Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċedura dwar "l-ordni ta' pagament" - Latvja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Latvjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Fil-Latvja hemm żewġ possibiltajiet: l-eżekuzzjoni mhux kontestata tal-obbligi (saistību bezstrīdus piespiedu izpildīšana, il-Kapitolu 50, l-Artikoli 400 – 406 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili) u l-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti (saistību piespiedu izpildīšana brīdinājuma kārtībā, il-Kapitolu 50.1, l-Artikoli 406.1–406.10 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

L-eżekuzzjoni mhux kontestata tal-obbligi tista' ssir:

  1. skont il-ftehimiet dwar obbligi li jiġu garantiti b'ipoteka pubblika jew pleġġ kummerċjali;
  2. skont ftehimiet b'terminu fiss iċċertifikati minn nutar jew ftehimiet b'terminu fiss ta' effett legali ekwivalenti għall-ħlas ta' flus jew ir-radd lura ta' proprjetà mobbli;
  3. skont il-ftehimiet b'terminu fiss għall-kiri jew lokazzjoni ta' proprjetà li huma ċertifikati minn nutar jew imniżżla f'reġistru tal-artijiet u li jipprovduli l-lokatarju jew kerrej għandu obbligu, malli jiskadi t-terminu, biex jivvaka jew jagħti l-proprjetà mikrija jew biċ-ċens, (ħlief appartament) u jħallas il-kera jew iċ-ċens;
  4. skont ċedola kontestata.

L-obbligi msemmija hawn qabel mhumiex soġġetti għal eżekuzzjoni mhux kontestata jekk:

  1. l-eżekuzzjoni se ssir kontra proprjetà tal-Gvern;
  2. l-obbligu sar preskritt, għaliex jidher mingħajr ebda dubju mid-dokument innifsu.

L-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti tista' ssir fir-rigward ta' obbligi ta' ħlas li għalihom hemm provi permezz ta' dokument u li wasalilhom iż-żmien għall-eżekuzzjoni, u fir-rigward ta' obbligi għall-ħlas ta' kumpens previst f'kuntratt għall-forniment ta' prodotti, l-akkwist ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi, jekk dawn l-obbligi jidhru f'dokument u ma ġiex speċifikat żmien għall-eżekuzzjoni.

L-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti ma tistax issir:

  1. għall-ħlas ta' obbligu li ma twettaqx;
  2. jekk il-post ta' residenza dikjarata jew de facto tad-debitur mhux magħruf;
  3. jekk il-post ta' residenza dikjarata, de facto jew l-uffiċċju reġistrata tad-debitur ma jinsabx fil-Latvja;
  4. jekk il-penali mitluba taqbeż l-ammont tad-dejn prinċipali;
  5. jekk l-imgħax mitlub jaqbeż l-ammont tad-dejn prinċipali.
  6. għall-obbligi ta' ħlas, jekk l-ammont tad-dejn jaqbeż EUR 15 000.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċeduri mhux obbligatorju.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

L-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti ma tistax issir jekk il-post ta' residenza dikjarata jew de facto tad-debitur, jew tal-uffiċċju reġistrat tiegħu ma jinsabx il-Latvja.

L-eżekuzzjoni mhux kontestata tal-obbligi tista' ssir jekk jitressaq rikors fuq il-bażi ta' dokumenti ipotekarji fuq proprjetà immobbli, jew ta' obbligu biex wieħed jivvaka jew jagħti lura proprjetà immobbli mikrija jew b'ċens, jekk il-proprjetà tkun tinsab il-Latvja. Rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata bbażat fuq ipoteka fuq bastiment jista' jitressaq il-Latvja jekk l-ipoteka tkun reġistrata hemmhekk.

1.2 Il-qorti kompetenti

Rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata jiġi ppreżentat fir-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt (rajona (pilsētas) tiesa):

  1. tal-post ta' residenza dikjarata tad-debitur, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto, jekk ir-rikors jikkonċerna obbligi ta' ħlas ta' flus jew għar-restituzzjoni ta' proprjetà mobbli, jew obbligi imposti b'kuntratt li huma garantiti bi pleġġ kummerċjali;
  2. tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, jekk ir-rikors isir fuq il-bażi ta' dokumenti ta' ipoteka fuq proprjetà immobbli jew obbligu biex tiġi vvakata jew ritornata proprjetà immobbli b'ċens jew mikrija; jekk diversi proprjetajiet immobbli jservu ta' garanzija għal obbligu partikolari, u r-rikorsi jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-uffiċċji tar-reġistru tal-artijiet tal-qrati distrettwali jew tal-belt differenti, ir-rikors jinstema' mill-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, fuq għażla tar-rikorrent;
  3. tal-post fejn hija r-reġistrata l-ipoteka fuq bastiment, jekk ir-rikors huwa bbażat fuq ipoteka fuq bastiment.

Rikors għall-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti jitressaq quddiem l-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post ta' residenza tad-debitur, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tad-debitur jew tal-uffiċċju reġistrat.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Rikors għall-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti għandu jsir b'konformità mal-Anness 1 tar-Regolament tal-Kabinett Nru 792 tal-21 ta' Lulju 2009 dwar il-mudelli biex jintużaw għall-obbligi ta' eżekuzzjoni fuq notifika tal-qorti.

Fil-portal tal-qrati Latvjani Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.tiesas.lv/, fit-taqsima E-Pakalpojumi ("servizzi elettroniċi"), E-veidlapas ("formoli elettroniċi"), hemm mudell għar-rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata tal-obbligi (pieteikums par strīdu bezstrīdus piespiedu izpildīšanu). Il-mudell jista' jitniżżel u jimtela u mbagħad ippreżentat f'forma stampata.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le, dan mhux obbligatorju. Ir-regoli ġenerali dwar ir-rappreżentanza huma mniżżla fil-Kapitolu 12 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-raġunijiet fir-rikors ma hemmx għalfejn ikunu dettaljati.

Rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligi trid tispeċifika l-obbligu u d-dokument li jixtieq jeżegwixxi l-kreditur, jindika d-dejn prinċipali li jrid jiġu rkuprat u kull penali u interessi, u fil-każ ta' ċedola, l-ispejjeż assoċjati mal-kontestazzjoni taċ-ċedola u l-kumpens stabbilit bil-liġi. Dawn li ġejjin jridu jiġu annessi mar-rikors: id-dokument li jrid jiġi eżegwit, u kopja awtentika tiegħu, jew f'każ ta' ċedola, id-dokument b'oppożizzjoni għaliha, dokument li jurili tħallset it-tariffa tal-Istat (valsts nodeva), u provili ngħata avviż, sakemm ma jkunx previst mil-liġili dan l-avviż mhux meħtieġ.

Rikors għall-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti jsir permezz ta' mudell standard li jrid jimtela bid-dettalji dwar ir-rikorrent u d-debitur, l-obbligu tal-ħlas, id-dokumenti li juru li jeżisti dan l-obbligu u ż-żmien għall-prestazzjoni ta' dan l-obbligu, l-ammont mitlub u l-metodu tal-kalkolu, dikjarazzjoni mir-rikorrent li jiċċertifikali t-talba ma tikkonċernax obbligu li għadu ma twettaqx jew li jrid jitwettaq xi obbligu, talba lill-qorti sabiex tinnotifika lid-debitur u tordna l-eżekuzzjoni tal-obbligu tal-ħlas u l-irkupru tal-ispejjeż tal-qorti, u dikjarazzjoni li tiċċertifikali l-qorti rċeviet informazzjoni veritiera dwar il-fatti uli r-rikorrent jafli skont il-Liġi Kriminali l-preżentazzjoni ta' rikors falz tikkostitwixxi reat.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Dawn li ġejjin iridu jiġu annessi ma' rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligi: id-dokument li se jiġi eżegwit, u kopja awtentika tiegħu, jew f'każ ta' promissory note, id-dokument li qed jopponiha, dokument li jurili tħallset it-tariffa tal-Istat, u provili ngħata avviż, sakemm ma jkunx previst mil-liġili dan l-avviż mhux meħtieġ (il-provali ngħata avviż tista' tkun dikjarazzjoni mfassla minn bailiff ċertifikat jew mill-assistent tiegħu fejn jiġi dikjaratli d-destinatarju rrifjuta li jaċċetta l-avviż).

Għall-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti, ma trid tiġi preżentata l-ebda prova bil-miktub tat-talba, iżda r-rikors irid jidentifika d-dokumenti li jiffurmaw il-bażi tal-obbligu u ż-żmien stabbilit għat-twettiq tal-obbligu. Jekk id-debitur jikkontesta l-validità tal-obbligu ta' pagament fi żmien 14-il jum mill-wasla tan-notifika mibgħuta mill-qorti, jintemmu l-proċedimenti tal-qorti għall-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti. Id-deċiżjoni biex jintemmu l-proċedimenti fuq oġġezzjoni tad-debitur ma xxekkilx lill-kreditur milli jressaq kawża ordinarja l-qorti dwar it-talba.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

B'rikors għal eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligi, l-imħallef uniku jagħti deċiżjoni fi żmien sebat ijiem mid-data tal-preżentazzjoni tar-rikors, fuq il-bażi tar-rikors u tad-dokumenti annessi miegħu mingħajr notifika minn qabel lir-rikorrent u lid-debitur. L-imħallef jiċħad ir-rikors jekk ma jkunx fondat, jew jekk il-penali indikata fir-rikors hija sproporzjonata għad-dejn prinċipali, jew jekk id-dokument għall-eżekuzzjoni fih klawżoli inġusti li jiksru d-drittijiet tal-konsumaturi.

Fil-każ tal-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti, jekk il-qorti tilqa' r-rikors iżda fi żmien 14-il jum mill-wasla tan-notifika mibgħuta mill-qorti d-debitur iressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fejn jikkontesta l-validità tal-obbligu ta' ħlas jew juri li d-dejn tħallas, l-imħallef itemm il-proċedimenti.

1.5 Appell

Ma hemmx appell mid-deċiżjoni tal-imħallef fuq rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligi jew l-eżekuzzjoni fuq notifika tal-qorti.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

B'rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligi, l-imħallef jiddeċiedi waħdu, mingħajr ma jqis il-fehma tad-debitur.

B'rikors għall-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti, l-imħallef jinnotifika lid-debitur bi proposta biex iħallas l-ammont indikat fir-rikors jew jippreżenta dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni lill-qorti fi żmien 14-il jum min-notifika.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

B'rikors għall-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti, jekk id-debitur jippreżenta dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni fejn jikkontesta l-validità tal-obbligu ta' pagament fi żmien 14-il jum min-notifika, jintemmu l-proċedimenti tal-qorti rigward l-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti. Jekk id-debitur jaċċetta parti mir-rikors, ir-rikorrent jiġi nnotifikat bit-tweġiba tad-debitur u jiġi ffissat żmien li fih ir-rikorrent irid jinforma lill-qorti jekk tħallsitx dik il-parti tal-obbligu li għaliha ġiet aċċettata l-eżekuzzjoni. Jekk ir-rikorrent ma jaqbilx mal-eżekuzzjoni ta' parti mill-obbligu, jew ma jweġibx fiż-żmien stabbilit fin-notifika, jintemmu l-proċedimenti tal-qorti.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

B'rikors għall-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti, jekk id-debitur ma jippreżentax id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni fiż-żmien indikat fin-notifika, l-imħallef jieħu deċiżjoni fi żmien sebat ijiem mid-data ta' skadenza taż-żmien imħolli għad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni, u jordna l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta' pagament speċifikat fir-rikors u l-irkupru tal-ispejjeż tal-qorti.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

L-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti: id-deċiżjoni tal-imħallef dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta' pagament indikata fir-rikors tidħol fis-seħħ minnufih; hija dokument eżekuttiv li jista' jiġi eżegwit skont ir-regoli dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

L-eżekuzzjoni mhux kontestata tal-obbligi: l-imħallef, wara li jkun eżamina l-validità tar-rikors u jiddeċiedi li jista' jiġi milqugħ, jagħti deċiżjoni dwar liema obbligazzjoni se tiġi eżegwita u sa fejn għandha tiġi eżegwita. Id-deċiżjoni tal-imħallef tidħol fis-seħħ minnufih; hija dokument eżekuttiv li jista' jiġi eżegwit skont ir-regoli dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Id-deċiżjoni tal-imħallef tinħareġ għall-eżekuzzjoni flimkien ma' kopja awtentika tad-dokument li qed jiġi eżegwit.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Ma hemmx appell mid-deċiżjoni tal-imħallef fuq rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligi jew l-eżekuzzjoni fuq notifika tal-qorti; madankollu, jekk id-debitur huwa tal-fehmali t-talba tar-rikorrent, fuq il-mertu, mhix fondata, huwa jista' jiftaħ kawża kontra l-kreditur biex jopponi t-talba (f'każ ta' eżekuzzjoni mhux kontestata tal-obbligi, fi żmien sitt xhur minn meta tintbagħat il-kopja awtentika tad-deċiżjoni tal-imħallef, u f'każ ta' eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti, fi żmien tliet xhur minn meta tintbagħat il-kopja awtentika tad-deċiżjoni). Meta d-debitur jiftaħ din it-tip ta' kawża huwa jista' jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligi; jekk il-kreditur ikun tħallas matul il-proċess ta' eżekuzzjoni, id-debitur jista' jitlob għal garanzija tat-talba tiegħu. Il-kawża trid ssir skont il-proċeduri stabbiliti mil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili quddiem il-qorti li semgħet ir-rikors preċedenti għall-eżekuzzjoni mhux kontestata tal-obbligi jew l-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti. Jekk madankollu t-talba taqa' taħt il-ġuridizzjoni ta' qorti reġjonali, il-kawża għandha titressaq quddiem il-qorti reġjonali b'ġurisdizzjoni għat-taqsima tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt li semgħet ir-rikors preċedenti.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 07/02/2019