Zamknij

PORTAL JEST JUŻ DOSTĘPNY W WERSJI BETA!

Odwiedź europejski portal „e-Sprawiedliwość” w wersji beta i powiedz nam, co o nim myślisz!

 
 

Ścieżka nawigacji

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Il-medjazzjoni fl-Istati Membri - il-Kroazja


Il-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja, permezz tal-Ministeru tal-Ġustizzja, jipprovdi appoġġ b'saħħtu (leġiżlattiv, finanzjarju, tekniku) għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-medjazzjoni, u sar wieħed mill-iktar partijiet importanti tal-Istrateġija għar-Riforma Ġudizzjarja.

Il-medjazzjoni bil-qorti u barra l-qorti

Il-medjazzjoni tista' ssir f'kull qorti, ordinarja u speċjalizzata, tal-ewwel u tat-tieni istanza (muniċipali, tal-kontea, kummerċjali u l-Qorti Kummerċjali Superjuri) f'kull stadju tal-proċedimenti, u għalhekk sakemm idumu għaddejjin il-proċedimenti fl-appell. Il-medjazzjoni titmexxa esklussivament minn imħallef tal-qorti rilevanti li jkun imħarreġ fil-medjazzjoni u li jkun fil-lista ta' mħallfin medjaturi stabbilita mill-President tal-Qorti permezz ta' assenjazzjoni annwali tad-dmirijiet. Imħallef medjatur ma jista' qatt imexxi medjazzjoni għal tilwima li għaliha jkun ġie maħtur bħala mħallef.

Il-medjazzjoni barra l-qorti ilha għal ħafna snin tiġi mmexxija b'suċċess miċ-Ċentri ta' Medjazzjoni tal-Kamra tal-Ekonomija tal-Kroazja, il-Kamra tal-Artiġjanat u s-Snajja' tal-Kroazja u l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem tal-Kroazja u mill-Assoċjazzjoni tal-Medjazzjoni tal-Kroazja, il-Kamra tal-Avukati tal-Kroazja, l-Uffiċċju tal-Assigurazzjoni tal-Kroazja u l-Uffiċċju għall-Isħubija Soċjali tal-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja.  Madankollu, il-medjazzjoni ma' medjaturi magħżula tista' ssir barra dawn iċ-ċentri.

Skont l-Att dwar il-Medjazzjoni (Narodne novine) (Il-Gazzetta Uffiċċjali tar-Repubbkika tal-Kroazja), Nru 18/11 u r-Regoli dwar ir-Reġistru tal-Medjaturi u l-Istandards għall-Akkreditazzjoni għall-Istituzzjonijiet tal-Medjazzjoni u l-Medjaturi (NN, Nru 59/11), il-Ministeru tal-Ġustizzja imantni r-Reġistru tal-Medjaturi.

Il-Kummissjoni għar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim

Il-Ministeru tal-Ġustizzja stabbilixxa u ħatar il-Kummissjoni għar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, li hija ffurmata minn rappreżentanti tal-qrati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-Uffiċċju għall-Isħubija Soċjali tal-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja, il-Kamra tal-Ekonomija tal-Kroazja, l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem tal-Kroazja, il-Kamra tal-Artiġjanat u tas-Snajja' tal-Kroazja u l-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-mandat tal-Kummissjoni huwa li tissorvelja l-iżvilupp tar-riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim, l-implimentazzjoni tal-programmi eżistenti u tipproponi miżuri għall-promozzjoni tal-iżvilupp tar-riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Il-mandat tal-Kummissjoni jinkludi wkoll l-għoti ta' opinjonijiet u tweġibiet għall-mistoqsijiet li jaqgħu fl-ambitu tagħha.

Waqt il-laqgħa li kellha l-Kummissjoni għar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, li saret fis-26 ta' Novembru 2009, ġie adottat Kodiċi tal-Etika għall-Medjaturi.

Il-Qafas Leġiżlattiv

Il-medjazzjoni bħala mezz biex jinqata' t-tilwim kienet irregolata għall-ewwel darba permezz ta' regolament speċjali - l-Att dwar il-Medjazzjoni (NN, Nru 163/03, li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Ottubru 2003), li integra xi prinċipji tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-medjazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali kif ukoll l-hekk imsejħa Green Paper dwar ir-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim fil-liġi ċivili u kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Att kien emendat fl-2009, u fil-bidu tal-2011 kien ippromulgat Att dwar il-Medjazzjoni ġdid (NN, Nru 18/11), li daħal fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

Flimkien mal-Att dwar il-Medjazzjoni, li huwa l-aktar importanti, hemm liġijiet oħra li jirregolaw din il-kwistjoni, kif ukoll regolamenti ta' implimentazzjoni li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-liġi.

Il-proċess ta' medjazzjoni

Il-proċess ta' medjazzjoni jibda permezz ta' proposta mingħand waħda mill-partijiet tat-tilwima li tiġi aċċettata mill-parti l-oħra, permezz ta' proposta konġunta miż-żewġ naħat għar-riżoluzzjoni bonarja tat-tilwima, jew permezz ta' proposta minn parti terza (pereżempju mħallef waqt proċedimenti l-qorti).

Il-medjaturi huma persuna jew diversi persuni li jmexxu l-medjazzjoni skont ftehim bejn il-partijiet. Il-medjaturi jridu jkunu mħarrġa (l-esperjenza u l-ħila tal-medjatur hija waħda mill-komponenti essenzjali sabiex medjazzjoni tirnexxi), u jkomplu jitħarrġu professjonalment. L-Akkademja Ġudizzjarja hija importanti ħafna fl-organizzazzjoni u t-tmexxija tat-taħriġ għall-medjaturi.

Il-medjazzjoni ssir kif miftiehem bejn il-partijiet. Matul il-medjazzjoni, il-medjatur jiżgura t-trattament ġust u ndaqs tal-partijiet. Matul il-proċedura ta' medjazzjoni huwa jista' jiltaqa' mal-partijiet separatament, u sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor, il-medjatur jista' jagħti informazzjoni u dejta miksuba minn parti lill-oħra biss fejn ikun ingħata permess biex jagħmel dan. Il-medjatur jista' jipparteċipa fit-tfassil tal-ftehim u jagħmel rakkomandazzjonijiet rigward il-kontenut tiegħu.

Ftehim milħuq permezz tal-medjazzjoni jorbot lill-partijiet li jkunu ffirmawh. Jekk il-partijiet ikunu aċċettaw ċerti obbligi skont il-ftehim, huma meħtieġa jwettquhom f'perjodu xieraq. Ftehim li jinkiseb permezz tal-medjazzjoni huwa dokument eżegwibbli jekk ikun fih obbligu li jrid jiġi mwettaq li fir-rigward tiegħu l-partijiet jistgħu jilħqu kompromess, u jekk ikun fih dikjarazzjoni ta' permess dirett għall-eżekuzzjoni (klawżola ta' eżekuzzjoni).

Sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor, kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, filwaqt li bejniethom jaqsmu l-ispejjeż tal-medjazzjoni, jew skont liġi speċjali jew ir-regoli tal-istituzzjonijiet tal-medjazzjoni.

Skont il-maġġoranza tal-esperti fil-qasam tal-medjazzjoni, kull tilwima marbuta mad-drittijiet li l-partijiet huma ħielsa li jiddisponu minnhom hija adattata għall-medjazzjoni u l-partijiet f'kunflitt għandhom dejjem jiġu mħeġġa jsolvu l-kwistjoni bonarjament. Il-medjazzjoni hija partikolarment adattata għat-tilwim dwar in-negozju (pereżempju tilwim kummerċjali), kif ukoll tilwim transfruntier (waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew residenti abitwalment fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea) fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Għandu jiġi nnutat illi t-tilwim transfruntier ma jinkludix id-dwana, it-taxxi jew proċedimenti amministrattivi jew dak it-tilwim marbut mar-responsabbiltà tal-Istat għall-atti jew omissjonijiet fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu.

Ħoloq oħra

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKif issib medjatur

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAktar informazzjoni


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2016