Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Liġi tal-Istat Membru - Latvja

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Latvjan diġà ġew tradotti.

Din il-paġna tipprovdik b’informazzjoni dwar is-sistema legali fil-Latvja.


Sorsi tal-liġi

Il-Latvja għandha sistema legali tal-Ewropa kontinentali. L-aktar sors importanti tal-liġi tagħha hija l-leġiżlazzjoni miktuba.

Il-leġiżlazzjoni

Ir-relazzjonijiet bejn il-korpi stabbiliti skont il-liġi pubblika u l-individwi privati jew detenturi ta' drittijiet oħra huma regolati mil-leġiżlazzjoni (ārējie normatīvie akti).

Tipi ta' leġiżlazzjoni, f'ordni dekrexxenti tal-istatus legali:

  • il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja;
  • l-istatut: il-liġijiet promulgati mill-Parlament;
  • ir-regolamenti tal-Kabinett;
  • ir-regolamenti tal-Bank tal-Latvja, il-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital u l-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi (fis-sistema legali tal-Latvja dawn ir-regolamenti għandhom l-istess status daqs ir-regolamenti maħruġa mill-Kabinett);
  • ir-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali.

Id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea jiġu applikati skont il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tal-atti leġiżlattivi. Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE, l-awtoritajiet u l-qrati jridu jikkunsidraw ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Id-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali japplikaw irrispettivament mis-sors tagħhom skont il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tal-atti leġiżlattivi. Jekk dispożizzjoni tal-liġi internazzjonali u dispożizzjoni tal-liġi tal-Latvja bl-istess status fil-ġerarkija jinstabu li huma inkompatibbli, tapplika d-dispożizzjoni tal-liġi internazzjonali.

L-Istatuti u r-Regolamenti tal-Kabinett huma vinkolanti fil-Latvja, u ħadd ma jista' jgħid li ma jafx bihom. In-nuqqas ta' għarfien tal-istatuti u tar-Regolamenti tal-Kabinett ma jfissirx illi xi ħadd jista' jonqos mid-dmir u r-responsabbiltà li jħarishom.

Ir-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali huma vinkolanti fuq l-individwi privati u l-persuni ġuridiċi kollha fi ħdan il-qasam amministrattiv rilevanti.

L-entitajiet li jistgħu jippromulgaw atti leġiżlattivi huma:

  • iċ-ċittadini tal-Latvja meta jeżerċitaw setgħat leġiżlattivi (10 fil-mija tal-eletturi jistgħu jissottomettu abbozz ta' leġiżlazzjoni lill-Parlament;  iċ-ċittadini jistgħu jieħdu sehem ukoll f'referenda)'
  • is-Saeima (Parlament) għandu s-setgħa jgħaddi l-istatuti;
  • il-Kabinett jista' joħroġ regolamenti meta jkun awtorizzat mill-istatut;
  • il-Bank tal-Latvja, il-Kummissjoni dwar is-Suq Finanzjarju u l-Kapital u l-Kummissjoni dwar l-Utilitajiet Pubbliċi wkoll għandhom is-setgħa joħorġu regolamenti meta awtorizzati mill-istatut;
  • l-awtoritajiet lokali jistgħu joħorġu regolamenti meta awtorizzati mill-istatut.

Ir-regoli pubbliċi interni

Ir-regoli pubbliċi interni (iekšējie normatīvie akti) isiru minn korp regolat mid-dritt pubbliku bl-għan li jistabbilixxi proċeduri għall-operat intern tiegħu jew għal dawk il-korpi subordinati tiegħu, jew biex jikkjarifika l-proċedura biex tiġi applikata l-leġiżlazzjoni ġenerali fi ħdan l-iskop tal-operat tiegħu stess. Ir-regoli pubbliċi interni mhumiex vinkolanti fuq l-individwi privati. Jekk korp jadotta deċiżjoni fir-rigward ta' individwu privat, ma jistax jirreferi għal regola pubblika interna f'dik id-deċiżjoni.

It-tip ta' regoli pubbliċi interni huma:

  • il-kostituzzjoni ta' korp (nolikums), li jiddetermina l-istruttura u l-organizzazzjoni interna tiegħu;
  • ir-regoli interni tal-proċedura (reglaments); dawn jistabbilixxu l-istruttura tal-unitajiet  interni tal-korp u tal-operazzjonijiet tagħhom;
  • rakkomandazzjonijiet (ieteikumi): dawn jistabbilixxu proċeduri għall-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mogħtija skont il-leġiżlazzjoni u r-regoli pubbliċi interni billi jipprovdu għal kors uniformi ta' azzjoni f'ċirkostanzi simili - f'ċerti sitwazzjonijiet ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu injorati jekk ikun hemm ġustifikazzjoni tajba biex isir dan;
  • istruzzjonijiet (instrukcja): dawn jiddeterminaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali u l-prinċipji legali ġenerali;
  • ir-regolamenti interni (iekšējie noteikumi): dawn jiddeterminaw il-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet amministrattivi, kif għandhom iwettqu dmirjiethom l-uffiċjali amministrattivi u persunal ieħor, ir-regoli tal-kondotta, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u kwistjonijiet oħra marbuta mal-operat tal-istituzzjoni konċernata.

Kull xorta ta' regola pubblika interna għandha l-istess status ġuridiku. Jekk ir-regoli pubbliċi interni jinstabu li huma inkompatibbli waħda mal-oħra, japplika l-att maħruġ mill-ogħla awtorità jew uffiċjal.

L-entitajiet li jistgħu joħorġu regoli pubbliċi interni huma:

  • il-Kabinett;
  • membru tal-Kabinett;
  • korp governattiv ta' entità pubblika;
  • il-kap ta' awtorità;

Sorsi tal-liġi: kategoriji

Is-sorsi tal-liġi jistgħu jinqasmu fil-kategoriji li ġejjin:

  • liġijiet u regolamenti (normatīvie akti): atti ġuridiċi li jistabbilixxu regoli ġuridiċi, idaħħluhom fis-seħħ, jew jemendawhom jew iħassruhom; il-liġijiet u r-regolamenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala leġiżlazzjoni jew regoli interni pubbliċi;
  • prinċipji ġenerali tal-liġi; regoli bażiċi miktuba (fi statut jew regolamenti) jew mhux miktuba li jirregolaw il-legalità oġġettiva fil-ħajja soċjali;
  • il-liġi tal-konswetudini; ir-regoli tal-kondotta li żviluppaw bħala riżultat tal-applikazzjoni prattika fuq perjodu ta' żmien storiku; il-liġi tal-konswetudini tiġi applikata fl-iżvilupp tad-drittijiet u l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi jekk il-kwistjoni ma tkunx regolata mill-istatut jew minn leġiżlazzjoni oħra;
  • il-ġurisprudenza: il-korp tas-sentenzi tal-qorti li fihom sejbiet legali korretti u astratti ta' valur sinifikanti li jistgħu jintużaw minn imħallfin f'kawżi oħra bħala raġunijiet għas-sentenzi tagħhom stess;
  • id-duttrina (doktrīna): il-korp ta' opinjonijiet akkademiċi stabbiliti li jipprovdu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi, l-oriġini u l-applikazzjoni tagħhom; issir referenza kbira għad-duttrina fir-raġunijiet tas-sentenzi tal-qrati u tal-korpi pubbliċi amministrattivi.

Il-ġerarkija tas-sorsi tal-liġi

Sorsi primarji tal-liġi

  • il-liġijiet u r-regolamenti: dawn huma s-sorsi tal-liġi bl-ogħla status ġuridiku; jiġu applikati skont il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tal-atti leġiżlattivi;
  • prinċipji ġenerali tal-liġi: dan is-sors tal-liġi jiġi applikat jekk il-kwistjoni konċernata ma tiġix rregolata minn statut jew minn regolament; il-prinċipji ġenerali tal-liġi jintużaw ukoll fl-interpretazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti; ma hemmx ġerarkija fost il-prinċipji ġenerali tal-liġi; it-tnejn għandhom l-istess status fil-liġi;
  • il-liġi tal-konswetudini; din tiġi applikata fl-iżvilupp tad-drittijiet u l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi jekk il-kwistjoni ma tkunx regolata minn statut jew minn leġiżlazzjoni oħra;

Sorsi sekondarji tal-liġi

  • il-ġurisprudenza: is-sentenzi tal-qorti li, skont ir-regoli proċedurali, huma vinkolanti fuq il-qrati li jisimgħu it-talbiet; dawn is-sentenzi għandhom is-saħħa tal-liġi, huma vinkolanti fuq il-partijiet kollha u jridu jinħarsu daqs il-liġi tal-istatut.

Is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali huma vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istat u lokali, l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali, inklużi l-qrati, kif ukoll il-persuni fiżiċi u ġuridiċi. Dispożizzjoni tal-liġi (jew att) meqjusa mill-Qorti Kostituzzjonali bħala inkompatibbli ma' dispożizzjoni tal-liġi ta' status ogħla titqies nulla u bla effett mid-data tal-għotja tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, sakemm il-Qorti Kostituzzjonali ma tiddeċidix mod ieħor.

Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tqis illi ftehim internazzjonali ffirmat jew konkluż mil-Latvja jmur kontra l-Kostituzzjoni, il-Kabinett irid jieħu ħsieb illi l-ftehim jiġi emendat, miċħud, il-validità tiegħu sospiża jew l-adezjoni rtirata.

Jekk deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li ttemm kawża jkun fiha interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi, l-interpretazzjoni hija vinkolanti fuq l-awtoritajiet tal-Istat u lokali kollha, l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali, il-qrati, u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

  • issir referenza kbira għad-duttrina fil-motivazzjonijiet tas-sentenzi tal-qrati u tal-korpi pubbliċi amministrattivi; il-letteratura akkademika ma għandix forza legali, u mhix universalment applikabbli.

Qafas istituzzjonali

L-entitajiet li jippromulgaw il-leġiżlazzjoni

Id-dritt ta' promulgazzjoni huwa f'idejn is-Saeima u ċ-ċittadini tal-Latvja bid-dritt li jieħdu sehem fir-referenda.

Il-Kabinett jista' jippromulga leġiżlazzjoni fil-forma ta' regolamenti (noteikumi) fil-każijiet li ġejjin

  • fuq il-bażi ta' awtorizzazzjoni stabbilita minn statut;
  • sabiex japprova ftehim internazzjonali jew abbozz tiegħu, jiċħad ftehim internazzjonali jew jissospendi l-validità tiegħu, sakemm il-Kostituzzjoni jew il-liġi ma jipprovdux mod ieħor;
  • jekk ikun meħtieġ għall-applikazzjoni tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea u jekk il-kwistjoni konċernata mhix regolata minn statut; dawn ir-regolamenti ma jistgħux ixekklu d-drittijiet fundamentali tal-individwi privati.

Il-Bank tal-Latvja, il-Kummissjoni dwar is-Suq Finanzjarju u tal-Kapital u l-Kummissjoni dwar is-Servizzi Pubbliċi jistgħu jippromulgaw il-leġiżlazzjoni (regolamenti, noteikumi)  biss fuq il-bażi ta' awtorizzazzjoni stabbilita minn statut,u fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tiegħu.

L-awtoritajiet lokali jistgħu jippromulgaw il-leġiżlazzjoni (regolamenti vinkolanti) fuq il-bażi ta' statuti jew ta' Regolamenti tal-Kabinett.

Il-proċess ta' tfassil ta' liġijiet u regolamenti ġodda

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn il-proċeduri għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.

L-istatut

It-tressiq ta' abbozz ta' liġi fil-Parlament

L-abbozz tal-liġi jista' jitressaq quddiem il-Parlament mill-President, il-Kabinett, il-kumitati parlamentari, mhux inqas minn ħames Membri Parlamentari jew, f'każijiet skont il-proċeduri previsti fil-Kostituzzjoni, wieħed minn kull għaxar votant.

L-eżaminazzjoni u l-adozzjoni ta' abbozz ta' liġi fil-Parlament

Il-Parlament jeżamina abbozz tal-liġi fi tliet qari. L-abbozz tal-liġi meqjus urġenti, l-abbozz tal-Baġit tal-Istat, l-emendi fil-Baġit tal-Istat u l-abbozz tal-liġi li jipprovdi għall-adozzjoni ta' ftehimiet internazzjonali jiġi adottat fit-tieni qari.

L-abbozz tal-liġi jiġi meqjus adottat u jsir liġi meta' jkun ġie eżaminat wara tliet qarjiet jew, fil-każijiet msemmija hawn qabel, ikun ġie eżaminat wara żewġ qarjiet u, meta l-abbozz jitqiegħed għal vot, jgħaddi bil-maġġoranza assoluta tal-voti tal-Membri Parlamentari preżenti.

Il-promulgazzjoni tal-liġijiet

Il-liġijiet adottati kollha jintbagħtu mill-Kumitat ta' Tmexxija (Prezidijs) tas-Saeima lill-President għall-promulgazzjoni.

Il-President għandu jipproklama liġijiet adottati mill-Parlament (Saeima) mhux qabel l-għaxar jum u mhux aktar tard mill-wieħed u għoxrin jum wara li l-liġi tkun ġiet adottata. Il-liġi tidħol fis-seħħ fl-erbatax-il jum wara l-promulgazzjoni tagħha (pubblikazzjoni) fil-Latvijas Vēstnesis, il-Gazzetta Uffiċjali, sakemm il-liġi ma tipprovdix għal skadenza differenti.

Id-dritt li tiġi sospiża l-promulgazzjoni ta’ liġi:

Il-President għandu s-setgħa jitlob li liġi terġa' tiġi kkunsidrata mill-ġdid jew li tiġi posposta l-pubblikazzjoni tagħħa sa massimu ta' xahrejn.

Il-President jeżerċita d-dritt li jitlob li liġi terġa' tiġi kkunsidrata mill-ġdid ex officio, iżda l-pubblikazzjoni ta' liġi tista' tiġi posposta biss jekk ikun hemm talba f'dan is-sens minn mhux inqas minn terz tal-Membri Parlamentari kollha. Il-President jew terz tal-Membri Parlamentari kollha jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tal-liġi mis-Saeima.

Liġi sospiża skont il-proċedura msemmija hawn qabel tingħadda għal vot permezz ta' referendum nazzjonali, jekk issir talba f'dan is-sens minn tal-inqas wieħed minn kull għaxar votanti matul il-proċedura tal-ġabra tal-firem. Madankollu, jekk ma ssir l-ebda talba fi żmien xahrejn, il-liġi tiġi ppubblikata. Ir-referendum ma jsirx jekk is-Saeima jerġa' jivvota fuq il-liġi konċernata u jekk tal-inqas tliet kwarti tal-Membri Parlamentari kollha jivvutaw favur l-adozzjoni tagħha.

Liġi adottata mis-Saeima u sospiża mill-President tista' tiġi abrogata mir-referendum jekk tal-inqas nofs il-votanti kollha li pparteċipaw fl-elezzjonijiet preċedenti tas-Saeima jieħdu sehem fir-referendum u l-maġġoranza jivvutaw favur l-abrogazzjoni tal-liġi.

Madankollu, mhux il-liġijiet kollha jistgħu jiġu sottomessi għar-referendum. Il-Baġit u l-liġijiet dwar is-self, it-taxxi, id-dwana, it-tariffi tal-ferrovija, is-servizzi militari, id-dikjarazzjoni u l-bidu tal-gwerra, il-konklużjoni ta' trattat tal-paċi, id-dikjarazzjoni u t-tħassir ta' stat ta' emerġenza, il-mobilizzazzjoni u d-demobilizzazzjoni u l-ftehimiet ma' pajjiżi barranin ma jistgħux jiġu sottomessi għal referendum.

Id-dħul fis-seħħ ta' liġi

Il-liġi tidħol fis-seħħ fl-erbatax-il jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Latvijas Vēstnesis, sakemm il-liġi ma tipprovdix għal skadenza differenti. L-iskadenza għad-dħul fis-seħħ ta' liġi tibda fid-data wara l-pubblikazzjoni ta' dik il-liġi.

It-tħassir ta' statut

Statut ma jibqax fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • mad-dħul fis-seħħ ta' statut li jabroga ta' qablu;
  • mad-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjoni tranżitorja ta' statut ieħor li tipprovdi għall-abrogazzjoni tal-ewwel statut;
  • mad-dħul fis-seħħ ta' sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tħassar il-liġi rilevanti;
  • f'każ ta' liġi adottata għal perjodu limitat, meta l-perjodu li kien maħsub għal dik il-liġi jiskadi.

Ir-regolamenti tal-Kabinett

Is-sottomissjoni ta' abbozz ta' Regolament tal-Kabinett lill-Kabinett

Abbozz ta' Regolament imfassal minn Ministeru, mill-Kanċellerija tal-Istat jew minn korp amministrattiv pubbliku li jwieġeb lill-Prim Ministru jista' jiġi sottomess lill-Kabinett minn membru tal-Kabinett stess.

Abbozz ta' Regolament imfassal min Stat ieħor jew awtorità lokali, NGO jew organizzazzjoni soċjali msieħba jista' jiġi sottomess lill-Kabinett mill-kap tal-korp rilevanti jew permezz tal-membru tal-Kabinett li huwa politikament responsabbli għall-qasam, settur jew diviżjoni tas-settur rilevanti.

L-eżaminazzjoni u l-adozzjoni ta' Abbozz ta' Regolament tal-Kabinett

L-Abbozzi tar-Regolamenti tal-Kabinett sottomessi lill-Kabinett jiġu nnotifikati u diskussi waqt il-laqgħat tas-Segretarji tal-Istat. Ladarba jiġi nnotifikat l-abbozz ta' Regolament tal-Kabinett, dan jintbagħat lill-Ministeri rilevanti għall-approvazzjoni tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, lil istituzzjonijiet rilevanti oħra. Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru għall-Finanzi jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq kull abbozz ta' liġi. Ir-rappreżentanti tal-NGOs jistgħu jissottomettu wkoll l-opinjonijiet tagħhom matul il-proċess ta' approvazzjoni.

L-abbozzi ta' Regolamenti li jkun intlaħaq ftehim dwarhom jiġu eżaminati f'laqgħa tal-Kabinett, filwaqt li dawk l-abbozzi li dwarhom ma ntlaħaqx ftehim jiġu diskussi f'laqgħha tal-Kumitat tal-Kabinett. Kull abbozz miftiehem waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Kabinett jintbagħat għal aktar kunsiderazzjonijiet waqt laqgħa tal-Kabinett. Jekk waqt il-laqgħa tal-Kabinett l-abbozz tar-Regolament jiġi approvat, jitqies li ġie adottat u jsir Regolament tal-Kabinett.

Il-promulgazzjoni tar-Regolamenti tal-Kabinett

Ir-Regolamenti tal-Kabinett jiġu promulgati permezz tal-pubblikazzjoni fil-Latvijas Vēstnesis, il-Gazzetta Uffiċċjali.

Id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Kabinett

Ir-Regolamenti tal-Kabinett jidħlu fis-seħħ fl-erbatax-il jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Latvijas Vēstnesis, sakemm ma jipprovdux mod ieħor.

L-abrogazzjoni tar-Regolamenti tal-Kabinett

Ir-Regolamenti tal-Kabinett ma jibqgħuz fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • mad-dħul fis-seħħ ta' Regolament tal-Kabinett li jabroga ta' qablu;
  • mad-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-aħħar ta' Regolament tal-Kabinett li jabroga lil ta' qablu;
  • jekk ma tibqax fis-seħħ dispożizzjoni tal-liġi li kienet isservi ta' bażi għal Regolament tal-Kabinett;
  • mad-dħul fis-seħħ ta' sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tħassar ir-Regolament tal-Kabinett rilevanti;
  • f'każ ta' Regolament tal-Kabinett adottat għal perjodu limitat, meta l-perjodu li kien maħsub għal validità ta' dik il-liġi jiskadi.

Regolamenti tal-Bank tal-Latvja, tal-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju u Kapitali, u tal-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi

Il-proċedura għall-promulgazzjoni, dħul fis-seħħ u l-abrogazzjoni tar-regolamenti tal-Bank tal-Latvja, tal-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju u Kapitali, u tal-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi hija ekwivalenti għall-proċeduri għall-promulgazzjoni, dħul fis-seħħ u l-abrogazzjoni tar-Regolamenti tal-Kabinett.

Ir-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali

Sottomissjoni tal-abbozz ta' regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali lil kunsill lokali

L-abbozzi tar-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali jistgħu jiġu sottomessi lil kunsill lokali mic-Chairman tal-Kunsill, il-Kumitat tal-Kunsil, il-Membri tal-Kunsill, min ikun ta bidu għal laqgħa straordinarja jew il-kap tal-amministrazzjoni ta' belt, raħal jew parroċċa.

L-eżaminazzjoni u l-adozzjoni ta' abbozzi ta' regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali

L-abbozzi ta' regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali jiġu adottati u jsiru vinkolanti jekk jivvutaw favurihom aktar minn nofs il-membri preżenti tal-kunsill lokali, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mill-istatut.

Il-kunsill jibgħat ir-regolamenti u memorandum ta' spjegazzjoni lill-Ministeru tal-Protezzjoni Ambjentali u l-Iżvilupp Reġjonali bil-miktub u elettronikament fi żmien tlett ijiem mid-data tal-iffirmar. Il-Ministeru jevalwa l-legalità tar-regolamenti fi żmien xahar minn meta jirċevihom u jgħarraf lill-kunsill lokali bil-fehma tiegħu.

Jekk il-fehma tal-Ministeru ma fihiex oġġezzjonijiet fir-rigward tal-legalità tar-regolamenti, jew ma tintbagħat l-ebda opinjoni lill-kunsill lokali fiż-żmien stabbilit, il-kunsill lokali joħroġ ir-regolamenti vinkolanti kif adottati.

Jekk l-opinjoni tal-Ministeru ssib illi r-regolamenti huma illegali jew kollha kemm huma jew b'mod parzjali, il-kunsill lokali jagħmel l-emendi neċessarji skont dik l-opinjoni u joħroġ regolamenti emendati. Jekk il-kunsill lokali ma jaqbilx mal-opinjoni kollha jew parti minnha, għandu jagħti raġunijiet għalfejn fid-deċiżjoni tiegħu u joħroġ ir-regolamenti. Ir-regolamenti jintbagħtu lill-Ministeru tal-Protezzjoni Ambjentali u l-Iżvilupp Reġjonali bil-miktub u elettronikament fi żmien tlett ijiem mid-data tal-iffirmar.

Il-promulgazzjoni tar-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali.

Il-kunsill lokali jippromulga r-regolamenti vinkolanti bil-pubblikazzjoni f'gazzetta lokali jew pubblikazzjoni mingħajr ħlas. Kunsill ta' belt (Republikas pilsētas dome) jippromulga regolamenti vinkolanti bil-pubblikazzjoni fil-Latvijas Vēstnesis, il-gazzetta uffiċjali tal-Latvja. Il-memorandum ta' spejgazzjoni jiġi ppubblikat flimkien mar-regolamenti.

Malli jidħlu fis-seħħ, ir-regolamenti jiġu ppubblikati fuq l-internet fuq is-sit elettroniku tal-awtorità lokali. Ir-regolamenti vinkolanti tal-kunsilli muniċipali (novada domes) huma disponibbli wkoll fil-bini nnifsu tal-kunsill u fl-uffiċċji tal-parroċċa jew tal-amministrazzjoni tal-belt.

Il-Ministeru għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Iżvilupp Reġjonali jippubblika r-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali fis-sit elettroniku tiegħu.

Id-dħul fis-seħħ tar-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali.

Ir-regolamenti vinkolanti jidħlu fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħhom f'gazzetta jew pubblikazzjoni mingħajr ħlas, sakemm ma jispeċifikawx data aktar 'il quddiem għad-dħul fis-seħħ tagħhom.

L-abrogazzjoni tar-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali

Ir-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali ma jibqgħux fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • mad-dħul fis-seħħ ta' regolamenti vinkolanti li jabrogaw ta' qabilhom;
  • mad-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-aħħar ta' regolamenti vinkolanti oħra li jabrogaw lil ta' qabilhom;
  • jekk ma tibqax fis-seħħ dispożizzjoni ta' liġi ogħla li kienet isservi ta' bażi għar-regolamenti vinkolanti rilevanti;
  • mad-dħul fis-seħħ ta' sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tħassar ir-regolamenti rilevanti;
  • f'każ ta' regolamenti vinkolanti adottati għal perjodu limitat, meta jiskadi l-perjodu li kien maħsub għal validità tar-regolamenti.

Bażijiet tad-dejta legali

Latvijas Vēstnesis, il-gazzetta uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja

Il-pubblikazzjoni uffiċjali Latvijas Vēstnesis hija l-gazzetta uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja. Il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni fil-gazzetta tikkostitwixxi pubblikazzjoni uffiċjali.

  • Il-pubblikazzjoni uffiċjali hija awtentika u legalment vinkolanti.
  • Ħadd ma jista' jgħid li ma jafx bl-atti legali jew l-avviżi uffiċjali ppubblikati fil-gazzetta uffiċjali.

Mill-1 ta' Lulju 2012, il-gazzetta uffiċjali Latvijas Vēstnesis qed tiġi ppubblikata f'format elettroniku fis-sit Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.vestnesis.lv/. L-informazzjoni ppubblikata fis-sit elettroniku Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.vestnesis.lv/ qabel dik id-data hija maħsuba biss għal skopijiet ta' tagħrif. Il-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni fil-verżjoni stampata tal-Latvijas Vēstnesis tikkostitwixxi l-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha.

Il-leġiżlazzjoni konsolidata

L-istatuti, ir-Regolamenti tal-Kabinett u liġijiet u regolamenti oħra konsolidati huma disponibbli fis-sit elettroniku leġiżlattiv Latvjan Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.likumi.lv/. Il-liġijiet u r-regolamenti konsolidati kollha ppubblikati fis-sit elettroniku huma għal skopijiet ta' tagħrif biss. Is-sit elettroniku huma miżmum mill-pubblikatur uffiċjali Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaVSIA Latvijas Vēstnesis.

Il-pubblikatur uffiċjali

Il-pubblikatur tal-gazzetta uffiċjali Latvijas Vēstnesis huwa l-istess wieħed li kien jippubblika l-gazzetta uffiċjali preċedenti li kellha l-istess isem: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaVSIA Latvijas Vēstnesis.

Il-pubblikatur uffiċjali jopera skont l-istandards internazzjonali ISO 9001:2008 (sistema ta' ġestjoni) u ISO 270001:2005 (informazzjoni ta' sigurtà).

Il-bażi tad-dejta hija mingħajr ħlas?

Iva, Latvijas Vēstnesis hija disponibbli mingħajr ħlas. L-arkivju elettroniku tal-gazzetta Latvijas Vēstnesis huwa disponibbli wkoll mingħajr ħlas. L-aċċess għas-sit elettroniku tal-atti leġiżlattivi konsolidati wkoll huwa mingħajr ħlas.

Ħoloq

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSaeima (Parlament) tar-Repubblika tal-Latvja, Il-Kabinett tar-Repubblika tal-Latvja, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Bank tal-Latvja, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kummissjoni dwar is-Suq Finanzjarju u tal-Kapital, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-awtoritajiet lokali Latvjani, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-gazzetta uffiċjali Latvijas Vēstnesis, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.likumi.lv/


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 07/01/2016