Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Liġi tal-Istat Membru - Awstrija

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Ġermaniż diġà ġew tradotti.

Introduzzjoni – Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali Awstrijaka u deskrizzjoni ġenerali tal-liġi Awstrijaka.


Sorsi tal-liġi

Il-liġi Awstrijaka hija primarjament liġi miktuba. Il-liġi konswetudinarja għandha rwol ristrett ferm. Is-sentenzi tal-iktar qrati superjuri jipprovdu linji gwida importanti dwar l-applikazzjoni tal-liġi, u huma ta’ importanza kbira, iżda r-regola żviluppata mill-ġurisprudenza mhix formalment rikonoxxuta bħala sors tal-liġi.

Il-kostituzzjoni Awstrijaka tiddikjara li r-regoli ġeneralment rikonoxxuti tal-liġi internazzjonali jifformaw parti mil-liġi federali tal-Awstrija, u jipprovdu biex it-trattati internazzjonali jkunu inkorporati fis-sistema legali Awstrijaka, b'leġiżlazzjoni speċifika jew mingħajrha. Il-grad tad-dispożizzjonijiet tat-trattati fis-sistema legali nazzjonali jiġi ddeterminat mill-kontenut tagħhom.

Sabiex trattati internazzjonali li jemendaw jew jikkompletaw il-kostituzzjoni jiġu approvati fil-Kamra Inferjuri tal-Parlament (Nationalrat), jeħtieġu l-istess maġġoranzi speċjali bħal-liġijiet kostituzzjonali federali. Trattati li jemendaw jew jikkompletaw il-liġi statutorja jeħtieġu l-istess kworums bħall-istatuti.

Fil-prinċipju, il-President Federali jikkonkludi trattati internazzjonali fuq it-talba tal-gvern federali jew tal-ministru federali li ngħata s-setgħa minnu. Trattati politiċi u trattati li jemendaw jew jikkompletaw il-leġiżlazzjoni jeħtieġu l-kunsens minn qabel tal-Kamra Inferjuri. Il-President Federali jista’ jagħti s-setgħa lill-gvern federali jew lil membri kompetenti tal-gvern federali biex jikkonkludu kategoriji ta’ trattati internazzjonali li la jkunu politiċi u lanqas jemendaw jew jikkompletaw il-leġiżlazzjoni.

Skont il-kostituzzjoni federali Awstrijaka, kull waħda mid-disa’ provinċji federali (Bundesländer) hija suġġetta għal-liġi kostituzzjonali provinċjali tagħha minbarra li tkun suġġetta għal-liġi kostituzzjonali federali. Il-liġi kostituzzjonali provinċjali ma tridx tkun inkonsistenti mal-liġi kostituzzjonali federali u għalhekk hija subordinata għaliha. Iżda fil-prinċipju, m'hemmx ordni ta' preċedenza bejn l-istatut federali u dak provinċjali. Mill-1988, il-provinċji jistgħu anki jikkonkludu trattati internazzjonali fi kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Fl-affarijiet barranin, madankollu, il-gvern federali jkompli jieħu preċedenza.

Tipi ta' strumenti legali - ġerarkija tas-sorsi tal-liġi

Il-leġiżlazzjoni kostituzzjonali federali trid tgħaddi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa fil-Kamra Inferjuri, mill-inqas nofs il-membri preżenti. Il-leġiżlazzjoni trid tkun espressament maħtura bħala 'att kostituzzjonali' jew 'dispożizzjoni kostituzzjonali'.

Il-liġi statutorja federali teħtieġ il-preżenza ta' mill-inqas wieħed minn tlieta tal-membri tal-Kamra Inferjuri u maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa.

1. Il-prinċipji gwida tal-kostituzzjoni federali

Dawn il-prinċipji gwida li ġejin tal-kostituzzjoni federali huma l-iktar dispożizzjonijiet importanti tas-sistema legali Awstrijaka:

  • il-prinċipju demokratiku,
  • il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri,
  • il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt,
  • il-prinċipju repubblikan,
  • il-prinċipju federali, u
  • il-prinċipju liberali.

Dawn il-prinċipji gwida flimkien jiffurmaw dik li tissejjaħ sistema kostituzzjonali fundamentali (verfassungsrechtliche Grundordnung).

Huma għandhom importanza kostituzzjonali kbira. Kwalunkwe emenda prinċipali għall-kostituzzjoni federali trid tkun approvata permezz ta’ referendum bħala parti mill-proċedura leġiżlattiva. Jekk wieħed mill-prinċipji gwida jiġi abbandunat jew jekk ir-relazzjoni bejn il-prinċipji tinbidel b’mod sostanzjali, il-kostituzzjoni titqies bħala li ġiet riveduta.

2. Il-Liġi primarja u sekondarja tal-UE

L-adeżjoni tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1995 kienet teħtieġ reviżjoni komprensiva tal-kostituzzjoni federali Awstrijaka. Miż-żmien l-adeżjoni tal-Awstrija, is-sistema legali tal-Awstrija kienet ibbażata mhux biss fuq il-liġi kostituzzjonali Awstrijaka iżda anki fuq il-liġi tal-Unjoni Ewropea. Il-fehma prevalenti hija li l-liġi tal-UE tieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali u anki fuq il-liġi kostituzzjonali federali ordinarja, iżda mhux fuq il-prinċipji gwida tal-kostituzzjoni federali.

3. Liġi kostituzzjonali federali 'ordinarja'

Il-liġi kostituzzjonali tiddetermina r-regoli tal-attività politika, minħabba li tispeċifika:

  • l-proċedura leġiżlattiva,
  • l-istatus tal-ogħla entitajiet fl-Istat,
  • r-relazzjoni bejn il-gvern federali u l-provinċji fit-tfassil u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, u
  • l-kontroll tal-attività tal-gvern mill-qrati tal-ġustizzja.

4. Statut federali

Il-prinċipju fundamentali tal-liġi kif stabbilit fil-kostituzzjoni jeħtieġ li l-applikazzjoni tal-liġi fl-amministrazzjoni pubblika u fil-qrati trid titwettaq skont l-istatut. Il-kostituzzjoni federali taqsam il-poteri leġiżlattivi bejn il-gvern federali u l-provinċji.

5. Ir-Regolamenti

Ir-regolamenti (Verordnungen) huma dispożizzjonijiet legali ġenerali magħmula minn awtoritajiet amministrattivi u huma diretti lejn il-persuni kollha suġġetti għal-liġi. Il-kostituzzjoni tagħti awtorizazzjoni ġenerali, normalment fil-liġi statutorja, biex tara li r-regolamenti ta' implimentazzjoni jelaboraw ir regoli stabbiliti f'iktar dispożizzjonijiet. Ir-regolamenti jistgħu jemendaw jew jikkompletaw l-istatut biss fejn tingħata awtorizzazzjoni speċifika fil-kostituzzjoni.

6. Id-Deċiżjonijiet

Primarjament, id-deċiżjonijiet (Bescheide) huma atti amministrattivi li jeżegwixxu l-liġi u huma diretti biss lejn persuni speċifiċi.

Qafas istituzzjonali

Il-leġiżlatura

Il-kostituzzjonali federali taqsam il-poteri bejn il-gvern federali u l-provinċji, u diversi entitajiet huma involuti fil-proċess leġiżlattiv.

Il-liġi statutorja federali għandha tgħaddi miż-żewġ Kmamar tal-Parlament, il-Kamra Inferjuri (Nationalrat) u l-Kamra Superjuri (Bundesrat). Il-183 membru tal-Kamra Inferjuri jiġu eletti direttament mill-poplu. Il-membri tal-Kamra Superjuri jiġu eletti mill-kunsilli provinċjali (Landtage). Bħala regola, il-Kamra Superjuri hija intitolata biss biex tressaq oġġezzjoni sospensiva għal abbozz tal-liġi.

Il-liġi statutorja provinċjali tinħareġ mill-kunsilli provinċjali.

Il-proċess leġiżlattiv

L-abbozzi tal-liġijiet jistgħu jitressqu fil-Kamra Inferjuri:

  • mill-membri tal-Kamra Inferjuri stess
  • mill-gvern federali
  • mill-Kamra Superjuri.

Inizjattiva taċ-ċittadini trid titressaq quddiem il-Kamra Inferjuri jekk tiġi iffirmata minn 100 000 votant, jew wieħed minn sitta tal-votanti fi tliet provinċji federali.

Fil-prattika il-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni toriġina permezz tal-gvern federali. L-abbozzi tal-liġijiet tal-gvern federali iridu jiġu adottati unanimament mill-gvern federali (fil-Kabinett). Huma jiġu mfassla mill-ministru responsabbli, u qabel ma jiġu approvati mill-gvern, jintalbu kummenti minn entitajiet oħrajn bħal provinċji jew gruppi ta’ interess.

Wara li jgħaddu mill-Kamra Inferjuri jeħtieġu l-kunsens tal-Kamra Superjuri. (Abbozzi tal-liġijiet tal-finanzi ma jeħtieġx li jitressqu fil-Kamra Superjuri.) Il-Kanċillier jissottometti l-abbozz tal-liġi lill-President għal awtentikazzjoni.

Il-Kamra Inferjuri tista' tiddeċiedi li għandha sseħħ referendum dwar abbozz tal-liġi. Ir-referendum tista' wkoll tintalab minn maġġoranza tal-membri tal-Kamra Inferjuri. L-abbozz tal-liġi, li tkun għaddiet mill-Kamra Inferjuri, trid tiġi approvata permezz ta' referendum qabel ma tiġi awtentikata. Referendum hija wkoll meħtieġa għal reviżjoni komprensiva tal-kostituzzjoni.

Il-President jiċċertifika li att għadda skont il-kostituzzjoni billi jiffirmah. Din l-awtentikazzjoni trid tiġi kontrofirmata mill-Kanċillier.

Wara li l-Kanċillier ikun reġa' ffirmha, il-leġiżlazzjoni federali tiġi ppubblikata fil-Bundesgesetzblatt(Gazzetta tal-Liġi Federali). Sakemm att federali stess ma jipprovdix espliċitament għal effett retroattiv jew jispeċifika d-data meta għandu jidħol fis-seħħ, dan jidħol fis-seħħ fi tmiem il-jum tal-pubblikazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-ħarġa tal-Gazzetta tal-Liġi Federali li tinkludi l-avviż.

Att jista’ jiġi rrevokat jew espliċitament jew billi tgħaddi leġiżlazzjoni ġdida li l-kontenut tagħha jkun inkonsistenti mad-dispożizzjoni preċedenti (lex posterior derogat legi priori). Ir-regoli speċifiċi jieħdu preċedenza fuq regoli ġenerali (lex specialis derogat legi generali). Il-perjodu ta' validità ta' att jista' jiġi stabbilit ukoll mill-bidu.

Bażijiet tad-dejta legali

Ikkoordinata u mħaddma mill-Kanċellerija Federali Awstrijaka Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida Sistema ta’ Informazzjoni Legali tar-Repubblika tal-Awstrija (Rechtsinformationssystem des Bundes — RIS) tagħti aċċess onlajn għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka.

L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

Is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSistema ta’ Informazzjoni Legalitar- Repubblika tal-Awstrija (RIS) hija mingħajr ħlas.

Deskrizzjoni fil-qosor tal-kontenut

Il-bażi tad-dejta RIS tipprovdi informazzjoni dwar:

  • Liġi Federali
  1. Liġi Federali
  2. Verżjoni awtentika tal-Bundesgesetzblatt (Gazzetta tal-Liġi Federali) mill-2004
  3. Bundesgesetzblatt (Gazzetta tal-Liġi Federali) 1945 – 2003
  4. Gazzetti tal-Liġi 1848–1940
  5. Gazzetti tal-Liġi 1780–1848
  6. Gazzetti tal-Liġi Ġermaniżi 1938–1945
  7. Abbozzi ta’ liġijiet
  8. Abbozzi ta’ liġijiet tal-gvern
  • Liġi provinċjali
  1. Liġi provinċjali
  2. Gazzetti tal-Liġi provinċjali kurrenti għall-provinċji bl-eċċezzjoni tal-Awstrija ta’ Isfel u ta’ Vjenna
  • Liġi Muniċipali: Dokumenti magħżula mill-Karintja, mill-Awstrija ta’ Isfel, minn Salzburg, mill-Istirja u minn Vjenna biss
  • Sentenzi
  1. Qorti Kostituzzjonali (Verfassungsgerichtshof)
  2. Qorti Amministrattiva (Verwaltungsgerichtshof)
  3. Il-lista ta' atti leġiżlattivi (Normenliste) magħmula mill-Qorti Amministrattiva
  4. Sentenzi tal-Qorti Suprema (Oberster Gerichtshof), il-qrati reġjonali tal-appell (Oberlandsgerichte) u qrati oħrajn
  5. Tribunali amministrattivi indipendenti (Unabhängige Verwaltungssenate)
  6. Tribunal Indipendenti tal-Finanzi (Unabhängiger Finanzsenat)
  7. Qorti tal-Ażil (Asylgerichtshof)
  8. Tribunal Federali Indipendenti tal-Ażil(Unabhängiger Bundesasylsenat)
  9. Tribunal Ambjentali (Umweltsenat)
  10. Bord Federali tal-Komunikazzjonijiet (Bundeskommunikationssenat)
  11. Awtoritajiet għar-reviżjoni tal-akkwist pubbliku (Vergabekontrollbehörden)
  12. Tribunal tal-Appelli (Berufungskommission) Kummissjoni Dixxiplinarja Suprema (Disziplinaroberkommission)
  13. Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta (Datenschutzkommission)
  14. Tribunal ta’ Sorveljanza għar-Rappreżentazzjoni tal-Impjegati (Personalvertretungs‑Aufsichtskommission)
  15. Kummissjonijiet għal Trattament Indaqs (Gleichbehandlungskommissionen)
  • Ċirkolarijiet ġenerali (Erlässe)
  1. Ċirkolarijiet maħruġa mill-ministri federali
  2. Ċirkolarijiet maħruġa mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja

Uħud mil-liġijiet Awstrijaċi huma anki disponibbli bl-Ingliż.

Iktar informazzjoni tinsab fis-sit elettroniku tas-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSistema ta' Informazzjoni Legali tal-Awstrija.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOrdni legali L-Awstrija


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 25/04/2017