Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Liġi tal-Istat Membru - Ungerija

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ungeriż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

 

Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali fl-Ungerija.


Sorsi tal-liġi

I. Il-ġerarkija leġiżlattiva

1. Il-Liġi Fundamentali

Il-Liġi Fundamentali (il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija ppromulgata fil-25 ta' April 2011) tinsab fil-quċċata tal-ġerarkija leġiżlattiva fl-Ungerija, u kull liġi oħra trid tkun kompatibbli magħha. Il-Liġi Fundamentali ġiet adottata mill-Assemblea Nazzjonali, u biex issir emenda tenħtieġ maġġoranza b'żewġ terzi tal-voti tal-membri kollha tal-Assemblea [l-Artikolu S(2) tal-Liġi Fundamentali].

Il-Liġi Fundamentali u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tagħha (id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija ppromulgati fil-31 ta' Diċembru 2011) daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012.

Il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija tikkonsisti f'sitt taqsimiet: preambolu intitolat id-"Dikjarazzjoni Nazzjonali", kif ukoll it-taqsimiet intitolati "Bażi" (Artikoli A–T), "Libertà u Responsabbiltà" (Artikoli I–XXXI), "L-Istat" (Artikoli 1–54), "Ordnijiet Ġuridiċi Speċjali" u "Dispożizzjonijiet Finali".

It-taqsima intitolata "Bażi" fiha d-dispożizzjonijiet ġenerali u tippreskrivi:

  • il-forma ta' gvern,
  • il-prinċipji fundamentali tal-operat tal-Istat,
  • it-trasferiment ta' ċerti setgħat lill-Unjoni Ewropea,
  • il-belt kapitali tal-Ungerija u l-entitajiet amministrattivi reġjonali,
  • id-dispożizzjonijiet ewlenin dwar iċ-ċittadinanza Ungeriża u dwar kif tista' tinkiseb,
  • il-lingwa uffiċjali, l-istemma araldika, il-bandiera, l-innu nazzjonali, il-festi nazzjonali u l-munita uffiċjali tal-Ungerija,
  • il-pożizzjoni tal-Liġi Fundamentali fis-sistema ġuridika tal-Ungerija, jiġifieri l-Liġi Fundamentali hija l-bażi tas-sistema ġuridika tal-Ungerija,
  • il-proċedura biex tiġi adottata u emendata l-Liġi Fundamentali,
  • it-tipi ta' leġiżlazzjoni Ungeriża,
  • għadd ta' prinċipji fundamentali, li jinkludu:
    • il-projbizzjoni li setgħa tiġi assunta jew tiġi eżeċitata bil-forza,
    • ir-responsabbiltà għad-destin tal-Ungeriżi li jgħixu lil hinn mill-fruntieri tal-Ungerija,
    • il-kooperazzjoni fil-ħolqien tal-unità Ewropea,
    • il-protezzjoni tal-istituzzjoni taż-żwieġ,
    • l-iżgurar ta' kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetizzjoni ġusta,
    • il-prinċipju ta' ġestjoni baġitarja bbilanċjata, trasparenti u sostenibbli,
    • l-obbligu li jiġu protetti u sostnuti r-riżorsi naturali,
    • il-ħolqien u ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà, u r-rieda li jkun hemm kooperazzjoni man-nazzjonijiet u l-pajjiżi kollha tad-dinja biex jinkiseb l-objettiv ta' żvilupp sostenibbli tal-umanità.

It-taqsima intitolata "Libertà u Responsabbiltà" tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi fundamentali. Is-segwenti (fost l-oħrajn) huma rikonoxxuti bħala drittijiet fundamentali:

  • id-dritt għall-ħajja u għad-dinjità tal-bniedem,
  • il-projbizzjoni tat-tortura, ta' kwalunkwe trattament inuman jew degradanti jew ta' kwalunkwe kastig, tat-tjassir u tat-traffikar tal-bnedmin,
  • il-projbizzjoni tal-prattiki ewġeniċi kollha, tal-użu tal-ġisem tal-bniedem jew ta' kwalunkwe partijiet tiegħu għal qligħ finanzjarju, u tal-ikklonjar tal-bnedmin,
  • id-dritt għal-libertà u għas-sikurezza personali, u d-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li ħadd ma jkun miċħud mil-libertà tiegħu,
  • id-dritt għal-libertà tal-moviment u d-dritt li wieħed jagħżel il-post tar-residenza tiegħu bla tfixkil,
  • id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja,
  • id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali u l-aċċess għad-dejta ta' interess pubbliku,
  • id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,
  • id-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika,
  • id-dritt għal-libertà tal-espressjoni,
  • id-dritt li wieħed jipparteċipa fil-ħajja kulturali,
  • id-dritt li wieħed jagħżel bla tfixkil ix-xogħol, il-professjoni u l-attivitajiet intraprenditorjali tiegħu,
  • id-dritt għall-proprjetà,
  • il-projbizzjoni tat-tkeċċija taċ-ċittadini Ungeriżi mit-territorju tal-Ungerija,
  • id-dritt għall-asil,
  • l-ugwaljanza quddiem il-liġi,
  • in-nondiskriminazzjoni,
  • il-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal,
  • id-dritt għal ambjent b'saħħtu,
  • id-dritt għall-vot, u d-dritt li wieħed joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet tal-Membri tal-Assemblea Nazzjonali, tar-rappreżentanti lokali u tas-sindki, u fl-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew,
  • id-dritt li wieħed ikollu l-affarijiet personali tiegħu amministrati b'mod imparzjali, ġust u f'ħin raġonevoli mill-awtoritajiet,
  • id-dritt ta' kull ċittadin Ungeriż li jkun protett mill-Ungerija matul is-soġġorn tiegħu barra minn pajjiżu,
  • il-Liġi Fundamentali tiddefinixxi wkoll in-nazzjonalitajiet u d-drittijiet ewlenin tal-persuni soġġetti għall-prosekuzzjoni.

Skont il-Liġi Fundamentali, l-Ungerija tistinka biex, fost l-oħrajn:

  • tipprovdi sigurtà soċjali liċ-ċittadini kollha tagħha,
  • tipprovdi lil kull individwu b'abitazzjoni deċenti u b'aċċess għas-servizzi pubbliċi.

Il-Liġi Fundamentali tistipula wkoll diversi obbligi, jiġifieri:

  • l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi biex jissodisfa l-ħtiġijiet komuni (trattament ugwali tat-taxxa),
  • l-obbligu għaċ-ċittadini Ungeriżi li jiddefendu lill-pajjiżhom.

It-taqsima tal-Liġi Fundamentali intitolata "L-Istat" fiha l-aktar regoli fundamentali li japplikaw għad-dinjitarji u għall-aktar istituzzjonijiet importanti tal-pajjiż, u tistabbilixxi l-istatus ġuridiku u l-kompiti tal-entitajiet segwenti:

  • l-Assemblea Nazzjonali,
  • il-President tar-Repubblika,
  • il-gvern,
  • il-korpi regolatorji awtonomi,
  • il-Qorti Kostituzzjonali,
  • is-servizzi tal-ġudikatura u tal-prosekuzzjoni,
  • il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali,
  • l-amministrazzjonijiet lokali,
  • il-Bank Nazzjonali tal-Ungerija,
  • il-Qorti tal-Awdituri,
  • il-forzi armati Ungeriżi,
  • il-pulizija u s-servizzi tas-sigurtà nazzjonali,
  • ir-referenda nazzjonali.

It-taqsima tal-Liġi Fundamentali intitolata "Ordnijiet Ġuridiċi Speċjali" fiha regoli li jiggvernaw stati ta' kriżi nazzjonali, stati ta' emerġenza, stati ta' difiża preventiva, attakki mhux mistennija u stati ta' periklu estrem.

2. L-Atti tal-Parlament

Fl-Ungerija, l-Atti jiġu adottati mill-Assemblea Nazzjonali. Skont il-Liġi Fundamentali r-regoli għad-drittijiet u l-obbligi fundamentali huma determinati mill-Atti. L-Assemblea Nazzjonali tadotta l-Atti permezz ta' maġġoranza sempliċi ta' voti (aktar minn nofs il-voti tal-membri preżenti), minbarra l-hekk imsejħa Atti kardinali definiti bil-Liġi Fundamentali, li l-adozzjoni u l-emendi tagħhom jirrikjedu maġġoranza b'żewġ terzi tal-voti tal-Membri tal-Assemblea Nazzjonali preżenti.

Skont il-Liġi Fundamentali, l-Atti kardinali jistabbilixxu r-regoli dettaljati li japplikaw pereżempju għaċ-ċittadinanza, għall-knejjes, għad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali li jgħixu fl-Ungerija, għall-istatus ġuridiku u għar-remunerazzjoni tal-Membri tal-Assemblea Nazzjonali u tal-President tar-Repubblika, għall-Qorti Kostituzzjonali, għall-amministrazzjonijiet lokali, għall-użu tal-istemma araldika u tal-bandiera, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar id-dekorazzjonijiet tal-Istat.

Skont il-Liġi Fundamentali, l-awtorizzazzjoni biex tiġi rikonoxxuta n-natura vinkolanti tat-Trattati fundaturi u emendatorji tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjoni ta' stat ta' gwerra, il-konklużjoni tal-paċi u d-dikjarazzjoni ta' stat ta' ordni ġuridiku speċjali, jirrikjedu maġġoranza b'żewġ terzi tal-voti tal-Membri kollha tal-Assemblea Nazzjonali.

Qabel l-adozzjoni tal-Att XXXI tal-1989 dwar l-emendi tal-Kostituzzjoni, il-Kunsill Presidenzjali tal-Ungerija ġie awtorizzat joħroġ digrieti liġi. Mill-perspettiva tal-ġerarkija leġiżlattiva, id-digrieti liġi li għadhom fis-seħħ jikkwalifikaw bħala regolamenti fuq l-istess livell tal-Atti.

3. Id-digrieti

Il-Liġi Fundamentali tirrikonoxxi d-digrieti governattivi, id-digrieti tal-Prim Ministru, id-digrieti ministerjali, id-digrieti mill-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, id-digrieti mill-kapijiet tal-korpi regolatorji awtonomi u d-digrieti tal-amministrazzjoni lokali.

Fi stat ta' kriżi nazzjonali, il-Kunsill għad-Difiża Nazzjonali, u fi stat ta' emerġenza, il-President tar-Repubblika, jistgħu joħorġu digrieti wkoll.

3.1. Id-digrieti governattivi

L-awtorità tal-gvern li jadotta digrieti tista’ tkun primarja jew ibbażata fuq l-awtorità leġiżlattiva. Is-setgħat primarji huma stabbiliti mill-Artikolu 15(3) tal-Liġi Fundamentali, li jiddikjara li l-gvern jista' joħroġ digrieti fl-isfera tal-awtorità tiegħu fuq kwalunkwe kwistjoni li ma tkunx irregolata minn xi Att. L-ebda digriet tal-Gvern ma jista' jmur kontra xi Att. Dan ma jirrestrinġix is-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali, li tista’ tikkunsidra kwalunkwe qasam regolatorju bħala li jaqa' taħt l-awtorità tagħha.

Skont il-Liġi Fundamentali u l-Att CXXX tal-2010 dwar il-leġiżlazzjoni, il-gvern jista', anke abbażi ta' awtorizzazzjoni leġiżlattiva speċifika, jadotta digrieti li jimplimentaw xi Atti. Skont l-Artikolu 5(1) tal-Att dwar il-Leġiżlazzjoni, l-awtorizzazzjoni biex jinħarġu regolamenti ta' implimentazzjoni trid tispeċifika d-detentur, is-suġġett u l-portata tal-awtorità. Id-detentur ma jistax jgħaddi l-awtorità leġiżlattiva lil xi parti oħra.

3.2. Id-digrieti tal-Prim Ministru

Skont il-Liġi Fundamentali, il-Prim Ministru wkoll jista' joħroġ digrieti, pereżempju jaħtar Viċi Prim Ministru minn fost il-Ministri b'digriet. Id-digrieti tal-Prim Ministru huma kklassifikati fuq l-istess livell tad-digrieti ministerjali fil-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni.

3.3. Id-digrieti ministerjali

Id-digrieti ministerjali huma kklassifikati taħt id-digrieti governattivi fil-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni. Skont il-Liġi Fundamentali l-ministri jadottaw digrieti permezz tal-awtorizzazzjoni mogħtija minn xi Att jew minn xi digriet governattiv (maħruġa fil-kompetenza leġiżlattiva oriġinali tagħhom), fuq bażi indipendenti jew bi ftehim ma' kwalunkwe ministru ieħor; tali digrieti ma jistgħux imorru kontra xi Att, xi digriet governattiv jew xi digriet tal-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

3.4. Id-digrieti tal-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija

Abbażi tal-kompetenzi mogħtija lilu, definiti fl-Atti kardinali, il-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija jista' joħroġ digrieti permezz ta' awtorizzazzjoni statutorja, li ma jistgħu jmorru kontra l-ebda liġi.

3.5. Id-digrieti mill-kapijiet tal-korpi regolatorji awtonomi

Skont l-Artikolu 23(4) tal-Liġi Fundamentali, u abbażi tal-kompetenzi mogħtija lilhom, definiti fl-Atti kardinali, il-kapijiet tal-korpi regolatorji awtonomi joħorġu digrieti permezz ta' awtorizzazzjoni statutorja, li ma jistgħu jmorru kontra l-ebda Att, digriet governattiv, digriet tal-Prim Ministru, digriet ministerjali jew digriet tal-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

3.6. Id-digrieti tal-amministrazzjoni lokali

Skont l-Artikolu 32(2) tal-Liġi Fundamentali, u abbażi tal-kompetenzi mogħtija lilhom, l-amministrazzjonijiet lokali jistgħu jadottaw digrieti lokali sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet soċjali lokali li mhumiex irregolati minn xi Att jew bl-awtorità ta' xi Att.

Id-digrieti tal-amministrazzjoni lokali ma jistgħu jmorru kontra l-ebda leġiżlazzjoni oħra.

Ir-regoli dettaljati dwar id-digrieti li għandhom jiġu adottati mill-korpi rappreżentattivi tal-amministrazzjoni lokali, huma stipulati fl-Att CLXXXIX tal-2011 dwar l-amministrazzjonijiet lokali tal-Ungerija.

4. Il-ftehimiet internazzjonali u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali

Il-gvern tal-Ungerija jista’ jikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ Stati oħrajn/mal-gvernijiet ta’ Stati oħrajn. Fl-Ungerija, ir-relazzjoni bejn il-ftehimiet internazzjonali u l-liġi domestika hija bbażata fuq sistema duwalista; jiġifieri, il-ftehimiet internazzjonali jsiru parti mil-liġi domestika meta jiġu ppromulgati permezz tar-regolamenti legali.

Il-prinċipji tad-dritt internazzjonali

Skont l-Artikolu Q(3) tal- Liġi Fundamentali, l-Ungerija taċċetta r-regoli ġeneralment rikonoxxuti tad-dritt internazzjonali. Id-dritt internazzjonali konswetudinarju u l-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali jsiru parti mil-liġi domestika mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' trasformazzjoni.

II. Sorsi oħrajn tal-liġi meqjusa f’sens usa’ u li ma jikkwalifikawx bħala leġiżlazzjoni

1. Strumenti legali ta' amministrazzjoni statali

Is-sistema ġuridika Ungeriża tinkludi strumenti legali ta' amministrazzjoni statali li, minkejja li jinkludu dispożizzjonijiet normattivi, ma jikkwalifikawx bħala leġiżlazzjoni.

L-Att dwar il-Leġiżlazzjoni (l-Att CXXX tal-2010) jiddefinixxi żewġ tipi ta' strumenti legali ta' amministrazzjoni statali: id-deċiżjonijiet normattivi u l-ordnijiet normattivi. Dawn huma regoli tal-kondotta li ġeneralment mhumiex vinkolanti, jiġifieri li ma jorbtux lil kulħadd. Huma sempliċiment dispożizzjonijiet interni u regoli organizzattivi u operattivi li jirrigwardaw biss l-emittent jew il-korpi jew il-persuni sottomessi għalih. Id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet normattivi ma jistgħux jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini. L-istrumenti legali ta' amministrazzjoni statali ma jistgħux imorru kontra leġiżlazzjoni oħra jew jirrepetu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi.

Skont l-Att dwar il-Leġiżlazzjoni preċedenti (l-Att XI tal-1987), il-komunikazzjonijiet statistiċi u l-linji gwida legali kienu jikkwalifikaw ukoll bħala sorsi ta' liġi (magħrufa bħala strumenti legali oħra ta' governanza) mingħajr ma jikkwalifikaw bħala leġiżlazzjoni. L-Att dwar il-Leġiżlazzjoni l-ġdid ma baqax isemmihom. Madankollu, filwaqt li l-linji gwida legali tħassru meta daħal fis-seħħ l-Att il-ġdid (fl-1 ta' Jannar 2011), l-istrumenti statistiċi li nħarġu qabel dik id-data se jibqgħu fis-seħħ sakemm jitħassru. (Il-komunikazzjonijiet statistiċi jinħarġu mill-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika u jinkludu dispożizzjonijiet li jorbtu legalment, li jikkonsistu esklużivament f’termini, f’metodi, fi klassifikazzjonijiet, f’listi u f’ċifri statistiċi.

1.1. Id-deċiżjonijiet normattivi

Fid-deċiżjonijiet normattivi, l-Assemblea Nazzjonali, il-gvern u korpi amministrattivi ċentrali oħrajn, il-Qorti Kostituzzjonali u l-Kunsill tal-Baġit, jistgħu jistabbilixxu l-organizzazzjoni u l-funzjonament kif ukoll l-attivitajiet u l-programmi ta' azzjoni tagħhom stess.

Il-korpi rappreżentattivi tal-amministrazzjoni lokali ukoll jistgħu, fid-deċiżjonijiet normattivi, jistabbilixxu l-attivitajiet tagħhom stess u ta' dawk il-korpi mmexxija minnhom, kif ukoll il-programmi ta' azzjoni tagħhom u l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korpi mmexxija minnhom. Bl-istess mod, il-korp rappreżentattiv ta' awtonomiji nazzjonali jista', fid-deċiżjonijiet normattivi, jistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament, l-attivitajiet u l-programmi ta' azzjoni tagħhom stess, kif ukoll ta' dawk il-korpi mmexxija minnhom.

1.2. L-ordnijiet normattivi

Fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom u kif previst fil-leġiżlazzjoni, il-President tar-Repubblika, il-Prim Ministru, il-kap tal-korpi amministrattivi ċentrali (minbarra l-gvern), il-President tal-Uffiċċju Ġudizzjarju Nazzjonali, il-Prosekutur Suprem, il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, il-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, il-President tal-Qorti tal-Awdituri, il-kap tal-uffiċċju governattiv tal-belt kapitali jew tal-kontea, is-sindki u s-segretarji ġenerali jistgħu, fl-ordnijiet normattivi, jistabbilixxu l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-attivitajiet tal-korpi mmexxija, ġestiti jew sorveljati minnhom.

Barra minn hekk, l-Assemblea Nazzjonali, il-President tar-Repubblika, il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, il-korpi regolatorji awtonomi, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-kap tal-organizzazzjoni uffiċjali tal-ministeru, jistgħu joħorġu ordnijiet normattivi li jkunu jorbtu lill-membri tal-persunal tal-organizzazzjoni kkonċernata.

2. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali għandhom rwol importanti fis-sistema leġiżlattiva Ungeriża.

Skont l-Att CLI tal-2011 dwar il-Qorti Kostituzzjonali l-kompiti tal-Qorti Kostituzzjonali huma s-segwenti:

  • rieżami ex post tal-konformità tal-leġiżlazzjoni mal-Liġi Fundamentali (proċedura ta' rieżami ex post);
  • rieżami (preventiv) tal-konformità tal-Atti li jkunu ġew adottati iżda li ma jkunux għadhom ġew ippromulgati u ta' ċerti dispożizzjonijiet tat-trattati internazzjonali mal-Liġi Fundamentali;
  • rieżami individwali fuq it-talba ta' mħallef: jekk waqt li tkun qed tinstema' kawża quddiemu, l-imħallef ikun irid japplika biċċa leġiżlazzjoni li hu jqis bħala mhux kostituzzjonali jew li l-Qorti Kostituzzjonali tkun diġà ddikjarat bħala mhux kostituzzjonali, hu jista' jissospendi l-proċedimenti u jitlob lill-Qorti Kostituzzjonali biex issib il-biċċa leġiżlazzjoni jew id-dispożizzjoni leġiżlattiva mhux kostituzzjonali u biex tipprojbixxi l-applikazzjoni tal-biċċa leġiżlazzjoni mhux kostituzzjonali;
  • it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ilmenti kostituzzjonali bbażati fuq ksur ta' drittijiet iggarantiti mil-Liġi Fundamentali: il-persuna jew l-organizzazzjoni involuta fil-kawża individwali tista' tressaq ilment kostituzzjonali jekk id-dritt tagħha, iggarantit mil-Liġi Fundamentali, ma jkunx ġie osservat minħabba l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni mhux kostituzzjonali fil-proċedimenti ġudizzjarji li jkunu għaddejjin fil-kawża, u jekk tkun użat il-possibbiltajiet kollha ta' appell jew ma jkollhiex dritt għal appell;
  • l-eżaminar tal-atti leġiżlattivi sabiex jiġi żgurat li ma jkunu jmorru kontra l-ebda ftehim internazzjonali;
  • it-twaqqif ta' ommissjonijiet leġiżlattivi li jmorru kontra l-Liġi Fundamentali;
  • is-soluzzjoni ta' ċerti kunflitti ta’ kompetenza bejn il-korpi statali jew bejn l-amministrazzjonijiet lokali u korpi statali oħrajn;
  • l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Fundamentali;
  • it-twettiq ta' proċedimenti differenti, li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha u li huma skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi.

Il-Qorti Kostituzzjonali tipprovdi raġunijiet dettaljati għad-deċiżjonijiet li tieħu. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali ma jistgħux jiġu appellati u jorbtu lil kulħadd.

3. Il-ġurisprudenza tal-qrati

Sabiex tissodisfa l-inkarigu tagħha li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-liġi u li tipprovdi gwida ġudizzjarja lill-qrati inferjuri, il-qorti suprema tal-Ungerija, il-Curia (li qabel l-1 ta' Jannar 2012 kienet magħrufa bħala l-Qorti Suprema) tgħaddi deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-uniformità ġudizzjarja u toħroġ deċiżjonijiet ġudizzjarji ta' prinċipju.

Jista’ jingħata bidu għal proċedura ta’ uniformità jekk l-iżvilupp u l-uniformità tal-prassi ġudizzjarja jeħtieġu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ uniformità fi kwistjoni ta’ prinċipju, u jekk awla tal-Curia tkun beħsiebha tiddevja mid-deċiżjoni li tkun ħadet awla oħra tal-Curia. Deċiżjoni dwar l-uniformità fil-liġi torbot lill-qrati.

Id-deċiżjonijiet ta’ prinċipju jirriżultaw mill-prassi tal-awli ġudizzjarji tal-Curia u jippromwovu wkoll l-uniformità fil-qtugħ tas-sentenzi.

Id-deċiżjonijiet mogħtija sabiex tkun żgurata l-uniformità fil-liġi u d-deċiżjonijiet ta’ prinċipju jiġu ppubblikati fir-Repertorju Uffiċjali tad-Deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema.

III. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni

Il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-leġiżlazzjoni jkopri t-territorju tal-Ungerija, filwaqt li dak tad-digrieti tal-amministrazzjoni lokali jkopri ż-żona amministrattiva tal-amministrazzjoni lokali. Il-kamp ta' applikazzjoni personali tal-leġiżlazzjoni jkopri lill-persuni fiżiċi, lill-persuni ġuridiċi u lill-organizzazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika fit-territorju tal-Ungerija, liċ-ċittadini Ungeriżi li jkunu jinsabu barra mit-territorju tal-Ungerija, u fil-każ tad-digrieti tal-amministrazzjoni lokali, lill-persuni fiżiċi, lill-persuni ġuridiċi u lill-organizzazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika fiż-żona amministrattiva tal-amministrazzjoni lokali.

L-Att dwar il-Leġiżlazzjoni jipprojbixxi l-validità retroattiva, u jindika li biċċa leġiżlazzjoni ma tistax tistabbilixxi obbligi jew tagħmilhom aktar onerużi, tirtira jew tirrestrinġi d-drittijiet jew tiddikjara kondotta bħala illegali fil-perjodu ta' qabel id-dħul tagħha fis-seħħ.

Il-leġiżlazzjoni trid dejjem tistabbilixxi d-data ta’ meta tidħol fis-seħħ b’tali mod li jibqa’ biżżejjed żmien biex isiru tħejjijiet għall-applikazzjoni tagħha.

Il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tagħha jridu jidħlu fis-seħħ fl-istess żmien. Biċċa leġiżlazzjoni (jew dispożizzjoni leġiżlattiva) ma tibqax valida jekk tiġi mħassra jew – jekk ikun fiha biss dispożizzjonijiet emendatorji jew ta' tħassir – skont l-Att dwar il-Leġiżlazzjoni.

IV. Bażijiet tad-dejta legali

Fl-Ungerija, il-Gazzetta Uffiċjali hija Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidal-Magyar Közlöny, li tiġi ppubblikata f'format elettroniku u li t-test tagħha huwa kkunsidrat bħala awtentiku.

Il-Gazzetta tinkludi l-leġiżlazzjoni Ungeriża (minbarra d-digrieti tal-amministrazzjoni lokali) inklużi:

  • l-ordnijiet u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, li jridu jiġu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali skont id-dispożizzjonijiet ġuridiċi jew fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali;
  • id-deċiżjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali;
  • id-deċiżjonijiet tal-Curia li jirrigwardaw l-uniformità ġudizzjarja;
  • l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Elezzjonijiet Nazzjonali;
  • l-annessi, inkluża l-Ġabra ta' Deċiżjonijiet;
  • ir-Rapport Uffiċjali.

Il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBażi tad-dejta tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali fiha l-leġiżlazzjoni kollha (minbarra d-digrieti tal-amministrazzjoni lokali) u l-istrumenti legali ta' amministrazzjoni statali fis-seħħ fid-data ta' meta jsir it-tiftix. Din tiġi ppreżentata f’verżjoni kkonsolidata, flimkien ma’ emendi u ma’ bidliet oħrajn.

Tista’ tfittex din l-informazzjoni skont it-titolu u n-numru, u tista’ anki tagħmel tiftix fit-test.

L-aċċess għal dawn il-bażi tad-dejta huwa bla ħlas, u ma hemm l-ebda restrizzjonijiet.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaGazzetta Uffiċjali Elettronika Awtentika

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBażi tad-dejta tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 16/02/2016