Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Liġi tal-Istat Membru - Portugall

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali fil-Portugall.


1 Strumenti jew sorsi tad-dritt li jistabbilixxu n-normi ġuridiċi

Dawn li ġejjin tradizzjonalment huma meqjusa bħala sorsi tad-dritt fil-Portugall:

  1. Liġijiet kostituzzjonali - li jinkludu l-Kostituzzjoni Portugiża nnifisha, liġijiet kostituzzjonali varji u liġijiet li jemendaw il-Kostituzzjoni;
  2. Ir-“regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali jew komuni”, ir-“regoli stabbiliti fi ftehimiet internazzjonali debitament ratifikati jew approvati”, ir-“regoli maħruġa mill-korpi kompetenti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li l-Portugall jagħmel parti minnhom (…) bil-kundizzjoni li dan ikun stipulat fit-trattati kostitwenti rispettivi” u d-“dispożizzjonijiet tat-trattati li jirregolaw lill-Unjoni Ewropea u r-regoli maħruġa mill-istituzzjonijiet tagħha fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom” − l-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni;
  3. Liġijiet ordinarji, li jinkludu l-liġijiet promulgati mill-Assemblea tar-Repubblika, l-ordnijiet amministrattivi maħruġa mill-Gvern u d-digrieti leġiżlattivi reġjonali adottati mill-Assemblej Leġiżlattivi tar-Reġjuni Awtonomi tal-Azores u Madeira;
  4. Strumenti b’effett ekwivalenti għal dak tal-liġijiet, bħall-atti li japprovaw konvenzjonijiet, trattati jew ftehimiet internazzjonali, id-deċiżjonijiet li jorbtu b'mod ġenerali tal-Qorti Kostituzzjonali li jiddikjaraw miżuri bħala mhux kostituzzjonali jew illegali, il-ftehimiet kollettivi tax-xogħol u strumenti kollettivi oħra li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol;
  5. Regolamenti, jew strumenti leġiżlattivi ta’ status aktar baxx mil-liġijiet, li l-għan tagħhom huwa li jissupplimentaw il-liġijiet u jimlew id-dettalji sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati jew implimentati. Dawn jinkludu d-digrieti ta' implimentazzjoni, ir-regolamenti, id-digrieti, id-digrieti ta' implimentazzjoni reġjonali, id-deċiżjonijiet, ir-regoli, l-ordnijiet ta' implimentazzjoni ministerjali, l-ordnijiet eżekuttivi, ir-regolamenti tal-pulizija maħruġa mill-Gvernaturi Ċivili, u l-ordnijiet u r-regolamenti muniċipali.

2 Sorsi oħra tad-dritt

Hemm fehmiet differenti dwar l-ammissibbiltà u l-importanza ta’ sorsi oħra barra mill-isfera tas-setgħa politika tal-Istat biex joħloq il-liġi miktuba, skont jekk is-sorsi jkunux meqjusa bħala mezz biex jiġu stabbiliti normi ġuridiċi jew mezz biex jiġu divulgati tali regoli, jew it-tnejn. Xi drabi ssir distinzjoni bejn sorsi diretti u sorsi indiretti, li tevita xi wħud mid-diffikultajiet li jirriżultaw mid-differenzi fl-approċċ bażiku.

Dawn li ġejjin jissejħu komunement bħala sorsi possibbli tad-dritt:

  1. Id-drawwa, fi kliem ieħor, l-adozzjoni ripetuta u abitwali ta’ linja ta’ kondotta partikolari li ġeneralment titqies bħala obbligatorja. Din tista’ titqies bħala sors tad-dritt f’ċerti suġġetti biss. Regoli maħluqa b’dan il-mod jistgħu, pereżempju, jinstabu fil-qasam tad-dritt internazzjonali pubbliku (eż. il-prinċipju tal-immunità tal-Istati barranin mill-prosekuzzjoni), id-dritt internazzjonali privat u d-dritt amministrattiv.
  2. Il-ġurisprudenza, jiġifieri s-sett ta’ prinċipji li joħorġu mis-sentenzi u d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati; f’ċerti kwartieri tiġi meqjusa li ma tikkostitwix sors ġenwin tad-dritt iżda bħala sinifikanti biss biex turi t-tifsira tad-dispożizzjonijiet legali billi tipprovdi soluzzjonijiet għall-problemi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jiġu segwiti f’każijiet oħra skont il-piż tal-argumenti loġiċi u tekniċi li jkunu bbażati fuqhom. F’din il-kategorija, xi awturi jinkludu mhux biss id-deċiżjonijiet tal-qorti f’kawżi speċifiċi iżda wkoll id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom il-forza tal-liġi (id-deċiżjonijiet li jorbtu b'mod ġenerali tal-Qorti Kostituzzjonali) minħabba li, fil-fehma tagħhom, huma kollha strumenti li fil-fatt joħolqu liġi applikabbli b’mod ġenerali.
  3. L-ekwità, li permezz tagħha l-qrati huma mogħtija s-setgħa li jifformulaw normi ġuridiċi xierqa għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kawżi individwali li jkunu qed jeżaminaw, billi jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipji ġenerali tal-ġustizzja u fuq l-għarfien etiku tal-imħallef. “Il-qrati jistgħu jieħdu deċiżjoni bbażata fuq l-ekwità biss meta: (a) ikun hemm dispożizzjoni legali li tippermettiha; (b) ikun hemm qbil bejn il-partijiet u jkun possibbli li jsir appell f'qorti superjuri; (c) il-partijiet ikunu qablu minn qabel li jibbażaw fuq l-ekwità” − l-Artikolu 4 tal-Kodiċi Ċivili.
  4. L-użanza, jew fi kliem ieħor il-prattiki soċjali ripetuti li mhumiex meqjusa bħala obbligatorji iżda li huma meqjusa importanti fit-tranżazzjonijiet legali, b’mod partikolari fil-formalizzazzjoni tar-relazzjonijiet legali, speċjalment fil-qasam tal-kummerċ. L-użanza tista’ jiġi kkunsidrata mill-qrati meta dan ikun previst mil-liġi u meta ma jkunx “kuntrarju għall-prinċipji ta’ bona fide” - l-Artikolu 3 tal-Kodiċi Ċivili. In-normi ġuridiċi għalhekk ma jistgħux jinħolqu b’mod indipendenti permezz tal-użanza, u ħafna ma jqisux l-użu bħala sors ġenwin tal-liġi.
  5. It-teorija legali, jew l-opinjonijiet ta' kittieba legali, ma għandhomx jitqiesu bħala sors ġenwin tad-dritt, għalkemm għandha rwol importanti fl-iżvilupp xjentifiku u tekniku tal-għarfien legali u għandha riperkussjonijiet sinifikanti fuq ir-riżultat finali tal-ħidma ta’ dawk responsabbli għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tan-normi ġuridiċi.

3 Ġerarkija tas-sorsi tad-dritt

Meta ssir referenza għall-ġerarkija tal-liġijiet, dak li jitfisser huwa l-istatus relattiv tal-istrumenti differenti, fi kliem ieħor il-pożizzjoni tagħhom fi skala ordnata.

F’dan ir-rigward, xi wħud jargumentaw li ġerarkija tista’ tiġi stabbilita biss fuq il-bażi tal-metodu ta’ ħolqien. Skont din il-fehma, il-ġerarkija mhijiex ibbażata fuq l-istatus relattiv tan-normi ġuridiċi iżda hija stabbilita biss bejn is-sorsi li jkunu nħolqu bihom.

Irrispettivament minn liema fehma tittieħed, tista’ titfassal ordni ta’ preċedenza.

L-ordni ġerarkika tas-sorsi differenti elenkati fit-taqsima 1 hija kif ġej:

  1. il-Kostituzzjoni u l-liġijiet kostituzzjonali;
  2. ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali jew komuni u l-ftehimiet internazzjonali (jiġifieri l-istrumenti kollha msemmija fit-taqsima 1(b));
  3. il-liġijiet u d-digrieti amministrattivi;
  4. id-digrieti leġiżlattivi reġjonali;
  5. l-istrumenti li għandhom effett ekwivalenti għal dak tal-liġijiet;
  6. ir-regolamenti.

4 Proċeduri għad-dħul fis-seħħ tar-regoli internazzjonali fil-Portugall

L-istrumenti leġiżlattivi internazzjonali jiġu trasposti fil-liġi Portugiża skont il-prinċipji li ġejjin li huma stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni Portugiża:

  1. “Ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali jew komuni jiffurmaw parti integrali mil-liġi Portugiża”;
  2. “Ir-regoli stabbiliti fi ftehimiet internazzjonali debitament ratifikati jew approvati għandhom jidħlu fis-seħħ fil-liġi nazzjonali Portugiża ladarba jkunu ġew ippubblikati b’mod uffiċjali, u għandhom jibqgħu hekk sakemm ikunu jorbtu internazzjonalment lill-Istat Portugiż”;
  3. “Ir-regoli maħruġa mill-korpi kompetenti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li l-Portugall jagħmel parti minnhom għandhom jidħlu fis-seħħ direttament fil-liġi nazzjonali Portugiża, bil-kundizzjoni li dan ikun stabbilit fit-trattati kostitwenti rispettivi”;
  4. “Id-dispożizzjonijiet tat-trattati li jirregolaw l-Unjoni Ewropea u r-regoli maħruġa mill-istituzzjonijiet tagħha fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għandhom japplikaw fil-liġi nazzjonali Portugiża skont id-dritt tal-Unjoni u b’rispett għall-prinċipji fundamentali ta’ Stat demokratiku bbażat fuq l-istat tad-dritt”.

5 L-awtoritajiet differenti li għandhom is-setgħa jadottaw ir-regoli tal-liġi

L-awtoritajiet li għandhom is-setgħa jadottaw ir-regoli tal-liġi huma l-Assemblea tar-Repubblika, il-Gvern, il-Gvernijiet Reġjonali u l-Assemblej Leġiżlattivi tal-Azores u ta’ Madeira, l-awtoritajiet lokali u ċerti awtoritajiet amministrattivi.

6 Proċess għall-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-liġi

Il-mod kif jiġu adottati r-regoli jvarja skont il-proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu segwiti minn kull korp responsabbli għall-adozzjoni tar-regoli. It-tipi differenti ta’ strumenti leġiżlattivi għalhekk jiġu ġġenerati permezz ta’ proċessi differenti. Iż-żewġ proċeduri l-aktar formali u l-aktar importanti għall-adozzjoni tan-normi ġuridiċi huma deskritti hawn taħt.

L-aktar proċedura kumplessa, li tinvolvi l-Assemblea tar-Repubblika, tinkludi l-passi li ġejjin:

  1. Bidu tal-leġiżlazzjoni: “is-setgħa li tinbeda l-leġiżlazzjoni hija f’idejn il-Membri, il-gruppi parlamentari u l-Gvern, kif ukoll, soġġetta għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, f’idejn gruppi ta’ eletturi reġistrati. Is-setgħa li tinbeda l-leġiżlazzjoni fir-rigward tar-reġjuni awtonomi hija f’idejn l-Assemblej Leġiżlattivi reġjonali rispettivi” (l-Artikolu 167(1) tal-Kostituzzjoni).
  2. Ammissjoni inizjali, pubblikazzjoni, reġistrazzjoni, numerazzjoni u valutazzjoni: din il-fażi tinvolvi l-konsiderazzjoni tal-ammissibbiltà tal-abbozz ta’ liġi, il-pubblikazzjoni tat-test fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Assemblea tar-Repubblika, l-ipproċessar amministrattiv u, fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-kontenut tagħha.
  3. Diskussjoni u approvazzjoni: din tinvolvi dibattitu dwar kwistjonijiet ġenerali, dibattitu ieħor dwar punti speċifiċi, votazzjoni dwar l-abbozz ta’ liġi sħiħ, votazzjoni dwar punti speċifiċi u votazzjoni ġenerali finali. Biex l-abbozz ta’ liġi jgħaddi, tista’ tkun meħtieġa maġġoranza sempliċi, maġġoranza assoluta jew maġġoranza kwalifikata.
  4. Skrutinju mill-President tar-Repubblika fil-perjodu stipulat mil-liġi, li warajh il-President jista’ jippromulga t-test propost jew jeżerċita d-dritt tal-veto. Fil-każ tal-aħħar, il-miżura terġa’ tiġi diskussa mill-Assemblea tar-Repubblika. Jekk il-vot jiġi kkonfermat jew isiru emendi, it-test jerġa’ jintbagħat lill-President għall-promulgazzjoni, li trid isseħħ ukoll f’perjodu ta’ żmien stabbilit minn qabel. Il-President tar-Repubblika huwa responsabbli biex “jippromulga liġijiet, ordnijiet amministrattivi u digrieti regolatorji u jordna l-pubblikazzjoni tagħhom, u biex jiffirma r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea tar-Repubblika li japprovaw ftehimiet internazzjonali u digrieti oħra tal-Gvern” (l-Artikolu 134(b) tal-Kostituzzjoni).
  5. Pubblikazzjoni: ladarba tiġi promulgata, il-President irid jordna li t-test tal-leġiżlazzjoni l-ġdida jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Portugiża.

Il-proċedura li l-Gvern jadotta l-leġiżlazzjoni biha tinkludi l-passi prinċipali li ġejjin:

  1. Bidu tal-leġiżlazzjoni: l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni jiġi ppreżentat mill-uffiċċju tal-Ministru kkonċernat;
  2. Stħarriġ: f’dan l-istadju, il-Ministru li jipproponi l-abbozz irid jippreżenta opinjonijiet, u jridu jiġu kkonsultati wkoll il-korpi speċifikati mill-Kostituzzjoni u mil-liġi;
  3. Valutazzjoni preliminari u dettaljata: il-proposti jiġu eżaminati u evalwati ladarba jkunu ġew approvati inizjalment.
  4. Approvazzjoni: għalkemm ċerti tipi ta’ leġiżlazzjoni m’għandhomx għalfejn jiġu approvati mill-Kunsill tal-Ministri, dan tal-aħħar normalment huwa responsabbli biex japprova l-abbozz;
  5. Skrutinju: “fi żmien erbgħin jum mill-wasla ta’ kwalunkwe digriet tal-gvern għall-promulgazzjoni, … il-President tar-Repubblika għandu jew jippromulga d-digriet jew jeżerċita d-dritt tiegħu tal-veto. Fil-każ tal-aħħar, huwa għandu jinforma bil-miktub lill-Gvern dwar ir-raġunijiet għaliex ikun għamel hekk” (l-Artikolu 136(4) tal-Kostituzzjoni);
  6. Pubblikazzjoni tat-test definittiv fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Portugiża.

7 Proċeduri għad-dħul fis-seħħ tar-regoli nazzjonali

“Il-liġijiet għandhom jorbtu biss wara l-pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali.” “Ladarba liġi tkun ġiet ippubblikata, din għandha tidħol fis-seħħ wara li jkun għadda l-perjodu stipulat fil-liġi nnifisha jew, meta ma jkunx stipulat perjodu bħal dan, wara l-perjodu previst f’leġiżlazzjoni speċjali” (l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili).

L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 74/98 tal-11 ta’ Novembru 1998, fil-formulazzjoni attwali tiegħu, jistipula dan li ġej:

“1. L-istrumenti leġiżlattivi u atti oħra ta’ natura ġenerali għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data stipulata fihom; taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu jidħlu fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni.”

“2. Jekk ma tkun stabbilita l-ebda data, l-atti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ fit-territorju Portugiż kollu u barra l-pajjiż fil-ħames jum wara l-pubblikazzjoni.”

“4. Il-perjodu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jibda mill-jum immedjatament ta’ wara l-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet ġestit minn Imprensa Nacional Casa da Moeda, SA.”

8 Mezzi għas-soluzzjoni tal-kunflitti li jistgħu jinqalgħu bejn normi ġuridiċi differenti

L-aktar rwol importanti f’dan ir-rigward huwa dak tal-Qorti Kostituzzjonali, li trid tiddikjara bħala mhux kostituzzjonali kwalunkwe regola li tmur kontra l-Kostituzzjoni Portugiża jew il-prinċipji mnaqqxin fiha.

Meta jkunu qegħdin jikkunsidraw każijiet speċifiċi li jiġu ppreżentati quddiemhom, il-qrati ma jistgħux japplikaw dispożizzjonijiet li jiksru l-Kostituzzjoni jew il-prinċipji li joħorġu minnha.

Matul il-proċess ta’ interpretazzjoni mwettaq bl-għan li jintiżnu l-fatti ppreżentati għall-konsiderazzjoni tagħhom, il-qrati jridu jsolvu kwalunkwe kunflitt li jinqala’ bejn normi ġuridiċi differenti, waqt li dejjem iqisu l-ġerarkija tas-sorsi msemmija aktar ’il fuq. Meta jagħmlu dan, huma għandhom iqisu s-sistema bħala ħaġa sħiħa unifikata, mingħajr ma jirrikonoxxu l-ebda lakuna jew inkonsistenza, b’mod partikolari ta’ natura loġika jew semantika, billi jiżnu ċ-ċirkustanzi li fuqhom tkun ibbażata l-adozzjoni tar-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi li jkun hemm meta jseħħu l-proċedimenti. Dan il-proċess jirrikjedi dejjem korrispondenza minima fil-formulazzjoni, anki jekk espressa b’mod imperfett, mal-approċċ adottat fil-leġiżlazzjoni u billi wieħed jassumi li l-korp leġiżlattiv għażel is-soluzzjonijiet “l-aktar ġudizzjużi” u kien kapaċi “jesprimi l-intenzjonijiet tiegħu f’termini xierqa” (l-Artikolu 9 tal-Kodiċi Ċivili).

Għal dak li jirrigwarda l-kunflitti bejn ir-regoli fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, jekk jogħġbok irreferi għall-iskeda informattiva dwar “Il-liġi applikabbli”.

Bażijiet ta' data ġuridiċi

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDigesto hija l-bażi ta' data ġuridika uffiċjali tal-Portugall u tinkludi l-Gazzetta Uffiċjali (Diário da República).

Digesto — Sistema Integrata ta’ Informazzjoni Ġuridika

Digesto ġie stabbilit bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 48/92 tal-31 ta’ Diċembru 1992 u fih:

  1. L-atti leġiżlattivi ppubblikati fl-ewwel u fit-tieni serje tal-Gazzetta Uffiċjali.
  2. Informazzjoni ġuridika bla ħlas, integrata, dettaljata u aġġornata, b’mod aktar speċifiku:
    1. il-perjodu ta’ validità, id-data tad-dħul fis-seħħ u noti relatati mal-atti ppubblikati fl-ewwel serje tal-Gazzetta Uffiċjali mill-5 ta’ Ottubru 1910 u dokumenti varji minn deċennji preċedenti, u l-atti fit-tieni serje tal-Gazzetta Uffiċjali pproċessati mill-PCMLEX (il-bażi ta' data ċentrali tas-sistema Digesto);
    2. l-informazzjoni kollha rilevanti, bħad-dispożizzjonijiet ta’ abilitazzjoni, ir-regolamenti, il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni, l-emendi prodotti u implimentati, il-liġi Komunitarja applikabbli, il-linji gwida amministrattivi maħruġa mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, il-ġurisprudenza u l-istrumenti kollettivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol;
    3. aċċess għal tliet bażijiet ta' data oħra: LEGAÇOR – il-bażi ta' data leġiżlattiva reġjonali tal-Azores, REGTRAB – il-bażi ta' data speċifika għar-regolamenti tax-xogħol, u DGO–DOUT - bażi ta' data speċifika li fiha ċ-ċirkularijiet u l-opinjonijiet maħruġa mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit.
    4. aċċess, permezz tal-interoperabbiltà mal-bażijiet ta' data ġuridiċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (PGR) u l-parlament Portugiż (permezz tal-bażi ta' data tiegħu, AP – Atividade Parlamentar), għall-ġurisprudenza li toħroġ mill-qrati ewlenin, għall-opinjonijiet tal-PGR u għall-ħidma preparatorja kollha dwar il-liġijiet mill-bidu tal-proċess leġiżlattiv sal-pubblikazzjoni.

Il-Gazzetta Uffiċjali Elettronika (Diário da República Eletrónico – DRE)

Skont l-Ordni Amministrattiva Nru 83/2016 tas-16 ta’ Diċembru 2016, il-Gazzetta Uffiċjali hija servizz pubbliku b’aċċess bla ħlas u universali, ippubblikata biss online. Dan is-servizz pubbliku huwa pprovdut minn Imprensa Nacional-Casa da Moeda, S. A. (INCM), li tippubblika l-Gazzetta Uffiċjali fuq is-sit web tagħha. L-utenti għandhom aċċess universali b’xejn u jistgħu jikkonsultaw, jistampaw, jippreżentaw u jfittxu l-kontenut tal-atti leġiżlattivi ppubblikati fl-ewwel u t-tieni serje tal-Gazzetta Uffiċjali, f’format elettroniku.

Is-servizz ipprovdut mill-Gazzetta Uffiċjali elettronika jrid jinkludi:

  1. it-test legali tal-atti li jirrikjedu l-pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali, skont il-Kostituzzjoni u l-liġi, b’mod aktar speċifiku l-Liġi Nru 74/98 tal-11 ta’ Novembru 1998, emendata u ppubblikata mill-ġdid bil-Liġi Nru 43/2014 tal-11 ta’ Lulju 2014.
  2. għodda għall-konsultazzjoni aġġornata tat-test konsolidat tal-leġiżlazzjoni rilevanti (it-test konsolidat m’għandux valur ġuridiku);
  3. għodda għat-traduzzjoni tat-termini legali;
  4. għodda għat-tiftixiet ta’ kliem ewlenin ta’ atti li jirrikjedu l-pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali;
  5. informazzjoni ġuridika debitament ipproċessata u sistematizzata;
  6. interkonnessjoni ma’ bażijiet ta' data settorjali li jipprovdu informazzjoni ġuridika addizzjonali, b’mod aktar speċifiku l-ġurisprudenza, il-dritt Komunitarju, il-linji gwida amministrattivi u t-teorija ġuridika;
  7. il-konsenja b’xejn fil-kontijiet tal-posta elettronika tal-abbonati, tal-werrej tal-ewwel u t-tieni serje tal-Gazzetta Uffiċjali.

Ħoloq utli:

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Gazzetta Uffiċjali - Il-Portugall


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 17/07/2020