Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Medjazzjoni


It-tilwim jista' jiġi riżolt mingħajr rikors għall-qrati. Jekk tinsab f'tilwima ma' ditta, negozjant, min jimpjegak, anki membru ta' familtek, f'pajjiżek jew f'pajjiż barrani u ma tistax issolvi t-tilwima inti stess, tista' tabilħaqq tirrikorri għall-qorti, iżda tista' tikkunsidra wkoll tekniki ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim ("ADR") bħall-medjazzjoni.


Medjazzjoni

Il-medjazzjoni tista' tiġi definita bħala proċess strutturat, li permezz tiegħu żewġ partijiet jew aktar f'tilwima jippruvaw, bejniethom u fuq bażi volontarja, jilħqu ftehim dwar is-soluzzjoni ta' tilwima tagħhom bl-assistenza ta’ parti terza newtrali u kkwalifikata ("medjatur"). Dan il-proċess jista' jinbeda mill-partijiet jew jiġi ssuġġerit jew ordnat minn qorti jew ikun preskritt mil-liġi ta' Stat Membru.

Il-medjatur jgħin lill-partijiet jaslu għal ftehim mingħajr ma fil-fatt jagħti opinjoni dwar xi soluzzjoni possibbli għat-tilwima.

Matul il-medjazzjoni, il-partijiet huma mistiedna jiftħu jew jissoktaw djalogu u jevitaw il-konfrontazzjoni. Huma stess jagħżlu t-teknika għas-soluzzjoni tat-tilwima u għandhom rwol partikolarment attiv fit-tfittxija tas-soluzzjoni li hija l-aktar adatta għalihom. F'każijiet oħrajn, speċjalment f'tilwim li jinvolvi l-konsumaturi, huwa l-medjatur li jsib is-soluzzjoni u jippreżentaha lill-partijiet. Is-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi fuq il-fatt li l-partijiet jilħqu ftehim; jekk il-partijiet ma jilħqux ftehim, il-medjatur ma jimponix soluzzjoni.

Il-medjazzjoni titqies aktar rapida u, ħafna drabi, irħas mill-proċedimenti ordinarji tal-qorti. Hija tevita l-konfrontazzjoni bejn il-partijiet li hija inerenti fi proċedimenti ġudizzjarji u tippermetti lill-partijiet li jżommu r-relazzjoni professjonali jew personali tagħhom lil hinn mit-tilwima. Il-medjazzjoni tippermetti wkoll li l-partijiet isibu soluzzjonijiet kreattivi għat-tilwima tagħhom li huma ma kinux jistgħu jiksbu f'qorti.

Aktar informazzjoni dettaljata tinsab fil-ħarsa ġenerali tal-UE u l-paġni tal-Istati Membri.


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 27/04/2016