Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talbiet għal manteniment - Slovenja

LISTA TAL- KONTENUT

Network gudizzjarju ewropew fil-qasam civili u kummercjali

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Il-manteniment huwa istituzzjoni tal-liġi tal-familja bbażat fuq wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha, il-prinċipju tal-għajnuna reċiproka bejn il-membri tal-familja, jiġifieri il-prinċipju tas-solidarjetà familjali. Il-pagamenti tal-manteniment ġeneralment jitħallsu b’mod volontarju, primarjament minħabba r-rabtiet bejn il-membri tal-familja, iżda jistgħu jiġu eżegwiti wkoll permezz tal-qrati.

Fis-Slovenja il-kelma manteniment hija użata biex tirreferi għall-manteniment tal-(eks)konjuġi, tal-ulied u tal-ġenituri. Hija tfisser manteniment u għajnuna, kif ukoll ħlas ta' manteniment u ta' għajnuna, li l-qorti tikkonċedi lill-ulied. Għalhekk, hija tkopri kulma persuna tkun legalment obbligata tagħti għall-bżonnijiet tal-ħajja tal-ulied jew tal-konjuġi tagħha. It-terminu jista’ jiġi użat ukoll għall-manteniment ta’ ġenituri li ma jkollhomx biżżejjed flus biex imantnu lilhom infushom u għalhekk ikunu obbligati jmantnuhom l-ulied tagħhom. It-terminu jista' jirreferi wkoll għall-pagamenti ta' manteniment bħala ammonti fi flus allokati għall-manteniment.

Il-ġenituri jridu jmantnu lill-ulied tagħhom. (l-Artikolu 103 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

L-ulied adulti jridu jmantnu, fil-limitu tal-kapaċitajiet tagħhom, lill-ġenituri tagħhom jekk dawn ma jkollhomx biżżejjed mezzi għall-għajxien u ma jkunux jistgħu jiksbu dawn il-mezzi. L-ulied adulti mhumiex obbligati jmantnu ġenitur li kien naqas minn dmiru lil dawk l-istess ulied mingħajr ġustifikazzjoni. (l-Artikolu 124 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

Il-konjuġi jew is-sħab ekstramatrimonjali jridu jmantnu lill-ulied minuri tal-konjuġi jew tas-sieħeb ekstramatrimonjali tagħhom li jgħixu magħhom, sakemm il-ġenitur propju tal-ulied jew ġenitur ieħor ma jkunx jista' jmantnihom hu. Dan l-obbligu tal-konjuġi jew is-sħab ekstramatrimonjali jintemm mal-ħall taż-żwieġ jew tal-unjoni ekstramatrimonjali tagħhom mal-omm jew mal-missier tal-ulied, sakemm iż-żwieġ jew l-unjoni ekstramatrimonjali ma tkunx dovuta għall-fatt li miet missier/mietet omm l-ulied. F'dak il-każ il-konjuġi jew sieħeb ekstramatrimonjali li baqa' ħaj irid imantni l-ulied tad-deċedut biss jekk kien jgħix magħhom fiż-żmien meta nħall iż-żwieġ jew l-unjoni ekstramatrimonjali. (l-Artikolu 127 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

Konjuġi li ma għandux mezzi ta’ sussistenza u qiegħed bla xogħol mingħajr ħtija proprja għandu dritt jirċievi għajnuna mill-konjuġi tiegħu, sa fejn ikun jista'. (l-Artikolu 50 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

Konjuġi mingħajr għajnuna għas-sussistenza jista' jitlob għall-manteniment fi proċedimenti ta' divorzju, u f'kawża separata li jrid iressaq fi żmien mid-data li fiha d-divorzju jsir finali. (l-Artikolu 81a tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Il-ġenituri jridu jmantnu lill-ulied tagħhom sakemm isiru adulti, fejn skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħhom jipprovdu għall-għajxien meħtieġ għall-iżvilupp tal-ulied tagħhom.

Jekk l-ulied jattendu regolarment stabbiliment edukattiv, anke jekk ikunu rreġistrati għal studju part-time, il-ġenituri jridu jmantnu lill-ulied sakemm isiru adulti, iżda mhux wara li l-ulied jagħlqu 26 sena.

Il-ġenituri jridu jmantnu lill-ulied li żżewġu jew li jkunu koabitanti f'unjoni ekstramatrimonjali biss jekk il-konjuġi jew sieħeb ekstramatrimonjali tagħhom ma jkunx jista' jmantnihom.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Rigward il-manteniment li wild adult irid iħallas lill-ġenituri tiegħu, il-benefiċjarju u l-parti responsabbli jistgħu jikkonkludu ftehim fil-forma ta' att notarili. (l-Artikolu 130 a tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

Jekk il-ġenituri jiftiehmu dwar il-manteniment tal-ulied, jistgħu jipproponu illi l-qorti tagħti deċiżjoni dwar dan fi proċedura mhux kontenzjuża. Jekk il-qorti tistabbilixxi illi l-ftehim ma jkunx fl-interessi tal-ulied, hija tiċħad din il-proposta. (l-Artikolu 130 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

Konjuġi mingħajr għajnuna għas-sussistenza jista' jitlob għall-manteniment mill-konjuġi tiegħu fi proċedimenti ta' divorzju, u f'kawża separata li jrid iressaq fi żmien sena mid-data li fiha d-divorzju jsir finali. (l-Artikolu 81a tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

F'każ illi ma jintlaħaqx ftehim dwar il-manteniment, trid tinfetaħ kawża quddiem il-qorti kompetenti. Il-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni ratione materiae fuq kwistjonijiet ta' manteniment. (l-Artikolu 32 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Il-kawża trid tinkludi wkoll talba speċifika dwar is-suġġett prinċipali tal-każ u t-talbiet supplimentari, il-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba tar-rikorrent, il-provi li jissostanzjaw dawk il-fatti, u l-informazzjoni li għandu jkollha kull kawża (l-Artikolu 180 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

Skont dak l-Att, ir-rikors irid jinkludi s-suġġett tal-kawża, ir-risposta għal dak ir-rikors, ir-rimedji legali u dikjarazzjonijiet, proposti jew komunikazzjonijiet oħra sottomessi barra l-proċedimenti. Ir-rikors irid jinftiehem u jrid ikun fih dak kollu li huwa meħtieġ għas-seduta ta' smigħ. B'mod partikolari jrid ikun fih: referenza għall-qorti, l-ismijiet u l-indirizzi tar-residenza temporanja jew permanenti tal-partijiet, l-ismijiet tar-rappreżentanti legali jew aġenti tagħhom, is-suġġett tat-tilwima u l-kontenut tad-dikjarazzjoni. Ir-rikorrent irid jiffirma r-rikors sakemm dan ma jkunx possibbli minħabba l-forma tar-rikors. Il-firma oriġinali tar-rikorrent titqies li hija l-firma bl-idejn tiegħu kif ukoll firma elettronika sigura vverifikata permezz ta' ċertifikat kwalifikat. Jekk dikjarazzjoni tinkludi kwalunkwe talba, il-parti għandha tiddikjara fir-rikors il-fatti li qed tirreferi għalihom, u fejn meħtieġ, l-evidenza. (l-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

It-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu mal-ftuħ tal-kawża. It-tariffi tal-qorti għandhom jitħallsu mhux aktar tard minn skadenza stabblilita mill-qorti biex jitħallsu t-tariffi tal-qorti. (l-Artikolu 105a tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Ir-rikorsi jridu jiġu ppreżentati bil-miktub. Rikors bil-miktub jitqies li huwa rikors li ġie miktub bl-idejn jew stampat u ffirmat mir-rikorrent bil-kitba tiegħu stess (rikors f'forma fiżika) jew rikors f'forma elettronika u ffirmat b'firma elettronika sigura vverifikata permezz ta' ċertifikat kwalifikat. Rikors bil-miktub jintbagħat bil-posta, b'mezzi elettroniċi, bit-teknoloġija tal-komunikazzjoni, mibgħut direttament lill-korp jew minn persuna mqabbda professjonalment fil-preżentata tar-rikorsi (fornitur kummerċjali). Ir-rikorsi elettroniċi jiġu mdaħħla fis-sistema ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi. Is-sistema ta' informazzjoni awtomatikament tikkonferma l-wasla tar-rikors lir-rikorrent. Jistgħu jiġu ppreżentati rikorsi wkoll permezz ta’ formola rakkomandata jew ad hoc. (l-Artikolu 105b tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Ir-rikorsi li jridu jiġu nnotifikati lill-parti opposta jridu jiġu sottomessi lill-qorti f'numru ta' kopji kif meħtieġ mill-qorti u mill-parti opposta, u fil-forma permessa mill-qorti. Dan japplika wkoll għad-dokumenti mehmuża. Ir-rikorsi u d-dokumenti mehmuża sottomessi elettronikament li jridu jintbagħtu lill-parti opposta jintbagħtu f'kopja waħda. Il-qorti tagħmel kemm ikollha bżonn kopji elettroniċi jew fotokopji l-parti opposta. (l-Artikolu 106 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili) Id-dokumenti mehmuża mar-rikors jistgħu jkunu oriġinali jew kopji. (l-Artikolu 107 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili). Minkejja l-bażi legali fis-seħħ, il-kundizzjonijiet tekniċi għas-sottomissjoni elettronika, in-notifka u l-ġestjoni tad-dokumenti fi proċedimenti legali għadhom mhumiex sodisfatti.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

It-talbiet għall-manteniment jiġu ppreżentati mir-rappreżentant legali tal-ulied. L-ulied minuri huma ppreżentati mill-ġenituri tagħhom. Jekk l-ulied ikunu tpoġġew fil-foster care, it-talba tiġi sottomessa mit-tutur tal-ulied.

Il-qorti trid tippermetti illi l-ulied li għalqu 15-il sena u li jistgħu jifhmu t-tifsira u l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħhom iwettqu l-azzjonijiet proċedurali tagħhom b'mod indipendenti, bħala partijiet fil-proċedimenti. Ir-rappreżentant legali tal-ulied jista' jwettaq azzjonijiet fil-proċedimenti biss jekk l-ulied ma jiddikjarawx illi se jagħmlu dan minn rajhom. Ulied taħt l-età ta’ 15-il sena jew li l-qorti tistabbilixxi li ma jistgħux jifhmu it-tifsira u l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħhom ikunu rappreżentati minn rappreżentant legali.
Jekk l-interessi tal-ulied u tar-rappreżentant tagħhom ikunu differenti, il-qorti taħtar rappreżentant speċjali għall-ulied. Il-qorti ġġib ruħha wkoll b’dan il-mod f’każijiet oħra, jekk minħabba ċ-ċirkostanzi tal-kawża tiddeċiedi li jkun meħtieġ biex jiġu protetti l-interessi tal-ulied. (l-Artikolu 409 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni ratione materiae fuq kwistjonijiet ta' manteniment. (l-Artikolu 32 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Il-qorti tal-post fejn l-intimat ikollu r-residenza permanenti tiegħu għandha ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. Jekk qorti fis-Slovenja jkollha ġuriżdizzjoni għax l-intimat ikollu residenza temporanja fis-Slovenja, il-qorti ta' fejn l-intimat ikollu residenza temporanja jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. Jekk, minbarra r-residenza permanenti tiegħu l-intimat ikollu wkoll residenza temporanja f'belt oħra, u jista' jiġi preżunt illi, minħabba ċ-ċirkostanzi, ikun se jgħix hemmhekk għal perjodu twil, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni fuq ir-residenza temporanja tal-intimat ikollha wkoll il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. (l-Artikolu 47 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Jekk ir-rikorrent ikun il-persuna li qiegħda titlob għall-manteniment, il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq iż-żona li fiha r-rikorrent ikollu residenza permanenti jew temporanja jkollha wkoll il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. Jekk fi kwistjoni dwar il-manteniment b'element internazzjonali qorti fis-Slovenja jkollha ġuriżdizzjoni għaliex ir-rikorrent ikun minuri b'residenza permanenti fis-Slovenja, il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq iż-żona li l-intimat ikollu residenza permanenti fiha jkollha wkoll il-ġuriżdizzjoni territorjali. Jekk fi kwistjoni dwar il-manteniment, qorti fis-Slovenja jkollha ġuriżdizzjoni minħabba li l-intimat ikollu proprjetà fis-Slovenja li minnha jista’ jitħallas il-manteniment, il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn tinsab dik il-proprjetà jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali. (l-Artikolu 50 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Il-partijiet jistgħu jwettqu atti legali personalment jew permezz ta' prokura. Fi proċedimenti quddiem qorti distrettwali, il-persuna bi prokura tista' tkun biss avukat jew persuna li tkun għaddiet mill-eżami statali għall-avukati. (l-Artikolu 86 u 87 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, t-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu mal-ftuħ tal-kawża. It-tariffi tal-qorti għandhom jitħallsu mhux aktar tard minn skadenza stabblilita mill-qorti biex jitħallsu t-tariffi tal-qorti. (l-Artikolu 105a tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Jekk is-soġġett tat-talba jkun biss id-dritt għall-manteniment statutorju jew talbiet għal ammonti individwali ta’ dan il-manteniment, it-tariffi tal-qrati jiġu evalwati skont il-valur tal-kwistjoni kkonċernata, li tiġi kkalkolata b’mod illi jingħaqdu flimkien tliet xhur kontribuzzjonijiet, sakemm ma jiġix mitlub manteniment għal perjodu ta’ żmien iqsar. (l-Artikolu 23 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti)

Madankollu, jekk il-manteniment qed jiġi mitlub bħala parti minn proċedimenti dwar il-kustodja tal-ulied, it-tariffa tal-qorti li trid titħallas tkun somma fissa ta’ EUR 45 (intestatura 1212 tal-iskeda tat-tariffi taħt l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti).

Iva, l-għajnuna legali hija disponibbli sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-proċedimenti. Il-president tal-qorti distrettwali jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-għajnuna legali. (l-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

Ir-rinunzja, posponiment jew ħlas bin-nifs tat-tariffi tal-qorti iridu jintalbu separatament, b’din it-talba ssir lill-qorti li tkun qed tisma’ l-proċedimenti prinċipali (l-Artikolu 12 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti).

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Il-manteniment jiġi stabbilit bħala somma li titħallas fix-xahar u bil-quddiem, u jista' jintalab malli tinfetaħ kawża għall-manteniment. (l-Artikolu 132c tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

Il-manteniment jiġi determinat tenut kont tal-bżonnijiet tal-intimat u l-kapaċitajiet materjali u ta’ qligħ tad-debitur. (l-Artikolu 129 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

Fl-evalwazzjoni tal-manteniment għall-ulied, il-qorti trid taġixxi fl-aħjar interessi tal-ulied, u tistabbilixxi livell li huwa adegwat sabiex tassigura l-iżvilupp mentali u fiżiku sodisfaċenti tal-ulied. Il-manteniment irid ikopri l-ispejjeż għall-għajxien tal-ulied, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, l-ikel, l-ilbies, iż-żraben, il-kura u l-protezzjoni, l-edukazzjoni, l-iskola, ir-rikreazzjoni, id-divertiment u bżonnijiet speċjali oħra. (l-Artikolu 129a tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari)

Il-qrati jistgħu, fuq talba tal-benefiċjarji jew tal-parti opposta, iżidu, inaqqsu jew jikkanċellaw il-manteniment permezz ta' strument ta' eżekuzzjoni jekk ikun hemm tibdil fil-bżonnijiet tal-ulied jew fil-kapaċitajiet tal-parti opposta li l-ammont ta' manteniment ġie bbażat fuqhom. (l-Artikolu 132 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari).

Il-manteniment stabbilit mill-istrument ta’ eżekuzzjoni jiġi aġġustat darba fis-sena skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumaturi fis-Slovenja. L-aġġustament isir f’Marzu bl-użu taż-żieda kumulattiva fil-prezzijiet għall-konsumatur mix-xahar li fih il-manteniment kien ġie determinat jew aġġustat l-aħħar. Il-fattur ta’ aġġustament għall-manteniment għandu jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja mill-ministru responsabbli għall-familja. Iċ-ċentru għas-servizzi soċjali jinforma lill-kreditur u lid-debitur b’kull aġġustament u bl-ammont il-ġdid ta’ manteniment bil-miktub. L-avviż mid-dipartiment ta’ sigurtà soċjali, flimkien mal-ftehim bil-qorti, id-deċiżjoni finali tal-qorti jew l-att notarili eżekuttiv, jikkosistitwixxi strument eżekuttiv (l-Artikolu 82d tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjari).

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Dan jiġi deċiż mill-qorti. Il-manteniment tal-ulied normalment jiġi depożitat fil-kont bankarju tar-rappreżentant legali tal-ulied. Il-manteniment tal-adulti jiġi ddepożitat fil-kont bankarju tagħhom.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Jekk persuna li trid tħallas il-manteniment ma tissodisfax l-obbligu tagħha biex tħallas il-manteniment b'mod volontarju skont l-istrument eżekuttiv (sentenza, ordni tal-qorti, att notarili eżekuttiv, flimkien ma' avviż tal-għoti tal-manteniment), il-benefiċjarju jista' jissottometti proposta għall-eżekuzzjoni mal-qorti skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Protezzjoni tat-Talbiet Ċivili sabiex jikseb il-ħlas.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Din l-informazzjoni hija disponibbli permezz tal-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika: Proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-qorti

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Iċ-ċentri ta’ assistenza soċjali jipprovdu informazzjoni inizjali dwar il-manteniment.

F'każ illi ma jintlaħaqx ftehim dwar il-manteniment, trid tinfetaħ kawża quddiem il-qorti kompetenti. Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu japplikaw għal assistenza legali bla ħlas fil-forma ta’ rappreżentanza minn avukat u għal eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedimenti.

Jekk il-parti responsabbli tonqos milli tħallas il-manteniment, ir-rappreżentant legali tat-tifel jew il-persuna adulta li tirċievi l-manteniment tista’ tressaq talba ta’ eżekuzzjoni quddiem il-qorti lokali kompetenti. Assistenza biex tiġi kkompletata t-talba għal eżekuzzjoni tiġi pprovduta minn ċentri ta’ assistenza soċjali, qrati lokali, konsulenti legali u l-Fond Pubbliku tal-Boroż ta’ Studju, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manteniment tar-Repubblika tas-Slovenja.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Jekk il-parti responsabbli tonqos milli tħallas il-manteniment, ir-rappreżentant legali tal-minuri jista’ jitlob ħlas ta’ manteniment mill-Fond Pubbliku tal-Boroż ta’ Studju, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manteniment tar-Repubblika tas-Slovenja, iżda biss fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-qorti jew soluzzjoni finali u li tista’ tiġi eżegwita, li tistabbilixxi l-ammont ta’ manteniment u bil-kundizzjoni li r-rappreżentant legali jkun ipprova mingħajr suċċess li jinforza l-ħlas ta’ manteniment hu stess jew ikun ħareġ pretensjoni debitament mimlija biex jinforza l-manteniment barra mill-pajjiż.

Id-dritt għall-manteniment kumpensatorju huwa ta' ulied li għadhom ma għalqux it-18-il sena, u:

  • huma ċittadini tar-Repubblika tas-Slovenja b'residenza permanenti fis-Slovenja,
  • huma ċittadini barranin b'residenza permanenti fis-Slovenja, jekk ikun previst fi trattat internazzjonali jew skont kundizzjonijiet ta' reċiproċità.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Iva. Għajnuna fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ manteniment tiġi pprovduta mill-Fond Pubbliku tal-Boroż ta’ Studju, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manteniment tar-Repubblika tas-Slovenja, li hu nnominat bħala l-awtorità ċentrali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment. Il-Fond Pubbliku tal-Boroż ta’ Studju, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manteniment tar-Repubblika tas-Slovenja ġie nnominat ukoll bħala l-awtorità ċentrali skont il-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għall-ulied u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja u bħala l-aġenzija li tibgħat u li tirċievi skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (New York) dwar l-Irkupru Barra mill-Pajjiż ta’ Manteniment.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Id-dettalji ta' kuntatt huma:

Il-Fond Pubbliku tal-Boroż ta’ Studju, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manteniment (Javni štipendijski, razvojni, invalidski in preživninski sklad Republike Slovenije)

Dunajska cesta 20

1000 Ljubljana

Telefown: +386 1 4720 990

Faks: +386 1 4345 899

Email Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidajpsklad@jps-rs.si

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.jpi-sklad.si/

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Le. skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 4/2009, ir-rikorsi għall-eżekuzzjoni ta’ manteniment iridu jsiru permezz tal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn jirrisjedi r-rikorrent, u wara dan l-awtorità ċentrali tibgħat ir-rikors lill-awtorità ċentrali tas-Slovenja, jiġifieri l-Fond Pubbliku tal-Boroż ta’ Studju, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manteniment.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Ir-Regolament ma jipprevedix il-kuntatti diretti bejn rikorrent li jirrisjedi barra mill-pajjiż u l-Fond Pubbliku tal-Boroż ta’ Studju, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manteniment bħala l-awtorità ċentrali.

Il-komunikazzjoni tittrattaha l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru ta’ residenza tar-rikorrent. L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru ta’ residenza tar-rikorrent tipprovdi l-assistenza kollha fil-preżentazzjoni ta’ rikors mimli b’mod korrett u kif xieraq għall-eżekuzzjoni tal-manutenzjoni fis-Slovenja, u tgħaddi r-rikors, flimkien ma’ kull anness, lill-Fond Pubbliku tal-Boroż ta’ Studju, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manteniment, li jirrevedi ir-rikors, jitlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali jew korrezzjoni jekk ikun meħtieġ, u jirrappreżenta lir-rikorrent fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni quddiem il-qrati u korpi oħra fis-Slovenja.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

/

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

L-għajnuna legali hija disponibbli sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-proċedimenti. Il-president tal-qorti distrettwali jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-għajnuna legali bla ħlas. (l-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

L-għajnuna legali tingħata għal pariri legali, konsulenza legali u servizzi legali oħra previsti mil-liġi, għal kull forma ta' protezzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati kollha b'kompetenza ġenerali u l-qrati speċjalizzati fis-Slovenja, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja u quddiem il-korpi, l-istituzzjonijiet u persuni fis-Slovenja li huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar is-soluzzjoni ekstraġudizzjarja tat-tilwim, u flok il-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja. (l-Artikolu 7 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

Il-benefiċjarji taħt dan l-Att huma: 1. ċittadini Sloveni; 2. ċittadini barranin b'residenza permanenti jew b'permess tar-residenza temporanju fis-Slovenja u l-persuni mingħajr ċittadinanza (apolidi) li jgħixu legalment fis-Slovenja; 3. ċittadini barranin oħra taħt kundizzjonijiet ta' reċiproċità jew taħt kundizzjonijiet u f'każijiet definiti fi trattati internazzjonali vinkolanti fuq is-Slovenja; 4. Organizzazzjonijiet mhux governattivi u assoċjazzjonijiet mhux bi skop ta' qligħ u fl-interess pubbliku li huma reġistrati fir-reġistru korrispondenti skont il-liġi applikabbli, f'tilwim marbut mat-twettiq ta' attivitajiet fl-interess pubbliku jew għal għan li ġew maħsuba għalih; 5. persuni oħra fejn liġi jew trattat internazzjonali li huwa vinkolanti fuq is-Slovenja jipprevedi illi huma intitolati għall-għajnuna legali. (l-Artikolu 10 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

Il-persuni li jistgħu ikunu benefiċjarji tal-għajnuna legali jistgħu jitolbu għaliha matul kull fażi tal-proċedimenti. Matul l-eżami tat-talbiet għall-għajnuna legali, titqies il-qagħda finanzjarja tar-rikorrent, kif ukoll kundizzjonijiet oħra mfissra f’dan l-Att. (l-Artikolu 11 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament, din ir-rinunzja tapplika fil-każijiet kollha fejn it-talba tal-benefiċjarju tkun ibbażata fuq l-Artikolu 56 tar-Regolament u hija marbuta mal-manteniment minħabba relazzjoni bejn ġenituri u ulied u dovut lil persuni taħt il-21 sena.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Ma ġiet adodatta l-ebda miżura sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 11/03/2020