Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Liġi tal-Istat Membru - Portugall

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

 

Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali fil-Portugall.


1. Strumenti, jew sorsi tal-liġi, li jistabbilixxu n-normi ġuridiċi

Dawn li ġejjin huma tradizzjonalment meqjusa bħala sorsi tal-liġi fil-Portugall:

(a) Liġijiet kostituzzjonali, li jinkludu l-Kostituzzjoni Portugiża nnifisha, liġijiet kostituzzjonali oħra u liġijiet li jemendaw il-Kostituzzjoni.

(b) "Ir-regoli u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali ġenerali jew komuni", "ir-regoli stabbiliti fi ftehimiet internazzjonali approvati jew irratifikati", "regoli maħruġa minn korpi kompetenti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali li huwa msieħeb magħhom il-Portugall..., bil-kundizzjoni li dan jitniżżel fit-trattati kostitwenti rispettivi" u "d-dispożizzjonijiet tat-trattati li jirregolaw l-Unjoni Ewropea u r-regoli maħruġa mill-istituzzjonijiet tagħha fil-qadi tad-dmirijiet rispettivi tagħhom" (l-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni).

(c) Liġijiet ordinarji, li jinkludu liġijiet ippromulgati mill-Assemblea tar-Repubblika, bosta dekreti/liġijiet ippromulgati mill-Gvern u dekreti leġiżlattivi reġjonali adottati mill-Assemble Leġiżlattivi tar-Reġjuni Awtonomi tal-Azores u l-Madeira.

(d) Strumenti li għandhom l-istess effett ta' liġijiet, bħal atti li japprovaw il-konvenzjonijiet internazzjonali, it-trattati jew il-ftehimiet, deċiżjonijiet ġeneralment vinkolanti tal-Qorti Kostituzzjonali li jiddikjaraw miżuri mhux kostituzzjonali jew illegali, ftehim kollettiv u strumenti kollettivi oħra dwar ir-relazzjonijiet industrijali.

(e) Regolamenti, jew strumenti leġiżlattivi ta' livell inferjuri għal liġi, li għandhom l-għan li jikkumplimentaw il-liġijiet u jimlew id-dettalji nieqsa tagħhom sabiex jistgħu jiġu applikati jew implimentati. Dawn jinkludu digrieti ta' implimentazzjoni, regolamenti, digriet, digriet reġjonali ta' implimentazzjoni, deċiżjonijiet, regoli, ordnijiet ministerjali ta' implimentazzjoni, ordnijiet eżekuttivi, regolamenti tal-pulizija maħruġa mill-Gvernaturi Ċivili, u ordnijiet u regolamenti muniċipali.

2. Sorsi oħra tal-liġi

Hemm diversi opinijonijiet dwar l-ammissibiltà u l-importanza ta' sorsi oħra barra l-isfera tal-poter politiku tal-Istat li joħloq liġi bil-miktub, għaliex jiddependi fuq jekk is-sorsi jiġux meqjusa bħala mezz li jistabbilixxi regoli ġuridiċi jew mezz li jrendihom pubbliċi, jew it-tnejn f'daqqa. Xi drabi ssir distinzjoni bejn sorsi diretti u indiretti, u b'hekk jiġu evitati diffikultajiet ġejjin minn differenzi fl-approċċ bażiku.

Dawn li ġejjin huwa magħrufa bħala sorsi potenzjali tal-liġi:

(a) Il-konswetudni, jiġifieri l-adozzjoni ripetuta u abitwali ta' mġieba partikolari li hija ġeneralment meqjusa bħala mandatorja. Din tista titqies bħala sors tal-liġi biss f'ċerti oqsma. Ir-regoli maħluqa b'dan il-mod jistgħu, pereżempju, jinstabu fil-qasam tad-dritt pubbliku internazzjonali (pereż. l-prinċipju tal-immunità mill-prosekuzzjoni tal-Istati barranin), id-dritt privat internazzjonali u d-dritt amministrattiv.

(b) Il-ġurisprudenza, jiġifieri l-prinċipji li joħorġu mis-sentenzi u d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati; għal ċerti nies il-ġurisprudenza ma tikkostitwixxix sors ġenwin ta' liġi iżda sempliċement tispjega xi jfissru d-dispożizzjonijiet ġuridiċi billi ssolvi l-problemi ta' interpretazzjoni li jistgħu mbagħad jintużaw f'ċirkostanzi oħra skont l-importanza tal-argumenti loġiċi u tekniċi li fuqhom huma bbażati. Ċerti awturi jinkludu f'din il-kategorija mhux biss id-deċiżjonijiet tal-qrati f'kawżi speċifiċi iżda wkoll deċiżjonijiet ġuridiċi li għandhom is-saħħa ta' liġi (deċiżjonijiet normalment vinkolanti tal-Qorti Kostituzzjonali) għaliex, fil-fehma tagħhom, huma lkoll strumenti li verament joħolqu liġi ta' applikazzjoni ġenerali.

(c) L-ekwità, fejn il-qrati għandhom is-setgħa jfasslu regoli ġuridiċi skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-kawżi individwali mressqa quddiemhom, billi jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipji ġenerali tal-ġustizzja u l-għarfien morali tal-imħallef. "Il-qrati jistgħu jieħdu deċiżjoni bbażata fuq l-ekwità biss fejn: (a) hemm dispożizzjoni ġuridika li tippermettiha; (b) hemm ftehim bejn il-partijiet u hemm il-possibiltà ta' appell quddiem qorti superjuri; (c) il-partijiet ftehmu minn qabel dwar l-ekwità", l-Artikolu 4 tal-Kodiċi Ċivili.

(d) L-użu, fi kliem ieħor prattiċi soċjali ripetuti li mhumiex ikkunsidrati mandatorji iżda huma meqjusa importanti fi tranżazzjonijiet ġuridiċi, b'mod partikolari fil-formalizzazzjoni ta' relazzjonijiet ġuridiċi, speċjalment fil-qasam tal-kummerċ. L-użu jista' jiġi kkunsidrat mill-qrati meta huwa provvdut bil-liġi u meta ma jmurx kontra "l-prinċipji tal-bona fede" (l-Artikolu 3 tal-Kodiċi Ċivili). Ir-regoli ġuridiċi għalhekk ma jistgħux jinħolqu b'mod indipendenti permezz tal-użu, u ħafna ma jqisux l-użu bħala sors ġenwin tal-liġi.

(e) It-teorija ġuridika, jew l-opinjonijiet tal-kittieba ġuridiċi, ma għandhomx jitqiesu bħala sors ġenwin tal-liġi, għalkemm għandhom rwol importanti fl-iżvilupp xjentifiku u tekniku tal-għarfien ġuridiku u konsegwenzi importanti fir-riżultat finali tax-xogħol ta' dawk responsabbli għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli ġuridiċi.

3. Ġerarkija tas-sorsi tal-liġi

Meta ssir referenza għall-ġerarkija tal-liġijiet, din hija l-istat relattiv tad-diversi strumenti, fi kliem ieħor il-pożizzjoni tagħhom skont skala ta' ordni.

B'rabta ma' din l-iskala uħud isostnu li ġerarkija tista' tiġi stabbilità biss fuq il-bażi ta' metodu ta' ħolqien. Skont din il-fehma, il-ġerarkija mhix ibbażata fuq l-istatus relattiv tar-regoli ġuridiċi iżda bbażata bejn is-sorsi li minnhom ġew maħluqa.

Tkun liema tkun il-fehma magħżula, jista' jitfassal ordni ta' preċedenza.

L-ordni ġerarkiku tas-sorsi differenti mniżżla fit-Taqsima 1 huwa kif ġej:

1.il-Kostituzzjoni u l-liġijiet kostituzzjonali

2. ir-regoli u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali ġenerali jew komuni u l-ftehimiet internazzjonali (jiġifieri l-istrumenti kolha msemmija fis-sezzjoni 1(b));

3. liġijiet u d-dekreti/liġi;

4. digriet leġiżlattivi reġjonali

5. strumenti li għandhom l-istess effett ta' liġi;

6. regolamenti.

4. Proċeduri biex regoli internazzjonali jidħlu fis-seħħ fil-Portugall

L-istrumenti leġiżlattivi internazzjonali jiġu trasposti fil-liġi Portugiża skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni Portugiża:

(a) "Ir-regoli u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali ġenerali jew komuni huma parti integrali mil-liġi Portugiża".

(b) "Ir-regoli rratifikati jew approvati fi ftehimiet internazzjonali jidħlu fis-seħħ fil-liġi Portugiża meta jkunu ppubblikati uffiċjalment, u jibqgħu hekk sakemm jorbtu internazzjonalment lill-Istat Portugiż".

(c) "Regoli maħruġa mill-korpi kompetenti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li tagħhom huwa membru l-Portugall jidħlu fis-seħħ direttament fil-liġi nazzjonali Portugiża, bil-kundizzjoni li din titniżżel fit-trattati kostitwenti rispettivi".

(d) "Id-dispożizzjonijiet tat-trattati li jirregolaw l-Unjoni Ewropea u r-regoli maħruġa mill-istituzzjonijiet fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom japplikaw fil-liġi nazzjonali Portugiża skont id-dritt tal-Unjoni u b'rispett tal-prinċipji fundamentali ta' Stat demokratiku bbażat fuq l-istat tad-dritt".

5. Id-diversi awtoritajiet li għandhom is-setgħa jadottaw regoli ġuridiċi

L-awtoritajiet li għandhom is-setgħa jadottaw regoli ġuridiċi huma l-Assemblea tar-Repubblika, il-Gvern, il-Gvernijiet Reġjonali u l-Assemblej Leġiżlattivi tal-Azores u l-Madeira, l-awtoritajiet lokali u ċerti awtoritajiet amministrattivi.

6. Il-proċess li bih jiġu adottati dawn in-normi ġuridiċi

Il-metodu ta' adozzjoni ta' dawn in-normi jvarja skont il-proċeduri speċifiċi li jridu jiġu segwiti minn kull korp leġiżlattiv għall-adozzjoni tan-normi. It-tipi differenti ta' strumenti leġiżlattivi għalhekk jinħolqu permezz ta' proċessi differenti. L-aktar żewġ proċeduri formali u importanti għall-adozzjoni tan-normi ġuridiċi huma deskritti hawn isfel.

L-aktar proċedura kumplessa, li tinvolvi l-Assemblea tar-Repubblika, tinkludi l-istadji li ġejjin:

(a) It-tnedija tal-leġiżlazzjoni: is-setgħa biex tiġi ppromulgata leġiżlazzjoni qiegħda "għand il-Membri, il-gruppi parlamentari u l-Gvern, kif ukoll, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, gruppi fost l-elettorat irreġistrat. Is-setgħa biex tiġi ppromulgata liġi b'rabta mar-reġjuni awtonomi qiegħda f'idejn l-Assemblea Leġiżlattiva" rispettiva (l-Artikolu 167(1) tal-Kostituzzjoni).

(b) L-ammissjoni, il-pubblikazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-għoti ta' numru u l-evalwazzjoni inizjali: din il-fażi tinvolvi l-eżami ta' ammissibbiltà tal-abbozz, il-pubblikazzjoni tat-test fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Assemblea tar-Repubblika, l-ipproċessar amministrattiv u, fl-aħħarnett, l-evalwazzjoni tal-kontenut tagħha.

(c) Diskussjoni u approvazzjoni: dan jinvolvi dibattitu dwar kwistjonijiet ġenerali, dibattitu ieħor fuq punti speċifiċi, vot fuq l-abbozz fl-intier tiegħu, vot fuq punti speċifiċi u vot finali kumplessiv. Biex abbozz jgħaddi mill-Parlament, dan jista' jeħtieġ maġġoranza sempliċi, maġġoranza assoluta jew maġġoranza kwalifikata.

(d) Skrutinju mill-President tar-Repubblika fiż-żmien stabbilit bil-liġi, u wara sseħħ jew il-promulgazzjoni tat-test propost jew l-eżerċizzju tad-dritt tal-veto tal-President. Fil-każ imsemmi hawn qabel, il-miżura terġa' tiġi diskussa mill-Assemblea tar-Repubblika. Jekk il-vot jiġi kkonfermat jew isiru xi emendi, it-test jerġa' jingħata lill-President għall-promulgazzjoni, li wkoll trid isseħħ fi żmien stabbilit minn qabel. Il-President tar-Repubblika huwa responsabbli biex "jippromulga l-liġijiet, dekreti-liġi u dekreti regolatorji u jordna l-pubblikazzjoni tagħhom, u jiffirma r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea tar-Repubblika li japprovaw ftehimiet internazzjonali u dekreti oħra tal-Gvern" (l-Artikolu 134(b) tal-Kostituzzjoni).

(e) Il-pubblikazzjoni: meta jiġi ppromulgat, il-President irid jordna li t-test tal-leġiżlazzjoni l-ġdida jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Portugiża.

Il-proċedura li biha l-Gvern jadotta l-leġiżlazzjoni tinkludi l-istadji prinċipali li ġejjin:

(a) It-tnedija tal-leġiżlazzjoni: jitressaq l-abbozz tal-leġiżlazzjoni mill-uffiċju tal-Ministru inkwistjoni.

(b) Inkjesta: matul dan l-istadju, il-Ministru li jipproponi l-abbozz irid jiġbor l-opinjonijiet, u l-korpi speċifikati mill-Kostituzzjoni u bil-liġi jridu jiġu kkonsultati wkoll.

(c) Evalwazzjoni preliminarja u ddettaljata: il-proposti jiġu eżaminati u evalwati wara li jiġu inizjalment approvati.

(d) L-approvazzjoni: minkejja li ċerti tipi ta' leġiżlazzjoni ma għandhomx għalfejn jiġu approvati mill-Kunsill tal-Ministri, il-Kunsill huwa normalment responsabbli biex japprova l-abbozz.

(e) L-iskrutinju: "fi żmien erbgħin ġurnata minn meta jasal dekret tal-gvern għall-promulgazzjoni, ... il-President tar-Repubblika jew jippromulga d-dekret jew jeżerċità d-dritt tal-veto tiegħu. F'każ ta' veto, għandu jinforma lill-Gvern bil-miktub bir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni" (l-Artikolu 136(4) tal-Kostituzzjoni).

(f) Il-pubblikazzjoni tat-test definittiv fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Portugiża.

7. Proċeduri biex jidħlu fis-seħħ regoli nazzjonali

"Il-liġijiet isiru vinkolanti biss wara l-pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali". "Kif tiġi ppubblikata liġi, din tidħol fis-seħħ wara li jiskadi l-perjodu stabbilit mil-liġi nfisha jew, fejn ma jiġi stabbilit l-ebda perjodu, wara l-perjodu stabbiliti minn leġiżlazzjoni speċjali" (l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili).

Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 74/98 tal-11 ta' Novembru 1998, kif emendat mil-Liġi Nru 26/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006:

"1. Strumenti leġiżlattivi u atti oħra ta' natura ġenerali jidħlu fis-seħħ fid-data stabbilita minnhom stess; ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jidħlu fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni.

2. Jekk ma tiġi ffissata l-ebda data, l-atti msemmija fil-paragrafu 1 jidħlu fis-seħħ fit-territorju Portugiż kollu u barra l-Portugall fil-ħames ġurnata wara l-pubblikazzjoni.

4. Il-perjodu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 2 jibda mill-ġurnata eżatt wara l-pubblikazzjoni fuq is-sit elettroniku mmexxi mill-Imprensa Nacional Casa da Moeda, SA."

8. Il-mezzi biex jiġu regolati kunflitti potenzjali bejn id-diversi regoli ġuridiċi

L-aktar rwol importanti f'dan il-qasam huwa dak tal-Qorti Kostituzzjonali, li trid tiddikjara jekk ir-regoli jmorrux kontra l-Kostituzzjoni Portugiża u huma għalhekk antikostituzzjonali jew kontra l-prinċipji stabbiliti hemmhekk.

Meta jkunu qed jikkunsidraw każijiet speċifiċi mressqa quddiemhom, il-qrati ma jistgħux japplikaw dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-Kostituzzjoni jew il-prinċipji li joħorġu minnha.

Matul il-proċess ta' interpretazzjoni magħmul sabiex isir bilanċ tal-fatti mressqa quddiemhom għall-evalwazzjoni, il-qrati jridu jsolvu tilwim li joħroġ minn diversi dispożizzjonijiet ġuridiċi, u jżommu dejjem quddiemhom il-ġerarkija tas-sorsi msemmija hawn qabel. Filwaqt li jagħmlu dan, iridu jqisu s-sistema bħala ħaġa waħda, mingħajr ma jqisu l-ebda nuqqas jew inkonsistenzi, b'mod partikolari dawk ta' natura loġika jew semantika, jagħmlu bilanċ taċ-ċirkostanzi sottostanti għall-adozzjoni tar-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi fis-seħħ dakinhar tal-proċedimenti, b'minimu ta' kuntatt bil-miktub, anki jekk espress b'mod imperfett, bl-approċċ użat mil-leġiżlatura u bil-ħsieb illi l-leġiżlatura adottat l-aktar soluzzjonijiet "xierqa" u kienet kapaċi "tesprimi l-intenzjonijiet tagħha f'termini xierqa" (l-Artikolu 9 tal-Kodiċi Ċivili).

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-kunflitti bejn ir-regoli fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, jekk jogħġbok ara t-tema Liġi Applikabbli - il-Portugall.

Bażijiet tad-dejta legali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDigesto huwa l-bażi tad-dejta ġuridika uffiċjali tal-Portugall u fih il-Gazzetta Uffiċjali (Diário da República).

Digesto – Sistema Integrata ta’ Dejta Ġuridika

Tipi ta’ aċċess

Aċċess mingħajr ħlas

L-aċċess għal dan is-sit huwa mingħajr ħlas.

Il-viżitaturi jistgħu jfittxu skont it-tip, in-numru u d-data tal-pubblikazzjoni biex jiksbu:

  • Taqsiriet u t-testi sħaħ tal-atti leġiżlattivi
  • Id-data tad-dħul fis-seħħ

L-aċċess għall-abbonati

  • L-informazzjoni li ġiet annotata, imdaħħla f'katalgu u organizzata taħt intestaturi differenti

Electronic Diário da República

Tipi ta’ aċċess

Aċċess mingħajr ħlas

Il-viżitaturi jistgħu jfittxu skont it-tip, in-numru u d-data tal-pubblikazzjoni biex jiksbu:

  • Taqsiriet u t-testi sħaħ tal-atti leġiżlattivi

L-aċċess għall-abbonati

  • Tiftix skont it-test

Deskrizzjoni fil-qosor tal-kontenut

Bażijiet tad-dejta leġiżlattivi

Fil-Portugall jeżistu l-bażijiet tad-dejta leġiżlattivi li ġejjin.

PCMLEX – bażi tad-dejta ċentrali tas-sistema Digesto

  • Diário da República, Serje I
  • L-atti leġiżlattivi u amministrattivi prinċipali ppubblikati fid-Diário da República, Serje II

LEGAÇOR – Bażi ta-dejta legali reġjonali tal-Azores

  • Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Azores, Serje I

Bażijiet tad-dejta mhux leġiżlattivi

Fil-Portugall jeżistu l-bażijiet tad-dejta mhux leġiżlattivi li ġejjin:

DGO-Dout – Bażi tad-dejta speċifika li fiha fuljetti u opinjonijiet maħruġa mid-Direttorat-Ġenerali għall-Baġit

DGAP-Opinio – Bażi tad-dejta speċifika tad-Direttorat-Ġenerali għall-Amministrazzjoni Pubblika

REGTRAB – Bażi tad-dejta speċifika għall-ftehim kollettiv

Interoperabbiltà

Digesto huwa integrat mal-:

  • Diário da República (Gazzetta Uffiċjali)
  • Assemblea tar-Repubblika (Parlament Portugiż)
  • Il-Qorti Kostituzzjonali
  • Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja
  • Il-Qorti Suprema Amministrattiva
  • Il-Qrati tal-Appell
  • L-opinjonijiet tal-Bord Konsultattiv tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
  • Eur-lex

Id-Diário da República elettroniku huwa integrat ma':

  • Id-Diário da República (Gazzetta Uffiċjali)
  • Is-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Suprema
  • Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Ħoloq utli

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDiário da República - il-Portugall


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 18/07/2017