternattivi għall-prosekuzzjoni kriminali biex jittrattaw ma' forom ta' assoċjazzjoni kriminali. Dawn jinkludu, l-ewwel nett, it-trasferiment tal-kawża għal proċedura ta' ftehim u s-sospensjoni kundizzjonata tal-prosekuzzjoni kriminali jekk is-suspettat ikun lest iġib ruħu kif jindikalu l-prosekutur u li jagħmel ċerti azzjonijiet indikati mill-prosekutur. Jekk il-ftehim jew is-sospensjoni kundizzjonata tal-prosekuzzjoni jirnexxu, il-prosekutur tal-istat jista' jwarrab ir-rapport kriminali, jiġifieri l-kawża tiġi solvuta lil hinn mill-qorti. Il-prosekutur statali jista' jipproponi wkoll lill-qorti biex toħroġ ordni ta' kastig fejn il-qorti tagħti sentenza ta' piena jew miżura speċifika proposta lill-akkużat mingħajr seduta ta' smigħ.

Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Statali Suprem iwettaq kompiti li jmorru lil hinn minn dak li hu sostantivament kopert mid-dritt kriminali. F'wieħed mit-tliet dipartimenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Statali Suprem, id-dipartiment tal-affarijiet ċivili u amministrattivi, il-prosekuturi statali supremi jistgħu jressqu talba għall-ħarsien tal-legalità (zahteva za varstvo zakonitosti) kontra deċiżjonijiet tal-qorti tal-appell (pritožbeno sodišče) fi proċedimenti ċivili kontenzjużi, nonkontenzjużi u oħrajn. Il-prerekwiżit għal rikors għal dan ir-rimedju ġudizzjarju straordinarju huwa l-ħarsien tal-interess pubbliku, li jista' jiġi stabbilit biss mill-Prosekutur Statali Suprem. Il-partijiet fil-proċedimenti ma jistgħux għalhekk iressqu talbiet għall-ħarsien tal-legalità.

Imħallfin

Organizzazzjoni

Imħallfin professjonali u mħallfin onorarji

L-istatus ta' mħallef (sodniki)huwa rregolat mill-Artikoli 125 sa 134 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja u l-Att dwar is-Servizz Ġudizzjarju (Zakon o sodniški službi). L-imħallfin huma uffiċjali eletti mill-Assemblea Nazzjonali (Državni zbor) fuq proposta mill-Kunsill Ġudizzjarju (Sodni svet). Il-mandat ta' mħallef huwa permanenti, u l-limitu tal-età u l-kundizzjonijiet għall-elezzjoni huma stipulati fil-liġi.

Biex xi ħadd isir imħallef irid jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin:

  1. ikun ċittadin Sloven u jkollu għarfien attiv tal-lingwa Slovena,
  2. irid ikollu kapaċità operattiva u jkun fi stat tajjeb ta' saħħa,
  3. ikollu tal-inqas 30 sena,
  4. irid ikun kiseb it-titlu professjonali ta’ avukat bi grad universitarju miksub fis-Slovenja jew it-titolu professjonali ta’ baċċillier fil-liġi (NU) u master fil-liġi jew ikun kiseb kwalifika ekwivalenti fil-liġi barra l-pajjiż li tkun attestata b'ċertifikat ta’ kwalifika barranija b’opinjoni mehmuża dwar il-kwalifika jew b'deċiżjoni li tirrikonoxxi l-kwalifika għal skopijiet ta’ impjieg jew ċertifikat ta’ nostrifikazzjoni (Odločba o nostrifikaciji),
  5. ikun għadda mill-eżami Statali fil-liġi,
  6. qatt ma jkun nstab ħati ta’ reat kriminali,
  7. ikunx soġġetta għal akkuża finali jew, fuq bażi ta’ akkuża, suġġett għal proċeduri marbuta ma’ reat kriminali minn prosekuzzjoni ex officio.

Wara t-tmiem tal-kariga tagħhom, l-imħallfin li jkunu deċidew jew iġġudikaw fuq investigazzjoni jew proċedimenti tal-qorti li fihom sentenza tkun kisret id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu eletti mħallfin.

L-imħallfin għandhom l-istatus ta' uffiċjali pubbliċi u huma marbuta mill-Kostituzzjoni u l-leġiżlazzjoni fil-qadi ta' dmirijiethom. Il-kariga ta' mħallef mhijiex kompatibbli ma' karigi f'korpi statali oħrajn, korpi awtogovernattivi lokali u korpi ta' partiti politiċi, u ma' uffiċċji u attivitajiet oħrajn kif stipulat fil-liġi. M'hemm l-ebda speċjalizzazzjoni edukattiva formali fost l-imħallfin. Il-qasam ġuridiku li mħallef jaħdem l-iktar fih ikun definit mill-organizzazzjoni interna tal-qorti individwali li, biex issolvi tipi individwali ta' tilwim, għandha bosta dipartimenti ġuridiċi li l-imħallfin ikunu assenjati għalihom f'konformità mal-programm ta' ħidma annwali. Il-Kunsill Ġudizzjarju jiddeċiedi fuq il-promozzjoni għal kariga ġudizzjarja ogħla u fuq il-promozzjoni fl-iskala. Il-Kunsill Ġudizzjarju jagħmel proposta wkoll lill-Assemblea Nazzjonali biex imħallef jitkeċċa mill-kariga ġudizzjarja tiegħu jekk, fil-prestazzjoni ta' dmirijietu, jikser il-Kostituzzjoni jew jikser serjament il-liġi jew deliberatament jikkommetti reat kriminali billi jabbuża mill-kariga ġudizzjarja tiegħu. Ir-rati tal-promozzjonijiet tal-imħallfin f'kariga ġudizzjarja huma stabbiliti fl-organizzazzjoni tal-qrati fis-Slovenja. L-imħallfin jistgħu jkunu: imħallfin lokali (okrajni sodniki) , imħallfin distrettwali (okrožni sodniki), imħallfin superjuri (višji sodniki) jew imħallfin supremi (vrhovni sodniki).

L-imħallfin huma rappreżentati mill-Assoċjazzjoni Slovena tal-Imħallfin, li hija membru tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Imħallfin. Is-sħubija fl-Assoċjazzjoni hija volontarja.

Il-bordijiet ġudizzjali jistgħu jinkludi kemm imħallfin professjonali (poklicni sodniki) u mħallfin lajċi (Sodniki porotniki). Meta l-liġi titlob ġudizzju minn bord, il-bord ikun magħmul minn imħallef professjonali bħala President tal-Bord u żewġ imħallfin lajċi bħala membri tal-bord, sakemm il-liġi ma tispeċifikax mod ieħor. Meta l-liġi titlob ġudizzju minn bord b’ħames membri, il-bord ikun magħmul minn imħallef professjonali bħala President tal-Bord, imħallef professjonali oħra, u tliet imħallfin lajċi bħala membri tal-bord, sakemm il-liġi ma tispeċifikax mod ieħor. Kull ċittadin tar-Repubblika tas-Slovenja ta’ mill-inqas 30 sena, li ma jkunx instab ħati b’sentenza finali ta’ reat kriminali minn prosekuzzjoni ex officio, u li jkollu d-dispożizzjoni xierqa u b’mod ġenerali f'saħħa tajba għal kariga ġudizzjarja u jkollu għarfien attiv tal-lingwa Slovena. Il-mandat ta’ mħallef lajk huwa ta’ ħames snin u dawn jistgħu jinħatru mill-ġdid. L-imħallef li jippresjedi qorti superjuri jaħtar u jkeċċi lill-imħallfin lajċi tal-qrati distrettwali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li ogħla.

Il-Kunsill Ġudizzjarju

IlIl-link jinfetaħ f'tieqa ġdida-Kunsill Ġudizzjarju (Sodni svet) huwa l-korp ċentrali responsabbli għar-regolazzjoni tal-professjoni.

Il-Kunsill Ġudizzjarju huwa magħmul minn 11-il membru.

Ħames Membri jiġu eletti mill-Assemblea Nazzjonali, fuq proposta tal-President tar-Repubblika tas-Slovenja, minn għażla ta’ professuri Universitarji tal-liġi u avukati u sitt membri jiġu eletti minn għażla ppreżentata mill-imħallfin li jaħdmu full-time f’kariga ġudizzjarja. Il-membri tal-Kunsill li jagħżlu wieħed mill-membri tagħhom bħala President.

Il-Kunsill Ġudizzjarju għandu s-setgħat li ġejjin:

  • li jipproponi l-kandidati għall-elezzjoni ta' kariga ġudizzjarja lill-Assemblea Nazzjonali;
  • li jipproponi lill-Assemblea Nazzjonali biex jitkeċċali mħallef;
  • li jaħtar u jkeċċi presidenti tal-qrati, ħlief il-president tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja,
  • li jiddeċiedi dwar il-promozzjoni għal funzjoni ġudizzjarja ogħla u dwar promozzjoni iktar mgħaġġla fl-iskala, għall-pożizzjoni ta' mħallef anzjan (svetnik), jew għal kariga ġudizzjarja ogħla, u dwar promozzjoni straordinarja għal funzjoni ġudizzjarja ogħla;
  • li jiddeċiedi dwar l-appelli kontra d-deċiżjoni għat-trasferiment jew kontra l-ħatra f'pożizzjoni ġudizzjarja, f'kariga ġudizzjarja jew f'kariga ta’ mħallef anzjan u kontra d-deċiżjoni ta' klassifikazzjoni f'xi skala;
  • li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta' inkompatibilità tal-funzjonijiet pubbliċi meta jaffettwaw lill-ġudikatura;
  • li jipprovdi opinjoni dwar l-abbozz ta' baġit tal-qrati u li jipprovdi lill-Assemblea Nazzjonali b'opinjoni dwar il-liġijiet li jirregolaw l-istatus, id-drittijiet u d-dmirijiet tal-imħallfin u l-persunal ġudizzjarju;
  • li jadotta kodiċi tal-kondotta ġudizzjarja;
  • li jadotta kriterji għall-għażla ta’ kandidati għal karigi ġudizzjarji wara opinjoni mill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja, u l-kriterji tal-kwalità tal-prestazzjoni tal-imħallfin għall-valutazzjoni tal-kompiti tagħhom;
  • li joħroġ l-approvazzjoni tal-politika dwar id-ditezzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u l-eskopertura tal-qrati għall-korruzzjoni u li jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħha;
  • li jaħtar il-membri tal-Kumitat tal-Etika u l-Integrità (Komisija za etiko f’integriteto);
  • li jisma' u jiddeċiedi dwar ir-raġunijiet ta' appell minn imħallef li jemmen li d-drittijiet legali, jew il-pożizzjoni indipendenti tiegħu, jew l-indipendenza tal-ġudikatura ġew miksura;
  • li jittrattaw kwistjonijiet oħra, jekk ikun definit mil-liġi.

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor bil-liġi, hemm bżonn ta' vot b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kunsill Ġudizzjarju fuq deċiżjonijiet dwar proposti li jikkonċernaw:

  • l-elezzjoni tal-imħallfin;
  • il-ħatra, il-promozzjoni u l-klassifikazzjoni tal-imħallfin fi skali salarjali;
  • appelli kontra d-deċiżjoni ta' trasferiment jew ħatra f'kariga ġudizzjarja, f'kariga ġudizzjarja jew f'kariga ta’ mħallef anzjan;
  • appelli kontra d-deċiżjoni ta' klassifikazzjoni fi skala;
  • it-tkeċċija ta’ mħallfin;
  • kriterji għall-għażla ta’ kandidati għal karigi ġudizzjali u l-kriterji għall-kwalità tal-prestazzjoni tal-imħallfin u l-kriterji għall-kwalità tal-ħidma tal-qrati;
  • ir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Ġudizzjarju.

Avukati

L-Artikolu 137 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja jgħid li l-avukatura (odvetništvo) hija servizz indipendenti u awtonomu fi ħdan is-sistema ġudizzjarja u hija rregolata mil-liġi. L-Att dwar l-Avukati (Zakon o odvetništvu) jgħid li, fil-qadi ta' dmirijiethom, l-avukati (odvetniki) jipprovdu pariri legali, jirrapreżentaw u jiddefendu lill-partijiet quddiem il-qrati u korpi statali oħra, iħejju dokumenti u jirrappreżentaw lil partijiet fir-relazzjonijiet legali tagħhom. Avukat biss jista’ jirrappreżenta bi ħlas parti quddiem qorti, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-liġi;

Kull min jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin jista' jkun avukat:

  1. ikun ċittadin Sloven,
  2. ikollu kapaċità operattiva,
  3. ikun kiseb it-titlu professjonali li ġej fir-Repubblika tas-Slovenja jew ikun kiseb kwalifika ekwivalenti f'pajjiż ieħor, kif rikonoxxut skont il-liġi dwar ir-rikonoxximent u l-evalwazzjoni tal-edukazzjoni:
    • it-titlu professjonali ta' avukat bi grad universitarju,
    • it-titli professjonali ta' baċċillier fil-liġi (NU) u master fil-liġi,
    • it-titlu professjonali ta' master fil-liġi fuq il-bażi ta' programm ta' master tat-tieni ċiklu ta' Bolonja,
  4. ikun għadda mill-eżami Statali fil-liġi,
  5. ikollu erba' snin esperjenza ta' ħidma bħala avukat bi grad universitarju fil-liġi, tal-inqas sena minnhom wara li jkun għadda mill-eżami tal-liġi statali, irid ikun ma' avukat jew ditta ta' avukati, qorti, uffiċju ta' prosekutur statali, uffiċju ta' avukat ġenerali jew nutar f'relazzjoni ta' impjieg regolari konkluż permezz ta' kuntratt ta' impjieg full-time.
  6. ikollu għarfien attiv tal-lingwa Slovena,
  7. ikun ta' min jafdah biex jipprattika bħala avukat,
  8. ikollu t-tagħmir u l-istabbiliment neċessarji biex jipprattika bħala avukat,
  9. ikun għadda minn eżami li jittestja l-għarfien tal-liġi fuq l-avukatura, it-tariffa uffiċjali għad-drittijiet tal-avukati u l-Kodiċi ta' Mġieba għall-Avukati tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Slovena (Odvetniška zbornica Slovenije).

L-Att dwar l-Avukati jgħid li, fil-qadi ta' dmirijiethom, l-avukati:

  • jipprovdu pariri legali,
  • jirrappreżentaw u jiddefendu lill-partijiet quddiem il-qrati u korpi statali oħrajn,
  • iħejju dokumenti, u
  • jirrapreżentaw il-partijiet fir-relazzjonijiet legali tagħhom.

Avukat biss jista’ jirrappreżenta bi ħlas parti quddiem il-qorti; f'ċerti każijiet l-avukat jista' jibgħat prattikant minfloku;

Avukat biss jista' jaġħti pariri lill-akkużat fi proċedimenti kriminali.

F'kawżi ċivili l-parti tista' tkun irrappreżentata quddiem il-qorti lokali minn kull persuna li jkollha kapaċità operazzjonali sħiħa, filwaqt li huma biss l-avukati u persuni oħrajn li jkunu għaddew mill-eżami statali għall-avukati li jistgħu jkunu rappreżentanti awtorizzati quddiem qorti distrettwali, qorti superjuri jew il-Qorti Suprema. Fi proċedimenti b'rimedji straordinarji, madankollu, hija obbligatorja rappreżentanza minn avukat (bl-eċċezzjoni tal-kawżi fejn il-parti jew ir-rappreżentant statutorju tagħhom ikun għadda minn eżami tal-liġi statali).

Ir-rappreżentanza minn avukat hija obbligatorja wkoll fil-proċedimenti kollha quddiem il-qrati skont l-Att dwar is-Saħħa Mentali (Zakon o duševnem zdravju).

Avukat barrani li jkun ingħata d-dritt li jipprattika bħala avukat fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jista' jagħmel dan li ġej fir-Repubblika tas-Slovenja bil-kundizzjonijiet stipulati minn dak l-Att:

  • jipprovdi servizzi ta' avukat li jirrelataw mal-prattika ta' avukat,
  • jipprattika ta' avukat bit-titlu professjonali tal-pajjiż tal-oriġini tiegħu,
  • jipprattika ta' avukat bit-titlu ta' "avukat" (odvetnik).

Il-pajjiż ta' oriġini ta' avukat huwa l-pajjiż fejn ikun intitolat li jipprattika bħala avukat bit-titlu professjonali miksub skont ir-regolamenti ta' dak il-pajjiż.

Skont dan l-Att, avukat minn pajjiż ieħor li huwa Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huwa avukat intitolat li jipprattika bħala avukat fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea bit-titlu professjonali miksub skont ir-regolamenti ta' dak il-pajjiż. Avukat minn pajjiż ieħor li jkun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jiddaħħal fid-direttorju ta' avukati barranin li jistgħu jipprattikaw bħala avukati fir-Repubblika tas-Slovenja bit-titlu professjonali ta' "avukat" bid-drittijiet u d-dmirijiet applikabbli għal avukat prattikanti jekk dik il-persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet statutorji u tgħaddi mill-eżami li jittestja l-għarfien fil-liġi nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja. Iktar dettalji dwar l-eżami u l-proċedura biex wieħed ikun jista' jagħmlu huma stipulati fid-Digriet dwar l-eżami għall-avukati minn pajjiżi oħrajn (Uredba o preizkusnem izpitu za odvetnike iz drugih držav).

L-avukati jistgħu jirreklamaw is-servizzi tagħhom taħt ċerti kundizzjonijiet, peress li l-Att jistabbilixxi l-forom permessi ta’ reklamar. Huwa jista' jipprattika individwalment jew f'ditta tal -avukati. L-organizzazzjoni li tirrappreżenta l-avukati hija l-Assoċjazzjoni tal-Avukati (Odvetniška zbornica Slovenije), li għandha r-regoli u l-istatut tagħha. Id-dritt li tipprattika bħala avukat jinkiseb billi tiddaħħal fid-direttorju tal-avukati li jinżamm mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati tas-Slovenja. Avukati li jilħqu livell partikolari jew speċjalizzazzjoni f'edukazzjoni professjonali jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitolbu lill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Slovena tagħraf l-istatus tagħhom bħala avukat speċjalizzat. Il-ħlas għas-servizzi tal-avukati huma stipulati fit-tariffa uffiċjali għad-drittijiet tal-avukati li tinħareġ mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati wara l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja.

Il-bażijiet ta’ dejta ġuridiċi

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIr-Regolamenti bażiċi li jikkonċernaw lill-avukati jinsabu bl-Ingliż fil-websajt tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati.

L-Assoċjazzjoni tal-Avukati toperaIl-link jinfetaħ f'tieqa ġdidamagna tat-tiftix (bis-Sloven u bl-Ingliż) li tista' tintuża biex tfittex avukat skont:

  • isem,
  • reġjun,
  • għarfien ta' lingwi barranin u
  • setturi tal-attività.

Nutara

Organizzazzjoni

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 137 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja jgħid li n-nutara (notarji) jagħtu servizz pubbliku rregolat mil-liġi. L-Att tan-Nutara (Zakon o notariatu) jgħid li n-nutara għandhom: bħala persuni li jgawdu l-fiduċja tal-pubbliku, iħejju, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Att, dokumenti pubbliċi dwar tranżazzjonijiet legali, dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni jew fatti li jagħtu lok għal drittijiet; iżommu dokumenti, flus u titoli fil-kustodja tagħhom biex jikkunsinnjawhom lil partijiet terzi jew lil korpi tal-Istat; fuq talba tal-qrati, iwettqu l-kompiti li jistgħu jiġu ddelegati lilhom skont il-liġi.

Biex xi ħadd jinħatar nutar irid jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

  1. irid ikun ċittadin tar-Repubblika tas-Slovenja, Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea jew ċittadini tal-Konfederazzjoni Svizzera jew ta' Stat Membru tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp,
  2. irid ikollu kapaċità operattiva u jkun fi stat tajjeb ta' saħħa,
  3. ikun kiseb it-titlu professjonali ta’ avukat b'lawrija universitarja fis-Slovenja jew kiseb it-titolu professjonali ta’ baċċillier fil-liġi (NU) u Master fil-liġi jew ikun kiseb kwalifika ekwivalenti fil-liġi minn barra l-pajjiż li tkun attestata permezz ta’ ċertifikat ta’ kwalifika barranija b’opinjoni mehmuża dwar il-kwalifika jew bid-deċiżjoni li tirrikonoxxi din il-kwalifika għal skopijiet ta’ impjieg jew ċertifikat ta’ nostrifikazzjoni,
  4. ikun għadda mill-eżami Statali fil-liġi,
  5. irid ikollu ħames snin esperjenza ta' xogħol bħala avukat b'lawrija universitarja, li minnhom tal-inqas senaa tkun ma' nutar u sena ma' qorti, ma' avukat jew mal-avukat tal-Istat,
  6. irid jitqies li huwa affidabbli biex iwettaq id-dmirijiet ta’ nutar,
  7. ikollu għarfien attiv tal-lingwa Slovena,
  8. irid ikollu t-tagħmir u l-post xierqa meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet ta’ nutar,
  9. irid ikollu inqas minn 64 sena.

Minkejja l-punt 1 tal-paragrafu preċedenti, ċittadini ta’ pajjiż ieħor li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera jew Stat Membru tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi wkoll jistgħu jinħatru bħala nutara suġġett għar-reċiproċità ġuridika u effettiva.

Id-dmirijiet ta' nutar huma inkompatibbli ma' dawk ta' avukat jew kull kariga jew funzjoni li ssir bi ħlas.

Nutar mhuwiex awtorizzat jieħu sehem f'attivitajiet li jkunu inkompatibbli mar-rispettabilità u l-integrità meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet ta' nutar jew li jistgħu jimminaw il-kunfidenza fl-imparzjalità tan-nutara jew fil-kredibilità tad-dokumenti li jfassal.

Nutar jinħatar biex jokkupa post vakanti mill-ministru responsabbli mill-ġustizzja. Qabel il-ħatra ta' nutar il-ministru jikseb l-opinjoni tal-Kamra Slovena tan-Nutara (Notarska zbornica Slovenije) dwar il-kandidati mressqa. L-għadd ta' nutara huwa limitat u ddeterminat fuq il-bażi ta' kriterji stabbiliti mill-Ministru tal-Ġustizzja. Fil-każ ta' kwalunkwe irregolarità definita mil-liġi, in-nutar jitkeċċa mill-Ministru tal-Ġustizzja. Il-Kamra tan-Nutara hija l-għaqda li tirrappreżenta n-Nutara.

In-Nutara huma meħtieġa bil-liġi li jsiru membri Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidatal-Kamra Slovena tan-Nutara.

Rwol u dmirijiet

In-nutara jipprovdu servizz pubbliku prinċipalment billi jħejju dokumenti pubbliċi u privati li huma importanti ħafna għas-sigurtà tat-tranżazzjonijiet ġuridiċi.

Id-dokumenti pubbliċi li jinħarġu ġeneralment min-nutara huma reġistri nutarili u minuti nutarili. Filwaqt li nutar jista' jħejji kull tip ta' kuntratt bil-miktub għall-partijiet, hemm ċerti tipi ta' kuntratti u statuti ta' kumpaniji pubbliċi u privati b'responsabilità limitata li huma validi biss skont il-liġi Slovena jekk jinħarġu bħala atti nutarili. Nutar jista' jirċievi wkoll testmenti. Barra minn hekk, dokumenti u firem kkuppjati xi drabi jridu jiġu awtentikati minn nutar biex tiġi żgurata l-validità tagħhom quddiem qorti ġudizzjarja. Dokumenti u garanziji jistgħu jiġu depożitati ma' nutar.

Il-bażijiet ta’ dejta ġuridiċi

Il-websajt tal-Kamra tan-Nutara tipprovdi aċċess għal Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidalista tan-nutara kollha fis-Slovenja bl-informazzjoni ta' kuntatt u search engine bażika.

It-tliet reġistri operati mill-Kamra tan-Nutara jistgħu jkunu aċċessati mill-websajt tagħha:

Professjonijiet legali oħrajn

Assistent Ġudizzjarju (sodniški pomočnik)PDF(372 Kb)en

Avukati tal-Istat

Ir-rwol tal-avukati tal-istat (državni pravobranilci) huwa definit fl-Att tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat (Zakon o državnem pravobranilstvu). L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat ( Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDržavno pravobranilstvo) jirrapreżenta lill-Istat, lill-korpi tiegħu u l-organizzazzjonijiet amministrativi tiegħu li huma persuni ġuridiċi quddiem il-qrati u jaqdi doveri oħra skont il-liġi. Il-kompiti tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jitwettqu mill-Avukat Ġenerali tal-Istat (generalni državni pravobranilec), l-avukati tal-istat u l-assistenti tal-avukat tal-istat (pomočniki državnega pravobranilca). L-avukati tal-istat u l-assistenti tal-avukat tal-istat jinħatru mill-Gvern Sloven fuq proposta tal-Ministeru tal-Ġustizzja wara konsultazzjoni mal-Avukat Ġenerali tal-Istat. Il-mandat huwa ta’ tmien snin u jista’ jiġġedded. Il-kundizzjonijiet għall-ħatra għall-kariga ta’ avukat tal-istat huma l-istess bħal tal-uffiċċju ġudizzjarju b’rekwiżiti addizzjonali relatati mal-esperjenza professjonali. L-avukat tal-istat jaqdi dmirijietu skont il-Kostituzzjoni u l-atti ġuridiċi. Irid jirrappreżenta lill-istat ex officio. L-avukati tal-istat u l-assistenti tal-avukati tal-istat għandhom id-dritt għal salarju bażiku skont skala tas-salarji tal-impjieg jinħatru fih. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-inkompatibilità tad-dmirijiet ta’ mħallef japplikaw mutatis mutandis għad-dmirijiet tal-avukat tal-istat. Jirrappreżenta wkoll lir-Repubblika tas-Slovenja fi proċedimenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaInformazzjoni dwar il-professjonijiet ġuridiċi mill-websajt tal-Prosekutur Ġenerali tal-Istat tar-Repubblika tas-Slovenja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaInformazzjoni dwar il-professjonijiet ġuridiċi mill-websajt tal-Kunsill Ġudizzjarju

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaInformazzjoni dwar il-professjonijiet ġuridiċi mill-websajt tal-Ġudikatura Slovena

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaInformazzjoni dwar il-professjonijiet ġuridiċi mill-websajt tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Slovena

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaInformazzjoni dwar il-professjonijiet ġuridiċi mill-websajt tal-Kamra tan-Nutara Sloveni

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaInformazzjoni dwar il-professjonijiet ġuridiċi mill-websajt tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 17/02/2017