Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talbiet għal manteniment - Lussemburgu

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

Network gudizzjarju ewropew fil-qasam civili u kummercjali

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Ir-regola li "il-manteniment mhuwiex intiż sabiex ikopri pretensjonijiet preċedenti" tfisser li l-manteniment huwa intiż sabiex ikopri l-bżonnijiet preżenti u futuri, u mhux intiż għar-rimborż ta' spejjeż passati. Din ir-regola għandha l-valur legali ta' preżunzjoni sempliċi, jiġifieri r-regola tista' tiġi injorata jekk il-kreditur iġib il-prova li huwa kellu jiddejjen għall-għajxien tiegħu jew li huwa ma baqax inattiv jew li kien impossibbli għalih li jieħu azzjoni.

Ma jistax isir tajjeb għall-manteniment sakemm il-pretensjoni li għandu jsir tajjeb għaliha ma tirrigwardax ukoll pretensjoni għall-manteniment.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

L-applikant għandu bħala regola jindirizza t-talba tiegħu għall-manteniment lill-Qorti tal-Justice de Paix. Jekk it-talba għall-manteniment hija relatata ma' proċedimenti ta' divorzju jew separazzjoni, il-qorti distrettwali (Tribunal d'arrondissement), li tiddeċiedi dwar id-divorzju jew is-separazzjoni legali, tiddeċiedi wkoll dwar it-talba għall-manteniment.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

F'każ ta' tutela (tutelle) jew kurazija (curatelle), it-tutur jew il-kuratur jista' jressaq talba f'isem wieħed mill-ġenituri jew f'isem minorenni.

Il-ġenitur jew il-ġenituri li għandu / għandhom il-kustodja tal-minorenni jista' / jistgħu jressqu talba f'ismu.

Il-minorenni ma għandux il-personalità ġuridika u ma għandux il-kapaċità sabiex jagħmel talba huwa stess.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Għat-talbiet għal pagament jew għal reviżjoni ta' manteniment, l-applikant jista' jagħżel bejn il-qorti tad-domiċilju tiegħu jew il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Jekk mhuwiex każ ta' divorzju jew separazzjoni, ir-rikorrent jista' iressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Justice de Paix permezz ta' ċitazzjoni li trid tiġi nnotifikata lill-parti l-oħra minn marixxall. Il-partijiet fit-tilwima huma eżentati mill-bżonn ta' avukat.

Jekk il-manteniment qiegħed jintalab fil-kuntest ta' proċeduri ta' divorzju jew ta' separazzjoni legali, titressaq kawża quddiem il-qorti distrettwali permezz ta' ċitazzjoni li trid tiġi nnotifikata lill-parti l-oħra minn marixxall. Il-partijiet fit-tilwima jridu jmorru għand avukat.

F'kull każ, ir-rikorrent irid iressaq lill-qorti d-dokumenti kollha li jippruvaw l-istat ta' bżonn tiegħu. Dawn jikkonsistu fl-estratti tas-salarju, iċ-ċertifikati ta' nontassazzjoni, l-attestazzjoni ta' diżokkupazzjoni jew ta' liv minħabba mard twil, provi ta' renta, tfal dipendenti, spejjeż ta' manteniment u ta' skolarità, dejn, eċċ.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Fost l-ispejjeż li għandu jittieħed kont tagħhom f'każ ta' proċedimenti legali, hemm lok li jissemmew l-ispejjeż legali u l-ispejjeż tal-proċeduri li l-parti li titlef il-kawża tista' tiġi ordnata tħallas (parzjalment jew fl-intier tagħhom). Għandhom jitqiesu wkoll, jekk ikun il-każ, l-onorarji tal-avukat.

Il-persuni bi dħul insuffiċenti skont il-liġi Lussemburgiża jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna legali. Għal dan l-għan, huma jridu jimlew kwestjonarju disponibbli miċ-ċentru tas-servizz tal-għajnuna soċjali u jibagħtuh lill-President tal-Kamra tal-Avukati tat-territorju kompetenti.

L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha marbuta mal-proċedimenti, proċeduri jew atti ġudizzjarji li tkun ingħatat għalihom. Din tkopri pereżempju t-taxxi tal-boll u l-ispejjeż ta' reġistrazzjoni, l-onorarji tal-avukati, l-ispejjeż u l-onorarji tal-marixxalli, l-ispejjeż u l-onorarji tan-nutara, l-ispejjeż u l-onorarji tat-teknixin, l-onorarji tat-tradutturi u tal-interpreti, l-ispejjeż għal certificats de coutume (ċertifikati għal-liġi barranija), l-ispejjeż għall-ivvjaġġar, l-ispejjeż u l-onorarji relatati mal-formalitajiet ta' reġistrazzjoni, ipoteki u assenjazzjoni u fejn meħtieġ l-ispejjeż għall-pubblikazzjoni fil-gazzetti.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

  • It-tip ta' manteniment

Matul il-proċedimenti u wara d-deċiżjoni ta' divorzju jew separazzjoni legali, il-manteniment jieħu fil-biċċa l-kbira tad-drabi l-forma ta' pagament mensili. Madankollu, dan jista' ukoll jieħu l-forma ta' kapital li tista' tikkonsisti f'somma flus jew fl-abbandun ta' beni in rem.

Rigward il-kontribuzzjoni lejn il-manteniment tat-tfal u l-edukazzjoni tal-minorenni, il-manteniment jista' jieħu l-forma ta' pagament kull xahar jew il-pagament dirett (parzjalment jew fl-intier tiegħu) tal-ispejjeż magħmula għall-minorenni. Fl-aħħar, dan jista' jieħu l-forma ta' dritt ta' użu jew ta' abitazzjoni.

Jekk il-parti li qegħdha tintalab tagħti l-manteniment tipprova li ma tistax tħallas il-manteniment, il-qorti tista' tordnalha sabiex tilqa' lill-parti intitolata għal manteniment fid-dar tagħha, tagħtiha x'tiekol u tmantiha.

  • Il-valutazzjoni tal-manteniment

Ma jeżistu ebda skali ta' riferiment. L-ammont tal-manteniment huwa kkalkulat abbażi tal-mezzi finanzjarji tad-debitur u l-bżonnijiet tal-kreditur.

  • L-indiċjar

Sabiex jadatta l-manteniment mal-evoluzzjonijiet tal-għoli tal-ħajja, l-imħallef jista', anki fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jiddeċiedi li l-manteniment ikun marbut ma' indiċi skont klawżola ta' varjazzjoni prevista legalment.

  • Ir-reviżjoni tal-ammont

F'każ ta' tibdil fiċ-ċirkustanzi, il-manteniment jista' jiġi rivedut 'l fuq jew 'l isfel u saħansitra rrevokat. Jekk il-partijiet ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, il-qorti tiddeċiedi dwar ir-revoka jew it-tnaqqis tal-manteniment.

Il-prinċipju tal-varjabbiltà tal-manteniment skont il-bżonnijiet tal-kreditur u l-mezzi finanzjarji tad-debitur huwa prinċipju ta' ordni pubbliku. Dan il-prinċipju jimplika li l-imħallef għandu s-setgħa li jimmodifika l-ammont tal-manteniment li ġie stabbilit bi ftehim bejn il-partijiet. Dan id-dritt japplika mhux biss f'każ ta' tibdil fis-sitwazzjonijiet rispettivi tal-kreditur u tad-debitur, iżda wkoll fin-nuqqas ta' kull bidla, jekk l-imħallef iqis li l-ammont huwa insuffiċjenti jew eċċessiv.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Matul il-proċedimenti u wara l-għoti tad-deċiżjoni ta' divorzju jew ta' separazzjoni legali, il-manteniment jitħallas lill-konjuġi benefiċjarju.

Il-kontribuzzjoni lejn il-manteniment u l-edukazzjoni tal-minorenni titħallas minn wieħed mill-ġenituri lill-ġenitur l-ieħor jew lill-persuna li għandha l-kustodja tal-minorenni. Meta t-tifel isir adult, l-imħallef jista' jiddeċiedi jew il-ġenituri jistgħu jiftehmu bejniethom li din il-kontribuzzjoni titħallas, parzjalment jew fl-intier tagħha, lit-tifel.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Il-kreditur għandu bosta mezzi biex jisforza lid-debitur li ma jikkoperax sabiex iħallas il-manteniment.

Il-liġi ċivili:

Il-kreditur għandu bosta possibiltajiet:

  • Huwa jista' jitlob lill-imħallef sabiex jawtorizzah li jirċievi, għall-esklużjoni tal-ekskonjuġi tiegħu u mingħajr ħsara għad-drittijiet ta' terzi, id-dħul tiegħu, inkluż il-pensjonijiet u r-renti tiegħu, u l-ammonti l-oħra kollha li jistgħu jkunu dovuti minn terzi skont il-proporzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imħallef. Din id-deċiżjoni hija suġġetta għal reviżjoni fil-każ ta' tibdil fiċ-ċirkustanzi.
  • Huwa jista' jitlob għal miżuri ta' eżekuzzjoni ordinarji, jiġifieri s-sekwestru (pereżempju ta' kont bankarju), is-sekwestru ta' beni mobbli (karozza, ġojelli, eċċ) kif ukoll is-sekwestru ta' beni immobbli (dar, artijiet, eċċ.).

Il-liġi kriminali:

Il-kreditur jista' jagħmel ilment kriminali għall-ksur li ġej:

  • Id-delitt tal-abbandun tal-familja huwa punibbli b'ħabs ta' bejn xahar u sena u b'multa ta' bejn EUR 251 sa 2 500, jew waħda biss minn dawn il-pieni (Artikolu 391 bis tal-Kodiċi Kriminali). Dan jissupponi li d-debitur qiegħed jevita' milli josserva xi ftit mill-obbligi li għandu jew l-obbligi tiegħu kollha ta' manteniment fir-rigward tal-kreditur imposti fuqu mil-liġi, billi rrifjuta li jissodisfa dawn l-obbligi meta kellu ċans jagħmel dan jew għax mhuwiex possibbli għalih li jissodisfahom minħabba xi tort tiegħu.

Dan huwa l-każ għall-obbligi ta' manteniment tal-ġenituri fil-konfront tat-tfal tagħhom, dawk ta' bejn il-konjuġi u dawk tal-ġenituri adottivi fil-konfront tat-tfal adottati. Id-delitt ikopri wkoll il-kundanna għad-danni u l-interessi bħala kumpens tad-dannu materjali jew morali kkawżat permezz tax-xoljiment taż-żwieġ.

Il-prosekuzzjoni tal-ksur hija preċeduta permezz ta' ċitazzjoni, fil-forma ta' procès-verbal, imwassla lid-debitur minn uffiċjal tal-pulizija tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Jekk ir-residenza tad-debitur mhijiex magħrufa, iċ-ċitazzjoni mhijiex meħtieġa.

  • Id-delitt ta' insolvenza frawdolenti huwa punibbli b'ħabs ta' bejn is-sitt xhur u t-tliet snin u b'multa ta' bejn EUR 500 sa 12 500, jew waħda biss minn dawn il-pieni (Artikolu 391 ter tal-Kodiċi Kriminali). Dan jissupponi li d-debitur, anki qabel id-deċiżjoni tal-qorti, organizza jew aggrava l-insolvenza tiegħu, billi żied id-dejn tiegħu jew billi naqqas l-assi tiegħu jew billi ħeba uħud mill-beni tiegħu, bl-għan li jevita' l-eżekuzzjoni ta' ordni mogħti minn qorti ċivili fir-rigward tal-manteniment.

Skont l-Artikolu 391ter tal-Kodiċi Kriminali, id-deċiżjonijiet tal-qorti u l-ftehimiet approvati mill-qorti dwar l-obbligu tal-forniment ta' pagamenti, sussidji jew kontribuzzjonijiet lejn l-ispejjeż matrimonjali u l-istabbiliment ta' benefiċċji tal-manteniment inklużi fil-ftehimiet li jippreċedu d-divorzju permezz ta' kunsens reċiproku jitqiesu bħala ekwivalenti għat-tali ordni.

It-tielet paragrafu ma japplikax għad-delitt stipulat fl-Artikolu 391ter tal-Kodiċi Kriminali.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

L-azzjonijiet biex jinġabru l-arretrati ta' renti perpetwi, vitalizji u ta' manteniment huma preskritti wara ħames snin.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Fuq talba mill-kreditur, il-Fond Nazzjonali ta' Solidarjetà (Fonds national de solidarité) jista' jirkupra kull manteniment dovut lil konjuġi, axxendent jew dixxendent. Għas-somom li huwa għandu jirkupra, il-Fond huwa surrogat fid-drittijiet u l-garanziji tal-kreditur għall-irkupru tal-manteniment tiegħu. Ladarba d-debitur ġie nnotifikat bl-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, huwa jrid jagħti dawn l-ammonti lill-President tal-Fond Nazzjonali ta' Solidarjetà.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Il-Fond Nazzjonali ta' Solidarjetà jista', skont ċerti kundizzjonijiet, iħallas il-manteniment minflok id-debitur. It-talba għal pagament trid issir mill-kreditur jew mir-rappreżentant legali tiegħu lill-President tal-Fond Nazzjonali ta' Solidarjetà.

Din it-talba tkun aċċettata mill-President jew mid-delegat tiegħu jekk il-kreditur jipprova li:

  1. huwa għandu d-domiċilju legali tiegħu fil-pajjiż u li huwa jew ir-rappreżentant legali tiegħu ilu jirrisjedi hemmhekk għal ħames snin;
  2. il-manteniment tiegħu ġie stabbilit permezz ta' deċiżjoni mill-qorti li hija eżegwibbli fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu;
  3. l-irkupru totali jew parzjali tal-manteniment ma setax jinkiseb permezz ta' miżura ta' eżekuzzjoni eżerċitata b'mod effettiv skont id-dritt privat;
  4. huwa jinsab f'qagħda ekonomika diffiċli.

Jekk il-kundizzjoni msemmija fil-punt (c) mhijiex sodisfatta, it-talba tiġi milqugħa jekk l-użu ta' miżuri ta' eżekuzzjoni jidher li ma rnexxiex jew jekk id-debitur jirrisjedi barra mill-pajjiż. Kull kontestazzjoni taqa' taħt il-kompetenza tal-kummissarju tal-ġustizzja (juge de paix) tad-domiċilju tal-kreditur, li għandha titressaq kawża quddiemu f'perjodu ta' 40 jum min-notifika tad-deċiżjoni tal-President.

Il-kredituri jistgħu ipso jure jibbenefikaw mill-għajnuna legali. Minn meta tintlaqa' t-talba sat-tmiem tal-pagamenti mill-Fond, il-kreditur ma jistax jieħu xi azzjoni kontra d-debitur biex jirkupra l-manteniment tiegħu.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Skont il-Konvenzjoni ta' New York tal-20 ta' Ġunju 1956 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, ir-rikorrent li jirrisjedi fil-Lussemburgu, jista', jekk id-debitur jirrisjedi barra mill-pajjiż, jagħmel talba lill-Procureur Général d'Etat (Prokuratur Ġenerali tal-Istat) sabiex jikseb il-manteniment.

Il-Procureur Général d'Etat, fil-kapaċità tiegħu ta' awtorità ċentrali, jiffowerdja t-talba u d-dokumenti annessi lill-awtorità ċentrali tal-pajjiż li fih jirrisjedi d-debitur sabiex din l-awtorità ċentrali tgħin lir-rikorrent sabiex jikseb il-pagament tal-manteniment dovut.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Il-kreditur jagħmel it-talba lill-awtorità speditriċi, jiġifieri lill-Procureur Général d'Etat, bl-użu tad-diversi formolarji previsti fir-Regolament (KE) Nru 4/2009.

Procureur Général d'Etat

Cité Judiciaire
Bâtiment CR
L-2080 Luxembourg

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

L-applikant li jirrisjedi f'pajjiż ieħor mil-Lussemburgu jrid jagħmel talba lill-awtorità ċentrali tal-pajjiż li fih huwa jirrisjedi. Huwa ma jistax jagħmel talba direttament lil organizzazzjoni jew dipartiment tal-gvern Lussemburgiż.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Mhux rilevanti.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Fil-każ ta' talbiet skont dan ir-Regolament, l-għajnuna legali hija kompletament b'xejn għall-kredituri ta' manteniment ta' anqas minn 21 sena, irrispettivament mill-provvedimenti tal-liġi nazzjonali.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Sabiex l-awtorità ċentrali tkun tista' tagħti l-għajnuna prevista fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment, il-Lussemburgu għadda liġi fit-3 ta' Awwissu 2011 dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u kif ukoll regolament tal-Gran Dukat li jimplimenta l-Artikoli 2u 3 ta' din il-liġi tat-3 ta' Awwissu 2011 (Mémorial A Nru° 175 tat-12 ta' Awwisu 2011).

Dawn il-provvedimenti legali taw lill-Procureur général d’Etat aċċess dirett għal ċerti bażijiet ta' data.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLegilux


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 09/05/2017