Leġiżlazzjoni nazzjonali

Irlanda

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali fl-Irlanda.

Il-kontenut ipprovdut minn
Irlanda

Ordni Ġuridiku

1. Strumenti Legali/Sorsi tad-Dritt

1.1. Sorsi Nazzjonali

Il-Kostituzzjoni tal-Irlanda (fil-lingwa Irlandiża, Bunreacht na hÉireann), li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Diċembru 1937, hija d-dritt bażiku jew fundamentali fl-Istat. Din tistabbilixxi l-istituzzjonijiet u l-apparat tal-Istat u tipprovdi għas-separazzjoni fi tliet partijiet tas-setgħat, l-Eżekuttiv, il-Leġiżlattiv u l-Ġudizzjarju. Tiggarantixxi wkoll drittijiet fundamentali li ġew soġġetti għal interpretazzjoni u estensjoni rigorużi mill-qrati.

Il-leġiżlazzjoni primarja tikkonsisti f'Atti adottati mill-Oireachtas (il-Parlament), li jikkonsisti fil-President tal-Irlanda, is-Seanad Éireann (l-Ewwel Kamra) u d-Dáil Éireann (it-Tieni Kamra). Il-leġiżlazzjoni primarja hija maqsuma fi: Atti li jemendaw il-Kostituzzjoni, li jridu jiġu aċċettati min-nies f'referendum sabiex jidħlu fis-seħħ; Atti Ġenerali Pubbliċi, li huma ta' applikazzjoni ġenerali; u Atti Privati, li huma mmirati lejn l-imġiba ta' individwu partikolari jew grupp ta' individwi partikolari.

Il-leġiżlazzjoni sekondarja hija mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Oireachtas jista' jiddelega setgħat leġiżlattivi lil Ministru tal-Gvern jew awtorità partikolari. Is-setgħa ta' tfassil ta' leġiżlazzjoni delegata trid tingħata b'mod espliċitu minn leġiżlazzjoni primarja u l-eżerċitar tagħha huwa rregolat minn kundizzjonijiet stretti – il-prinċipji u l-politiki li għandhom jiġu implimentati għandhom ikunu ddikjarati b'mod ċar u mhux ambigwu fl-att prinċipali u għandhom ikunu segwiti strettament mill-awtorità li tagħmel il-leġiżlazzjoni sekondarja. L-Istrumenti Statutorji huma l-aktar forma komuni ta' leġiżlazzjoni sekondarja iżda jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta' Regolamenti, Ordnijiet, Regoli, Skemi jew Digrieti.

Skont l-Artikolu 50 tal-Kostituzzjoni, il-liġijiet ta' qabel l-1922 li għandhom x'jaqsmu mal-Irlanda (eż. Atti tal-Parlament tar-Renju Unit) u miżuri adottati mill-Istat Ħieles Irlandiż (1922 – 1937), li mhumiex inkonsistenti mal-Kostituzzjoni jibqgħu fis-seħħ. Ħafna mil-liġijiet ta' qabel l-1922 li ma baqgħux rilevanti għall-Irlanda ġew mħassra bl-Atti dwar ir-Reviżjoni tal-Liġi tal-Istatut 2005-2012.

Is-sistema legali Irlandiża hija sistema ta' dritt komuni u dan ifisser li l-liġijiet li jsiru mill-Imħallfin huma sors importanti ta' dritt. Skont id-duttrina tal-preċedent, jew stare decisis, qorti hija marbuta li ssegwi d-deċiżjonijiet f'kawżi preċedenti, b'mod partikolari deċiżjonijiet ta' qrati ogħla. Madankollu, din hija politika u mhux regola vinkolanti li ma tistax tinbidel. Dan il-korp ta' dritt jinkludi regoli, prinċipji ġenerali, kanoni ta' kostruzzjoni u massimi. Id-duttrina ta' stare decisis tagħmel distinzjoni bejn ir-ratio decidendi, il-parti vinkolanti ta' deċiżjoni li għandha tiġi segwita, u l-obiter dictum, osservazzjonijiet magħmula minn imħallef f'kawża dwar kwistjonijiet li kienu preżenti, jew mhux materjali, fil-kawża, jew li nħolqu b'tali mod li ma jirrikjedux deċiżjoni. L-obiter dictum mhuwiex vinkolanti f'kawżi futuri imma jista' jkun persważiv.

1.2. Id-Dritt tal-Unjoni Ewropea

Peress li l-Irlanda hija membru tal-Unjoni Ewropea (UE), id-dritt tal-UE huwa parti importanti mill-ordni legali nazzjonali tal-Istat. L-obbligi ta' sħubija fl-UE jfissru li l-Kostituzzjoni u liġijiet nazzjonali oħra huma soġġetti għad-dritt tal-UE kull meta l-Komunità jkollha l-kompetenza. Emenda tal-Kostituzzjoni kienet meħtieġa biex tawtorizza lill-Istat jissieħeb mal-UE u biex jiġi evitat nuqqas ta' qbil bejn id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u d-dritt tal-UE.

1.3. Sorsi Internazzjonali

L-Irlanda hija firmatarja ta' ħafna Ftehimiet u Trattati Internazzjonali u hija membru ta' ħafna Organizzazzjonijiet Internazzjonali. Il-Kostituzzjoni tipprovdi li l-Irlanda taċċetta l-prinċipji tad-dritt internazzjonali rikonoxxuti b'mod ġenerali bħala li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati.

L-Irlanda hija Stat duwalista u sabiex ikollhom pożizzjoni legali formali fl-Istat, għall-kuntrarju ta' bejn l-Istati, il-Ftehimiet Internazzjonali jridu jiġu inkorporati fid-dritt nazzjonali mill-Oireachtas.

L-Irlanda ilha firmatarja tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mill-1953 u minn dak iż-żmien 'l hawn, permezz tal-obbligi legali internazzjonali tal-Istat, iċ-ċittadini jinvokaw id-dispożizzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ingħata effett legali nazzjonali lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni permezz tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2003 li inkorporat l-QEDB fid-dritt Irlandiż.

2. Sorsi Oħra

Fin-nuqqas ta' regoli legali formali, avukat, waqt kawża, jew qorti, fit-teħid tad-deċiżjoni tagħha, jistgħu jikkwotaw kitba akkademika. Il-Qrati jinvokaw id-dritt naturali u d-drittijiet naturali fl-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni u fl-enumerazzjoni tad-drittijiet kostituzzjonali mhux speċifikament previsti fit-test tal-Kostituzzjoni, għalkemm jeżistu diskussjonijiet dwar jekk saħansitra għandux japplika u li l-influwenza tiegħu setgħet naqset f'dawn l-aħħar snin.

3. Il-Ġerarkija tas-Sorsi Legali

Il-Kostituzzjoni hija l-liġi suprema tal-Irlanda. Il-leġiżlazzjoni u d-deċiżjonijiet u l-prattika tal-gvern u tal-amministrazzjoni jistgħu jiġu riveduti skont il-Kostituzzjoni għall-konformità.

Il-Kostituzzjoni madankollu tipprovdi li ma tinvalida l-ebda att jew miżura li huma meħtieġa minħabba s-sħubija fl-UE. Dan huwa pprovdut fl-Artikolu 29.4.6 tal-Kostituzzjoni. Għalhekk, id-dritt tal-UE jipprevali fuq il-liġijiet nazzjonali kollha inkluża l-Kostituzzjoni. Minħabba l-fatt li d-dritt tal-UE jipprovdi li l-metodi tal-implimentazzjoni tiegħu għandhom jiġu stabbiliti mir-rekwiżiti proċedurali nazzjonali, l-istrumenti li jimplimentaw id-dritt tal-UE għandhom xorta waħda jkunu konformi mar-rekwiżiti proċedurali tal-Kostituzzjoni.

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-2003 tippermetti li l-individwi jinvokaw id-dispożizzjonijiet tal-KEDB quddiem il-Qrati Irlandiżi. Il-KEDB ġiet inkorporata fuq livell sottokostituzzjonali u l-Kostituzzjoni żżomm il-primat. L-Att jirrikjedi li l-qrati jinterpretaw u japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, skont il-preċetti li jinsabu fil-KEDB. Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkonformax mal-KEDB, tinħareġ Dikjarazzjoni ta' Inkompatibilità.

Il-qrati ddeċidew li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jiffurmaw parti mid-dritt nazzjonali bis-saħħa tal-Artikolu 29.3 tal-Kostituzzjoni, iżda biss sa fejn dawn ma jkunux f'kunflitt mal-Kostituzzjoni, mal-leġiżlazzjoni jew mad-dritt konswetudinarju. Il-Ftehimiet Internazzjonali jistgħu jiġu ratifikati biss jekk ikunu skont il-Kostituzzjoni, inkella jkun meħtieġ referendum.

Il-leġiżlazzjoni tista' tiġi sostitwita jew emendata b'leġiżlazzjoni sussegwenti. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tista' tiġi mibdula b'leġiżlazzjoni primarja, bħas-setgħa tad-delega għat-tfassil ta' leġiżlazzjoni sekondarja, iżda l-leġiżlazzjoni sekondarja ma tistax tipprevali fuq il-leġiżlazzjoni primarja. Il-qrati jistgħu jħassru leġiżlazzjoni minħabba li tkun invalida wara li jqisu d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni (il-leġiżlazzjoni ta' wara l-1937) jew minħabba li tkun inkonsistenti mal-Kostituzzjoni (il-leġiżlazzjoni ta' qabel l-1937). Hemm il-preżunzjoni li l-leġiżlazzjoni ta' wara l-1937 hija konsistenti mal-Kostituzzjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-qrati jistgħu jinbidlu bi promulgazzjonijiet leġiżlattivi jew kostituzzjonali u b'deċiżjonijiet sussegwenti ta' qrati ta' grad ugwali jew ogħla.

4. Dħul fis-Seħħ ta' Strumenti supranazzjonali

Il-Kostituzzjoni kif imfassla oriġinarjament ma kinitx kompatibbli mad-dritt tal-Komunità Ewropea. Pereżempju, din kienet tipprovdi li l-Oireachtas kien l-uniku korp leġiżlattiv fl-Istat. Għal din ir-raġuni iddaħħlet dispożizzjoni fil-Kostituzzjoni li tipprovdi li din ma tinvalida l-ebda liġi, att jew miżura meħtieġa minħabba s-sħubija fl-UE. Madankollu, ġie deċiż li jekk il-kamp ta' applikazzjoni u l-objettivi jinbidlu, pereżempju permezz ta' Trattat ġdid, dan għandu jsir permezz ta' referendum għall-poplu u, jekk ikun aċċettat mill-poplu, tiddaħħal dispożizzjoni li tikkonferma li l-Istat jista' jirratifika dan it-Trattat.

Jekk id-dritt tal-UE jirrikjedi traspożizzjoni mill-Istat din tiġi implimentata permezz ta' leġiżlazzjoni primarja jew b'mod aktar ġenerali permezz ta' Strument Statutorju magħmul mill-Gvern jew minn Ministru tal-Gvern.

Skont il-Kostituzzjoni, ftehim internazzjonali jsir parti mid-dritt nazzjonali jekk l-Oireachtas jistabbilixxi dan. Dan normalment isir permezz ta' Att u eżempju ta' dan huwa l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-2003 li permezz tiegħu l-Konvenzjoni ġiet inkorporata fid-dritt nazzjonali, bir-riżultat li l-individwi jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali.

5. L-awtoritajiet li għandhom is-setgħa li jadottaw regoli tad-dritt

Il-Kostituzzjoni tipprovdi li l-Oireachtas, li huwa magħmul mid-Dáil (it-Tieni Kamra) u s-Seanad (l-Ewwel Kamra) u l-President, għandu "is-setgħa waħdanija u esklużiva li jagħmel liġijiet għall-Istat" soġġetti għall-obbligi tas-sħubija Komunitarja kif ipprovdut fil-Kostituzzjoni. Il-leġiżlazzjoni proposta fil-forma ta' Abbozz ta' liġi trid tiġi ffirmata fil-liġi mill-President sabiex tidħol fis-seħħ u jekk il-President ikollu dubji dwar il-kostituzzjonalità tal-Abbozz ta' liġi propost, jista' jlaqqa' lill-Kunsill tal-Istat, u jekk ikun meħtieġ jirreferi l-Abbozz lill-Qorti Suprema biex tiddeċiedi skont l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni.

Kif imsemmi hawn fuq, l-Oireachtas jista' jiddelega s-setgħa ta' tfassil ta' leġiżlazzjoni lil Ministru tal-Gvern jew awtorità oħra u din is-setgħa hija ċirkoskritta strettament mill-istrument li jiddelega. Id-Direttivi tal-UE normalment jiġu implimentati permezz ta' Strument Statutorju minn Ministru. Is-setgħa ta' leġiżlazzjoni tista' tiġi ddelegata lil diversi korpi bħall-Ministri tal-Gvern, bordijiet statutorji, korpi semi-statali, korpi regolatorji, korpi esperti u awtoritajiet lokali.

Skont il-Kostituzzjoni l-Gvern huwa responsabbli mit-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni u jista' jiffirma Trattati u Ftehimiet Internazzjonali u jingħaqad ma' Organizzazzjonijiet internazzjonali soġġett għal rekwiżiti kostituzzjonali.

Skont is-sistema tad-dritt konswetudinarju, il-liġijiet magħmula minn Imħallef huma vinkolanti.

6. Il-proċess tal-adozzjoni tar-regoli tad-dritt

6.1. Il-Kostituzzjoni

L-ewwel stadju ta' emenda għall-Kostituzzjoni, skont l-Artikolu 46, huwa li jitressaq Abbozz ta' liġi fid-Dáil. Dan l-Abbozz ta' liġi jrid jgħaddi miż-żewġ Kmamar tal-Oireachtas u mbagħad irid jitressaq f'referendum lin-nies għall-approvazzjoni jew ir-rifjut tagħhom. Skont l-Artikolu 47(1) il-proposta titqies approvata mill-poplu jekk il-maġġoranza tal-voti mitfugħa tkun favur il-promulgazzjoni tagħha f'liġi. Dan l-abbozz għandu jiġi espress bħala "Att li jemenda l-Kostituzzjoni" u ma għandux ikun fih proposti oħra. Jekk jiġi approvat mill-poplu, il-president għandu jiffirma l-abbozz u "għandu jiġi ppromulgat mill-President bħala liġi".

L-Artikolu 47(2) jipprovdi li proposta magħmula f'referendum li ma temendax il-Kostituzzjoni tgħaddix meta l-maġġoranza tal-voti tkun kontra l-proposta u l-voti mitfugħa kontra l-proposta ma jkunu jammontaw għal iktar minn terz tal-votanti fir-reġistru.

6.2. Proċedura leġiżlattiva

L-ewwel pass fit-tfassil ta' leġiżlazzjoni primarja huwa normalment li jitressaq Abbozz ta' liġi fi kwalunkwe waħda mill-Kmamar tal-Oireachtas. Kull Abbozz ta' liġi mressaq fid-Dáil irid jintbagħat lis-Seanad għall-kunsiderazzjoni u jistgħu jsiru emendi li d-Dáil hija obbligata tikkunsidra. Madankollu, jekk Abbozz ta' liġi jitressaq u jgħaddi fis-Seanad, u wara jiġi emendat mid-Dáil, l-abbozz jitqies li tressaq mid-Dáil u jrid jintbagħat lura lis-Seanad għall-kunsiderazzjoni.

Qabel ma Abbozz ta' liġi jiġi ppromulgat, dan għandu jiġi approvat miż-żewġ Kmamar tal-Oireachtas u jrid jiġi ffirmat mill-President f'liġi. Waqt il-kors leġiżlattiv tiegħu, Abbozz ta' liġi jista' jiġi emendat fid-Dáil u fis-Seanad. Madankollu, il-Kostituzzjoni tikkonsolida s-supremazija tad-Dáil eletta mill-poplu; L-Artikolu 23 jistipula li meta s-Seanad tkun irrifjutat jew emendat Abbozz ta' liġi kontra x-xewqa tad-Dáil, id-Dáil tista' tgħaddi riżoluzzjoni fi żmien 180 jum li tqis li l-Abbozz ta' liġi jkun għadda miż-żewġ Kmamar. Is-Seanad għandha s-setgħa li ddewwem Abbozz ta' liġi sa 90 ġurnata iżda ma għandhiex is-setgħa li żżommu milli jsir Att jew li tibdlu sakemm id-Dáil ma taqbilx.

Il-biċċa l-kbira tal-Abbozzi ta' liġijiet jitressqu fid-Dáil Eireann minn Ministru tal-Gvern.

Abbozzi ta' liġijiet ta' flus (eż. Abbozzi ta' liġijiet li jittrattaw l-impożizzjoni, it-tħassir, il-maħfra jew it-tibdil jew ir-regolazzjoni tat-tassazzjoni u Abbozzi ta' liġijiet li jinvolvu ħlas fuq il-fondi pubbliċi) jistgħu jitressqu u jiġu mgħoddija biss mid-Dáil Éireann. Dan it-tip ta' Abbozz ta' liġi jintbagħat lis-Seanad għar-"rakkomandazzjonijiet".

Il-pass finali fil-proċedura leġiżlattiva huwa li l-President jiffirma l-Abbozz f'liġi. Il-President jista', wara konsultazzjoni mal-Kunsill tal-Istat, jirreferi Abbozz ta' liġi, jew sezzjoni partikolari ta' Abbozz ta' liġi, lill-Qorti Suprema biex din tiddetermina l-kostituzzjonalità. Din hija magħrufa bħala Referenza skont l-Artikolu 26. Ladarba l-Qorti Suprema tiddeċiedi li l-Abbozz ta' liġi huwa kostituzzjonali, qatt ma jista' jerġa' jiġi kkontestat għal raġunijiet kostituzzjonali fil-qrati u l-President huwa meħtieġ li jiffirmah f'liġi. Jekk ikun stabbilit li l-Abbozz ta' liġi jmur kontra l-Kostituzzjoni, il-President għandu jirrifjuta li jiffirmah f'liġi.

6.3. Leġiżlazzjoni Sekondarja

Huwa komunement ipprovdut fl-istatut prinċipali li l-leġiżlazzjoni delegata li jawtorizza tista' tkun annullata jew approvata mill-Oireachtas. Dawn id-dispożizzjonijiet ġeneralment jipprovdu li l-istrumenti "jitressqu quddiem" iż-żewġ Kmamar tal-Oireachtas jew waħda minnhom u dawn jistgħu jannullawhom f'perjodu ta' żmien iddikjarat. Il-leġiżlazzjoni sekondarja kollha li timplimenta l-miżuri tal-UE hija soġġetta għal dan il-mekkaniżmu ta' annullament. Wara l-promulgazzjoni, ċerti strumenti statutorji jridu jiġu ddepożitati f'libreriji magħżula u avviż dwar il-promulgazzjoni tagħhom għandu jiġi ppubblikat fil-Gazzetta uffiċjali tal-Gvern Irlandiż Iris Oifigiúil.

6.4. Id-Dritt Internazzjonali

Il-gvern jista' jiffirma t-Trattati jew Ftehimiet Internazzjonali jew jingħaqad ma' Organizzazzjonijiet Internazzjonali, madankollu tqies li l-gvern ma jistax jagħmel dan jekk ixekkel id-dritt esklużiv mogħti lill-Oireachtas jew b'mod ieħor jikser il-Kostituzzjoni. Għal din ir-raġuni, il-qrati ddeċidew li t-Trattati li jbiddlu l-kamp ta' applikazzjoni u l-objettivi tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux jiġu approvati mill-Gvern sakemm ma jkunux aċċettati mill-poplu f'referendum kostituzzjonali.

7. Dħul fis-seħħ jew regoli nazzjonali

L-emendi għall-Kostituzzjoni jidħlu fis-seħħ wara li jkunu ġew aċċettati miċ-ċittadini u l-Abbozz ta' liġi li jipproponi l-emenda jkun ġie ffirmat mill-President.

Abbozz ta' liġi jsir liġi fil-jum li jiġi ffirmat mill-President u jidħol fis-seħħ f'dik il-ġurnata sakemm l-Att ma jkunx jipprovdi mod ieħor. Il-President normalment ma jiffirmax Abbozz ta' liġi qabel il-ħames jum jew wara s-seba' jum minn meta jkun ġie ppreżentat. Att jista' jispeċifika d-data minn meta għandu jidħol fis-seħħ jew jista' jipprovdi li Ministru jista' jagħmel "ordni ta' bidu" (leġiżlazzjoni sekondarja) sabiex l-Att, jew parti minnu jidħlu fis-seħħ. Il-President għandu l-obbligu li jippromulga Abbozz ta' liġi permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż fl-Iris Oifigiúil fejn jiddikjara li dan sar liġi.

Il-leġiżlazzjoni sekondarja tispeċifika d-data li fiha għandha tibda topera.

Ġeneralment, id-deċiżjonijiet tal-Qorti jidħlu fis-seħħ fil-jum li jittieħdu.

8. Mezzi ta' riżoluzzjoni ta' kunflitti bejn sorsi legali differenti

Hija r-responsabilità tal-qrati li jistabbilixxu kwalunkwe kunflitt bejn regoli jew sorsi legali differenti.

Bla ħsara għall-pożizzjoni superjuri tad-dritt tal-UE, il-Kostituzzjoni hija l-liġi fundamentali tal-Istat u tieħu preċedenza fi kwalunkwe kunflitt ma' liġijiet oħra. Skont l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni, l-individwi jistgħu jikkontestaw il-validità kostituzzjonali tal-leġiżlazzjoni quddiem il-Qorti Għolja. Din id-deċiżjoni tista' tiġi appellata quddiem il-Qorti Suprema. L-individwi jistgħu wkoll jallegaw li d-drittijiet kostituzzjonali jew il-proċedura kostituzzjonali tagħhom inkisru mill-azzjonijiet tal-Istat.

Huwa preżunt li l-leġiżlazzjoni magħmula wara l-adozzjoni tal-Kostituzzjoni tal-1937 hija konformi mal-Kostituzzjoni sakemm ma jiġix stabbilit il-kuntrarju.

Jistgħu jinqalgħu ċirkustanzi li fihom id-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali, jistgħu sa ċertu punt ikunu f'kunflitt. Il-qrati użaw diversi mekkaniżmi sabiex jaslu għal deċiżjonijiet f'dawn il-każijiet inkluża interpretazzjoni litterali jew grammatikali, l-approċċ storiku, l-approċċ teoloġiku jew armonjuż, id-duttrina tal-proporzjonalità, l-approċċ tal-ġerarkija tad-drittijiet u l-approċċ tal-impenn lejn id-dritt naturali u lejn id-drittijiet naturali.

Kien hemm każijiet meta, b'konsegwenza ta' determinazzjoni jew interpretazzjoni kostituzzjonali mhux popolari mill-Qrati, sar referendum biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni.

Jekk individwu jiddikjara li d-drittijiet tiegħu skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem inkisru mil-leġiżlazzjoni, huwa jista' jitlob Dikjarazzjoni ta' Inkompatibilità mill-qrati.

Id-dritt tal-UE jgawdi minn immunità kostituzzjonali billi l-Kostituzzjoni tipprovdi li ma tinvalida l-ebda att jew miżura meħtieġa minħabba s-sħubija, għalkemm il-mezzi ta' implimentazzjoni ta' dawn l-atti jew miżuri jridu jkunu konformi mal-Kostituzzjoni.

Barra mill-kwistjonijiet kostituzzjonali, il-validità tal-leġiżlazzjoni delegata tkun iġġudikata skont il-konformità tagħha mal-istatut prinċipali tagħha.

Aktar informazzjoni dwar is-sistema legali, il-leġiżlazzjoni u l-Kostituzzjoni tal-Irlanda, jinstabu fis-siti li ġejjin:

• https://www.gov.ie/en/organisation/department-of-the-taoiseach

• https://www.courts.ie/judgments

• https://www.irishstatutebook.ie

• http://www.bailii.org

L-aħħar aġġornament: 25/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.