Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċedura dwar "l-ordni ta' pagament" - Belġju

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Fil-Belġju teżisti sistema li tippermetti li s-sentenzi tal-qorti jinqatgħu bil-ħeffa u b'hekk ikun jista' jiġi ordnat il-ħlas. L-iskop ta' din il-proċedura sempliċi, deskritta fl-Artikoli 1338 sa 1344 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, huwa li jinkiseb il-ħlas ta' ammonti relattivament żgħar f'ċerti tipi ta' każijiet.

Tista' tikkonsulta l-websajt tas-Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja (Federale Overheidsdienst Justitie/Service Public Justice) għal-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura mħaffa:

  • Agħfas fuq "Belgische Wetgeving" jew "Législation belge" (Leġiżlazzjoni Belġjana)
  • Agħfas fuq "Gerechtelijk Wetboek" jew "Code judiciaire" (Kodiċi Ġudizzjarju) fit-taqsima "Juridische Aard" jew "Nature juridique" (Tip ta' Liġi).
  • Fit-taqsima "Woorden" jew "Mot(s)" (Kliem), daħħal iċ-ċifri "664"
  • Agħfas fuq "Zoeken op" jew "Chercher sur" (Fittex) u mbagħad fuq "Lijst" jew "Liste" (Lista).
  • Agħfas fuq "Detail" jew "Détail" (Dettalji).

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Huma eliġibbli biss il-pretensjonijiet monetarji.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

L-Artikolu 1338 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan jistipula li huma eliġibbli għal din il-proċedura biss, il-pretensjonijiet marbuta mal-ħlas ta' dejn stabbilit ta' ammont li ma jeċċedix l-EUR 1 860.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċedura huwa kompletament fuq bażi volontarja.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Le. L-Artikolu 1344 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan jistipula li r-regoli li jirrigwardaw il-proċedura mħaffa japplikaw f'każ li d-debitur ikun residenti jew ikollu domiċilju fil-Belġju.

1.2 Il-qorti kompetenti

Din il-proċedura tista' tintuża quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja jew quddiem it-Tribunal tal-Pulizija, bil-kundizzjoni li l-pretensjoni taqa' fil-ġuriżdizzjoni ta' wieħed jew tal-ieħor. (Għad-dettalji dwar l-oqsma tal-ġuriżdizzjoni tal-Kummissarju tal-Ġustizzja u tat-Tribunal tal-Pulizija, jekk jogħġbok ara l-iskeda informattiva dwar is-"sistemi ġudizzjarji").

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Ma hemm l-ebda formola standard maħsuba biex jingħata bidu għal proċedimenti. Madankollu, il-liġi tistabbilixxi għadd ta' kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-informazzjoni ddikjarata fit-talba għall-ħlas u fir-rikors li permezz ttiegħu titressaq il-pretensjoni quddiem il-Qorti.

Qabel ma jirrikorri għall-qorti, ir-rikorrent għandu jibgħat talba għall-ħlas lid-debitur. Dan l-obbligu huwa stipulat fl-Artikolu 1339 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan. It-talba għall-ħlas tista' tieħu l-forma ta' ċitazzjoni ppreżentata mill-bailiff lid-debitur, jew inkella ta' ittra mibgħuta permezz tal-posta reġistrata b'konferma tal-irċevuta. L-Artikolu 1339 jistipula wkoll l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-talba sabiex jiġi żgurat li tkun legalment valida. Jekk wieħed jonqos milli jinkludi l-informazzjoni rilevanti, it-talba tiegħu titqies nulla u bla effett. L-informazzjoni meħtieġa hija din li ġejja:

  • Riproduzzjoni tal-Artikoli mill-Kapitolu tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan iddedikat għall-proċedura mħaffa;
  • Talba li tirrikjedi li jsir il-ħlas fi żmien ħmistax-il jum minn meta tintbagħat l-ittra jew mid-data li fiha jkun ġie nnotifikat id-debitur.
  • L-ammont li jkun qed jintalab.
  • Liema qorti tkun se tindirizza l-pretensjoni, f'każ li d-debitur jonqos milli jħallas.

Fi żmien 15-il jum mid-data li fiha jiskadi l-perjodu ta' 15-il jum stabbilit fit-talba, il-pretensjoni titressaq quddiem il-qorti permezz ta' talba mfassla f'żewġ kopji. L-Artikolu 1340 tal-Kodiċi Ġudizzjarju tippreċiża l-elementi li jridu jiġu inklużi fit-talba:

  • Il-ġurnata, ix-xahar u s-sena;
  • Il-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-post tar-residenza tar-rikorrent, u skont jekk ikun applikabbli, il-kunjom, l-isem, il-post tar-residenza u l-kapaċità tar-rappreżentanti legali tiegħu;
  • Is-suġġett tal-pretensjoni u indikazzjoni preċiża tal-ammont li jkun qed jintalab, b'lista dettaljata tal-elementi li jiffurmaw parti mill-pretensjoni u r-raġunijiet li fuqhom tkun qed tissejjes;
  • In-nominazzjoni tal-qorti li qed tintalab tikkunsidra l-pretensjoni;
  • Il-firma tal-avukat u tal-parti kkonċernata.

Fid-diskrezzjoni tiegħu, ir-rikorrent jista' wkoll jindika r-raġunijiet għalfejn ikun qed jikkontesta l-għoti ta' differiment ta' ħlas.

Ir-rikors irid ikun akkumpanjat minn:

  • Fotokopja tad-dokument li fuqha tkun ibbażata l-pretensjoni;
  • jew kopja taċ-ċitazzjoni tal-bailiff jew kopja tal-ittra reġistrata u tal-konferma tal-irċevuta, jew inkella l-ittra oriġinali, li magħha tinhemeż evidenza li turi li r-riċevitur irrifjuta l-ittra jew li naqas milli jiġborha mill-uffiċċju tal-posta, flimkien ma' dikjarazzjoni li tistabbilixxi li d-debitur ikun irreġistrat fl-indirizz imniżżel fir-reġistru tal-popolazzjoni.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Wieħed mill-elementi li jridu jiġu inklużi fit-talba, huwa l-firma ta' avukat. L-Artikolu 1342 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistipula wkoll li kopja tad-deċiżjoni tal-qorti tintbagħat lill-avukat tar-rikorrent bil-posta normali. Dawn huma l-uniċi dispożizzjonijiet legali li jobbligaw lir-rikorrent jirrikorri għand avukat.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-rikors irid ikun dettaljat biżżejjed. L-Artikolu 1340(1)(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistipula li t-talba trid tiddikjara l-oġġett tal-pretensjoni u tagħti indikazzjoni preċiża tal-ammont li jkun qed jintalab, b'lista dettaljata tal-elementi li jiffurmaw parti mill-pretensjoni u r-raġunijiet li fuqhom tkun qed tissejjes.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Iva. Skont l-Artikolu 1338, il-pretensjoni trid tkun sostanzjata minn dokument bil-miktub imfassal mid-debitur. Madankollu, dan id-dokument ma għandux għalfejn ikun fih rikonoxximent tad-dejn.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Fi żmien ħmistax-il jum mid-data li fiha tkun tressqet it-talba, il-qorti tagħżel li tilqa' din it-talba jew inkella li tirrifjutaha, permezz ta' deċiżjoni maħruġa mill-awla preliminari (chambre du conseil/raadkamer). Il-qorti tista' tagħti differiment tal-ħlas jew tilqa' t-talba b'mod parzjali (ara l-Artikolu 1342 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Il-qorti jkollha aċċess għall-informazzjoni dwar il-varji komponenti tad-dejn u tista' tiddeċiedi li tirrifjuta xi wħud minnhom. Permezz ta' hekk, hi tkun tista' tieħu inkonsiderazzjoni kwalunkwe ħlas li jkun sar fil-frattemp. Il-qorti tista' tiċħad il-pretensjoni b'mod assolut, f'każ li ma jkunux ġew issodisfati l-kundizzjonijiet (ara l-Artikoli 1338 u 1344 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Meta l-qorti tilqa' t-talba, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni tagħha jkollha l-istess effett ta' sentenza li tingħata f'kontumaċja.

Imbagħad ir-rikorrent irid jinnotifika lid-debitur bid-deċiżjoni li tkun ingħatat mill-qorti. Minħabba l-fatt li sentenza tal-qorti li tilqa' t-talba tar-rikorrent kompletament jew parzjalment, għandha l-istess effett ta' sentenza mogħtija f'kontumaċja, din trid tiġi nnotifikata lid-debitur f'perjodu ta' sena, inkella titqies bħala ineżistenti (ara l-Artikolu 806 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

L-Artikolu 1343(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistipula li sabiex tkun legalment valida, in-notifika tad-deċiżjoni trid tinkludi dan li ġej:

  • Kopja tar-rikors;
  • Indikazzjoni tal-perjodu li fih id-debitur jista' jressaq oġġezzjoni;
  • Dettalji tal-qorti li quddiemha trid titressaq din l-oġġezzjoni, flimkien mal-formalitajiet li għandhom jiġu ssodisfati f'dan ir-rigward.

Id-debitur irid ikun imwissi wkoll li jekk ma jaġixxix sal-iskadenza stabbilita, jistgħu jintużaw ir-rimedji legali kollha possibbli sabiex ikun obbligat iħallas l-ammonti inkwistjoni. Jekk wieħed jonqos milli jinkludi din it-twissija fin-notifika, din titqies bħala nulla u bla effett.

Id-deċiżjoni ma tistax tagħti lok għal infurzar provviżorju (ara l-Artikolu 1399(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan). Għaldaqstant, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tiġi sospiża għall-perjodu li fih titressaq oġġezzjoni jew jinfetaħ appell. Madankollu, id-deċiżjoni tista' tintuża bħala bażi għas-sekwestru kawtelatorju tal-proprjetà.

F'każ li d-debitur ma jressaq l-ebda oġġezzjoni jew ma jagħtix bidu għal appell sal-iskadenza speċifikata, id-deċiżjoni ssir waħda finali.

1.5 Appell

Appell mir-rikorrent.

Il-possibbiltajiet ta' appell miftuħa għar-rikorrent huma stabbiliti fl-Artikolu 1343(4) tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Ir-rikorrent ma jistax iressaq appell komplet (appel/beroep) jekk it-talba tiegħu tiġi miċħuda jew tiġi parzjalment milqugħa mill-qorti. Madankollu, ir-rikorrenti jistgħu jerġgħu jressqu l-pretensjoni tagħhom permezz tal-proċedura ordinarja (mhux il-proċedura mħaffa). Jekk il-pretensjoni tintlaqa' parzjalment u r-rikorrent xorta waħda jkun jixtieq jibda l-proċedimenti permezz tal-proċedura ordinarja, id-debitur irid ikun għadu ma ġiex innotifikat bid-deċiżjoni mir-rikorrent.

Oġġezzjoni jew appell mid-debitur

Id-debitur jista' joġġezzjona għad-deċiżjoni meħuda b'żewġ modi: billi jressaq appell kontra d-deċiżjoni, jew inkella billi jirreġistra oġġezzjoni (id-deċiżjoni tal-qorti għandha l-istess effett ta' sentenza mogħtija f'kontumaċja jekk il-qorti tilqa' t-talba tar-rikorrent kompletament jew parzjalment: ara l-Artikolu 1343(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Fiż-żewġ każijiet, l-iskadenza biex jinbdew il-proċedimenti legali hija ta' xahar, li tibda tgħodd mid-data li fiha tiġi nnotifikata s-sentenza (ara l-Artikoli 1048 u 1051 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan). Dawn l-iskadenzi jiġu estiżi jekk waħda mill-partijiet ma tkunx residenti fil-Belġju, jew jekk ma jkollhiex domiċilju jew indirizz tas-servizz fil-pajjiż.

Ir-regoli dwar l-oġġezzjonijiet u l-appelli, hekk kif stabbiliti fil-liġi ċivili, iridu mbagħad jiġu segwiti, soġġetti għal eċċezzjoni waħda li hija stipulata fl-Artikolu 1343(3)(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan: kuntrarjament għall-Artikolu 1047 (li jeżiġi ċitazzjoni ppreżentata minn bailiff), l-oġġezzjoni tista' tiġi ppreżentata f'forma ta' rikors, imressqa quddiem ir-reġistru tal-qorti, f'numru ta' kopji li jikkorrispondi għan-numru ta' partijiet u avukati kkonċernati. Ir-reġistratur tal-qorti mbagħad jinforma lir-rikorrent u lill-avukat tiegħu dwar l-oġġezzjoni, permezz ta' ittra ġudizzjarja.

It-talba (ta' oġġezzjoni) trid tinkludi l-elementi elenkati hawn taħt. Jekk ma jsirx hekk, it-talba titqies nulla u bla effett.

  • Il-ġurnata, ix-xahar u s-sena;
  • Il-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-post tar-residenza tal-persuna li tkun qed tagħmel l-oġġezzjoni;
  • Il-kunjom, l-isem u l-post tar-residenza tar-rikorrenti u l-isem tal-avukat tagħhom;
  • Id-deċiżjoni fil-vertenza;
  • Ir-raġunijiet tal-parti li toġġezzjona.

Il-partijiet imbagħad jiġu mgħajta mir-reġistratur biex jidhru fis-smigħ skedat mill-qorti.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Il-liġi Belġjana ma tipprevedix espressament dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni għall-pretensjonijiet.

Id-debitur jista' jibgħat l-informazzjoni lill-Kummissarju tal-Ġustizzja, iżda dan ma jibdilx in-natura tas-sentenza f'kontumaċja.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Kif intqal hawn fuq, mhux possibbli li tiġi sottomessa dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni. Il-proċedura mħaffa tkompli għaddejja, irrispettivament minn jekk id-debitur joġġezzjonax għad-deċiżjoni jew le.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1.7.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 13/11/2014