Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

It-talbiet kollha jgħaddu minn proċess fejn tkun disponibbli l-opportunità biex tiddefendi l-kawża jew tirrispondi għaliha. Jekk it-talbiet jibqgħu mingħajr difiża jew ma jiġux ikkontestati, dawn m’għandhomx għalfejn jittellgħu l-qorti u jistgħu jiġu ttrattati in absentia - effettivament proċedura ssimplifikata għal talbiet mhux ikkontestati.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Din il-proċedura hija disponibbli fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) fi proċedura sempliċi (simple procedure), f'kawża sommarja (summary cause) u fi proċedura ordinarja (ordinary procedure), kif ukoll fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) permezz ta’ proċedura ordinarja ta’ taħrika (ordinary summons procedure).

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) tittratta talbiet monetarji sa £5 000.

Kawża Sommarja (Summary Cause) tittratta ċerti tipi ta’ talbiet monetarji sa £5 000 jiġifieri Offiża fuq il-Persuna.  Il-Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) issostitwiet il-Proċedura tal-Kawża Sommarja (Summary Cause Procedure), iżda biss fejn għandha x’taqsam ma’ azzjonijiet għall-ħlas, il-konsenja jew l-irkupru tal-pussess ta’ proprjetà mobbli, jew azzjonijiet li jordnaw lil xi ħadd biex jagħmel xi ħaġa speċifika.

Il-Kawża Ordinarja (Ordinary Cause) tittratta talbiet li jaqbżu l-£5 000.

Il-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) tittratta talbiet li jaqbżu l-£100 000.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) - limitu ta’ £5 000.

Kawża Sommarja (Summary Cause) - limitu ta’ £5 000.

Kawża Ordinarja (Ordinary Cause) fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) u fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) - l-ebda limitu.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Il-proċedura sempliċi (simple procedure), il-kawża sommarja (summary cause) u l-kawża ordinarja (ordinary cause) fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) għandhom proċeduri separati u huwa obbligatorju li dawn jiġu segwiti.  Barra minn hekk, il-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) għandha proċedura separata għal taħrika ordinarja (ordinary summons) u dawk it-talbiet b’valur ta’ aktar minn £100 000 biss jistgħu jitressqu f’dik il-qorti.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Iva.

Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) - jekk il-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Kontraenti ieħor, ix-Xeriff ma għandux jieħu deċiżjoni qabel ma jintwera li l-konvenut seta' jirċievi l-formola tat-talba fi żmien suffiċjenti biex jrrispondi jew li ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dak il-għan.

Kawża Sommarja (Summary Cause) - jekk il-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Kontraenti ieħor, ix-Xeriff ma għandux jagħti digriet sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta’ jirċievi t-taħrika fi żmien biżżejjed biex iħejji r-risposta tiegħu jew li ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dak il-għan.

Kawża Ordinarja (Ordinary Cause) - ir-Regolament Brussell I jipprovdi regoli ġurisdizzjonali li jridu jiġu segwiti mill-qrati tar-Renju Unit fi proċedimenti kull meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat ieħor tal-Unjoni Ewropea.

1.2 Il-qorti kompetenti

Ir-rikorsi għal kawża sommarja (summary cause) u għal proċedura sempliċi (simple procedure) għandhom isiru lill-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court). Sakemm ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti raġunijiet oħra ta’ ġurisdizzjoni, ir-rikorsi għandhom isiru lill-qorti fiż-żona fejn jgħix il-konvenut.

Normalment l-azzjonijiet ordinarji jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) jew il-Court of Session. Il-Court of Session għandha ġurisdizzjoni fl-Iskozja kollha. Għal darb’oħra, f’dak li jirrigwarda l-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court), sakemm ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti raġunijiet oħra ta’ ġurisdizzjoni, ir-rikorsi għandhom isiru lill-Qorti fiż-żona fejn jgħix il-konvenut.

Il-proċeduri huma kollha rregolati minn regoli separati tal-qorti, li huma disponibbli fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service).

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) - għandha tinbeda permezz tal-formola tat-talba (il-Formola 3A) b’dikjarazzjoni biex il-konvenut jingħata avviż ġust tat-talba, dettalji tal-bażi tat-talba u dettalji tal-oġġetti eċċ. jekk it-talba tkun irriżultat mill-provvista ta’ oġġetti.

Kawża Sommarja (Summary Cause) - għandha tinbeda permezz ta’ taħrika (il-Formola 1) b’dikjarazzjoni li tagħti lill-konvenut avviż ġust tat-talba, dettalji tal-bażi tat-talba u dettalji tal-oġġetti eċċ. jekk it-talba tkun irriżultat mill-provvista ta’ oġġetti.

Il-Kawża Ordinarja (Ordinary Cause) fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) - għandha tinbeda permezz tat-taħrika inizjali fil-Formola G1. Dikjarazzjoni tal-fatti (article of condescendence) għandha tkun inkluża fit-taħrika inizjali li tkopri -

a.     il-kriterju tal-ġurisdizzjoni: u

b.     il-fatti li fuqhom huwa bbażat il-kriterju tal-ġurisdizzjoni.

Kawża Ordinarja (Ordinary Cause) fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) - permezz ta’ ċitazzjoni, li d-deskrizzjoni u l-formola tagħha huma stabbiliti fir-regoli tal-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session).

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Iva, fi proċedura sempliċi (simple procedure), trid timtela l-Formola 3A u f’kawża sommarja (summary cause) trid timtela l-Formola 1. F’kawża ordinarja (ordinary cause), ir-rikors għandu jinbeda permezz ta’ taħrika inizjali fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) u ċitazzjoni fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session). Dawn huma disponibbli fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) skont ir-regoli għall-forom ta’ proċedura rispettivi.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le, tista’ tippreżenta rikors f’ismek iżda għal kawża ordinarja (ordinary cause) huwa rrakkomandat li jkollok avukat, minħabba li l-proċedura hija relattivament ikkumplikata.

Parti fil-kawża (persuna mhux irrappreżentata minn avukat) tista’ titlob permess lill-qorti sabiex xi ħadd jgħinha fil-proċedimenti tal-qorti ċivili - din il-persuna hija msejħa Rappreżentant Mhux Espert (Lay Representative).  Aktar informazzjoni dwar Rappreżentanti Mhux Esperti hija disponibbli fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service).

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Il-proċedimenti għandhom jinkludu dettalji tat-talba inklużi dati rilevanti. Aktar ma tkun kbira u kumplessa t-talba, iktar ikun hemm bżonn ta’ deskrizzjoni.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Le.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Il-qorti tistabbilixxi mill-kontenut tar-rikors li d-dejn huwa dovut. L-ordni tista’ tiġi rrifjutata jekk il-formoli ma jkunux kompluti, jekk ix-Xeriff ma jkunx sodisfatt li jeżisti kriterju ta’ ġurisdizzjoni jew jekk l-azzjoni tkun tressqet fil-qorti żbaljata.

1.5 Appell

Ir-rikorrent jista’ jappella kontra r-rifjut ta’ digriet in absentia? Iva.

Kawża ordinarja (Ordinary Cause) - jista’ jsir appell quddiem il-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) jew il-Qorti tal-Appell tax-Xeriff (Sheriff Appeal Court).

Kawża Sommarja (Summary Cause) - appell quddiem il-Qorti tal-Appell tax-Xeriff (Sheriff Appeal Court).

Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) - appell quddiem il-Qorti tal-Appell tax-Xeriff (Sheriff Appeal Court).

Fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) il-proċedura ta’ appell tissejjaħ “talba mill-ġdid”.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Kawża sommarja (Summary Cause) - il-konvenut jingħata 21 jum biex jimla formola ta’ risposta li tinkludi dikjarazzjoni li tagħti notifika ġusta lir-rikorrent.

Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) - il-konvenut irid jibgħat Formola ta’ Risposta 4A mimlija lill-qorti sal-aħħar data għal risposta, li tindika li huwa jikkontesta t-talba jew parti mit-talba (bħall-ammont li l-konvenut għandu jħallas lir-rikorrent).  Huwa jrid jippreżenta kwalunkwe risposta lill-qorti sad-data tar-risposta speċifikata fl-iskeda nnotifikata flimkien mal-formola tat-talbiet.

Il-Kawża Ordinarja (Ordinary Cause) fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) - il-konvenut jingħata 21 jum sa meta għandu jimla avviż ta’ intenzjoni ta' risposta fil-Formola 07 u jibgħat kopja lir-rikorrent. L-aħħar data li fiha l-avviż ta’ intenzjoni ta' risposta għandu jintbagħat lill-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) hija speċifikata fil-Formola 07.

Fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session), jekk il-konvenut jixtieq jopponi r-rikors jeħtieġ li “jikkomparixxi” billi jimmarka nota f’dan is-sens fuq it-taħrika fi żmien tlett ijiem qabel ma l-kawża “tittella' l-qorti”. Din il-kawża ma tittellax il-qorti qabel ma jkun skada l-perjodu ta’ notifika. Il-perjodu normali ta’ notifika huwa 21 jum.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) - ix-Xeriff joħroġ ordni bil-miktub fi żmien ġimagħtejn mir-risposta li tista' tagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

(a) tirreferi lill-partijiet għal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim

(b) torganizza diskussjoni dwar il-ġestjoni tal-kawżi

(c) torganizza seduta

(d) jekk ix-Xeriff jaħseb li deċiżjoni tista’ tittieħed mingħajr seduta, tindika li x-Xeriff qed jikkunsidra jagħmel dan

(e) tuża s-setgħat tax-Xeriff biex tirrifjuta talba jew tiddeċiedi kawża taħt ir-regola 1.8(11), (12) u (13).

Kawża Sommarja (Summary Cause) - il-partijiet jattendu l-ewwel seduta fejn ix-Xeriff jipprova jinnegozja ftehim.

Kawża Ordinarja (Ordinary Cause) kemm fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) kif ukoll fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) - għandhom jitressqu risposti, u wara dan il-kawża ssegwi r-regoli għal kawżi difiżi, li sakemm ma jiġux riżolti qabel bejn il-partijiet, jikkulminaw fi prova tal-fatti tat-tilwima bejn il-partijiet.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Fil-Kawża Sommarja (Summary Cause) kif ukoll fil-Proċedura Ordinarja (Ordinary Procedure) kemm fil-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) kif ukoll fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session), ir-rikorrent jista’ jressaq minuta jew mozzjoni għal digriet.

Fi Proċedura Sempliċi (Simple Procedure), ir-rikorrent jista’ jimla Rikors għal Deċiżjoni.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Ir-rikorrent għandu jippreżenta minuta jew mozzjoni għad-digriet (jew Rikors għal Deċiżjoni) u x-Xeriff jew l-Imħallef jista' jagħti digriet jew ordni kompetenti oħra f’termini ta' dik il-minuta (jew Rikors).

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Għalkemm ix-Xeriff jew l-Imħallef jagħti digriet (jew jieħu deċiżjoni) il-konvenut huwa liberu li jressaq rikors quddiem il-qorti għall-annullament ta’ dak id-digriet (jew dik id-deċiżjoni).

Links relatati

Is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) jinkludi r-regoli ta’ Proċedura Ordinarja (Ordinary Procedure), Sommarja (Summary Cause) u Sempliċi (Simple Procedure).

L-aħħar aġġornament: 17/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.