Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talbiet għal manteniment - Slovakkja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

LISTA TAL- KONTENUT

Network gudizzjarju ewropew fil-qasam civili u kummercjali

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Il-benefiċċji u l-obbligi tal-manteniment ġejjin direttament mill-Att Nru 36/2005 li jirregola l-familja u jemenda ċerti liġijiet oħrajn ("l-Att dwar il-Familja"). Skont l-Att dwar il-Familja, l-obbligi ta' manteniment jieħdu l-forom li ġejjin:

a) l-obbligu ta' manteniment tal-ġenituri lejn uliedhom;

b) l-obbligu ta' manteniment tal-ulied lejn il-ġenituri tagħhom;

c) l-obbligu ta' manteniment bejn qraba oħrajn;

d) l-obbligu ta' manteniment bejn il-konjuġi;

e) l-obbligu ta' manteniment bejn ekskonjuġi;

f) appoġġ imħallas lil omm mhux miżżewġa biex ikopri l-manteniment u ċerti spejjeż.

Teoretikament, il-kunċett ta' manteniment, fis-sens usa' tiegħu, ipoġġi r-relazzjonijiet tad-dritt tal-familja ta' natura ekonomika fost oqsma speċifiċi għal relazzjonijiet proprjetarji fid-dritt tal-familja. Id-dipendenza tagħhom fuq l-eżistenza ta' relazzjoni tad-dritt tal-familja personali hija partikolarment evidenti hawnhekk.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

L-obbligu ta' manteniment tal-ġenituri lejn it-tfal huwa dmir legali li japplika sakemm it-tfal ikunu kapaċi jfendu għal rashom. Il-fatt li tifel ikun spiċċa l-iskola obbligatorja ma jfissirx bilfors li jkun kiseb il-kapaċità li jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu. L-obbligu tal-ġenituri ta' manteniment kontinwu lejn uliedhom jiddependi mill-kapaċitajiet, l-opportunitajiet u l-qagħda finanzjarja ta' wliedhom tul it-taħriġ tat-tfal għal impjieg futur, eż bħala studenti universitarji full-time. Li t-tfal isiru tal-età ma għandha l-ebda effett ġuridiku fuq id-durata tal-obbligu ta' manteniment. Il-mument li fih tifel isir ġuridikament "kapaċi jfendi għal rasu" jvarja minn każ għall-ieħor, b'kull wieħed jiġi kkunsidrat individwalment, skont il-merti tiegħu, minn qorti. Il-kapaċità li wieħed ifendi għal rasu normalment tiġi interpretata li tfisser il-kapaċità li jipprovdi għall-bżonnijiet jew spejjeż rilevanti kollha biex jgħix waħdu (jiġifieri bi flusu stess). Din il-kapaċità trid tkun sostenibbli. Introjtu okkażjonali ma jistax jitqies bħala xi ħaġa li tistabbilixxi l-kapaċità biex wieħed jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu.

Fil-prattika, il-qrati joqogħdu fuq il-fatt li l-obbligu ta' manteniment tal-ġenituri huwa flessibbli minħabba li l-parentela mid-demm mhix limitata biż-żmien u għalhekk dan l-obbligu jista' jiġġedded jekk, pereżempju, it-tfal jiddeċiedu li jistudjaw iktar tard jew jekk ma jkunux ammessi fl-Università malli jispiċċaw l-iskola sekondarja. Skont il-ġurisprudenza – meta wieħed iqis in-nuqqas attwali ta' opportunitajiet ta' xogħol għal min ikun għadu kif iggradwa jew spiċċa l-iskola – korsijiet addizzjonali li jippermettulhom isibu impjieg f'qasam li mhux dak li studjaw għalih sa dak il-punt jistgħu jitqiesu wkoll bħala t-tkomplija ta' taħriġ vokazzjonali tal-wild.

Meta wild jibda jaqla' introjtu regolari minn impjieg, impriża ta' negozju, eċċ., il-kompitu tad-deċiżjoni dwar jekk l-obbligu ta' manteniment intemmx isir eħfef. Minħabba s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-eżistenza ta' ħafna iktar forom ta' studju u istituzzjonijiet edukattivi, il-bżonn ta' tagħlim tal-lingwi biex wild ikun jista' jipprattika t-taħriġ tiegħu, korsijiet ta' taħriġ mill-ġdid, tkomplija tal-edukazzjoni, permanenzi ta' studju f'pajjiżi oħra, u l-bżonn li jkollu kwalifiki aħjar, jagħmluha iktar diffiċli għall-qrati li jistabbilixxu l-mument meta wild ikun jibda jfendi għal rasu. Xi wħud minn dawn il-forom (ta' tkomplija tat-taħriġ) jistgħu jkunu meħtieġa, b'mod partikolari, jekk il-ġenitur li jkollu jħallas ikollu mezzi sinifikanti. B'mod parallel għal dan, l-interessi tal-wild, li jirriflettu l-kapaċitajiet u t-talenti tiegħu, iridu jitqiesu sabiex il-wild jitgħallem il-ħiliet adatti għall-impjieg futur. Madankollu huwa leġittimu li dawn il-ħiliet jiġu akkwistati kmieni biex jiġu evitati abbużi tal-manteniment mill-ġenituri billi jintużaw sempliċement biex jiġi evitat ix-xogħol (manifestat pereżempju meta l-ulied jitilfu xogħolhom apposta).

Il-limitu tal-età ta' 18-il sena għandu importanza meta narawh mil-lat proċedurali. Sakemm it-tifel ikun għadu taħt l-età, il-qorti tista' tiftaħ proċedimenti għall-manteniment ex officio; ladarba jsir tal-età, il-proċedimenti jkunu jistgħu jinfetħu biss b'rikors. Rikors, ippreżentat minn wild adult, jista' jkun dirett lejn ġenitur wieħed jew lejn iż-żewġ ġenituri u jrid jiddikjara l-ammont tal-manteniment li qed jitlob u minn meta jrid li jibda jitħallas. Il-qorti trid tibqa' strettament fil-konfini ta' rikors għal ordni ta' manteniment għal wild adult peress li f'dan il-każ ma tkunx qed tittratta kawża ta' protezzjoni ta' tifel taħt l-età skont l-Artikolu 176 et seq. tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili imma proċediment kontenzjuż ordinarju.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Jekk id-debitur u l-benefiċjarju ma jilħqux ftehim, tkun qorti distrettwali bil-ġuriżdizzjoni dovuta li tiddeċiedi dwar obbligu ta' manteniment. Ħlief f'każijiet li jinvolvu obbligu ta' manteniment tal-ġenituri lejn uliedhom, il-qorti tiftaħ il-proċedimenti wara rikors ippreżentat mill-benefiċjarju (ir-rikorrent) kontra d-debitur (l-intimat). Il-proċedimenti dwar il-manteniment għal tfal taħt l-età jistgħu jinfetħu mill-qorti ex officio (l-Artikolu 81(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) minħabba li f'dawn il-każijiet il-qorti jkollha d-dmir tal-kura tal-minuri.

Kulħadd jista' jidher quddiem il-qorti awtonomament bħala parti fi proċediment (jiġifieri jkollhom locus standi) sakemm ikollu l-kapaċità li jikseb id-drittijiet u jassumi l-obbligi bl-azzjonijiet tiegħu stess. Persuni naturali li ma għandhomx locus standi (eż. tfal taħt l-età) iridu jkunu rappreżentati mit-tutur tagħhom (l-Artikolu 22 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Minbarra rappreżentanza statutorja, il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jagħmel distinzjoni wkoll bejn ir-rappreżentanza tal-partijiet fil-proċedimenti bi prokura u rappreżentanza wara deċiżjoni tal-qorti.

Tfal taħt l-età ma jistgħux ikunu rappreżentati minn ġenitur f'kawżi li jikkonċernaw atti ġuridiċi li jistgħu joħolqu kunflitt bejn l-interessi tal-ġenituri u dawk tat-tfal taħt l-età jew bejn l-interessi tat-tfal taħt l-età bejniethom irrappreżentati mill-istess ġenitur. F'din is-sitwazzjoni, il-qorti taħtar tutur ad litem biex jirrappreżenta lit-tfal waqt il-proċedimenti jew waqt att ġuridiku partikolari.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 3.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-ġuriżdizzjoni territorjali hija ddefinita mill-Artikoli 84 sa 89b tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Il-ġuriżdizzjoni in rem hija rregolata mill-Artikoli 9 sa 12 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Il-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni territorjali fl-ewwel istanza (l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma stabbiliti fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Ġeneralment, il-qorti li l-intimat ikun jirrisjedi fil-ġuriżdizzjoni tagħha (jiġifieri l-persuna li r-rikors ikun dirett lejha) hija kompetenti, jiġifieri tapplika r-regola ta' ġuriżdizzjoni territorjali bbażati fuq il-qorti ordinarja tal-intimat. Il-qorti ordinarja li jkollha ġuriżdizzjoni fuq l-intimat hija l-qorti li ċ-ċittadin jirrisjedi fil-ġuriżdizzjoni tagħha jew, jekk ħadd ma jkun residenti, il-qorti li l-persuna tkun qed toqgħod fil-ġuriżdizzjoni tagħha. Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jistipula espliċitament il-każijiet speċjali fejn din ir-regola ma tkunx osservata. Il-qorti li tifel taħt l-età jkun jirrisjedi fil-ġuriżdizzjoni tagħha minħabba arranġament tal-ġenituri jew skont ordni ġudizzjarja, jew fejn ikun jirrisjedi t-tifel għal raġunijiet oħra, hija kompetenti biex tikkunsidra talba għal manteniment (din tissejjaħ ġuriżdizzjoni territorjali skont l-Artikolu 88(1)(c) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Cf. it-tweġibiet għall-mistoqsijiet 3 u 4.

Rikorrent (benefiċjarju) b'locus standi jista' jippreżenta rikors biex jiftaħ il-proċedimenti, jiġifieri mingħajr ma jkun rappreżentat, lill-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni.

L-Artikolu 42(3) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jistipula d-dettalji ġenerali tar-rikors li jiftaħ il-proċedimenti: il-qorti riċevitriċi, il-persuna li tippreżenta r-rikors, il-każ ikkonċernat u x'jixtieq ir-rikorrent, deskrizzjoni u d-data.

Minbarra d-dettalji ġenerali, rikors li jiftaħ il-proċedimenti jrid jipprovdi ċerta informazzjoni speċifika kif stipulat fl-Artikolu 79 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Rikors li jiftaħ proċedimenti tal-manteniment irid jispeċifika wkoll l-ammont tal-manteniment mitlub u minn meta jrid jibda jitħallas. Rikors għal ordni ta' manteniment fir-rigward ta' persuna adulta huwa vinkolanti għall-qorti peress li ma jinvolvix il-protezzjoni ta’ tfal taħt l-età skont it-tifsira tal-Artikolu 176 et seq. tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, imma minflok huwa proċediment kontenzjuż ordinarju.

Ir-rikorsi jistgħu jsiru fuq karta, oralment għar-reġistru fl-uffiċċju tal-qorti, jew b'mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi, inkluż b'faks. Ir-rikorsi relatati mal-merti tal-kawża mibgħuta b'mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jridu jiġu sussegwentement ippreżentati fuq karta jew oralment għar-reġistru fl-uffiċċju tal-qorti fi żmien tlett ijiem; dan l-obbligu ma japplikax għar-rikorsi li jkollhom firma elettronika avvanzata. L-oriġinal ta' rikors mibgħut bil-faks irid jiġi ppreżentat fi żmien tlett ijiem. Rikorsi li ma jkunux ippreżentati fil-ħin imsemmi hawn fuq jiġu injorati.

L-għadd ta' kopji ta' rikors meħtieġ, bl-annessi inklużi, irid jiġi ppreżentat biex il-qorti żżomm kontroparti oriġinali u kull parti tirċievi kopja oriġinali, bl-annessi inklużi kif ikun meħtieġ. Jekk parti tonqos milli tipprovdi l-għadd ta' kopji u annessi meħtieġa, il-qorti tagħmel il-kopji hi a spejjeż tal-parti.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

It-tariffi li jridu jitħallsu għall-atti jew il-proċeduri mmexxija mill-qorti huma rregolati mill-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali Slovakk Nru 71/1992 dwar it-tariffi tal-qorti u l-kopji tal-annotazzjonijiet fil-fedina penali. It-tariffi jinżammu b'referenza għal lista ta' tariffi tal-qorti. Din il-leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll eżenzjonijiet minn tariffi tal-qorti bbażati fuq ċirkostanzi personali jew skont is-suġġett.

Fil-kuntest tal-manteniment, id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma importanti:

Il-proċedimenti relatati mal-protezzjoni ġudizzjarja tat-tfal huma fost dawk eżentati fuq il-bażi tas-suġġett. Dan ifisser li l-proċedimenti relatati mat-talbiet għal manteniment ta' tfal taħt l-età huma eżenti wkoll mit-tariffi tal-qorti.

Skont il-kriterji taċ-ċirkostanzi personali, l-eżenzjonijiet mit-tariffi tal-qorti japplikaw:

  • għar-rikorrenti fi proċedimenti għal ordni ta' manteniment, proċedimenti għal żieda fil-manteniment, kif ukoll fi proċedimenti għall-ħlas tardiv tal-manteniment u proċedimenti għar-rikonoxximent jew id-dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà ta' ordni għal manteniment barrani;
  • għall-ommijiet mhux miżżewġin fi proċedimenti għal manteniment u għall-ħlas ta' ċerti spejjeż relatati mat-tqala u mat-twellid.

Il-Partita 8 fil-Lista ta' Tariffi tal-Qorti tikkwota t-tariffi għall-proċedimenti relatati għat-talbiet għal manteniment bejn miżżewġin u bejn eksmiżżewġin:

Il-Partita 8


a) għar-rikorsi li jitolbu manteniment bejn il-miżżewġin, bejn l-eksmiżżewġin u talbiet għal manteniment bejn qraba oħrajn, u għar-rikorsi li jitolbu żieda fil-manteniment

2% tal-valur tat-talba, mhux inqas minn EUR 16.50

b) għal rikorsi li jitolbu t-tnaqqis jew il-kanċellazzjoni ta' manteniment bejn il-miżżewġin, bejn l-eksmiżżewġin jew talbiet għal manteniment bejn qraba oħrajn

2% tal-valur tat-talba, mhux inqas minn EUR 16.50

Meta l-lista tat-tariffi ma tkunx tistipula rata partikolari u l-kawża la tkun taqa' fil-kategorija ta' ċirkostanzi personali u lanqas ma taqa' fil-kategorija tas-suġġett, japplikaw it-tariffi msemmija fil-Partita 1 tal-Lista tat-Tariffi tal-Qorti:

Il-Partita 1


Għal rikors li jiftaħ il-proċedimenti, sakemm ma tkunx stipulata rata speċifika,


a) tal-valur (ħlas) tat-talba jew tal-valur tas-suġġett disputat

6%, mhux inqas minn EUR 16.50, mhux iktar minn EUR 16 596.50, f'kawżi kummerċjali mhux iktar minn EUR 33 193.50

Il-qorti tirreferi lil kull parti li tapplika għall-għajnuna legali u li tissodisfa l-kriterji għal eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti liċ-Ċentru ta' Għajnuna Legali (Centrum právnej pomoci). Il-qorti tinforma wkoll lill-parti b'din il-possibilità (l-Artikolu 30 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Skont l-Artikolu 138(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, il-qorti tista' tikkonċedi eżenzjoni sħiħa jew parzjali mit-tariffi tal-qorti lil parti jekk din tkun iġġustifikata mis-sitwazzjoni tal-parti, bil-kundizzjoni li l-kawża miftuħa ma tkunx arbitrarja u li l-parti mhix qed teżerċita jew tiddefendi jedd li ma jistax manifestament jintrebaħ. Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, eżenzjoni tapplika għall-proċediment sħiħ u hija retroattiva; madankollu, it-tariffi mħallsa qabel id-deċiżjoni ma jiġux rifonduti.

L-Artikoli 138(2) sa (6) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili:

(2) Dawn li ġejjin għandhom ikunu inklużi mar-rikors bħala provi tas-sitwazzjoni tal-parti:

a) formola mimlija, li mudell tagħha jinstab fis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja; jew
b) deċiżjoni dwar diffikultajiet skont leġiżlazzjoni speċjali.
(3) L-imħallef presedenti jew l-imħallef uniku għandu jinforma lill-partijiet l-oħrajn bl-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti fis-seduta ta' wara.
(4) Meta parti tingħata l-għajnuna legali skont leġiżlazzjoni speċjali, dik id-deċiżjoni tinkludi eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti sal-punt tal-għajnuna legali konċessa.
(5) Il-qorti tista' tirrevoka eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti f'kull ħin waqt il-proċedimenti, anke retroattivament, jekk jibda jidher ċar qabel ma jingħalqu kompletament il-proċedimenti li ċ-ċirkostanzi tal-parti ma kinux tali li jkunu jeħtieġu eżenzjoni.
(6) Jekk parti eżentata mit-tariffi tal-qorti taħtar rappreżentant, l-eżenzjoni għandha, sal-ammont eżentat, tapplika wkoll għall-iżborżi u t-tariffi tar-rappreżentant.

Il-mekkaniżmu għall-għoti tal-għajnuna legali u l-metodu biex tingħata miċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali għall-persuni fiżiċi li, minħabba diffikultajiet, ma jistgħux jużaw is-servizzi legali sabiex jeżerċitaw dovutament u jiddefendu jeddijiethom, u sa liema punt tingħata l-għajnuna legali, huma rregolati mill-Att Nru 327/2005 dwar l-għoti ta' għajnuna legali lil persuni żvantaġġjati u li jemenda l-Att Nru 588/2003 dwar il-professjonijiet legali u li jemenda l-Att Nru 455/1991 dwar in-negozji liċenzjati (l-Att dwar in-Negozji), kif emendat, kif emendat mill-Att Nru 8/2005. Il-liġi ta' hawn fuq tistabbilixxi wkoll il-kriterji għall-għoti tal-għajnuna legali, il-proċedura li trid tiġi segwita mill-persuni fiżiċi u mill-awtoritajiet kompetenti fil-proċedimenti relatati ma' applikazzjonijiet għall-għajnuna legali u l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-għoti tal-għajnuna legali.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Fis-Slovakkja, il-liġi ma tispeċifikax l-ammont partikolari tal-manteniment.

Fi kwistjonijiet familjari, il-qrati jridu dejjem jikkunsidraw kull kawża individwalment, abbażi taċ-ċirkostanzi partikolari, u għalhekk il-liġi ma tispeċifika l-ebda ammont partikolari ta' manteniment. Fil-fatt, fi kwistjonijiet familjari, iktar minn kull qasam ieħor, att leġiżlattiv ma jistax jiġbor f'pakkett għal kulħadd id-diversità kollha tal-ħajja.

Skont l-Artikolu 75(1) tal-Att dwar il-Familja, meta tiddetermina l-ammont tal-manteniment il-qorti tqis il-bżonnijiet leġittimi tal-benefiċjarju, kif ukoll il-kapaċitajiet, l-opportunitajiet u l-qagħda finanzjarja tad-debitur. Il-qorti tikkunsidra wkoll il-kapaċitajiet, l-opportunitajiet u l-qagħda finanzjarja tad-debitur f'każijiet fejn, għall-ebda raġuni materjali, id-debitur jitlaq impjieg deċenti jew tajjeb, jew iċedi sors ta' introjtu regolari; hija tqis ukoll kull riskju finanzjarju raġonevoli meħud mid-debitur.

Fil-każ ta' manteniment mill-ġenituri għat-tfal, iż-żewġ ġenituri jridu jikkontribwixxu għall-manteniment ta' wliedhom skont il-kapaċitajiet, l-opportunitajiet u l-qagħda finanzjarja tagħhom. It-tfal għandhom il-jedd li jkollhom l-istess standard tal-għajxien tal-ġenituri. Fid-determinazzjoni tal-ammont ta' manteniment li jrid jitħallas, il-qorti tqis liem ġenitur jieħu ħsieb it-tfal u sa liema punt. Meta l-ġenituri jaqsmu l-kustodja ta' tfal taħt l-età bejniethom, il-qorti tqis ukoll l-ammont ta' żmien fir-residenza ta' kull ġenitur biex tiddetermina l-ammont tal-manteniment, inkella l-qorti tista' tiddeċiedi li sakemm it-tfal ikunu f'residenza li talterna bejn iż-żewġ ġenituri, ma hemmx għalfejn jingħata manteniment.

L-Artikolu 62(3) tal-Att dwar il-Familja jistabbilixxi ammont minimu għall-manteniment (bħalissa EUR 27): Irrispettivament mill-kapaċità, l-opportunitajiet u ċ-ċirkostanzi finanzjarji, kull ġenitur huwa obbligat li jissodisfa l-obbligu ta' manteniment minimu, li huwa 30% tal-minimu ta' sussistenza għal tfal taħt l-età u tfal dipendenti kif stipulat fil-liġi rilevanti.

Skont l-Artikolu 78 tal-Att dwar il-Familja, akkordji u ordnijiet ġudizzjarji fir-rigward ta' talbiet għal manteniment jistgħu jiġu riveduti jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi. Minbarra l-manteniment għat-tfal taħt l-età (cf. l-Artikolu 163(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) ordnijiet ta' manteniment jistgħu jiġu alterati jew ikkanċellati biss wara li ssir talba għal dan. Jekk il-manteniment għal tifel taħt l-età jiġi kkanċellat jew imnaqqas retroattivament għal ċertu perjodu li għadda, kull ammont minfuq ma jiġix rifondut. Meta ċ-ċirkostanzi jinbidlu, jitqies dejjem l-għoli tal-ħajja.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment ġeneralment jitħallas mill-parti responsabbli (id-debitur) lill-benefiċjarju (il-kreditur).

Skont l-Artikolu 76 tal-Att dwar il-Familja, il-manteniment irid jitħallas f'ammonti regolari u rikorrenti dovuti b'xahar 'il quddiem. Talbiet reċiproki jistgħu jitpaċew biss mat-talbiet għall-manteniment bi qbil. Talbiet li jinvolvu l-manteniment għal tfal taħt l-età ma jistgħux jitpaċew. Jekk id-debitur ikun qiegħed tard fil-ħlas ta' manteniment ordnat mill-qorti, il-benefiċjarju huwa intitolat jitlob il-ħlas ta' penali għall-ħlas tardiv fuq l-ammont dovut skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili. Kull ħlas li jsir akkont tal-manteniment jiġi l-ewwel allokat lill-ammont prinċipali u mbagħad, ladarba l-ammont prinċipali jitħallas kollu, jiġi allokat għall-penali għal ħlas tardiv.

Fil-każ ta' manteniment għal tfal taħt l-età, il-qrati stabbilew ġurisprudenza li titlob li l-ġenitur li ma jkollux il-kustodja jħallas il-manteniment lill-ġenitur li jieħu ħsib it-tfal personalment u biex dan jagħmlu sa data partikolari kull xahar.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Il-bailiffs jintużaw biex jaraw li l-ħlasijiet ta' manteniment jiġu eżegwiti. Proċedimenti ta' eżekuzzjoni jinfetħu b'talba għal eżekuzzjoni. Il-proċedura hija rregolata mill-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka Nru 233/1995 dwar l-uffiċjali tal-qorti u attivitajiet ta' sekwestru (l-Att dwar il-Proċedura Eżekuttiva) u li jemenda ċerti liġijiet oħra, kif emendat. Spiss, obbligi ta' manteniment jiġu rkuprati b'sekwestru fuq il-qligħ jew introjtu ieħor tad-debitur. Jekk jingħata mandat eżekuttiv li jimponi l-obbligu li titħallas somma flus, hemm għażliet oħra minbarra s-sekwestru fuq il-qligħ jew introjtu ieħor għall-irkupru ta' manteniment dovut: mandat ta' sekwestru fuq dejn ta' parti terza, il-bejgħ ta' beni mobbli, il-bejgħ ta' titoli, il-bejgħ ta' proprjetà immobbli, il-bejgħ ta' negozju, jew ordni għas-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan. Din tal-aħħar hija partikolarment importanti fil-kuntest ta' rkupru ta' manteniment. Il-bailiff jista' jordna s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan ta' kull min ma jikkonformax ma' ordni ta' manteniment mill-qorti. Il-bailiff jinforma lill-korp tal-pulizija kompetenti bil-mandat eżekuttiv tas-sospensjoni ta' liċenzja tas-sewqan. Malli r-raġunijiet għall-eżekuzzjoni jissolvew, il-bailiff minnufih joħroġ ordni biex titneħħa s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

L-Artikolu 77 tal-Att dwar il-Familja jistipula li ma hemm l-ebda perjodu ta' preskrizzjoni għall-irkupru ta' talbiet għal manteniment. Madankollu, il-manteniment jista' jingħata biss minn dakinhar li jinfetħu l-proċedimenti ġudizzjarji. Il-manteniment ta' tfal taħt l-età jista' jiġi ordnat retroattivament għal mhux aktar minn tliet snin minn dakinhar tal-ftuħ tal-proċedimenti, imma jrid ikun hemm raġunijiet li jkun jistħoqqilhom kunsiderazzjoni speċjali. Hemm perjodu ta' preskrizzjoni għad-drittijiet għal ħlasijiet individwali ta' manteniment rikorrenti.

L-Artikolu 101 tal-Kodiċi Ċivili (l-Att Nru 40/1964) jistabbilixxi l-perjodi preskrittivi kif ġej:

(1) Jedd konċess minn deċiżjoni finali ta' qorti jew awtorità oħra ssir preskritta wara għaxar snin minn dakinhar li l-persuna responsabbli kellha teżegwixxi d-deċiżjoni. Jedd rikonoxxut mid-debitur bil-miktub fir-rigward tar-raġunijiet u s-somma tiegħu jiġi preskritt wara għaxar snin minn dakinhar tar-rikonoxximent; madankollu, jekk fir-rikonoxximent ikun speċifikat limitu taż-żmien, il-perjodu preskrittiv jibda malli jiskadi dak il-limitu taż-żmien.
(2) L-istess perjodu preskrittiv japplika wkoll għall-ħlasijiet bin-nifs individwali li jaqsam il-ħlas fid-deċiżjoni jew fir-rikonoxximent; il-perjodu preskrittiv tal-ħlasijiet bin-nifs individwali jibda minn dakinhar li jsiru dovuti. Jekk id-dejn isir dovut kolluu kemm hu minħabba n-nuqqas ta' ħlas bin-nifs wieħed, il-perjodu preskrittiv ta' għaxar snin jibda minn dakinhar li kellu jitħallas il-ħlas bin-nifs li baqa' ma tħallasx.
(3) L-imgħax u l-ħlas rikorrenti jiġu preskritti wara tliet snin; madankollu, jekk ikunu ngħataw b'finalità jew b'rikonoxximent bil-miktub, dan il-perjodu preskrittiv japplika biss għall-imgħax u l-ħlas rikorrenti li jsir dovut wara li d-deċiżjoni ssir finali jew wara li jsir ir-rikonoxximent.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Ma hemm l-ebda awtorità speċjali maħsuba biex tipprovdi "assistenza" jew għajnuna għall-irkupru ta' manteniment f'kawżi nazzjonali.

F'kawżi li jinvolvu pajjiż barrani, iċ-Ċentru għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ (Centrum pre medzinárodnoprávnu ochranu detí a mládeže) jista' jgħin. Iċ-Ċentru jgħin biex jiġi rkuprat manteniment f'każijiet fejn il-persuna responsabbli tħallas il-manteniment għal tifel li jgħix barra l-pajjiż filwaqt li l-benefiċjarju jkun jgħix fis-Slovakkja jew viċi versa, jiġifieri, jekk il-benefiċjarju jkun jgħix barra l-pajjiż u jkun qed jirkupra l-manteniment mingħand debitur li l-post ta' residenza abitwali tiegħu huwa s-Slovakkja.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

L-Att Nru 201/2008 dwar il-manteniment ta' sostituzzjoni u li jemenda l-Att Nru 36/2005 dwar il-familja u li jemenda ċerti liġijiet, fl-ambitu tat-tifsira tad-Deċiżjoni Nru 615/2006 tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka (Ústavný súd), jipprevedi mekkaniżmu fejn jista' jingħata manteniment ta' sostituzzjoni mill-Istat (l-uffiċċju tax-xogħol, l-affarijiet soċjali u tal-familja – úrad práce, sociálnych vecí a rodiny) lill-benefiċjarji. Il-manteniment ta' sostituzzjoni jagħti kontribuzzjoni għall-manteniment ta' tfal dipendenti f'każijiet fejn id-debitur jonqos milli jħallas kif ikun ordnat jagħmel minn deċiżjoni finali tal-qorti jew skont akkordju approvat mill-qorti.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Iva.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Iċ-Ċentru għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ twaqqaf mill-Ministeru Slovakk għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Familja, li jġestih direttament bħala organizzazzjoni ffinanzjata mill-istat li tipprovdi protezzjoni legali għat-tfal u ż-żgħażagħ meta jkun involut pajjiż barrani. Iċ-Ċentru jkopri s-Slovakkja kollha u ilu jopera mill-1 ta' Frar 1993.

Skont l-Att Nru 195/1998 dwar l-għajnuna soċjali, kif emendat, iċ-Ċentru ġie kklassifikat bħala awtorità governattiva għall-għajnuna soċjali mill-1 ta' Lulju 1998.

Dettalji ta' kuntatt/Indirizz:

Špitálska 8, P. O. BOX 57, 814 99 Bratislava,

Posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidacipc@cipc.gov.sk, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidainfo@cipc.gov.sk,

Tel.: +421 2 2046 3208, +421 2 2046 3248,

Faks: +421 2 2046 3258, linja telefonika bla waqfien (emerġenzi biss) +421 915 405 954.

Fir-Repubblika Slovakka, iċ-Ċentru huwa awtorità ċentrali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ir-"Regolament dwar il-Manteniment") u skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali tal-Appoġġ għat-Tfal u Forom oħra tal-Manteniment Familjari.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Ma tistax tindirizza talba minn barra l-pajjiż direttament liċ-Ċentru. Persuna li tkun qed titlob il-ħlas ta' manteniment u li tkun tgħix f'pajjiż ieħor trid tikkuntattja lill-awtoritajiet kompetenti f'dak il-pajjiż, li mbagħad jirreferu t-talba liċ-Ċentru Slovakk.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

----

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Ir-Repubblika Slovakka hija marbuta mill-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

----

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

F'kawżi ta' manteniment transfruntieri, id-dispożizzjonijiet tal-għajnuna legali jiddependu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 44(3) tar-Regolament dwar il-Manteniment. L-awtorità ċentrali tas-Slovakkja, iċ-Ċentru għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ, tipprovdi s-servizzi tagħha bla ħlas u ma hemmx bżonn għall-għajnuna legali fi proċedimenti ordinarji għal ordni ta' manteniment jew għal emenda għall-ordni ta' manteniment fis-Slovakkja.

F'każijiet fejn il-proċedimenti jirrikjedu l-għajnuna legali, għajnuna legali b'xejn tingħata lil persuni fiżiċi taħt l-età ta' 21 sena skont l-Artikolu 46. Dan it-tip ta' għajnuna legali huwa pprovdut miċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali skont l-Att Nru 327/2005 dwar l-għoti tal-għajnuna legali lil persuni li għandhom diffikultajiet finanzjarji, kif emendat.

F'każijiet mhux koperti mill-Artikolu 46, l-għajnuna legali tiġi pprovduta b'konformità mal-liġi ta' hawn fuq, bil-kundizzoni li l-applikant jissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà għall-għajnuna legali b'xejn kif stabbilit minn dik l-istess liġi.

Applikanti li mhumiex eliġibbli jridu jħallsu t-tariffi tal-qorti skont l-Att Nru 71/1992 dwar it-tariffi tal-qorti u l-kopji tal-annotazzjonijiet fil-fedina penali. Kawżi li jinvolvu l-manteniment reċiproku bejn it-tfal u l-ġenituri huma eżenti mit-tariffi skont dak l-Att. Applikanti li japplikaw personalment għal ordni ta' manteniment jew għal żieda fil-manteniment huma eżenti wkoll mit-tariffi tal-qorti. Barra minn hekk, l-applikanti kollha jħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti mġarrba minnhom u mir-rappreżentanti tagħhom. Il-partijiet jaqsmu l-ispejjeż komuni tal-proċedimenti pro rata skont l-involviment tagħhom fil-kawża u fil-proċedura. F'kawżi ta' manteniment għal adulti, il-qrati jikkonferixxu lill-applikanti rebbieħa l-ispejjeż neċessarji biex jeżerċitaw jew jiddefendu jedd kontra l-parti telliefa.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

L-awtorità ċentrali kif definita fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament dwar il-Manteniment hija ċ-Ċentru għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ li ġie stabbilit fl-1 ta' Frar 1993. Ma hemm l-ebda bżonn li jiġu adottati miżuri partikolari fir-rigward tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment minħabba li ċ-Ċentru ffunzjona bħala aġenzija tat-trażmissjoni u aġenzija riċevitriċi skont il-ftehimiet internazzjonali (b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar l-Irkupru ta' Manteniment minn Barra l-Pajjiż tal-20 ta' Ġunju 1956) qabel ma beda japplika r-Regolament, peress li kien hemm bżonn biss ta' xi bidliet organizzattivi minuri (bħala persunal) fiċ-Ċentru.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 14/01/2019