Liġi tal-Istat Membru - Slovakkja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali fis-Slovakkja. Jekk jogħġbok ara l-paġna tal-Ordni Legali – Is-Slovakkja fuq in-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaNetwork Ġudizzjarju Ewropew: l-ordni legali tal-ġustizzja ċivili.


Sorsi tal-liġi

Tipi ta' strumenti legali – deskrizzjoni

It-terminu “sorsi tal-liġi” jintuża fi tliet sensi:

  1. sorsi tal-liġi fis-sens materjali – sorsi materjali tal-liġi
  2. sorsi tal-liġi fis-sens epistemoloġiku – sorsi ta’ għarfien tal-liġi
  3. sorsi tal-liġi fis-sens formali – sorsi formali tal-liġi

Meta wieħed iqis kif inħolqu n-normi legali u l-forma vinkolanti li fihom jiġu espressi, tradizzjonalment issir distinzjoni bejn it-tipi ta’ sorsi tal-liġi li ġejjin:

  • il-konswetudini,
  • preċedent (liġi ġejja mill-ġurisprudenza),
  • leġiżlazzjoni
  • kuntratti normativi,
  • prinċipji legali ġenerali,
  • sens komun,
  • kotba kontemporanji, letteratura ġuridika u opinjonijiet ta' esperti,
  • trattati internazzjonali, fejn ikunu debitament inkorporati fis-sistema legali tar-Repubblika Slovakka.

Ġerarkija ta' normi

Wieħed mill-prinċipji bażiċi tas-sistema ġuridika Slovakka hija l-ġerarkija tan-normi. Huwa importanti ħafna li wieħed jifhem il-post xieraq li jokkupa dan il-prinċipju fil-prattika u l-implimentazzjoni ġuridika. Il-ġerarkija tan-normi mhix, madankollu, sempliċiment kwistjoni ta’ preċedenza jew ta’ subordinazzjoni loġika faċli. Il-ġerarkija hija marbuta mal-kwistjoni sħiħa tal- awtorità leġittima u tinkludi wkoll also includes l-imperattiv kategoriku illi leġiżlazzjoni tista' ssir biss minn korp li jingħata din l-awtorizzazzjoni mil-liġi – fil-limiti tal-liġi u l-poteri leġiżlattivi tagħha.

Il-leġiżlazzjoni hija kklassifikata b’dik li hija magħrufa bħala l-“forza legali”. Il-forza legali tirreferi għall-karatteristiċi tan-normi ġuridiċi, fejn biċċa leġiżlazzjoni issib ruħha taħt oħra (i.e. waħda jkollha forza ġuridika aqwa mill-oħra), jew fejn norma ġuridika titnissel minn oħra b'forza ġuridika aqwa. F’sitwazzjoni li tinvolvi dispożizzjonijiet ġuridiċi b’forzi ġuridiċi differenti, id-dispożizzjoni li tkun iktar dgħajfa ma tistax tikkontradixxi lil dik li tkun iktar b’saħħitha u d-dispożizzjoni li tkun iktar b’saħħitha tista’ tipprevali fuq dik li tkun iktar dgħajfa.

F’termini ta’ livelli ta’ forza ġuridika, id-dispożizzjonijiet ġuridiċi jistgħu jiġu kklassifikati f’termini ta’ ġerarkija kif ġej:

Leġiżlazzjoni primarja (atti)

  • liġijiet kostituzzjonali (dejjem primarji),
  • atti (primarji jew derivati minn atti kostituzzjonali).

Leġiżlazzjoni sekondarja (magħrufa wkoll bħala leġiżlazzjoni subordinata)

  • regolamenti tal-gvern – dejjem sekondarji
  • dispożizzjonijiet ġuridiċi ta’ entitajiet tal-gvern ċentrali – dejjem sekondarji
  • normi ġuridiċi ta' korpi ta' unitajiet indipendenti (awtoritajiet) - primarji jew sekondarji,
  • normi ġuridiċi maħruġa f'ċirkostanzi eċċezzjonali minn awtoritajiet minbarra l-entitajiet tal-gvern - dejjem sekondarji.

Fis-sistema tal-leġiżlazzjoni, liġi li tiġi deskritta bħala li għandha preċedenza tfisser li d-dispożizzjonijiet ġuridiċi l-oħra kollha jridu joriġinaw mil-liġi, ikunu kompatibbli magħha u ma jikkontradixxuhiex. Dan ifisser li, fil-prattika, jekk norma ġuridika li tkun fi skaluna iktar baxxa tal-ġerarkija tikkontradixxi dispożizzjoni li tinsab fi skaluna fuqha, hija d-dispożizzjoni li tinsab fuq l-iskaluna l-għolja li trid tiġi segwita.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni ta' normi ġuridiċi

L-awtoritajiet u l-entitajiet elenkati hawn taħt għandhom is-setgħa li jadottaw il-liġijiet (entitajiet statutorji):

  • il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka – il-Kostituzzjoni, liġijiet kostituzzjonali, liġijiet, trattati internazzjonali superjuri għall-liġijiet, trattati internazzjonali bil-forza ta’ liġi,
  • il-Gvern tar-Repubblika Slovakka – regolamenti tal-gvern,
  • il-ministeri u l-entitajiet l-oħra tal-gvern ċentrali - deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni, dekreti ta' implimentazzjoni u miżuri,
  • l-assemblei tal-muniċipju u l-ibliet - regolamenti ta' applikazzjoni ġenerali,
  • ċittadini (votanti) tar-Repubblika Slovakka – riżultati ta’ referendum bil-forza ta’ liġi kostituzjonali; riżultati ta’ referendum bil-forza ta’ liġi,
  • residenti ta’ muniċipalità jew ta’ belt – riżultati ta’ referendum lokali bil-forza ta’ regolament b'applikazzjoni ġenerali,
  • awtoritajiet tal-muniċipalità u tal-belt u l-entitatjiet tal-gvern lokali - regolamenti ta' applikazzjoni ġenerali.

Il-proċess leġiżlattiv

L-istadji tal-proċess leġiżlattiv:

  • l-introduzzjoni ta' proposta leġiżlattiva - inizjattiva leġiżlattiva,
  • dibattitu fuq l-abbozz,
  • votazzjoni (deċiżjoni dwar l-abbozz ta’ liġi),
  • l-iffirmar tal-abbozz adottat,
  • il-promulga (pubblikazzjoni) ta' biċċa leġiżlazzjoni.

Proċess deċiżjonali

Il-proċess leġiżlattiv

L-introduzzjoni ta' proposta leġiżlattiva - inizjattiva leġiżlattiva

Skont l-Artikolu 87(1) tal-Att Nru 460/1992 (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka), liġijiet jistgħu jiġu introdotti permezz ta':

  • kumitati tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka,
  • membri tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka (magħrufa wkoll bħala l-Membri tal-Parlament),
  • Il-Gvern tar-Repubblika Slovakka.

Il-liġijiet il-ġodda jiġu mqassma f'sezzjonijiet, flimkien ma' noti ta' spjegazzjoni.

Diskussjoni tal-abbozz ta’ Liġi

Skont ir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka (Att Nru 350/1996), l-abbozzi tal-liġijiet jgħaddu minn tliet stadji ta’ qari:

  1. L-ewwel qari jinvolvi dibattitu ġenerali dwar is-sustanza jew dik li hija magħrufa bħala l- ‘filosofija’ tal-liġi proposta. F’dan l-istadju ma jistgħu jiġu proposti l-ebda emenda jew żieda.
  2. Fit- tieni qari, l-abbozz tal-liġi jiġi diskuss mill-kumitat(i) tal-Kunsill Nazzjonali li lilu/lilhom ġie assenjat. Kull abbozz ta’ liġi jrid jgħaddi wkoll mill-Kumitat Kostituzzjonali, b’mod partikolari sabiex tkun żgurata l-kompatibbiltà tiegħu mal-Kostituzzjoni Slovakka, mal-atti kostituzzjonali, mat-trattati internazzjonali li jorbtu lir-Republika Slovakka, mal-atti u mal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Wara dan l-istadju, jistgħu jiġu proposti emendi u żidiet u wara li jiġu kkompletati d-diskussonijiet fil-kumitat(i) issir votazzjoni fuqhom. Din hija r-raġuni għaliex id-diversi pożizzjonijiet jridu jinġiebu flimkien qabel ma' l-abbozz ta’ liġi jiġi diskuss fil-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka.       L-Abbozz imbagħad jintbagħat għand il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka wara lil-Kumitat ta’ Koordinazzjoni japprova r-rapport konġunt tal-kumitati permezz ta’ riżoluzzjoni speċjali. Dan ir-rapport jifforma l-bażi għad-dibattitu fil-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka u għall-votazzjoni fuq it-tieni qari tal-abbozz.
  3. It-tielet qari huwa riservat għal dawk id-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ liġi fejn matul it-tieni qari ġew approvati emendi jew żidiet. Fit-tielet qari, l-uniċi bidliet li jistgħu jressqu l-Membri tal-Parlament huma korrezzjonijiet ta’ żbalji fit-tfassil leġiżlattiv, l-iżbalji tal-grammatika u l-iżbalji fl-ortografija. L-emendi u ż-żiediet li għandhom l-għan li jeliminaw kwalunkwe żball ieħor iridu jitressqu minn minn tal-inqas 30 membru tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka. Hekk kif jintemmu d-dibattiti dwarhom, issir votazzjoni fuq l-abbozz ta’ liġi kollu.

Votazzjoni (deċiżjoni dwar l-abbozz ta’ liġi)

Biex tgħaddi liġi, iridu jivvotaw favuriha mill-inqas nofs il-membri preżenti.

Il-Kostituzzjoni tista’ tiġi emendata u jistgħu jiġu rrevokati artikoli individwali biss jekk dawn jgħaddu b’maġġoranza kkwalifikata, jiġifieri tlieta minn kull ħames membri tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka (3/5 ta' 150).

Ikun hemm kworum fil-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka jekk mill-inqas nofs il-membri tiegħu jkunu preżenti.

L-iffirmar tal-liġi adottata

Il-liġi adottata tiġi ffirmata minn:

  • President tar-Repubblika Slovakka,
  • l-Ispeaker tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka,
  • il-Prim Ministru tar-Repubblika Slovakka.

Dan il-pass fil-proċedura jinvolvi l-verifika tal-kontenut, il-korrettezza proċedurali u l-għamla finali tal-liġi adottata. Bil-firma tagħhom, dawn l-uffiċċjali tal-ogħla livell iħaddnu t-test tal-liġi.

Il-President għandu d-dritt jeżerċita 'veto ta’ sospensjoni' u jirrifjuta li jiffirma att adottat minħabba raġunijiet ta’ kontenut inkorrett. Huwa mbagħad irid jibgħat l-att adottat, flimkien mal-kummenti tiegħu, lill-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka biex jerġgħu jibdew id-dibattiti.

L-att mibgħut lura mbagħad jerġa' jgħaddi mit-tieni u t-tielet qari. F’dan il-punt, il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka jista’ – imma mhux bilfors – jikkunsidra l-kummenti tal-President. Il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka jistgħu jeqleb il-'vot ta' sospensjoni' billi jerġa' jivvota, u f'dan il-każ il-liġi trid tiġi promulgata, anke mingħajr il-firma tal-President.

Il-promulgazzjoni (pubblikazzjoni) tal-liġi

Il-promulgazzjoni hija l-istadju finali fil-proċess leġiżlattiv. Il-leġiżlazzjoni li tapplika fil-pajjiż kollhu tiġi ppubblikata formalment fil-Kollezzjoni tal-Atti Leġiżlattivi (Zbierka zákonov) tar-Repubblika Slovakka; din il-pubblikazzjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk.

Dħul fis-seħħ

Il-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni.

Minħabba l-applikazzjoni territorjali ristretta tagħhom, id-dispożizzjonijiet ġuridiċi lokali jitwaħħlu fuq bord tal-avviżi uffiċjali għal perjodu partikolari, ġeneralment 15-il jum.

Mezzi sabiex tinstab soluzzjoni għal kunflitti potenzjali bejn sorsi differenti tal-liġi

Il-leġiżlazzjoni b'forze ġuridika aktar baxxa ma tistax tikkontradixxi leġiżlazzjoni b'forza ġuridika ogħla minnha.

Il-leġiżlazzjoni tista' tiġi emendata jew imħassa biss minn leġiżlazzjoni tal-istess forza ġuridika jew ogħla minnha.

Fil-prattika, ir-regola biex tinstab soluzzjoni għal kunflitti bejn leġiżlazzjoni li għandha l-istess forza ġuridika hija li leġiżlazzjoni aktar riċenti tħassar jew temenda leġiżlazzjoni aktar antika, jew li norma speċifika tħassar jew temenda norma ġenerali.

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka tirrrevedi u tiddeċiedi dwar:

  • il-konformità tal-liġijiet mal-Kostituzzjoni;
  • il-konformità tal-regolamenti tal-gvern u n-normi ġuridiċi ta' applikazzjoni ġenerali tal-ministeru u entitajiet oħra tal-gvern ċentrali mal-Kostituzzjoni, ma' liġijiet kostituzzjonali u liġijiet oħra.
  • il-konformità ta' regolamenti ta' applikazzjoni ġenerali maħruġa minn korpi ta' entitajiet indipendenti mal-Kostituzzjoni u l-liġijiet;
  • il-konformità ta' normi ġuridiċi ta' applikazzjoni ġenerali maħruġa minn korpi lokali tal-amministrazzjoni ċentrali mal-Kostituzzjoni u leġiżlazzjoni oħra ta' applikazzjoni ġenerali;
  • il-konformità ta' leġiżlazzjoni ta' applikazzjoni ġenerali ma' trattati internazzjonali promulgati bil-metodu stabbilit mil-liġi dwar il-promulgazzjoni leġiżlattiva.

Fejn il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi illi hemm kunflitt bejn żewġ liġijiet differenti, dawn l-atti - jew partijiet jew dispożizzjonijiet minnhom - ma jibqgħux effettivi. Fejn l-entitajiet li ħarġu dan l-att jonqsu milli jarmonizzawh mal-leġiżlazzjoni applikabbli b'forza ġuridika superjuri fiż-żmien preskritt mil-liġi wara li tingħata s-sentenza, l-att - jew partijiet jew xi dispożizzjonijiet tiegħu - jiġi/u nulli.

Bażijiet tad-dejta legali

Il-bażi tad-dejta JASPI tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka

Il- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabażi tad-dejta JASPItal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk tagħtik aċċess għal:

  • liġijiet u leġiżlazzjoni oħra,
  • il-verżjonijiet konsolidati tagħhom wara kull emenda,
  • trattati internazzjonali u sorsi oħra tal-liġi (ippubblikati fil-Kollezzjoni tal-Atti Leġiżlattivi tar-Repubblika Slovakka),
  • deċiżjonjiet ġudizzjarji u opinjonijiet tal-qrati (ippubblikati fir-Rapporti (Zbierka súdnych rozhodnutí) tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka),
  • deċiżjonijiet, opinjonijiet u konklużjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka,
  • deċiżjonijiet magħżula tal-qrati reġjonali u distrettwali,
  • informazzjoni dwar esperti, tradutturi u interpreti.

Kontenut ieħor disponibbli fuq il-bażi tad-dejta JASPI jinkludi:

  • liġijiet u leġiżlazzjoni oħra ippubblikati fil-Kollezzjoni tal-Atti Leġiżlattivi tar-Repubblika Slovakka mill-1945,
  • testi aġġornati tal-liġijiet, avviżi pubbliċi u leġiżlazzjoni oħra adottati,
  • testi ta’ opinjonijiet u ta’ deċiżjonjiet tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka mill-1961,
  • dokumenti tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka minn meta ġiet stabbilita r-Repubblika Slovakka indipendenti (l-1 ta’ Jannar 1993),
  • deċiżjonijiet magħżula tal-qrati reġjonali u distrettwali,
  • informazzjoni dwar esperti, tradutturi u interpreti.

Il-Bażi tad-dejta JASPI hija sistema miftuħa u mhux kummerċjali maħsuba sabiex tagħti liċ-ċittadini aċċess mingħajr ħlas għal informazzjoni ġuridika sħiħa dwar il-pajjiż. L-għan tal-proġett huwa li jipprovdi aċċess malajr u trasparenti għall-informazzjoni ġuridika.

Is-sistema ta’ informazzjoni għall- 'fluss tax-xogħol leġiżlattiv' għandha żewġ applikazzjonijiet funzjonali.

  1. L-ewwel funzjoni hija l-applikazzjoni l-Editjar tal-Abbozzi tal-Liġi, li l-għan ewlieni tagħha huwa li jfassal l-abbozzi, l-emedni u l-emendi kombinati. Il-funzjoni ta' Editjar tikkrea awtomatikament dokumenti ġuridiċi strutturati (struttura XML) skont ir-Regoli Leġiżlattivi tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka. Fil-każ tal-emendi, l-utent jista’ jeditja direttament il-verżjoni kkonsolidata ta’ dokument ġuridiku attwali (atti, regolamenti tal-gvern, eċċ.) u l-applikazzjoni awtomikament toħloq verżjoni emendata. Utent jista’ jara l-verżjoni kkonsolidata ta’ dokument ġuridiku bl-emendi enfasizzati fih. Ir-riżultat finali ikun dokument bi struttura XML. L-abbozz tal-liġi mbagħad jiġi ppubblikat fl-applikazzjoni Portal għall-Fluss tax-Xogħol Leġiżlattiv f’diversi formati.
  2. Il-portal isegwi l-proċessi leġiżlattivi għal kull tip ta' dokument ġuridiku. Tingħata attenzjoni speċjali lill-proċedura ta’ stħarriġ intergovernattiv, li tinvolvi anki konsultazzjonijiet pubbliċi (kulħadd jista’ jissottometti l-kummenti tiegħu). L-utenti tal-portal jistgħu jfittxu dokumenti ġuridiċi faċilment permezz ta’ diversi kriterji, u jistgħu anki jiġu nnotifikati b’email jew b’RSS feed bil-bidliet li jsiru fl-istadju leġiżlattiv jew bil-pubblikazzjoni ta’ abbozz ġdid fl-oqsma li jagħżlu huma. Il-mira huwa li l-proċess leġiżlattiv isir iktar trasparenti u aċċessibbli għal kulħadd.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-portal leġiżlattiv tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 18/03/2019