Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċedura dwar "l-ordni ta' pagament" - Italja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna it-Taljan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Fost proċeduri sommarji oħra, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Taljan jirregola l-proċedura għal ordni għal ħlas (“procedimento di ingiunzione”) (l-Artikolu 663 et seq.). Dan huwa proċediment ex parte, għaliex il-Qorti tiddeċiedi dwar it-talba tal-kreditur mingħajr ma tisma' lid-debitur u mingħajr ma tħallih jippreżenta risposta jew osservazzjonijiet.

Id-debitur jinstema' biss wara, jekk huwa jikkontesta l-ordni għal ħlas.

L-ordni għal ħlas jista' jintalab biss għal ċerti tipi ta' pretensjonijiet (talba għal ħlas ta' somma ta' flus jew għall-konsenja ta' kwantità speċifika ta' oġġetti funġibbli, eċċ.), u dejjem jekk jiġu sodisfati ċerti kundizzjonijiet previsti mill-Kodiċi Ċivili (pereż. l-kredituri jrid ikollhom prova bil-miktub tal-pretensjoni tagħhom, eċċ.).

Jekk il-qorti tilqa' r-rikors tal-kreditur, hija tordna lid-debitur sabiex iħallas din is-somma fi żmien speċifiku, normalment 40 jum, iżda twissi wkoll lid-debitur li huwa jista' jikkontesta dan l-ordni matul l-istess perjodu u li fin-nuqqas, l-ordni għall-ħlas isir definittiv u eżekuttiv.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Il-proċedura tapplika għal talbiet imressqa minn kredituri li lilhom huma dovuti flus jew kwantità speċifika ta' oġġetti funġibbli jew minn kull persuna bid-dritt li tirċievi ass mobbli speċifiku.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Fejn il-proċedura tikkonċerna talba għal flus, is-somma trid tiġi ppreċiżata. Dan fil-fatt ineħħi l-possibiltà li ssir talba għal ordni għal ħlas għal talbiet mhux kuntrattwali, pereżempju talba għal kumpens minħabba dannu kkawżat wara att illegali.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le, ma hemmx livell limitu. L-ordni għal ħlas jista' jintalab għal kull ammont.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċedura ta' ordni għal ħlas mhux obbligatorju. Il-kreditur jista' dejjem jiftaħ kawża ordinarja.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Iva.

1.2 Il-qorti kompetenti

Ir-rikors ta' ordni għal ħlas jista' jitressaq quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja (giudice di pace) jew qorti ġenerali (tribunale) li jkollha ġuriżdizzjoni għal proċedimenti ordinarji. Il-Kummissarju tal-Ġustizzja jista' jisma' biss talbiet żgħar, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (ara l-anness mehmuż). Meta r-rikors jitressaq quddiem il-qorti ġenerali, il-qorti tkun iffurmata minn imħallef uniku.

Għal talbiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-avukati għas-servizzi legali pprovduti, sew jekk marbuta ma' litigazzjoni jew barra l-qorti, jew ir-rimborż tal-ispejjeż li jridu jitħallsu lill-avukati, il-marixxalli jew lil kull persuna oħra li tkun tat is-servizzi tagħha matul il-proċedimenti ġudizzjarji, dawn jiġu eżaminati mill-qorti  li tisma' l-każ li għalih tirreferi t-talba tal-kreditur.

L-avukati jistgħu jressqu rikors għal ordni għal ħlas kontra l-klijenti tagħhom quddiem il-qorti tal-post fejn huma rreġistrati mal-Kamra tal-Avukati (consiglio dell'ordine).  Bl-istess mod, in-nutara jistgħu jressqu t-talbiet tagħhom quddiem il-qorti tal-post fejn huma rreġistrati mal-Kunsill tan-Nutara (consiglio notarile)  (ara wkoll l-iskeda  dwar "Ġuriżdizzjoni").

1.3 Ir-rekwiżiti formali

It-talba għall-ħlas għandu jkollha l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 638 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (ara l-anness msemmi aktar 'l isfel) u trid tiġi ppreżentata fir-reġistru tal-qorti flimkien mad-dokumenti mehmuża.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Le, ma hemmx formola speċjali.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Bħala regola ġenerali iva. Madankollu, f'ċerti każijiet ir-rikorrent jista' jirrappreżenta lilu nnifsu quddiem il-qorti. Dan iseħħ meta t-talba tinstema' mill-Kummissarju tal-Ġustizzja għal valur ta' EUR 1 100 jew inqas; każ ieħor huwa meta r-rikorrent ikun avukat u jista' jidher quddiem il-qorti li qed tisma' l-każ.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-rikors irid ikun fih it-talba u r-raġunijiet li jiġġustifikawha. Ir-raġunijiet għat-talba ma hemmx għalfejn ikunu dettaljati, u jistgħu jagħtu deskrizzjoni fil-qosor tal-fatti u d-dokumenti rilevanti.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Iva. Għall-finijiet tal-ordni jiġu ammessi provi bil-miktub, b'mod partikolari l-irċevuti tal-konsenja u wegħdiet unilaterali bil-miktub. Meta t-talba tikkonċerna l-forniment ta' oġġetti jew servizzi, u dan il-forniment isir minn negozju għal ieħor jew lil persuna li ma tmexxix attivitajiet professjonali jew kummerċjali, il-provi bil-miktub jistgħu jinkludu estratti awtentiċi mill-kontijiet tan-negozju kreditur, sakemm dawn il-kontijiet ikunu miżmuma skont il-liġi. Il-fatturi kummerċjali wkoll huma ammissibbli bħala provi bil-miktub, sakemm ikunu akkumpanjati minn kopja ttimbrata mir-reġistru tal-fatturi tar-rikorrent.

Hemm regoli speċifiċi għall-provi ta' appoġġ għat-talbiet dwar drittijiet u r-rimborż tal-avukati, in-nutara u l-membri ta' professjonijiet oħra, u għat-talbiet mill-awtoritajiet tal-Istat u dawk pubbliċi.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Jekk il-qorti tkun tal-fehma li t-talba ma ġietx ippruvata b'mod suffiċjenti, hija tavża lir-rikorrent b'dan permezz tal-iskrivan tal-qorti, fejn titlob lir-rikorrent biex jippreżenta aktar provi. Jekk ir-rikorrent jonqos milli jwieġeb jew ma jirtirax it-talba, jew jekk ir-rikors ma jistax jiġi milqugħ, il-qorti tiċħad it-talba b'digriet fejn tagħti r-raġunijiet.

Ir-rikorrent madankollu jista', minkejja ċ-ċaħda, jerġa' jippreżenta t-talba tiegħu, anki permezz ta' proċedura ordinarja.

1.5 Appell

Ma hemmx appell mid-digriet li jiċħad it-talba, la quddiem il-qorti tal-appell u lanqas fil-kassazzjoni.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk il-qorti tilqa' r-rikors, hija tordna l-ħruġ ta' ordni għall-ħlas, u kopja awtentika tal-ordni tiġi nnotifikata lill-konvenut. In-notifika trid issir fi żmien 60 jum mid-data tad-deċiżjoni jekk in-notifika trid issir l-Italja; fi żmien 90 jum jekk in-notifika trid issir barra l-Italja.

Meta jirċievi l-ordni għall-ħlas, id-debitur għandu 40 jum biex jikkontesta t-talba.

Fejn ikunu jeżistu raġunijiet fondati, il-preskrizzjoni għall-preżentata ta' oppożizzjoni għat-talba tista' titnaqqas għal għaxart ijiem jew tiżdied għal 60 jum. Jekk il-konvenut jgħix f'pajjiż ieħor tal-UE, il-preskrizzjoni hija ta' 50 jum u tista' titnaqqas għal 20 jum. Jekk il-konvenut jgħix f'pajjiż mhux fl-UE, il-preskrizzjoni hija ta' 60 jum u tista' titnaqqas għal 30 jum jew tiżdied sa 120 jum.

Il-konvenut jista' jikkontesta t-talba anki wara li tagħlaq il-preskrizzjoni, jekk juri li ma kienx infurmat fil-ħin minħabba n-notifika irregolari tal-ordni, jew minħabba xi avveniment mhux mistenni jew force majeure. L-ebda oppożizzjoni ma tista' ssir wara għaxart jiem mill-ewwel miżura ta' eżekuzzjoni.

Oppożizzjoni li tikkontesta l-ordni (opposizione) titressaq quddiem il-qorti li tkun ħarġet l-ordni, permezz ta' rikors (atto di citazione) li jrid jiġi nnotifikat lill-konvenut fl-indirizz indikat fir-rikors. Ir-rikors li jikkontesta l-ordni jrid ikun fih informazzjoni li ġeneralment tkun karatteristika ta' dawn ir-rikorsi. B'mod partikolari, il-konvenut irid jindika r-raġunijiet għall-kontestazzjoni tiegħu.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Kontestazzjoni ta' din ix-xorti twassal għal proċedimenti ordinarji fejn il-qorti teżamina l-validità tat-talba għall-ħlas.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk ma ssir l-ebda oppożizzjoni fiż-żmien indikat, jew jekk il-konvenut jonqos li jidher quddiem il-qorti, il-qorti li toħroġ l-ordni tiddikjarah eżekuttiv wara talba tar-rikorrent.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Hemm erba' xenarji differenti.

L-ewwel wieħed iseħħ meta l-preskrizzjoni għall-oppożizzjoni tal-konvenut tkun għadha ma skadietx. Ir-rikorrent jista' jitlob lill-qorti sabiex tiddikjara l-ordni eżekuttiv provviżorjament b'effett immedjat. Din it-talba tista' tintlaqa' biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċjali għall-eżekuzzjoni provviżorja stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili: pereżempju jekk it-talba hija bbażata fuq kambjala jew fuq ċekk, jew jekk id-dewmien fl-eżekuzzjoni jista' jikkaġuna dannu serju lill-kreditur. Il-qorti tista', bħala kundizzjoni għall-eżekuzzjoni provviżorja f'dan l-istadju bikri, titlob garanzija mill-kreditur favur id-debitur.

It-tieni xenarju jseħħ meta' konvenut li jkun ġie nnotifikat b'ordni għall-ħlas ma jopponix l-ordni fiż-żmien stabbilit. Meta jiġri hekk, il-kreditur jista' jippreżenta talba għall-eżekuzzjoni tal-ordni.

It-tielet xenarju jseħħ meta l-konvenut ikun oppona l-ordni u l-kawża tkun għadha pendenti. F'dan il-każ, il-kreditur jista' jippreżenta talba għall-eżekuzzjoni provviżorja tal-ordni. Din it-talba tista' tiġi milqugħa biss meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi (pereżempju, meta l-oppożizzjoni ma tkunx akkumpanjata minn provi bil-miktub). Il-qorti tista' wkoll tordna l-eżekuzzjoni provviżorja ta' parti tal-ordni, jiġifieri sa ammont mhux ikkontestat mid-debitur. Il-qorti tista' wkoll  tordna l-eżekuzzjoni provviżorja tal-ordni jekk il-kreditur jagħti garanzija li tkopri l-ammont għar-rimborż, flimkien mal-ispejjeż u d-danni.

Ir-raba' xenarju jseħħ meta l-oppożizzjoni tiġi miċħuda: b'konsegwenza taċ-ċaħda, l-ordni jakkwista saħħa eżekuttiva.

L-ordni għall-ħlas iddikjarat eżekuttiv jippermetti lill-kreditur l-iskrizzjoni ta' ipoteka ġudizzjarja fuq l-assi tad-debitur.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

L-ordni li sar eżekuttiv minħabba n-nuqqas tad-debitur li jippreżenta oppożizzjoni jista' jiġi irtirat f'każijiet eċċezzjonali stabbili mil-liġi (pereżempju jekk jinstab li d-deċiżjoni tal-qorti kienet ibbażata fuq provi li wara nstabu li kienu foloz). Meta l-ordni għall-ħlas jaffettwa d-drittijiet ta' terzi, dawk it-terzi wkoll jistgħu jippreżentaw oppożizzjoni.

Is-sentenza li tiddeċiedi l-proċedimenti ta' oppożizzjoni tista' tiġi appellata skont il-proċeduri ordinarji.

Ħoloq relatati

ordni għall-ħlas  procedura cod proc civile - decreto ingiuntivo art. 633-656PDF(112 Kb)it

ordni għall-ħlas Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ĠuriżdizzjoniPDF(46 Kb)it


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 02/05/2017