Rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

SIB QRATI KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Portugall

Proċeduri transfruntieri Ewropej - Miżuri ta' Protezzjoni Ewropej f'materji ċivili


*input mandatarju

Artikolu 17 - Informazzjoni magħmula aċċessibbli għall-pubbliku

Fis-sistema legali Portugiża, il-miżuri protettivi huma essenzjalment ta’ natura kriminali u huma previsti fil-Kodiċi Kriminali, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u l-Liġi Nru 112/2009 tas-16 ta’ Settembru 2009 li tistabbilixxi l-qafas legali applikabbli għall-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u l-protezzjoni u l-assistenza tal-vittmi tagħha.

Madankollu, fil-qasam tad-dritt ċivili huwa possibbli li jiġu imposti miżuri protettivi permezz ta’ protezzjoni ġenerali tal-personalità. L-Artikolu 70(2) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi: “Irrispettivament minn kwalunkwe responsabbiltà ċivili involuta, il-persuna mhedda jew offiża tista’ titlob li jittieħdu miżuri ta’ inibizzjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi sabiex jiġi evitat li t-theddida titwettaq jew biex jittaffa l-effett tar-reat diġà kkawżat.”

Għaldaqstant, id-dritt proċedurali ċivili jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ inibizzjoni speċifiċi biex jiġi evitat li kwalunkwe theddida illegali u diretta għall-personalità fiżika jew morali ta’ bniedem titwettaq jew biex jittaffew jew jintemmu l-effetti ta’ reat diġà kkawżat (l-Artikolu 874 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-Artikoli 875 u 876 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jirregolaw ċerti aspetti proċedurali ta’ dan it-tip ta’ proċedura. Fil-qosor, skont id-dritt proċedurali ċivili, jekk talba għal tali miżuri ta’ inibizzjoni tiġi aċċettata, il-qorti mbagħad tiddetermina l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kondotta li l-konvenut ikun soġġett għalihom u, fejn xieraq, skadenza għall-konformità, kif ukoll il-penali finanzjarja obbligatorja għal kull ġurnata ta’ konformità tardiva jew għal kull ksur, skont liema jkun l-aktar xieraq fil-każ inkwistjoni.

Hemm ukoll dispożizzjoni għall-ħruġ ta’ deċiżjoni interim, li ma tistax tiġi appellata u li sussegwentement tista’ tiġi emendata jew ikkonfermata fil-proċedura attwali, f’każijiet fejn valutazzjoni tal-evidenza ppreżentata mill-persuna li titlob miżuri ta’ inibizzjoni tiżvela l-possibbiltà ta’ ħsara imminenti u irriversibbli għall-personalità fiżika jew morali tagħha u jekk, alternattivament:

a) il-qorti ma tkunx tista’ tifforma opinjoni ċerta dwar l-eżistenza, il-livell u s-severità tat-theddida jew ir-reat ikkawżat;

b) ir-raġunijiet ta’ urġenza speċjali jagħmlu l-miżuri ta’ inibizzjoni neċessarji, mingħajr ma jinstema’ l-avversarju.

Artikolu 18 (a)(i) - l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorgu ċ-ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 5

Mhux applikabbli.

Artikolu 18 (a)(ii) - l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stati Membruieħor u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura

L-awtoritajiet Portugiżi li miżura protettiva ordnata fi Stat Membru ieħor trid tiġi invokata quddiemhom u/jew li jkunu kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura huma: Is-Sezzjonijiet ta’ Kompetenza Ġenerika (Juízo de Competência Genérica) jew is-Sezzjonijiet Ċivili Lokali (Juízo local cível) tal-qorti rilevanti.

Artikolu 18 (a)(iii) - l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jagħmlu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1)

L-awtoritajiet Portugiżi kompetenti biex jaġġustaw il-miżuri protettivi skont l-Artikolu 11(1) huma: Is-Sezzjonijiet ta’ Kompetenza Ġenerika jew is-Sezzjonijiet Ċivili Lokali tal-qorti distrettwali b’ġuriżdizzjoni.

Artikolu 18 (a)(iv) - il-qrati li lilhom ir-rikors għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 13

Il-qrati li r-rikorsi għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 13 iridu jiġu ppreżentati quddiemhom huma: Is-Sezzjonijiet ta’ Kompetenza Ġenerika jew is-Sezzjonijiet Ċivili Lokali tal-qorti distrettwali b’ġuriżdizzjoni.

Artikolu 18 (b) - il-lingwa jew lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)

Il-lingwa li t-traduzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) huma aċċettati fiha hija l-Portugiż.

L-aħħar aġġornament: 10/05/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.