Leġiżlazzjoni nazzjonali

Bulgarija

Din il-paġna tippreżenta informazzjoni dwar l-ordinament ġuridiku Bulgaru u ħarsa ġenerali lejn il-liġi Bulgara.

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

Sorsi tal-liġi

Sorsi nazzjonali tal-liġi

Is-sorsi tal-liġi jinkludu:

  • il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija (Promulgata fi SG 56/13 ta’ Lulju 1991, emendata f’SG 85/26 ta’ Settembru 2003, SG 18/25 ta’ Frar 2005, SG 27/31 ta’ Marzu 2006, SG 78/26 ta’ Settembru 2006 - Id-Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Nru 7/2006, SG 12/6 ta’ Frar 2007, SG 100/18 ta’ Diċembru 2015 [DB1]);
  • leġiżlazzjoni primarja; u
  • leġiżlazzjoni sekondarja.

Il-każistika mhijiex sors formali tal-liġi, iżda hija vinkolanti fuq l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Sorsi tal-liġi Ewropej u internazzjonali

L-istrumenti bil-miktub jinkludu l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, it-trattati internazzjonali, il-liġijiet u l-leġiżlazzjoni sekondarja (digrieti, regolamenti, regoli ta’ implimentazzjoni, struzzjonijiet u ordnijiet).

Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija (Konstitutsiata na Republika Balgaria) hija l-ogħla att legali. Tistabbilixxi l-organizzazzjoni, il-prinċipji, is-setgħat u d-dmirijiet tal-istituzzjonijiet tal-istat, kif ukoll id-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini.

Liġi (zakon) hija att normattiv li jirregola r-relazzjonijiet soċjetali ab initio jew skont il-Kostituzzjoni permezz ta’ arranġamenti stabbiliti promulgati, skont is-suġġett jew il-persuni kkonċernati, minn korp leġiżlattiv wieħed jew aktar jew mis-sottodiviżjonijiet tiegħu.

L-atti leġiżlattivi kollha jiġu promulgati u jidħlu fis-seħħ tlett ijiem wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħhom, sakemm l-atti nfushom ma jipprovdux mod ieħor.

Il-Kunsill tal-Ministri joħroġ digriet (postanovlenie) meta jadotta regoli ta’ implimentazzjoni, regolamenti jew struzzjonijiet, u meta joħroġ regolamenti, skont il-liġijiet, dwar arranġamenti soċjetali li mhumiex regolati minn dawk il-liġijiet fl-ambitu tal-mandat eżekuttiv u amministrattiv tiegħu.

Regoli ta’ implimentazzjoni (pravilnik) huma atti normattivi maħruġa biex tiġi implimentata liġi fl-intier tagħha. Jipprovdu għall-organizzazzjoni ta’ korpi statali u lokali jew għall-ordni interna tal-attivitajiet tagħhom.

Regolament (naredba) huwa att normattiv maħruġ biex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet jew taqsimiet oħra ta’ att normattiv ogħla.

Struzzjoni (instruktsia) hija att normattiv li permezz tiegħu korp ogħla jagħti struzzjonijiet lil korpi subordinati dwar l-implimentazzjoni ta’ att normattiv li jkun ħareġ jew li jeħtieġ jiġi infurzat.

Sorsi tal-liġi oħra li mhumiex bil-miktub, bħal konswetudni (pravniyat obichay) u prinċipji ġenerali tal-liġi (obshtite printsipi na pravoto), huma wkoll importanti.

Id-deċiżjonijiet interpretattivi tal-qrati supremi jistgħu jitqiesu bħala sors sussidjarju tal-liġi.

Il-Qorti Kostituzzjonali (Konstitutsionen sad) taġixxi permezz ta’ deċiżjonijiet, sentenzi u ordnijiet.
Il-Qorti tiddeċiedi dwar is-suġġett prinċipali ta’ kawża permezz ta’ deċiżjoni.
Id-deċiżjonijiet tal-Qorti jiġu promulgati fil-Gazzetta tal-Istat fi żmien 15-il jum mid-data li fiha jinħarġu u jidħlu fis-seħħ tlett ijiem wara l-promulgazzjoni tagħhom.

Ġerarkija ta’ normi

Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija hija l-liġi suprema. Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni mhijiex stabbilita speċifikament fil-Kostituzzjoni, iżda titqies superjuri għad-dritt nazzjonali.

Skont l-Artikolu 5(4) tal-Kostituzzjoni, it-trattati internazzjonali li ġew ratifikati skont il-proċedura kostituzzjonali, li ġew promulgati u daħlu fis-seħħ fir-Repubblika tal-Bulgarija jsiru parti mil-leġiżlazzjoni tal-istat. Huma jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni konfliġġenti tal-leġiżlazzjoni domestika.

Fil-livell li jmiss ta’ atti normattivi hemm il-liġijiet. L-eżekuttiv jippromulga l-leġiżlazzjoni sekondarja bħal digrieti, regolamenti, deċiżjonijiet, regoli ta’ implimentazzjoni, struzzjonijiet u ordnijiet.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni tan-normi ġuridiċi

L-Assemblea Nazzjonali (Narodno sabranie) għandha awtorità leġiżlattiva. Tista’ tgħaddi, temenda, tissupplimenta u tħassar liġijiet.

Fuq il-bażi tal-liġijiet u sabiex jimplimentahom, il-Kunsill tal-Ministri (Ministerski savet) jadotta digrieti, ordnijiet u deċiżjonijiet. Permezz ta’ digrieti, il-Kunsill tal-Ministri jadotta wkoll regoli u regolamenti ta’ implimentazzjoni.

Il-Ministri joħorġu regoli ta’ implimentazzjoni, regolamenti, struzzjonijiet u ordnijiet.

Il-Kunsill tal-Ministri jikkonkludi trattati internazzjonali meta l-liġi tawtorizzah jagħmel dan. L-Assemblea Nazzjonali tirratifika (jew tirrifjuta) trattati internazzjonali li:

  • huma ta’ natura politika jew militari;
  • jittrattaw il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija f’organizzazzjonijiet internazzjonali;
  • jipprevedu aġġustamenti għall-fruntieri tar-Repubblika tal-Bulgarija;
  • jimponu obbligi finanzjarji fuq l-istat;
  • jipprevedu l-parteċipazzjoni tal-Istat fi proċedimenti legali jew f’arbitraġġ internazzjonali;
  • jittrattaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem;
  • jittrattaw l-effett tal-liġi jew jeħtieġu leġiżlazzjoni ġdida sabiex jiġu infurzati;
  • ikunu espressament jeħtieġu ratifika;
  • jagħtu lill-Unjoni Ewropea s-setgħat li jirriżultaw mill-Kostituzzjoni.

Proċess leġiżlattiv

Adozzjoni tal-Kostituzzjoni

Kostituzzjoni ġdida tiġi adottata minn Assemblea Nazzjonali Suprema (Veliko narodno sabranie) magħmula minn 400 membru.

L-Assemblea Nazzjonali hija libera temenda d-dispożizzjonijiet kollha tal-Kostituzzjoni minbarra dawk li jaqgħu taħt il-prerogattiva tal-Assemblea Nazzjonali Suprema. Emenda kostituzzjonali teħtieġ maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-voti tal-membri kollha tal-Assemblea Nazzjonali fi tliet votazzjonijiet fi tliet ġranet differenti. Emenda kostituzzjonali tiġi ffirmata u promulgata fil-Gazzetta tal-Istat mill-President tal-Assemblea Nazzjonali Suprema fi żmien sebat ijiem mill-promulgazzjoni tagħha.

Inizjattiva leġiżlattiva

Skont l-Artikolu 87 tal-Kostituzzjoni, kull membru tal-Assemblea Nazzjonali jew tal-Kunsill tal-Ministri għandu d-dritt jintroduċi abbozz ta’ liġi.

Abbozz ta’ liġi jiġi adottat mill-Assemblea Nazzjonali f’żewġ proċessi ta’ qari. Matul l-ewwel qari, l-abbozz jiġi diskuss fl-intier tiegħu. Il-membri jistgħu jippreżentaw mozzjonijiet bil-miktub għall-emenda ta’ abbozz li jkun ġie adottat fl-ewwel qari fil-limitu ta’ żmien speċifikat mill-Assemblea Nazzjonali. L-Assemblea Nazzjonali tiddibatti l-abbozz fid-dettall u tadottah fit-tieni qari. L-abbozz adottat jintbagħat lill-President tar-Repubblika tal-Bulgarija, li jiffirma digriet għall-promulgazzjoni tiegħu. L-att jiġi ppromulgat fil-Gazzetta tal-Istat u jidħol fis-seħħ tlett ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu, sakemm l-att ma jipprevedix mod ieħor.

Bażijiet ta’ data ġuridiċi

Il-Gazzetta tal-Istat (Darzhaven vestnik) hija disponibbli bla ħlas fuq is-sit web tal-Gazzetta tal-Istat. L-edizzjoni online fiha abbozzi promulgati mill-Assemblea Nazzjonali, digrieti maħruġa mill-Kunsill tal-Ministri, trattati internazzjonali, atti legali oħra, kif ukoll avviżi dwar akkwist pubbliku u konċessjonijiet, eċċ.

Bażijiet ta’ data ġuridiċi bħal ApisCiela u l-Enċiklopedija Ġuridika joffru firxa sħiħa ta’ informazzjoni legali iżda mhumiex bla ħlas.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.