Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Il-medjazzjoni fl-Istati Membri - Portugall

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Portugiż diġà ġew tradotti.

Minflok ma toqgħod tmur il-qorti, għaliex ma ssolvix it-tilwima tiegħek permezz tal-medjazzjoni? Din hija miżura ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR), fejn medjatur jgħin lil dawk involuti f’tilwima biex jilħqu ftehim. Kemm il-gvern u kemm il-professjonisti tal-liġi jagħrfu l-vantaġġi tal-medjazzjoni.


Lil min għandek tikkuntattja?

Il-Portugall għandu korp governattiv ċentralizzat responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-attivitajiet ta’ medjazzjoni – id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja (Direção-Geral da Política de Justiça).

Id-Direttorat Ġenerali huwa dipartiment tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li jinsab:

Av. D. João II, Lote 1.08.01-E, Torre H, Pisos 2/3 1990-097 Lisbona.

Dettalji ta' kuntatt:

  • E-mail Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidacorreio@dgpj.mj.pt
  • Telefown: (+351) 217924000
  • Faks: (+351) 217924048 jew 217924090.

Il-websajt tad-DĠ fiha l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni dwar is-servizzi pubbliċi ta’ medjazzjoni, kif ukoll metodi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

Hija ma tgħidlekx kif issib medjatur, għalkemm fiha listi ta' medjaturi. Ladarba jiġi deċiż li tintuża l-medjazzjoni, skont ir-regoli li jirregolaw is-servizzi pubbliċi ta’ medjazzjoni, jintgħażel awtomatikament medjatur.

Fil-Portugall m’hemm l-ebda organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) li taħdem fil-qasam tal-medjazzjoni. Madankollu, hemm assoċjazzjonijiet privati li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni u programmi ta’ taħriġ għall-medjaturi.

F'liema oqsma l-użu tal-medjazzjoni huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni?

L-użu tal-medjazzjoni huwa ammissibbli f'bosta oqsma.

Il-Portugall adotta miżuri għall-promozzjoni tal-użu tal-medjazzjoni f'oqsma speċifiċi tal-liġi, jiġifieri l-familja, l-impjiegi, materji kriminali, ċivili u kummerċjali.

Il-medjazzjoni familjari, tal-impjiegi u dwar materji kriminali għandhom l-istrutturi tagħhom, b’medjaturi speċjalizzati f’dawk l-oqsma. Il-medjazzjoni ċivili u kummerċjali ssir bħala parti minn proċess ġudizzjarju fi tribunali tat-talbiet iż-żgħar (Julgados de Paz - Kummissarji tal-Ġustizzja).

Il-medjazzjoni tista' ssir ukoll barra mill-ġuriżdizzjoni tal-qrati msemmija fuq, li hija magħrufa wkoll bħala medjazzjoni ekstraġudizzjarja. Madankollu, dan it-tip ta' medjazzjoni ma jsegwix l-istess proċeduri bħall-materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissarji tal-Ġustizzja peress li, jekk ma jintlaħaqx ftehim matul il-medjazzjoni ekstraġudizzjarja, il-proċess ma jistax jittella' l-qorti għal deċiżjoni bħal fil-każ ta' medjazzjoni ċivili u kummerċjali, fejn ikollhom il-ġuriżdizzjoni l-Kummissarji tal-Ġustizzja.

Hemm regoli speċifiċi li wieħed irid isegwi?

L-użu tal-medjazzjoni huwa għalkollox volontarju.

M’hemm l-ebda kodiċi nazzjonali ta’ mġiba għall-medjaturi. Il-medjaturi jwettqu l-attivitajiet tagħhom skont il-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba għall-Medjaturi, b'ċerti strutturi legali u amministrattivi li jiddefinixxu l-attivitajiet tagħhom u r-rekwiżiti biex wieħed jipprattika l-professjoni tiegħu. Hemm linji gwida dwar kif għandhom jitmexxew is-sessjonijiet ta’ medjazzjoni, il-metodi li jistgħu jintużaw biex ikun hemm komunikazzjoni kostruttiva jew rapport kostruttiv mal-partijiet, u l-mod li bih il-medjaturi jistgħu jipproponu soluzzjonijiet.

L-imġiba tal-medjaturi hija sorveljata minn sistema pubblika ta’ medjazzjoni; It-tip użat jiddependi mill-qasam li jaħdmu fih. Is-sistema pubblika għandha kumitat superviżorju li jissorvelja l-attività ta’ medjazzjoni. Il-kriterji applikati waqt it-taħriġ mogħti lill-medjaturi għandu l-għan li jdaħħal ftit ftit l-etika u l-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi Ewropew.

Kull qasam ta’ medjazzjoni– il-familja, l-impjiegi, l-oqsma kriminali, ċivili u kummerċjali – għandu l-qafas ġuridiku tiegħu b’linji gwida dwar kif titmexxa l-medjazzjoni.

Bħalissa, is-sistemi pubbliċi ta’ medjazzjoni, inkluża l-medjazzjoni ċivili u dik kummerċjali li ssir quddiem il-Kummissarji għall-Ġustizzja, għandhom l-għan li jsolvu t-tilwim fil-Portugall, permezz tal-proċeduri u tal-applikazzjonijiet ipprovduti mil-leġiżlazzjoni Portugiża.

Informazzjoni u taħriġ

Tista’ ssib informazzjoni fit-taqsima tal-medjazzjoni tal-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja.

Il-Portugall iżomm statistika dwar l-użu tal-medjazzjoni. Id-DĠ għall-Politika tal-Ġustizzja jżomm informazzjoni dwar l-għadd ta’ seduti ta’ medjazzjoni li nbdew, l-għadd li ntemmew b'soluzzjoni jew mingħajrha, u l-ħin li ħadet kull seduta.

Il-Portugall m’għandux korp nazzjonali ta’ taħriġ għall-medjaturi, li jiġu mħarrġa minn korpi privati. Dawn il-korsijiet ta' taħriġ huma approvati mill-Ministeru tal-Ġustizzja Portugiż. Biex ikunu approvati jridu jkunu jkopru ċertu għadd ta’ sigħat ta’ tagħlim, ċerti prattiki ta’ tagħlim, u kontenut speċifiku fil-programm li huma konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

Il-korpi privati li jħarrġu lill-medjaturi li japplikaw għall-inklużjoni fil-listi mfassla mid-DĠ għall-Politika għall-Ġustizzja jridu jissodisfaw il-kriterji tat-taħriġ. Il-programm ta’ taħriġ jiżgura li jkollhom il-kapaċità u l-kompetenza professjonali biex isolvu tilwim familjari, tal-impjiegi, kriminali u ċivili permezz tal-medjazzjoni.

Kemm tiswa l-medjazzjoni?

Meta qorti tiddeċiedi li tuża l-medjazzjoni f'tilwim familjari, b'konformità mal-Artikolu 147.C tal-Liġi li tirregola l-kustodja tat-tfal, ma titħallas l-ebda tariffa. Fil-każijiet l-oħra kollha trid titħallas tariffa, bla eċċezzjoni, ħlief f'każijiet fejn tingħata l-għajnuna legali.

Meta l-medjazzjoni ssir fuq inizjattiva tal-partijiet, l-ispejjeż għal kull parti jiddependu mis-suġġett tat-tilwima, kif ġej:

  • Medjazzjoni dwar il-familja: EUR 50 li jridu jitħallsu minn kull parti
  • Medjazzjoni kriminali: eżenti mit-tariffi meta tintalab mill-Prosekutur Pubbliku jew mill-imputat u mill-parti offiża
  • Medjazzjoni fil-qasam tal-impjiegi: EUR 50 li jridu jitħallsu minn kull parti
  • Medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali: EUR 25 li trid titħallas minn kull parti (dan it-tip ta' medjazzjoni tista' ssir quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja u, f'dak il-każ, din it-tariffa titħallas jekk tinstab soluzzjoni).

Meta partijiet bi problemi finanzjarji jkollhom iħallsu tariffi relatati mal-proċess ta' medjazzjoni, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna legali u jiksbu eżenzjoni mill-korp kompetenti (l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali – Instituto de Segurança Social).

Ħoloq Utli

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaId-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBord ta' Sorveljanza għat-Tribunali tat-Talbiet iż-Żgħar


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 29/12/2017