Rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili

Estonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Estonja

Proċeduri transfruntieri Ewropej - Miżuri ta' Protezzjoni Ewropej f'materji ċivili


*input mandatarju

Artikolu 17 - Informazzjoni magħmula aċċessibbli għall-pubbliku

Il-miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili jistgħu jiġu applikati skont l-Artikolu 1055(1) tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi, li jiddikjara li jekk ikun ikkawżat dannu illegali b’mod kontinwu jew issir theddida ta’ dannu illegali, il-vittma jew il-persuna mhedda jkollha d-dritt li titlob li l-aġir li jkun qed jikkawża d-dannu jintemm jew li ma jsirx theddid b’aġir bħal dak. Fil-każ ta’ offiża fuq il-persuna, dannu għas-saħħa, ksur tal-privatezza jew kwalunkwe dritt ieħor tal-personalità, jista’ jintalab, inter alia, li l-awtur tad-dannu ma jitħalliex javviċina persuna oħra (permezz ta’ ordni ta’ trażżin), li jkun irregolat l-użu tas-settur tal-abitazzjoni jew tal-komunikazzjoni jew li jiġu applikati miżuri simili oħra. L-Artikolu 475(1)(7) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni ċivili, li skonthom il-proċedimenti b’rikors jinkludu l-impożizzjoni ta’ ordni ta’ trażżin u miżuri simili oħra għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità kif stipulati fl-Artikoli 544-549 tal-Kapitolu 55, li jistabbilixxu l-proċedura għall-applikazzjoni ta’ ordni ta’ trażżin b’mod aktar preċiż. Skont l-Artikoli 378(1)(3), 546 u 551(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-miżuri ta’ protezzjoni ċivili jistgħu jiġu applikati wkoll bħala miżura ta’ garanzija tar-riżultat ta’ kawża jew bħala miżura proviżorja fi proċedimenti b’rikors.

Skont l-Artikolu 1055(1) tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi, jaf ikun meħtieġ li l-awtur tad-dannu jiġi pprojbit milli javviċina persuni oħra (jiġifieri b’impożizzjoni ta’ ordni ta’ trażżin), li l-użu tas-settur tal-abitazzjoni jew tal-komunikazzjoni jiġi rregolat jew li jiġu applikati miżuri simili oħra. Għaldaqstant, il-miżuri li jistgħu jiġu applikati għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità mhumiex elenkati b’mod eżawrjenti fl-Att, u f’każijiet partikolari jaf tintalab l-applikazzjoni ta’ miżura xierqa u neċessarja. Fl-analiżi tal-2008 tal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-ordnijiet ta’ trażżin, il-Qorti Suprema ħadet il-pożizzjoni li jekk persuna esposta għal riskju u l-persuna li qed tikkaġuna r-riskju jgħixu (jew jaħdmu) qrib ħafna ta’ xulxin, ikun jixraq aktar li jiġu rregolati l-arranġamenti ta’ kuntatt tagħhom, u l-kontenut tal-projbizzjonijiet (il-miżuri ta’ protezzjoni) jista’ jkun jikkonsisti primarjament minn lista ta’ azzjonijiet projbiti. Għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ċivili, mhux meħtieġ li jkun sar att illegali kontra l-persuna esposta għal riskju. Ikun biżżejjed li l-aġir preċedenti tal-konvenut ikun raġuni biżżejjed biex tikkaġuna biża’ li l-konvenut jista’ jikkawża dannu lill-vittma, dannu lil saħħitha jew jikser id-drittijiet tal-privatezza jew drittijiet tal-personalità oħrajn tal-vittma.

Ma hemmx statistika disponibbli dwar il-perjodu medju ta’ applikazzjoni tal-miżuri. Fl-Estonja huwa possibbli li jiġu applikati bosta miżuri għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet tal-personalità skont l-Artikolu 1055 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi għal perjodu sa massimu ta’ tliet snin. F’konformità mal-analiżi tal-ġurisprudenza dwar l-ordnijiet ta’ trażżin li tħejjiet mill-Qorti Suprema fl-2008, il-qrati, ġeneralment, applikaw l-ordnijiet ta’ trażżin għal perjodu massimu ta’ tliet snin.

Ir-Regolament Nru 606/2013 ikopri l-miżuri ta’ protezzjoni applikati f’kawżi ċivili. Ir-Regolament Nru 606/2013 ma japplikax għall-miżuri ta’ protezzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2201/2003.

Persuna esposta għal riskju jew persuna li tkun ġarrbet ħsara tista’ titlob għall-applikazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ protezzjoni, jew fi proċedimenti separati jew inkella flimkien ma’ talba oħra. Sabiex tiġi implimentata miżura ta’ protezzjoni, il-persuna esposta għal riskju trid tressaq talba lill-qorti tal-kontea tal-post ta’ residenza jew l-aħħar post ta’ residenza magħruf tal-persuna li tikkawża r-riskju, f’konformità mal-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. Il-qrati jipproċessaw ir-rikorsi skont il-proċedimenti b’rikors. Qabel ma tapplika miżura ta’ protezzjoni, il-qorti tisma’ lill-persuna li għaliha tkun intalbet l-applikazzjoni tal-miżura, u lill-persuna fl-interess ta’ liema jsiru l-proċedimenti għall-applikazzjoni tal-miżura. Meta jkun meħtieġ, il-qorti tisma’ wkoll lill-persuni f’rabta mill-qrib mal-persuni speċifikati hawn fuq, jew lill-muniċipalità rurali jew lill-gvern tal-belt jew lill-awtorità tal-pulizija tal-post ta’ residenza tal-persuni.

Ir-rikorsi mressqa quddiem qorti jridu jitfasslu bl-Estonjan u jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 338 u 363 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Skont l-Artikolu 338 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, dokument proċedurali ppreżentat lill-qorti minn parteċipant fil-proċedimenti jrid jistabbilixxi:

  1. l-ismijiet, l-indirizzi u n-numri tat-telekomunikazzjoni tal-parteċipanti fil-proċedimenti u tar-rappreżentanti potenzjali tagħhom;
  2. isem il-qorti;
  3. il-merti tal-kawża;
  4. għall-kwistjoni li qed tiġi ttrattata, in-numru tal-kawża ċivili;
  5. it-talba ppreżentata mill-parteċipant fil-proċedimenti;
  6. iċ-ċirkostanzi li t-talba hija bbażata fuqhom;
  7. lista ta’ appendiċijiet għall-att proċedurali;
  8. il-firma tal-parteċipant fil-proċedimenti jew ir-rappreżentant tagħhom jew, għal dokument trażmess elettronikament, firma diġitali jew mezz ieħor ta’ identifikazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 336 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Att proċedurali jrid jindika l-kodiċi ta’ identifikazzjoni personali jew, fin-nuqqas ta’ dan, id-data tat-twelid tal-persuna fiżika.

Jekk parteċipant fil-proċedimenti ma jkunx jaf l-indirizz jew data oħra ta’ parteċipant ieħor fil-proċedimenti, id-dokument proċedurali jrid jistabbilixxi l-miżuri meħuda mill-parteċipant fil-proċedimenti sabiex tinkiseb din l-informazzjoni.

Ir-rikorsi kollha jridu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti f’forma ttajpjata u leġġibbli. Meta jkun possibbli, għandhom jiġu ppreżentati wkoll lill-qorti kopji elettroniċi tad-dokumenti proċedurali ppreżentati bil-miktub. Rappreżentanti kuntrattwali, nutara, marixxalli tal-qorti, riċeventi f’falliment, aġenziji tal-istat u tal-gvern lokali u persuni ġuridiċi oħra jippreżentaw id-dokument lill-qorti b’mod elettroniku sakemm ma jkunx hemm raġuni valida biex id-dokumenti jiġu ppreżentati f’għamla oħra. Regoli aktar dettaljati għall-preżentazzjoni tad-dokumenti elettroniċi lill-qrati, ir-rekwiżiti għall-format tad-dokumenti u l-lista ta’ dokumenti li jridu jiġu ppreżentati permezz tal-portal huma stipulati f’Regolament maħruġ mill-ministru responsabbli għal dan il-qasam. Parteċipant fi proċediment irid, meta jippreżenta lill-qorti dokumenti bil-miktub u appendiċijiet tagħhom, jipprovdi l-għadd meħtieġ ta’ traskrizzjonijiet ta’ dawk id-dokumenti li jridu jiġu nnotifikati lill-parteċipanti l-oħra fil-proċediment sakemm id-dokumenti ma jkunux iridu jiġu ppreżentati elettronikament.

Trid titħallas tariffa statali ta’ EUR 50 mal-preżentazzjoni tar-rikorsi jew tal-appelli f’materji rieżaminati skont il-proċedimenti b’rikors. Trid titħallas tariffa statali ta’ EUR 50 mal-preżentazzjoni ta’ rikors għal garanzija tar-riżultat ta’ kawża.

Skont il-liġi tal-Estonja, ma hemmx bżonn ta’ rappreżentant fil-qorti għall-parteċipanti fi proċedimenti għal proċedimenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ċivili.

Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni jew l-emendar ta’ ordni ta’ trażżin jew ta’ miżura oħra għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità, tista’ tiġi appellata mill-persuni li jkunu obbligati li jikkonformaw magħha. Ordni li permezz tagħha l-qorti tiċħad talba għall-applikazzjoni ta’ ordni ta’ trażżin jew miżura oħra għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità, jew tħassar jew tibdel tali miżura, hija soġġetta għal appell mill-persuna li tkun talbet l-applikazzjoni tal-miżura jew li l-miżura tkun ġiet applikata fl-interess tagħha. L-appelli lill-qrati distrettwali jridu jiġu rreġistrati bil-miktub permezz tal-qorti tal-kontea li d-deċiżjoni tagħha tkun qed tiġi kkontestata fl-appell. L-appelli għandhom jiġu ppreżentati fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni. Appell kontra deċiżjoni ma jistax jiġi ppreżentat wara li jkunu għaddew ħames xhur mill-ħruġ tad-deċiżjoni f’kawżi jew fi proċediment b’rikors sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. Jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu, il-qorti tista’ tikkanċella jew timmodifika l-ordni ta’ trażżin jew miżura oħra għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità. Qabel tikkanċella jew timmodifika miżura, il-qorti tisma’ lill-parteċipanti. Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ ordni ta’ trażżin jew miżura oħra għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità tiġi nnotifikata lill-persuni li fir-rigward u fl-interess tagħhom jiġu applikati tali miżuri.

Id-deċiżjonijiet li jittieħdu li jirrigwardaw il-miżuri ta’ protezzjoni għandhom jiġu eżegwiti minn dak il-ħin li jingħataw lill-persuna obbligata bihom (il-persuna li qed tikkaġuna r-riskju).

L-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li skontha tkun ġiet ordnata l-miżura ta’ protezzjoni tiġi organizzata minn marixxall tal-qorti. Il-marixxalli tal-qorti, ġeneralment, isiru jafu bi ksur tal-miżura ta’ protezzjoni mingħand il-persuna li tkun sofriet ir-riskju. Jekk il-miżura ta’ protezzjoni tkun ġiet ordnata qabel ma jkunu ġew iddeterminati d-drittijiet ta’ aċċess, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar id-drittijiet ta’ aċċess b’tali mod li tqis il-miżuri ta’ protezzjoni li ġew applikati.

Artikolu 18 (a)(i) - l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorgu ċ-ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 5

Fl-Estonja, il-qrati huma kompetenti li japplikaw miżuri ta’ protezzjoni. F’konformità mal-Artikolu 5, il-qorti tal-kontea li tkun applikat il-miżura ta’ protezzjoni tkun kompetenti li toħroġ ċertifikat li jikkonċerna l-miżura ta’ protezzjoni. Sabiex jinħareġ ċertifikat, trid tiġi ppreżentata talba lil qorti tal-kontea. L-informazzjoni għall-kuntatt mal-qrati tal-Estonja hija disponibbli fuq is-sit web tal-qrati.

Artikolu 18 (a)(ii) - l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stati Membruieħor u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura

Sabiex jinvoka miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stat Membru ieħor, dak li jkun irid jikkuntattja lill-marixxall tal-qorti li jkollu l-ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza jew il-lokalità tad-debitur, jew li l-assi tad-debitur ikunu jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tiegħu. Il-marixxalli tal-qorti jagħtu bidu għall-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ rikors u dokument ta’ eżekuzzjoni mill-persuna esposta għal riskju. L-informazzjoni għall-kuntatt mal-marixxalli tal-qorti tinsab fuq is-sit web tal-Kamra tal-Marixxalli tal-Qorti u r-Riċeventi f’Falliment.

Artikolu 18 (a)(iii) - l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jagħmlu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1)

Miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stat Membru ieħor tista’, jekk ikun meħtieġ, tiġi applikata minn marixxall tal-qorti li jkun kompetenti li jwettaq l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni. Il-marixxall tal-qorti li jkollu ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza jew il-lokalità tad-debitur, jew li l-assi tad-debitur ikunu jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tiegħu, ikun kompetenti li jwettaq l-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stat Membru ieħor. L-informazzjoni għall-kuntatt mal-marixxalli tal-qorti tinsab fuq is-sit web tal-Kamra tal-Marixxalli tal-Qorti u r-Riċeventi f’Falliment.

Artikolu 18 (a)(iv) - il-qrati li lilhom ir-rikors għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 13

Għar-rifjut tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ordnati fi Stat Membru ieħor, trid tiġi ppreżentata talba fil-post ta’ residenza tad-debitur jew quddiem il-qorti tal-kontea b’ġuriżdizzjoni fuq il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni previsti. L-informazzjoni għall-kuntatt mal-qrati tal-Estonja hija disponibbli fuq is-sit web tal-qrati.

Artikolu 18 (b) - il-lingwa jew lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)

L-Estonjan u l-Ingliż

L-aħħar aġġornament: 17/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.