Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Il-medjazzjoni fl-Istati Membri - Franza

Minflok ma tmur il‑qorti, għaliex ma ssolvix id-disputa tiegħek permezz tal‑medjazzjoni? Dan huwa mod alternattiv kif issolvi t‑tilwim fejn il‑medjatur jgħin lill‑partijiet biex jilħqu ftehim. Fi Franza, il‑gvern u l‑professjonisti jagħrfu l‑vantaġġi tal‑medjazzjoni.


Lil min għandi nikkuntattja?

Fi Franza ma hemmx awtorità tal-gvern jew ċentrali responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-professjoni ta' medjatur. Attwalment ma hemmx pjanijiet biex tinħoloq waħda.

Madankollu hemm organizzazzjonijiet nongovernattivi li qed jaħdmu fil-qasam tal-liġi tal-familja:

  • L- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAPMF (Association Pour la Médiation Familiale — L-Assoċjazzjoni għall-Medjazzjoni tal-Familja) kellha 700 menbru fl-2012, il-biċċa l-kbira tagħhom medjaturi tal-familja. Din tipprovdi diretorju tal-medjaturi, li huwa faċilment aċċessibbli, għal kull reġjun.
  • Il- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaFENAMEF (Fédération Nationale des Associations de Médiation Familiales — Il-Federazzjoni Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet għall-Medjazzjoni tal-Familja) kellha aktar minn 480 post għall-medjazzjoni tal-familja fl-2012, kif ukoll tipprovdi direttorju li juri l-post tas-servizzi għall-medjazzjoni.

Tista' tikkonsulta wieħed minn dawn:

  • Is- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaCMAP (Centre de Médiation et d’Arbitrage de Paris — Iċ-Ċentru għall-Medjazzjoni u l-Arbitraġġ ta' Pariġi) jittratta tilwimiet bejn negozji (kbar).
  • Fl-2012, l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIEAM (l’Institut d’Expertise, d’Arbitrage et de Médiation — L-Istitut tal-Ispeċjalizzazzzjoni, l-Arbitraġġ u l-Medjazzjoni) ġabar aktar minn 100 espert tal-qorti u speċjalist li jaħdmu għal soluzzjoni fit-tilwim fl-oqsma tal-ekonomija u l-finanzi, il-liġi u t-tassazzjoni, il-mediċina, il-kostruzzjoni u x-xogħlijiet pubbliċi, l-industrija, il-materja prima u t-trasport.
  • L- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaFMCML (Fédération des Médiateurs et Chargés de Mission libéraux — Il-Federazzjoni tal-Medjaturi u tal-Koordinaturi ta' Proġetti) tiġbor fiha madwar 100 espert li jistgħu jkunu wkoll medjaturi apparti r-rwol tagħhom li jagħtu opinjnijiet esperti f'għadd ta' oqsma (il-kostruzzoni, il-proprjetà, l-industrija, is-servizzi, il-kummerċ, kwistjonijiet soċjali u t-tassazzjoni, it-teknoloġija tal-informatika, l-ambjent u kwistjonijiet mediċi u paramediċi).
  • Fl-2012 l- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaFNCM (Fédération Nationale des Centres de Médiation — Il-Federazzjoni Nazzjonali taċ-Ċentri għall-Medjazzjoni) kienet tirrappreżenta 79 ċentru għall-medjazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati, organizzati skont linji reġjonali. Il-membri huma prinċipalment avukati; il-Federazzjoni għandha l-appoġġ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati (Conseil national des barreaux — CNB), u għandha rabtiet numerużi mad-dinja tal-qrati. Fuq il-websajt tagħha huwa disponibbli direttorju.
  • L- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaANM (Association Nationale des Médiateurs — L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Medjaturi) twaqqfet fl-1993; fl-2012 kienet tirrappreżenta madwar 20 assoċjazzjoni u madwar 300 membru li kienu rragruppati fi 11-il delegazzjoni reġjonali. Hija fasslet kodiċi ta’ kondotta nazzjonali għall-medjaturi. Fuq il-websajt tagħha huwa disponibbli direttorju.

F’liema oqsma tal-liġi hemm l-aktar il-possibbiltà ta' riferimenti għal medjazzjoni, jew huma l-aktar komuni?

Skont il-liġi Franċiża, il-Partijiet, jistgħu jirreferu kwistjoni għal medjazzjoni fi kwalunkwe qasam tal-liġi, dejjem jekk il-medjazzjoni ma tfixkilx ir-regoli ta’ politika pubblika li jirregolaw l-imġiba soċjali u ekonomika (ordre public de direction). Pereżempju, mhux se jkun possibbli li jiġi konkluż ftehim ta’ medjazzjoni sabiex jiġu evitati r-regoli mandatorji dwar iż-żwieġ jew id-divorzju.

Il-medjazzjoni tintuża l-aktar spiss f'kawżi familjari (fil-qorti tal-familja, permezz ta' medjatur tal-familja (médiateur familial)) u f'kawżi ta' talbiet żgħar (qabel il-qorti lokali jew il-qorti tad-distrett, permezz ta’ konċiljatur ġuridiku (conciliateur de justice)).

X’inhuma r-regoli?

Referenza għall-medjazzjoni

Kwistjoni tista' tiġi riferuta għall-medjazzjoni bil-kunsens minn qabel tal-partijiet biss.

Jekk il-proċeduri tal-Qorti jkunu diġà nbdew “il-Qorti li tkun qed tisma’ t-tilwima tista’, bil-kunsens tal-partijiet, taħtar parti terza biex taċċerta l-pożizzjoni tal-partijiet u biex tqabbel il-perspettivi tagħhom bil-għan li huma jkunu jistgħu jsibu soluzzjoni fit-tilwima” (l-Artikolu 131-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fl-oqsma speċifiċi tat-twettiq tas-setgħa tal-ġenituri jew ta' miżuri interim f’każ ta’ divorzju, il-Qorti tista’ wkoll tiggwida l-partijiet biex jattendu laqgħa ta’ tagħrif dwar il-medjazzjoni, li tkun b’xejn, u li ma tista' tagħti lok għall-ebda penali (l-Artikoli 255 u 373-2-10 tal-Kodiċi Ċivili).

L-Ordni (ordonnance) Nru 2011-1540 tas-16 ta' Novembru 2011 ittrasponiet id-Direttiva tal-UE 2008/52/KE fil-liġi Franċiża. Id-Direttiva tistabbilixxi qafas maħsub biex jiffaċilita s-soluzzjoni bonarja fit-tilwim ta' bejn il-Partijiet, bl-għajnuna ta’ parti terza, il-medjatur. L-Ordni wessgħet il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva biex kopriet mhux biss il-medjazzjoni transfruntiera iżda wkoll il-medjazzjoni ġewwa l-pajjiż, bl-eċċezzjoni ta’ tilwimiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti tal-impjieg jew li jinvolvu l-liġi amministrattiva taħt is-setgħa sovrana tal-Istat (droit administratif régalien).

Din l-Ordni tas-16 ta' Novembru 2011 temenda l-Att (loi) tat-8 ta' Frar 1995 sabiex jiġi stabbilit qafas ġenerali għall-medjazzjoni. Hija tiddefinixxi l-kunċett ta’ medjazzjoni, tiddeskrivi l-kundizzjonijiet li l-medjatur għandu jissodisfa, u tikkonferma l-prinċipju tal-kunfidenzjalità, li huwa vitali għas-suċċess fil-proċess ta’ medjazzjoni.

L-ordni tikkonferma l-prinċipju li fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri, il-qorti li tkun qed tisma' tilwima tista’ taħtar medjatur, li fil-prattika jista’ jkun ukoll konċiljatur ġuridiku (conciliateur de justice). Il-Qorti ma tistax tiddelega t-tentattivi preliminari fil-konċiljazzjoni lil medjatur, f'każijiet ta' divorzju u separazzjoni. Meta l-partijiet ma jaqblux dwar il-medjazzjoni, il-Qorti tista’ tiġġwidahom biex jiltaqgħu ma' medjatur sabiex jispjegalhom l-iskop u kif taħdem il-medjazzjoni. Kif inhi l-liġi bħalissa, laqgħat ta’ dan it-tip jistgħu jingħataw biss minn konċiljaturi ġuridiku u medjaturi tal-familja.

Id-Digriet (décret) Nru 2012-66 tal-20 ta' Jannar 2012, li jimplimenta l-Ordni msemmija qabel(ordonnance) tas-16 ta' Novembru 2011, idaħħal fil-proċedura tal-Kodiċi Ċivili l-ħames volum (Livre V) fir-rigward tas-soluzzjonijiet amikevoli fit-tilwim, sabiex jiġu ċċarati r-regoli li jirregolaw il-medjazzjoni jew il-konċiljazzjoni kuntrattwali kif ukoll dawk li jirregolaw is-soluzzjonijiet bonarji (procédure participative). Dan il-ħames volum huwa marbut mat-Titolu VI tal-Kodiċi, li għandu x'jaqsam mal-konċiljazzjoni legali u mat-Titolu VI bis, li għandu x'jaqsam mal-medjazzjoni tal-qorti. L-Ordni (décret) Nru 78‑381 tal-20 ta' Marzu 1978 ġiet emendata biex issa tħaddan biss ir-regoli li jirregolaw l-uffiċċju tal-konċiljatur ġuridiku.

Ir-regoli li jirregolaw il-medjazzjoni

Fil-livell nazzjonali, ma jeżisti l-ebda kodiċi tal-kondotta għall-medjaturi.

Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta' Pariġi(Chambre de commerce et d’industrie) stabilixxiet il-kodiċi tal-kondotta tajba, u hija stess tissorvelja l-aderenza miegħu.

Il-medjaturi tal-familja huma ggwidati, kemm jekk huma jissottoskrivu direttament lilhom infushom jew inkella l-korp li jimpjegahom, mill-kodiċi jew il-karti dwar l-etika taż-żewġ federazzjonijiet tal-medjaturi tal-familja l- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAPMF u l- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaFENAMEF. Dawn il-kodiċi jew il-karti jieħdu f’idejhom ir-regoli etiċi tal-medjazzjoni tal-familja adottati fit-22 ta’ April 2003 mill-Kunsill Konsultattiv Nazzjonali Franċiż dwar il-Medjazzjoni tal-Familja (Conseil National Consultatif de la Médiation Familiale, CNCMF). Skont il-websajt tal-APMF, "L-APMF tistabbilixxi l-kodiċi ta’ kondotta għall-professjoni, li jistipulaw ir-regoli etiċi tal-prattika professjonali u l-kundizzjonijiet għall-prattika tal-medjazzjoni tal-familja fi Franza. Dan il-kodiċi jgħodd għal dawk kollha li jipprattikaw din il-professjoni".

F'Marzu 2008 l- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaFNCM approvat kodiċi ta' etika bbażat fuq il-Kodiċi tal-Kondotta Ewropew għall-Medjaturi.

Informazzjoni u taħriġ

Ma hemmx websajt uffiċjali nazzjonali dwar il-medjazzjoni.

Fil-preżent il-leġiżlazzjoni Franċiża ma tipprevedi l-ebda taħriġ speċifiku fil-medjazzjoni, ħlief fi kwistjonijiet tal-familja, fejn id-diploma ta' medjatur tal-familja (diplôme de médiateur familial) iddaħħlet b'digriet (décret) bid-data tat-2 ta' Diċembru 2003 u b'ordni ministerjali (arrêté) bid-data tat-12 ta' Frar 2004.

Il-leġiżlazzjoni tipprevedi taħriġ fil-medjazzjoni tal-familja, li għandu jingħata minn ċentri approvati, u diploma li għandha tingħata mill-prefett reġjonali wara t-tlestija tat-taħriġ jew wara proċess ta’ ċertifikazzjoni li jivvalidaw l-għarfien u l-esperjenza akkwistati mill-medjatur. Iċ-ċentri għat-taħriġ huma approvati mill-Uffiċċju tas-Saħħa u tas-Servizzi Soċjali Reġjonali tagħhom (Direction régionale des affaires sanitaires et sociales, DRASS). F’dawn iċ-ċentri l-istudenti jwettqu 560 siegħa ta’ taħriġ li jkunu mifruxin fuq tliet snin, b’mill-inqas 70 siegħa ta’ prattika. It-taħriġ jintemm b’eżami.

Kemm tiswa l-medjazzjoni?

Meta l-partijiet jirrikorru għall-medjazzjoni bħala metodu alternattiv ta’ kif jissolvew it-tilwimiet, kemm jekk fi proċeduri tal-qorti kif ukoll barra mill-qorti, iridu jitħallsu t-tariffi. Jekk il-partijiet jirrikorru għall-medjazzjoni matul il-proċedimenti fil-qorti, it-tariffa tal-medjatur tista' tiġi koperta mill-għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, it-tariffa tiġi stipulata mill-imħallef li jkun qed jivvaluta l-ispejjeż legali (magistrat taxateur) wara li xogħol il-medjatur jispiċċa, fuq il-preżentazzjoni ta' rapport jew dikjarazzjoni tal-ispejjeż (l-Artikolu 119 tal-Ordni (décret) Nru 91-1266 tad-19 ta' Diċembru 1991).

L-imħallef li jivvaluta l-ispejjeż legali jiffissa l-ammont tad-depożitu u r-remunerazzjoni (l-Artikoli 131-6 u 131-3 tal-Kodiċi Ċivili ta’ Proċedura). Il-leġiżlazzjoni ma tistabbilixxi l-ebda skala preċiża ta’ rimunerazzjoni, u l-kost ta' unità meta jingħata servzz ta' medjazzjoni tal-familja jvarja. Skont ftehim nazzjonali bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Ministeru tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Familja u s-Solidarjetà, id-dipartimenti tal-Fond Nazzjonali għall-Allokkazzjonijiet tal-Familja (Caisse nationale d’allocations familiales, CNAF) u tal-Fond Ċentrali għall-Benefiċċju Reċiproku Agrikolu (Caisse centrale de mutualité sociale agricole, CCMSA), li jirċievu servizz ta' medjazzjoni tal-familja, impenjaw ruħhom li japplikaw skala nazzjonali, li tvarja abbażi tal-introjtu tal-partijiet. Is-sehem finanzjarju li għandhom joħorġu l-Partijiet għal kull laqgħa ta’ medjazzjoni jvarja minn EUR 5 sa EUR 131.21, skont il-valutazzjoni tal-imħallef,

Fi kwistjonijiet familjari, il-Fond Nazzjonali għall-Benefiċċji tal-Familja daħħal fis-seħħ sistema ta’ ftehimiet li tippermetti li l-organizzazzjonijiet jirċievu s-Servizz tal-Medjazzjoni tal-Familja, dejjem jekk jiġu rrispettati ċerti regoli.

Huwa possibbli li l-ftehim ta’ medjazzjoni jkun infurzabbli?

Fejn ma jkunux iddaħħlu fin-nofs il-proċeduri tal-qorti, l-Artikolu 1565 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li ftehim milħuq bejn il-partijiet jista’ jiġi ppreżentat fil-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni fit-tilwima, bil-għan li l-ftehim jiġi infurzat.

Fejn jiddaħħlu l-proċeduri tal-Qorti, l-Artikolu 131-12 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li fuq it-talba tal-partijiet, il-Qorti li tressqet quddiema l-kawża tista’ tapprova l-ftehim li l-partijiet jissottomettulha.

L-Artikolu L111-3 1° tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ta' Infurzar (code des procédures civiles d'exécution) jistipula li ftehimiet li jintlaħqu bil-medjazzjojni tal-Qorti jew b'medjazzjoni barra mill-qorti, li jsiru infurzabbli minn qrati ordinarji jew minn qrati amministrattivi, huma dokumenti infurzabbli.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 13/02/2017