Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Liġi tal-Istat Membru - Spanja

Din il-paġna tipprovdi informazzjoni dwar l-ordinament ġuridiku Spanjol u ħarsa ġenerali lejn l-ordinament ġuridiku tal-pajjiż.


Sorsi tal-liġi Spanjola

Is-sorsi tal-liġi Spanjola huma definiti fl-Artikolu 1 tal-Kodiċi Ċivili (Código Civil):

  1. L-ordinament ġuridiku Spanjol huwa mfassal fuq il-liġi, il-konswetudni u l-prinċipji ġenerali tal-liġi.
  2. Dispożizzjonijiet li jikkontradixxu oħra f’pożizzjoni superjuri ma għandhomx validità legali.
  3. Il-konswetudni tapplika biss fin-nuqqas ta’ dritt applikabbli, sakemm il-konswetudni inkwistjoni ma tmurx kontra l-ordni pubblika jew il-moralità u li tkun tista’ tintwera.
  4. Użi legali li mhux sempliċement jinterpretaw espressjoni ta’ intenzjoni huma kkunsidrati konswetudni.
  5. Fin-nuqqas ta’ liġi jew ta’ konswetudni, japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-liġi, minkejja r-rwol tagħhom fil-formazzjoni tal-ordinament ġuridiku.
  6. Ir-regoli legali li jinsabu fit-trattati internazzjonali ma japplikawx direttament fi Spanja sakemm dawn isiru parti mill-ordinament ġuridiku intern billi jiġu ppubblikati bis-sħiħ fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat (Boletín Oficial del Estado).
  7. Il-każistika tikkomplementa l-ordinament ġuridiku bid-duttrina li tiġi stabbilita maż-żmien mill-Qorti Suprema (Tribunal Supremo) fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tal-liġi, tal-konswetudni u tal-prinċipji ġenerali tal-liġi.
  8. L-imħallfin u l-qrati ta’ Spanja, li huma soġġetti biss għall-Kostituzzjoni u għall-istat tad-dritt, huma marbuta bid-dmir li jiddeċiedu dwar kull każ li jisimgħu, billi jirrikorru għas-sistema ta’ sorsi stabbilita bħala l-bażi biex fuqha tittieħed dik id-deċiżjoni.

Tipi ta’ strumenti legali

Il-Kostituzzjoni: l-ordinament ġuridiku suprem tal-Istat Spanjol, li għalih huma soġġetti l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini kollha. Kull dispożizzjoni jew att li jmur kontra l-Kostituzzjoni ma għandux validità legali. Il-kontenut tagħha huwa maqsum f’żewġ partijiet separati u distinti: a) id-duttrina ġuridika u b) il-liġi organika.

Trattati internazzjonali: ftehimiet bil-miktub bejn ċerti suġġetti tad-dritt internazzjonali u regolati minn dik il-liġi. Dawn jistgħu jikkonsistu minn strument jew minn strumenti legali, irrispettivament mid-denominazzjoni tagħhom. Ladarba jiġu ffirmati u ppubblikati uffiċjalment fi Spanja, it-trattati internazzjonali jsiru parti mill-ordinament ġuridiku intern.

Statuti ta’ awtonomija: regoli istituzzjonali Spanjoli bażiċi applikabbli għal komunitajiet awtonomi individwali u rikonoxxuti mill-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978. Dawn jiġu adottati bil-liġi organika. Dawn jinkludu, tal-anqas, id-denominazzjoni tal-komunità awtonoma; il-konfini territorjali tagħha; id-denominazzjonijiet, l-istrutturi organizzazzjonali u s-sede tal-istituzzjonijiet awtonomi; u s-setgħat mogħtija lilhom. L-istatuti ta’ awtonomija mhumiex espressjoni ta’ sovranità, u lanqas mhuma kostituzzjoni minħabba li ma joriġinawx minn setgħa kostitwenti oriġinarja (li ma ngħatatx lit-territorji li saru komunitajiet awtonomi). Pjuttost, jafu l-eżistenza tagħhom grazzi għar-rikonoxximent tagħhom mill-Istat u, taħt l-ebda ċirkostanza, il-prinċipju tal-awtonomija ma jista’ jikkontesta l-prinċipju tal-unità.

  • Liġi: Spanja għandha diversi tipi ta’ liġijiet.
  • Liġijiet organiċi: dawk relatati mal-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili, dawk li jadottaw l-istatuti ta’ awtonomija u l-ordinament ġuridiku li jirregola s-sistema elettorali ġenerali, u oħrajn previsti fil-Kostituzzjoni.
  • Liġijiet ordinarji: dawk li jirregolaw kwistjonijiet li mhumiex regolati mil-liġijiet organiċi.
  • Digrieti leġiżlattivi: dispożizzjonijiet statutorji dwar ċerti kwistjonijiet maħruġa mill-Gvern bis-saħħa tas-setgħat delegati lilu mill-Parlament (Cortes Generales).
  • Digrieti amministrattivi: dispożizzjonijiet leġiżlattivi proviżorji maħruġa mill-Gvern f’każijiet ta’ ħtieġa straordinarja u urġenti u li ma jaffettwawx l-ordinament ġuridiku li jirregola l-istituzzjonijiet bażiċi tal-Istat; id-drittijiet, id-dmirijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini skont L-Ewwel Titolu tal-Kostituzzjoni; l-ordinament ġuridiku li jirregola l-komunitajiet awtonomi; jew l-ordinament ġuridiku li jirregola s-sistema elettorali ġenerali. Id-digrieti amministrattivi għandhom jitressqu għal dibattitu u votazzjoni mill-Kungress kollu tad-Deputati (Congreso de los Diputados) fi żmien tletin jum mill-promulgazzjoni.
  • Regolamenti: regoli legali ġenerali maħruġa mill-awtorità eżekuttiva. Il-grad tagħhom fil-ġerarkija tan-normi huwa eżattament taħt il-liġi u, f’sens ġenerali, jimplimentawha.
  • Konswetudni: definiti bħala “is-sett ta’ regoli derivati mir-ripetizzjoni pjuttost kostanti ta’ azzjonijiet uniformi”. Sabiex konswetudni tirrappreżenta espressjoni ta’ intenzjoni kollettiva u spontanja, din għandha tkun mifruxa, kostanti, uniformi u tkun ilha teżisti għal tul ta’ żmien.
  • Prinċipji ġenerali tal-liġi: dikjarazzjonijiet normattivi ġenerali li, mingħajr ma jkunu ġew inkorporati formalment fl-ordinament ġuridiku, jitqiesu parti minn dak l-ordinament peress li jservu bħala bażi għal dikjarazzjonijiet normattivi partikolari oħra jew jinkorporaw b’mod astratt il-kontenut ta’ grupp ta’ tali dikjarazzjonijiet. Jintużaw biex jiġu indirizzati lakuni ġuridiċi jew biex jiġu interpretati normi ġuridiċi.
  • Il-ġurisprudenza: kostitwita minn żewġ sentenzi — mogħtija mill-Qorti Suprema jew, fil-każ ta’ ċerti kwistjonijiet li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija limitata għall-komunità awtonoma, mill-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (Tribunal Superior de Justicia) ta’ dik il-komunità awtonoma — li tinterpreta regola bl-istess mod. F’każ li mħallef jew qorti ma taqbilx mad-duttrina stabbilita mill-Qorti Suprema, is-sentenza ma tiġix awtomatikament invalidata iżda minflok isservi bħala l-bażi għal appell fuq punti tal-liġi. Minkejja dan, kemm il-Qorti Suprema kif ukoll il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja f’komunità awtonoma partikolari jistgħu, fuq bażi sostanzjata, jitbiegħdu mill-ġurisprudenza stabbilita u jiġġeneraw ġurisprudenza ġdida fi kwalunkwe ħin.

Ġerarkija ta’ normi

L-Artikolu 1.2 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol jiddikjara li “dispożizzjonijiet li jikkontradixxu oħra f’pożizzjoni superjuri ma għandhomx validità legali”. Dan ifisser li bilfors trid tiġi stabbilita ġerarkija ta’ normi. Għal dan il-għan, il-Kostituzzjoni Spanjola tirregola l-interrelazzjoni bejn id-diversi normi u r-relazzjonijiet ġerarkiċi u ġurisdizzjonali tagħhom.

Skont il-Kostituzzjoni, il-primat tan-normi fil-liġi Spanjola huwa kif ġej:

  1. Il-Kostituzzjoni.
  2. It-Trattati internazzjonali.
  3. Il-liġi, fl-ordni li ġejja: il-liġijiet organiċi, il-liġijiet ordinarji u r-regoli bi grad ta’ liġi (inklużi d-digrieti amministrattivi rjali u d-digrieti leġiżlattivi rjali), mingħajr ebda ġerarkija bejniethom iżda pjuttost proċeduri u oqsma ta’ applikazzjoni distinti.
  4. Ir-regoli li joħorġu mill-eżekuttiv, bil-ġerarkija tagħhom stess skont il-korp li jippromulgahom (digrieti reġji, ordnijiet ministerjali, eċċ.).

Barra minn hekk, hemm prinċipju ta’ ġurisdizzjoni stabbilit fir-rigward tar-regoli maħruġa mill-parlamenti tad-diversi komunitajiet awtonomi (digrieti tal-gvern reġjonali, ordnijiet tal-gvern reġjonali, eċċ.).

L-imħallfin u l-qrati ma għandhomx japplikaw regolamenti jew dispożizzjonijiet oħra li jmorru kontra l-Kostituzzjoni, il-liġi jew il-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni tan-normi ġuridiċi

Il-qafas istituzzjonali ta’ Spanja huwa bbażat fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, bil-poter leġiżlattiv attribwit lill-Parlament Spanjol u lill-assemblei leġiżlattivi tal-komunitajiet awtonomi tal-pajjiż.

Il-gvern, kemm fil-livell tal-istat kif ukoll f’kull komunità awtonoma, għandu poter eżekuttiv — li jinkludi s-setgħa li jirregola — u f’ċerti okkażjonijiet jeżerċita setgħa leġiżlattiva kif delegata lilu mill-Parlament.

L-awtoritajiet lokali ma għandhomx setgħa leġiżlattiva, iżda huma jeżerċitaw setgħa regolatorja, li prinċipalment tiġi eżerċitata fil-forma ta’ digrieti muniċipali.

L-inizjattiva leġiżlattiva hija f’idejn il-Gvern, il-Kungress u s-Senat, l-assembleji tal-komunitajiet awtonomi u, f’ċerti każijiet, l-inizjattiva popolari.

Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet

Trattati internazzjonali: hemm tliet mekkaniżmi ta’ adozzjoni disponibbli, skont il-kwistjonijiet regolati mit-trattat.

  • L-ewwel, liġi organika tawtorizza l-iffirmar ta’ trattati li permezz tagħhom organizzazzjoni jew istituzzjoni internazzjonali tiġi vestita bl-eżerċitar tal-ġurisdizzjoni derivanti mill-Kostituzzjoni.
  • It-tieni, il-Gvern jista’ jagħti l-kunsens tal-Istat għall-iffirmar ta’ trattati jew ta’ ftehimiet legalment vinkolanti, bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Parlament, fil-każijiet li ġejjin: trattati politiċi, trattati jew ftehimiet militari, trattati jew ftehimiet li jaffettwaw l-integrità territorjali tal-Istat jew id-drittijiet u d-dmirijiet fundamentali stabbiliti fl-Ewwel Titolu, trattati jew ftehimiet li jinvolvu obbligi finanzjarji għall-awtoritajiet tat-taxxa, u trattati jew ftehimiet li jeħtieġu emenda jew deroga ta’ liġi, jew li jkunu jeħtieġu miżuri leġiżlattivi sabiex jiġu implimentati.
  • Fl-aħħar nett, għall-kwistjonijiet l-oħra kollha l-uniku rekwiżit huwa li l-Kungress u s-Senat jiġu informati malli jiġi ffirmat it-trattat.

Ladarba jiġu ffirmati u ppubblikati uffiċjalment fi Spanja, it-trattati internazzjonali jsiru parti mill-ordinament ġuridiku intern. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jistgħu jiġu derogati, emendati jew sospiżi biss bil-mod speċifikat fit-trattati nfushom jew skont ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali. It-trattati u l-ftehimiet internazzjonali jistgħu jiġu terminati bl-istess proċedura bħal dik tal-adozzjoni tagħhom.

Liġi:

L-abbozzi ta’ liġijiet jiġu approvati mill-Kunsill tal-Ministri (Consejo de Ministros), li jgħaddihom lill-Kungress bi spjegazzjoni tar-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom u l-isfond legali meħtieġ biex il-Kungress jieħu deċiżjoni dwarhom.

Fil-każ ta’ komunitajiet awtonomi, l-abbozzi ta’ liġijiet jiġu approvati mill-kunsilli tal-ministri rispettivi u jiġu ppreżentati, skont l-istess termini, lill-assemblea leġiżlattiva tal-komunità awtonoma inkwistjoni.

Ladarba l-abbozz għal liġi ordinarja jew organika jkun ġie approvat mill-Kungress, il-President tiegħu jirreferih minnufih lill-President tas-Senat, li mbagħad jippreżentah lis-Senat għal deliberazzjoni. Is-Senat għandu xahrejn mid-data li fiha jirċievi l-abbozz ta’ liġi biex jeżerċita l-veto tiegħu jew biex jintroduċi emendi. Il-veto jrid ikun approvat b’maġġoranza assoluta.

Abbozz ta’ liġi ma jistax jiġi ppreżentat lir-Re għall-kunsens tiegħu sakemm il-Kungress ikun irratifika l-abbozz inizjali (fil-każ ta’ veto, dan għandu jkun b’maġġoranza assoluta; maġġoranza sempliċi hija biżżejjed ladarba jkunu għaddew xahrejn minn meta jkun tressaq l-abbozz ta’ liġi) jew ikun ivvota dwar l-emendi, u jkun aċċettahom jew le b’maġġoranza sempliċi. Il-perjodu ta’ xahrejn li s-Senat jista’ juża biex juża l-veto tiegħu jew biex jemenda l-abbozz ta’ liġi jonqos għal għoxrin jum kalendarju fil-każ ta’ abbozzi ta’ liġijiet li l-Gvern jew il-Kungress ikun iddikjara bħala urġenti.

Fi żmien ħmistax il-jum ir-Re japprova l-liġijiet adottati mill-Parlament li jkunu ġew ippreżentati lilu, jippromulgahom u jordna l-pubblikazzjoni tagħhom.

  • Liġijiet organiċi: l-adozzjoni, l-emenda jew id-deroga ta’ liġijiet organiċi teħtieġ maġġoranza assoluta tal-Kungress f’vot finali dwar l-abbozz fl-intier tiegħu.

Regolamenti: it-tfassil tar-regolamenti jsegwi l-proċedura segwenti:

  • Ir-regolamenti jinbdew mid-dipartiment rilevanti li jfassal il-politika billi jħejji l-abbozz ta’ liġi korrispondenti, li jiġi ppreżentat b’rapport dwar il-ħtieġa għar-regolament u l-adegwatezza tiegħu, kif ukoll rapport finanzjarju li jinkludi stima tal-kostijiet previsti.
  • Matul il-proċess ta’ tħejjija huwa neċessarju li, minbarra r-rapporti, jinkisbu l-opinjonijiet u l-approvazzjonijiet obbligatorji preċedenti, l-istudji u l-konsultazzjonijiet kollha meqjusa neċessarji biex tiġi żgurata l-adegwatezza u l-legalità tat-test. F’kull każ, ir-regolamenti għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar l-impatt fir-rigward tas-sessi tal-miżuri stabbiliti fihom.
  • Meta d-dispożizzjoni taffettwa d-drittijiet u l-interessi leġittimi taċ-ċittadini, jista’ jsir smigħ pubbliku f’perjodu ta’ żmien raġonevoli ta’ mhux inqas minn ħmistax-il jum ta’ xogħol. Għalhekk, meta n-natura tad-dispożizzjoni titlob dan, tiġi sottomessa għal konsultazzjoni pubblika matul il-perjodu msemmi hawn fuq.
  • F’kull każ, abbozzi ta’ liġijiet għal regolamenti jridu jiġu rapportati mis-Segretarjat Ġenerali Tekniku (Secretaría General Técnica), mingħajr preġudizzju għall-opinjoni tal-Kunsill tal-Istat (Consejo de Estado) f’każijiet fejn dan huwa legalment meħtieġ.
  • Meta r-regolament jista’ jaffettwa d-distribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istat u l-komunitajiet awtonomi, l-ewwel hemm bżonn ta’ rapport mill-awtoritajiet pubbliċi.
  • Qabel ma regolamenti adottati mill-Gvern jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ, dawn għandhom jiġu ppubblikati fl-intier tagħhom fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat.

Bażijiet ta’ data ġuridiċi

Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat topera bażi tad-data li fiha l-leġiżlazzjoni kollha ppubblikata mill-1960: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIberlex.

L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?

L-aċċess għal din il-bażi ta’ data huwa mingħajr ħlas.

Deskrizzjoni qasira tal-kontenut

Il-gazzetti kollha ppubblikati mill-1960 jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat.

Is-sit web jinkludi magna tat-tiftix għal-leġiżlazzjoni u għall-avviżi, flimkien ma’ bażi ta’ data tal-ġurisprudenza kostituzzjonali (mill-1980 ’il quddiem), rapporti u opinjonijiet tas-Servizz Legali tal-Istat (Abogacía del Estado) (mill-1997 ’il quddiem) u opinjonijiet tal-Kunsill tal-Istat. Jinkludi wkoll il-verżjonijiet riformulati li fihom l-emendi ewlenin li saru għal-leġiżlazzjoni. Fl-aħħar nett, joffri servizz ta’ twissija li jkopri notifiki leġiżlattivi, avviżi pubbliċi u konsultazzjoni ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIBERLEX/ bażi ta’ data tal-leġiżlazzjoni Spanjola


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 16/07/2020