Proċedura dwar "l-ordni ta' pagament" - Olanda

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Tista’ ssir distinzjoni bejn il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea u proċeduri relatati mal-ġbir ta’ dejn u talbiet oħra fi ħdan in-Netherlands. Għal informazzjoni dwar dawn tal-aħħar, jekk jogħġbok irreferi għal “Talbiet żgħar”.

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea (Regolament (KE) Nru 1896/2006, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2008), minn hawn ’il quddiem “EOP”, tippermetti biex talbiet transfruntiera mhux ikkontestati f’materji ċivili u kummerċjali jiġu ttrattati permezz ta’ proċedura uniformi bbażata fuq formoli standard (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.overheid.nl/).

Każ transfruntier hu tilwima li fiha tal-anqas waħda mill-partijiet ikollha domiċilju jew residenza abitwali fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru tal-qorti invokata. Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea ġiet stabbilita għat-trattament ta’ talbiet pekunarji għal ammont speċifiku li jkunu saru dovuti fiż-żmien li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

Ir-Regolament japplika bejn il-pajjiżi kollha tal-UE, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka. In-Netherlands introduċew l-Att ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament EOP (Uitvoeringswet (EBB-Vo)) tad-29 ta’ Mejju 2009 biex jimplimentaw il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea fin-Netherlands.

In-Netherlands ma għandhomx proċedura uniformi għat-trattar ta’ talbiet pekunarji mhux transfruntiera u mhux ikkontestati. L-ordni ta’ ħlas ġiet abolita fi tmiem l-1991 bl-introduzzjoni tal-proċedura quddiem il-qorti kantonali. Huma meħtieġa li jsiru l-proċedimenti b’ċitazzjoni biex parti tkun tista’ tasserixxi drittijiet kontra debitur li jkaxkar saqajh f’każijiet bħal dawn. Ara wkoll “Talbiet żgħar” u “Kif nipproċedi?”

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea ġiet stabbilita għal talbiet li jaqbżu l-EUR 2 000.

Matul il-proċedura kolha, l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea ssir bil-miktub bl-użu ta’ formoli standard. Dawn il-formoli huma disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha taħt Formoli dinamiċi fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika (https://e-justice.europa.eu).

Fin-Netherlands, il-Qorti Distrettwali (Rechtbank) tal-Aja ġiet iddeżinjata bħala l-qorti kompetenti għat-trattar ta’ applikazzjonijiet skont il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea. In-Netherlands għażlu li jaċċettaw biss formoli ppreżentati bl-Olandiż għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Il-qorti li tittratta applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea titlob miżati tal-qorti. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rata applikabbli, jekk jogħġbok irreferi għal Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rechtspraak.nl/.

Applikazzjoni tal-EOP

Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi ppreżentata lill-Qorti Distrettwali tal-Aja billi tintuża l-formola ta’ applikazzjoni A (https://e-justice.europa.eu).

Jekk il-formola ta’ applikazzjoni A ma tkunx kompluta, il-qorti tuża l-formola B biex tagħti lill-pretendent l-opportunità li jimla jew jirrettifika l-applikazzjoni fi ħdan ċertu perjodu.

Jekk l-applikazzjoni tissodisfa biss uħud mill-kundizzjonijiet stabbiliti, il-qorti tuża l-formola C biex tipproponi modifiki għall-applikazzjoni oriġinali lill-pretendent. Il-pretendent jeħtieġlu jwieġeb għal din il-proposta fi ħdan il-perjodu stabbilit mill-qorti. Jekk il-pretendent jaċċetta l-proposta, il-qorti toħroġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea għall-parti tal-applikazzjoni li tiġi aċċettata. Jekk il-pretendent jixtieq hekk, dan jista’ jipprova jitlob li l-parti li jifdal tat-talba tiġi ttrattata skont il-liġi nazzjonali. Jekk il-pretendent jonqos milli jwieġeb fi ħdan il-perjodu stabbilit mill-qorti jew jiċħad milli jaċċetta l-modifiki porposti għall-applikazzjoni oriġinali tiegħu, il-qorti tiċħad l-applikazzjoni oriġinali fis-sħuħija tagħha. Dment li l-formola ta’ applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha, normalment il-qorti toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea fi żmien 30 jum (billi tuża l-formola E).

Oppożizzjoni għall-EOP

Il-qorti tinnotifika lill-konvenut dwar l-ordni ta’ ħlas Ewropea billi tibgħatha b’ittra reġistrata b’konferma tar-riċevuta jew permezz ta’ notifika minn uffiċjal ġudizzjarju. Il-konvenut se jiġi mgħarraf li jkollu l-għażliet li ġejjin għad-dispożizzjoni tiegħu:

  • iħallas l-ammont indikat fl-ordni ta’ ħlas lill-pretendent jew inkella
  • fi żmien 30 jum min-notifika tal-ordni lill-konvenut, dan jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni billi juża l-formola standard F.

Jekk tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi mitmuma. Imbagħad il-proċedura tkompli f’konformità mar-regoli tal-liġi proċedurali nazzjonali (ara wkoll it-taqsima 1.7). Jekk il-konvenut jonqos milli jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni sat-terminu perentorju stabbilit, il-qorti ta’ oriġini tiddikjara l-ordni ta’ ħlas Ewropea eżegwibbli (billi tuża l-formola standard G) u tibgħat din id-dikjarazzjoni lill-pretendent.

Ordni ta’ ħlas li ġiet iddikjarata eżegwibbli fl-Istat Membru ta’ oriġini tiġi rikonoxxuta f’kull Stat Membru u tista’ tiġi eżegwita f’kull Stat Membru mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ tinkiseb għal talbiet pekunarji f’materji ċivili jew kummerċjali li jkunu saru dovuti u li jkollhom karattru ta’ “talbiet transfruntiera” (ara wkoll it-taqsima 1.1.1). Talba transfruntiera tkun teżisti jekk il-kreditur u d-debitur ikunu ddomiċiljati fi Stati Membri differenti tal-UE.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-ordni ta’ ħlas Ewropea hu ristrett għal materji ċivili u kummerċjali. Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea:

  • kwistjonijiet relatati mad-dħul;
  • kwistjonijiet doganali;
  • kwistjonijiet amministrattivi;
  • kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-istat;
  • kwistjonijiet fil-qasam tal-liġi dwar l-insolvenza, tal-liġi dwar il-beni tal-miżżewġin, il-liġi tas-suċċessjoni u s-sigurtà soċjali; u
  • kwistjonijiet relatati ma’ obbligi mhux kuntrattwali (b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ atti illegali), sakemm dawn ma jkunux soġġetti għal ftehim bejn il-partijiet jew ikun hemm ammissjoni ta’ dejn jew dawn ikunu relatati ma’ djun likwidati li jirriżultaw mis-sjieda konġunta ta’ proprjetà.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Ma hemm ebda limitu massimu għall-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea jew għall-proċeduri interni ta’ ġbir ta’ dejn.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea hi fakultattiva.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Jekk is-sentenza tkun maħsuba biex tiġi eżegwita f’pajjiż barra l-UE, jekk il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas tistax tiġi implimentata u, jekk iva, jekk l-ordni ta’ ħlas Ewropea tistax tiġi infurzata, jiddependi mid-dritt internazzjonali privat ta’ dak il-pajjiż. F’ħafna każijiet tkun meħtieġa ordni ta’ infurzar (exequatur).

1.2 Il-qorti kompetenti

Fin-Netherlands, il-Qorti Distrettwali tal-Aja ġiet iddeżinjata bħala l-qorti kompetenti għat-trattar ta’ applikazzjonijiet skont il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea. In-Netherlands għażlu li jaċċettaw biss formoli ppreżentati bl-Olandiż għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Il-pretendent ikun meħtieġ iħallas il-miżati tal-qorti meta jippreżenta l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Għar-rata applikabbli, jekk jogħġbok irreferi għal Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rechtspraak.nl/.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

L-ordni ta’ ħlas Ewropea trid tinħareġ mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi ppreżentata billi tintuża l-formola standard A (https://e-justice.europa.eu). In-Netherlands għażlu li jaċċettaw biss formoli ppreżentati bl-Olandiż.

Il-formola ta’ applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata f’forma fuq karta jew billi jintuża kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni ieħor aċċettat mill-qorti.

Fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar l-EOP, l-applikazzjoni trid tistipula:

(a) id-dettalji tal-partijiet u tal-qorti li quddiemha ssir l-applikazzjoni;

(b) l-ammont tat-talba;

(c) jekk hux mitlub l-imgħax: ir-rata tal-imgħax u l-perjodu tal-imgħax;

(d) il-kawża tal-azzjoni, inkluża deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi invokati bħala l-bażi tat-talba;

(e) deskrizzjoni tal-evidenza;

(f) il-motivazzjonijiet għall-ġurisdizzjoni; u

(g) in-natura transfruntiera tal-każ.

Fi proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-pretendent jeħtieġlu jiddikjara li jkun mela l-formola A b’mod veritier u bona fede. L-ordni ta’ ħlas Ewropea tinħareġ biss fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-pretendent u ma tiġix ivverifikata mill-qorti.

L-ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi nnotifikata lill-konvenut bil-posta rreġistrata b’konferma tar-riċevuta jew permezz ta’ notifika minn uffiċjal ġudizzjarju. L-att ta’ ritorn tal-konferma tar-riċevuta lir-reġistru tal-qorti jippermetti lill-qorti tiddetermina jekk l-ordni ta’ ħlas Ewropea tistax tiġi ddikjarata eżegwibbli b’mod provviżorju. Jekk l-ordni tiġi nnotifikata permezz ta’ notifika minn uffiċjal ġudizzjarju, il-qorti tqabbad uffiċjal ġudizzjarju għal dak l-għan.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Iva, l-użu ta’ formoli standard hu obbligatorju għal proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea. Dawn jistgħu jitniżżlu fuq https://e-justice.europa.eu.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le, għall-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, ir-rappreżentazzjoni minn avukat mhix meħtieġa u l-partijiet m’għandhomx bżonn jidhru quddiem il-qorti. Fil-każ ta’ proċedura ta’ ġbir tad-dejn fi ħdan in-Netherlands, jekk ir-rappreżentazzjoni minn avukat tkunx meħtieġa jiddependi min-natura tal-proċedura u mil-livell tat-talba. Ara wkoll “Talbiet żgħar” u “Kif tiftaħ kawża l-qorti”.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-raġuni għat-talba, inkluża deskrizzjoni tal-evidenza li fuqha hi bbażata t-talba, trid tkun inkluża fuq formola standard A tal-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, iżda mhix meħtieġa deskrizzjoni aktar dettaljata.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Fil-prinċipju, ma hemmx bżonn li t-talba tkompli tiġi ssostanzjata aktar fi ħdan il-qafas ta’ proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea. Jenħtieġ li l-evidenza disponibbli tiġi deskritta fuq il-formola A.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

L-applikazzjoni se tiġi miċħuda jekk ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti. Jekk l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea tissodisfa biss uħud mill-kundizzjonijiet stabbiliti, ir-rikorrent jingħata l-opportunità li jimliha jew jirrettifikaha jew inkella li jaċċetta l-modifiki proposti mill-qorti. Jekk il-pretendent jonqos milli jibgħat lura t-tweġiba tiegħu fit-terminu perentorju stabbilit mill-qorti jew jiċħad milli jaċċetta l-proposta tal-qorti, l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi miċħuda fis-sħuħija tagħha. Ma hemm ebda dritt ta’ appell kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni. Madankollu, il-pretendent xorta waħda jista’ jasserixxi t-talba tiegħu billi jippreżenta applikazzjoni oħra għal ordni ta’ ħlas Ewropea jew billi juża proċedura oħra prevista mil-liġi ta’ Stat Membru.

1.5 Appell

Ma hemm ebda dritt ta’ appell. Madankollu, il-konvenut għandu l-għażla li jitlob rieżami. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 1.8. Fil-każ ta’ proċedura fin-Netherlands, fil-prinċipju d-dritt ta’ appell ikun disponibbli.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Il-konvenut jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fi żmien 30 jum min-notifika tal-ordni ta’ ħlas. Dan jeħtieġlu jippreżenta din l-oġġezzjoni billi juża l-formola standard F (https://e-justice.europa.eu) u hu meħtieġ jikkontesta t-talba biss. M’hemmx bżonn ta’ elaborazzjoni ulterjuri.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk il-konvenut jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fi żmien debitu (fi żmien 30 jum) billi juża l-formola standard F, il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi mitmuma. Imbagħad il-proċedura titkompla bi proċeduri sostantivi ordinarji, sakemm il-pretendent ma jikkontestax trasferiment għal proċeduri ta’ qorti ċivili ordinarji f’appendiċi għall-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Il-pretendent jista’ jagħmel dan fi stadju aktar tard ukoll, iżda jeħtieġlu jagħmel dan qabel ma tinħareġ l-ordni ta’ ħlas (Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar l-EOP).

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk il-konvenut jonqos milli jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fi żmien perjodu ta’ 30 jum, il‑qorti tkompli tuża l-formola standard G biex tiddikjara l-ordni ta’ ħlas Ewropea eżegwibbli permezz tal-mozzjoni tagħha stess u tibgħat l-ordni ta’ ħlas Ewropea eżegwibbli lill-pretendent. L-ordni ta’ ħlas Ewropea li ġiet iddikjarata eżegwibbli se tkun tista’ tiġi eżegwita fi kwalunkwe Stat Membru mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà. L-Artikolu 9 tal-Att ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-EOP joffri lill-konvenut l-opportunità li jippreżenta applikazzjoni għal rieżami (ara wkoll it-taqsima 1.8.2).

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

L-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea hija regolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ infurzar, sakemm ir-Regolament dwar l-EOP ma jistipulax mod ieħor. Kopja tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, kif iddikjarata eżegwibbli mill-qorti ta’ oriġini, trid tiġi pprovduta lill-qorti jew lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni. Dan id-dokument irid jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tiegħu. Traduzzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea bl-Olandiż trid tiġi pprovduta wkoll.

Matul il-fażi ta’ infurzar, l-infurzar jista’ jiġi miċħud biss wara applikazzjoni mill-konvenut. It-tali ċaħda tkun possibbli jekk l-ordni ta’ ħlas Ewropea ma tkunx rikonċiljabbli ma’ deċiżjoni preċedenti jew ma’ ordni maħruġa qabel fi kwalunkwe Stat Membru jew f’pajjiż terz. Din id-deċiżjoni (jew ordni) preċedenti trid tkun tinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u trid tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji fl-Istat Membru ta’ infurzar u jrid ikun il-każ li ma setgħetx titqajjem l-irrikonċiljabbiltà bħala oġġezzjoni matul il-proċedimenti tal-qorti fl-Istat Membru ta’ oriġini.

L-infurzar jiġi miċħud jekk il-konvenut diġà jkun ħallas l-ammont mogħti fl-ordni ta’ ħlas Ewropea. Taħt ebda ċirkustanzi l-ordni ta’ ħlas Ewropea ma hi se tiġi rieżaminata rigward is-sustanza tagħha mill-qorti.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

L-ordni ta’ ħlas Ewropea hi finali, sakemm il-konvenut ma japplikax għal rieżami.

Din il-possibbiltà hi prevista fl-Artikolu 9 tal-Att ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-EOP. Dan ifisser li, f’ċerti ċirkustanzi, il-konvenut jista’ japplika quddiem il-qorti ta’ oriġini għal rieżami tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, anki wara li jkun skada t-terminu perentorju ta’ 30 jum għall‑preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni. Din l-applikazzjoni trid timtela fi żmien 4 ġimgħat minn meta l-ordni ta’ ħlas tkun ġiet innotifikata lill-konvenut, minn meta jkunu waqfu japplikaw iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li minħabba fihom ma setgħetx titqajjem oġġezzjoni jew minn meta l-konvenut jsir jaf li l-ordni ta’ ħlas Ewropea nħarġet b’mod evidentement żbaljat.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/09/2018