Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talbiet għal manteniment - Estonja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

Network gudizzjarju ewropew fil-qasam civili u kummercjali

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Skont il-Kostituzzjoni Estonjana, l-obbligu ta' manteniment huwa d-dmir tal-familja biex tipprovdi għall-membri tagħha fil-bżonn.

Il-benefiċċju tal-manteniment huwa ammont li l-qorti tordna li jitħallas bħala manteniment, ġeneralment mibgħut perjodikament fil-forma ta' flus. Fuq talba tal-persuna intitolata, f'xi każijiet il-qorti tista' tordna illi l-manteniment jitħallas fil-forma ta' somma waħda f'daqqa. Persuna li trid tħallas il-manteniment ta' tifel minuri tista', jekk ikun hemm raġuni valida, titlob sabiex taqdi dmirha b'mezz mhux finanzjarju.

Ġeneralment, l-obbligu tal-ħlas ta' manteniment lil persuna fil-bżonn huwa tal-axxendenti u dixxendenti tagħha fl-ewwel u t-tieni grad - fi kliem ieħor, wild adult, ġenituri u nanniet huma marbuta reċiprokament biex jipprovdu għal xulxin. Il-konjuġi wkoll huma marbuta biex imantnu reċiprokament lill-familja tagħhom bix-xogħol u l-propjetà tagħhom, inklużi l-attivitajiet li jsiru bl-għan li jiġu koperti l-ispejjeż ta' unità domestika konġunta u l-bżonnijiet ordinarji u straordinarji tal-konjuġi u tat-tfal tagħhom. L-obbligu tal-ħlas tal-manteniment lil persuna fil-bżonn jista' jiġi estiż għal konjuġi divorzjat jew lil persuna li ma kinitx miżżewwġa mad-debitur tal-manteniment iżda li flimkien kellhom it-tfal.

Il-manteniment jitħallas fil-forma ta' somma mill-ġenitur ta' tfal minuri, partikolarment jekk huwa ma jgħix mat-tfal tiegħu jew mhux involut fit-trobbija tagħhom. Il-konjuġi divorzjat tal-persuna fil-bżonn irid iħallas il-manteniment jekk, wara d-divorzju u minħabba r-responsabbiltà tal-kura tat-tfal li għandha, ma tistax tipprovdi għaliha nfisha jew minħabba l-età jew xi kundizzjoni medika. Persuna li kellha tarbija ma' persuna li issa għandha bżonn l-għajnuna trid tħallas manteniment għal 12-il ġimgha wara t-twelid tat-tarbija, u wara wkoll, jekk il-mara għandha bżonn l-għajnuna minħabba xi problema ta' saħħa li ġarrbet fit-tqala, fit-twellid jew fit-trobbija tat-tarbija.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

L-età maġġuri hija 18-il sena, u persuna taħt it-18-il sena hija minuri. Minuri għandu dritt jibbenefika mill-manteniment, u fuq kollox huma l-ġenituri tiegħu li jridu jmantnuh, f'ishma indaqs. Minuri li issa għalaq it-18-il sena u baqa' jistudja l-kurrikulu ta' skola primarja jew sekondarja fi skola primarja, skola sekondarja ogħla jew f'istituzzjoni ta' edukazzjoni vokazzjonali wkoll għandu dritt għall-manteniment, iżda biss sakemm jagħlaq 21 sena.

L-axxendenti jew dixxendenti l-oħra li mhumiex kapaċi jmantnu lilhom infushom għandhom dritt jirċievu l-manteniment jekk jiġi determinat illi għandhom bżonn l-għajnuna.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Il-ġenitur ta' tfal minuri jista' jintalab iħallas il-manteniment. Jekk il-ġenitur ma jħallasx volontarjment il-manteniment, tista' ssir talba lill-qorti għal ħlas tal-manteniment. Għal talba ta' manteniment, jrid isir rikors għall-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet ta' ordni għal ħlas ta' manteniment għal tfal jew rikors (kawża għall-manteniment) lill-qorti.  Ma titħallas l-ebda tariffa lill-Istat għal dawn il-miżuri meta ssir talba għal manteniment tal-minuri.

Il-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet relatati ma' ordni għal ħlas hija proċedura simplifikata fejn il-pagament tal-manteniment jista' jiġi ordnat biss jekk jintalab għall-minuri, jidher isem il-ġenitur li jrid iħallas il-manteniment fuq iċ-ċertifikat tat-twelid, il-manteniment ma jaqbiżx EUR 200 fix-xahar u l-ġenitur l-ieħor ma jikkontestax il-ħlas tal-manteniment. Jekk il-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta' ordni ta' ħlas ma jiġux sodisfati, irid isir rikors quddiem il-qorti tal-kontea tar-residenza tat-tfal għall-manteniment.

Għal aktar dettalji dwar il-proċedura mħaffa details għal ordni ta' ħlas f'talba għall-manteniment għat-tfal ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk. Il-formola għar-rikors għal ħlas tal-manteniment tat-tfal hija disponibbli Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

It-tfal minuri għandhom dritt jirċievu l-manteniment. Minħabba li l-minuri għandhom kapaċità ġuridika limitata, huwa r-rappreżentant legali tal-minuri - il-ġenitur li għandu l-kustodja - li jressaq ir-rikors quddiem il-qorti f'isem it-tfal. Jekk ikun ġie maħtur kuratur għat-tfal, il-kawża ssir mit-tutur tiegħu fil-kapaċità tiegħu ta' rappreżentant legali tat-tfal.

Adult li għandha kapaċità ġuridika sħiħa jiftaħ kawża għall-manteniment b'mod indipendenti.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

It-talba lill-qorti biex tordna lil ġenitur iħallas il-manteniment għat-tfal titqis bħala kwistjoni ta' manteniment. Fi kwistjoni ta' manteniment, ir-rikors irid jiġi ppreżentat lill-qorti tal-kontea tar-residenza tat-tfal. Jekk it-tfal ma jgħixux l-Estonja, ir-rikors isir skont fejn huwa residenti l-kovenut. Jekk il-konvenut ma jgħix l-Estonja, ir-rikors isir skont fejn huwa residenti r-rikorrent.

Il-manteniment jista' jintalab ukoll skont il-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet relatati ma' ordni ta' ħlas (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 3).

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

It-talba għall-manteniment tat-tfal quddiem il-qorti teħtieġ kawża li madankollu ma teħtieġx għajnuna legali professjonali jew is-servizzi ta' intermedjarju. Il-qorti tordna l-ħlas tal-manteniment mid-data ta' preżentazzjoni tal-kawża, iżda hija tista' wkoll, abbażi tal-kawża, tordna illi l-manteniment jitħallas retroattivament sa massimu ta' sena qabel ma ġiet ippreżentata l-kawża.

Il-formola tar-rikors għall-ħlas tal-manteniment tat-tfal hija disponibbli Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Ma trid titħallas l-ebda tariffa tal-Istat għal kawża mressqa għall-eżekuzzjoni ta' obbligu tal-manteniment fir-rigward ta' tifel minuri jew għar-rieżami ta' talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet dwar ordni ta' ħlas f'talba għall-manteniment tat-tfal.

Tista' tintalab l-għajnuna legali jew proċedurali biex tkopri l-ispejjeż tal-proċedura.

Fil-każ tal-għajnuna legali, jitqabbad avukat għar-rikorrent mill-Kamra tal-Avukati tal-Estonja. L-irwol tal-avukat huwa li jirrapreżenta u jagħti parir lir-rikorrent fil-proċedimenti. L-għajnuna legali hija disponibbli għal persuni li minħabba l-qagħda finanzjarja tagħhom ma jistgħux iħallsu għas-servizzi ta' espert legali fiż-żmien meta jkollhom bżonn l-għajnuna legali jew jistgħu jħallsu biss parzjalment jew bin-nifs, jew għal persuni f'qagħda finanzjarja li tagħmilha impossibbli li jgħixu bli jkun fadlilhom wara li jkunu ħallsu għas-servizzi legali. L-għoti tal-għajnuna legali ma jeħlisx lill-persuna benefiċjarja mill-ħlas tal-ispejjeż proċedurali l-oħra.

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż proċedurali jistgħu jsiru minn persuni li ma jistgħux iħallsu dawk l-ispejjeż minħabba l-qagħda finanzjarja tagħhom jew minn dawk li jistgħu iħallsuhom biss parzjalment jew bin-nifs. Irid ikun hemm raġuni tajba li tagħti x'taħseb illi l-parteċipazzjoni pjanata fil-proċedimenti se tkun suċċess.

Il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna proċedurali għal persuna fiżika u l-avviż dwar il-qagħda personali u finanzjarja tal-applikant u tal-membri tal-familja tiegħu hija disponibbli Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Il-qorti tista' tordna illi jitħallas ammont fiss jew varjabbli bħala manteniment tat-tfal, u tispeċifika l-bażi għall-kalkolu tal-ammont ta' manteniment. Il-qrati ġeneralment jordnaw illi l-ħlas tal-manteniment isir f'pagamenti fix-xahar. Madankollu l-manteniment fix-xahar għal tifel wieħed ma jistax ikun inqas min nofs il-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern tar-Repubblika (l-ammont ta' manteniment minimu għalhekk kien ta' EUR 177.50 għal kull tifel fl-2014 u EUR 195 fl-2015). Madanakollu, il-qorti tista', jekk ikun hemm raġuni valida, tnaqqas il-manteniment għal taħt il-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern. Raġunijiet validi f'dan il-każ jistgħu jinkludu l-inkapaċità għax-xogħol ta' wieħed mill-ġenituri jew minħabba li l-persuna li trid tħallas il-manteniment għandha nies oħra jiddependu fuqha.

Il-persuna li trid tħallas il-manteniment tista', jekk ikun hemm raġuni valida, titlob li tagħti l-manteniment b'mezz ieħor. Il-ġenituri jistgħu jiftehmu b'mod kunsenswali fuq arranġament dettaljat dwar il-manteniment tat-tfal, u kif u f'liema intervalli għandu jingħata l-manteniment.

L-ammont tal-manteniment jiġi ddeterminat skont il-bżonnijiet tat-tfal u l-istil ta' ħajja normali tagħhom. L-istil ta' ħajja normali tat-tfal jiddependi mill-mezzi finanzjarji tal-ġenituri tagħhom. Jekk jinbidlu r-raġunijiet għall-ħlas tal-manteniment, kull parti tista' tippreżenta rikors il-qorti sabiex titlob żieda jew tnaqqis fil-manteniment. It-tariffa tal-Istat għal kawża biex jinbidel l-ammont ta' manteniment tiġi kkalkulata abbażi tal-ammont involut fil-kawża u l-ammont li bih se jiżdid il-manteniment.

Jekk il-bidla tiġi approvata, l-ammont ta' manteniment jista' jinbidel mid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni - jiġifieri l-arretrati tal-manteniment ma jistgħux jinbidlu.

Fl-Estonja, l-ammont ta' manteniment jinbidel awtomatikament jekk il-manteniment ordnat mill-qorti kien marbut mal-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern u nbidel l-ammont tal-paga minima. L-ammont tal-paga minima fix-xahar jinsab Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

B'mod ġenerali, il-manteniment jitħallas bħala somma ta' flus fix-xahar. Il-persuna li trid tħallas il-manteniment ta' tifel minuri tista', jekk ikun hemm raġuni valida, titlob sabiex taqdi dmirha b'mezzi oħra. Il-manteniment jitħallas fil-forma ta' somma mill-ġenitur ta' tfal minuri, partikolarment jekk huwa ma jgħix mat-tfal tiegħu jew mhux involut fit-trobbija tagħhom. Il-manteniment jitħallas bil-quddiem għal kull xahar tal-kalendarju. Għalkemm il-benefiċjarji tal-manteniment huma t-tfal, il-manteniment normalment irid jitħallas lill-ġenitur l-ieħor. Il-manteniment jista' jitħallas direttament lit-tfal jekk il-ġenituri hekk ikunu ftehmu jew skont deċiżjoni tal-qorti f'dan is-sens.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Jekk is-sentenza tal-qorti li tordna l-ħlas tal-manteniment daħħlet fis-seħħ jew hija suġġetta għal eżekuzzjoni immedjata iżda l-ġenitur l-ieħor ma josservahix, għandu jiġi kkuntattjat bailiff. Jekk id-debitur ma jwettaqx il-pagamenti ndikati fis-sentenza fil-ħin rikjest, abbażi tar-rikors li jkun sar mill-persuna li ħadet miżuri biex tiggarantixxi l-kawża, il-bailiff jipprepara għall-qbid tal-assi tad-debitur. Għall-qbid tal-assi tad-debitur, il-bailiff irid jirċievi s-sentenza tal-qorti flimkien mal-applikazzjoni għall-eżekuzzjoni. Għandha tingħata informazzjoni dwar id-debitur u l-assi tiegħu (residenza, dettalji ta' kuntatt, informazzjoni magħrufa dwar l-assi) fl-applikazzjoni għall-eżekuzzjoni. Jekk l-applikant jixtieq li l-bailiff juża' l-mezzi kollha previsti mil-liġi għall-ġbir tad-dejn, għandu jiġi mniżżel fl-applikazzjoni għall-eżekuzzjoni illi l-applikant qiegħed jagħmel talba għall-ħlas fuq il-propjetà immobbli reġistrata tad-debitur, il-propjetà mobbli u t-titoli. Fi proċedimenti ta' eżekuzzjoni, il-manteniment tat-tfal għandu prijorità fuq talbiet oħra, u l-assi jistgħu jinqabdu f'ammonti ikbar biex jissodisfaw talba għall-manteniment.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Dawk li jridu jħallsu l-manteniment jinħelsu minn dan l-obbligu jekk ma jkunux jistgħu, fid-dawl tal-obbligi l-oħra tagħhom u tal-propjetà tagħhom, jipprovdu manteniment lil persuna oħra mingħajr ma jippreġudikaw l-għajxien tagħhom stess. Minkejja dak li għadu kif intqal, il-ġenituri ma jinħelsux mill-obbligu ta' manteniment lejn it-tfal minuri tagħhom. Qorti tista' teħles persuna obbligata (id-debitur) mill-obbligu tal-manteniment, tillimita l-perjodu ta' żmien għat-twettiq tal-obbligu jew tnaqqas l-ammont ta' manteniment jekk ma jkunx ġust illi l-persuna tintalab tħallas, jekk pereżempju l-persuna intitolata għall-manteniment għandha bżonnu minħabba nuqqas ta' ħsieb fl-aġir tagħha.

Il-kumpens għad-dannu minħabba n-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment u n-nuqqas ta' twettiq tal-obbligu jista' jintalab retroattivament għal massimu ta' sena. Il-preskrizzjoni għall-ħlas tal-manteniment bħala obbligu hija ta' tliet snin għal kull obbligu individwali. Il-preskrizzjoni tibda fl-aħħar tas-sena kalendarja li fiha tista' tintalab it-talba korrispondenti mal-obbligu. L-obbligu tal-manteniment huwa obbligu personali li jintemm mal-mewt tal-persuna intitolata jew obbligata li tħallsu; japplikaw eċċezzjonijiet rigward ħlas bil-quddiem u ammonti ta' tpaċija.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

L-awtorità ċentrali għat-tilwim transfruntier dwar il-manteniment hija l-Ministeru tal-Ġustizzja. L-unità tal-Ministeru tal-Ġustizzja li titratta t-tilwim transfruntier dwar il-manteniment hija d-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali fi ħdan id-Dipartiment tal-Politika Kriminali.

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-għajnuna legali tista' tintalab mal-preżentata ta' rikors il-qorti għall-manteniment. Mhemmx organizzazzjonijiet jew awtoritajiet separati li jipprovdu għajnuna f'każ ta' talbiet domestiċi għall-manteniment.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Ġenitur li jkun qiegħed irabbi t-tfal għandu dritt japplika għal benefiċċju ta' manteniment mill-Istat quddiem il-Bord għas-Sigurtà Soċjali (Sotsiaalkindlustusamet). Dan il-manteniment huwa għajnuna temporanja mill-Istat għall-ġenitur li qiegħed irabbi u jipprovdi għat-tfal tiegħu waħdu. L-Istat iħallas il-manteniment minflok il-ġenitur li mhux iħallas il-manteniment, imbagħad jirkuprah mingħandu f'data sussegwenti.  Il-benefiċċju tal-manteniment mingħand l-Istat jitħallas lil persuna b'rabta mal-proċedimenti tal-qorti fi kwistjoni dwar il-manteniment. Sabiex wieħed jirċievi l-manteniment mill-istat huwa jrid jitlob lill-qorti għal ħlas tal-manteniment jew skont il-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet ta' ordni ta' ħlas jew permezz ta' rikors.

Il-manteniment mill-Istat jitħallas għal perjodu massimu ta' 90 jum. Ir-rata ta' kuljum tal-manteniment tal-istat hija 1/3 tal-allowance tat-tfal (EUR 3.20 fl-2014) u l-manteniment mill-Istat jitħallas darba biss.

Għal aktar informazzjoni dwar kif tapplika għal dan il-benefiċċju, żur din il- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapaġna.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Għall-manteniment skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tista' tinkiseb għajnuna mid-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Għall-manteniment minn pajjiż ieħor, trid issir applikazzjoni lid-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja Estonjan u lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż l-ieħor. Għandu jiġi mehmuż iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tfal jew is-sentenza tal-qorti li tistabbilixxi l-paternità. Jekk il-paternità ma ġietx stabbilita, dan għandu jitniżżel fl-applikazzjoni mibgħuta lill-pajjiż l-ieħor.

Il-formola ta' applikazzjoni hija disponibbli hawnhekk.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Id-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja Estonjan jista' jiġi kkuntattjat bit-telefown fuq in-numri +372 6 208 183, +372 6 208 186 u +372 6 208 190, jew b'ittra elettronika Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidacentral.authority@just.ee.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Talba mingħand applikant li jirrisjedi f'pajjiż ieħor tirċievi l-aħjar attenzjoni jekk tiġi kkuntattjata l-awtorità adattata fil-pajjiż ta' residenza, li mbagħad tikkuntattja lill-Ministeru tal-Ġustizzja Estonjan.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 16.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Il-Protokoll tal-Aja tal-2007 ġie rratifikat mill-Unjoni Ewropea, fejn l-Estonja ilha Stat Membru mill-1 ta' Mejju 2004.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 18.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

F'każijiet transfruntiera fi ħdan l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw talbiet għall-manteniment, huma disponibbli l-għajnuna legali mill-Istat u l-għajnuna proċedurali skont ir-Regolament. Dan jiggarantixxi illi matul il-proċedimenti l-persuna tiġi rappreżentata minn xi ħadd b'esperjenza legali xieraq u li jkollha aċċess għall-ġustizzja għaliex l-ispejjeż proċedurali jkunu koperti. Ir-regoli dwar l-għajnuna legali u l-għajnuna proċedurali jindikaw illi tiġi applikata l-liġi nazzjonali sakemm mhux previst mod ieħor mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009.

Fil-prinċipju, l-istess garanziji li japplikaw għal persuni residenti fl-Estonja japplikaw ukoll għal persuni li jgħixu fi Stat Membri oħra tal-Unjoni Ewropea. F'każ ta' każijiet transfruntiera dwar il-manteniment, huma disponibbli kemm l-għajnuna legali u pariri kif ukoll l-għajnuna legali mill-Istat u l-għajnuna proċedurali mingħand l-awtorità ċentrali, jiġifieri d-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 u, rigward l-oqsma mhux koperti mir-Regolament, skont il-liġi nazzjonali.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Twaqqfet awtorità ċentrali - il-Ministeru tal-Ġustizzja - f'każ ta' kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera. Għall-manteniment skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tista' tinkiseb għajnuna mid-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li tmexxi l-proċedimenti dwar l-applikazzjonijiet internazzjonali għall-għajnuna legali.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 16/10/2017