Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Qrati ordinarji - Belġju

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Franċiżl-Olandiż diġà ġew tradotti.

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali tal-qrati ordinarji tal-Belġju.


Qrati ordinarju - introduzzjoni

Qorti Suprema

Il- Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation / Hof van Cassatie) hija l-qorti suprema, il-"qorti tal-qrati". Qiegħda Brussell.

Cour d'assises

Hemm cour d'assises (cour d’assises / hof van assisen) għal kull waħda mill-10 provinċji u għad-distrett tal-Kapitali ta' Brussell. Mhix qorti permanenti iżda tiġi appuntata kull meta jitressqu persuni akkużati quddiemha.

Qrati tal-appell

  • Qorti tal-appell (cour d’appel / hof van beroep). Hemm ħamsa minn dawn il-qrati:
    • Brussell (għall-provinċji ta' Walloon Brabant, il-Brabant Fjamming u r-reġjun tal-Kapitali ta' Brussell,
    • Liège (għall-provinċji ta' Liège, Namur u l-Lussemburgu),
    • Mons (għall-provinċja ta' Hainaut),
    • Ghent (għall-provinċji tal-Fjandri tal-Punent u l-Fjandri tal-Lvant),
    • Antwerp (għall-provinċji ta' Antwerp u Limburg).
  • Qorti industrijali (cour du travail / arbeidshof). Hemm ħamsa minnhom. Dawn huma l-qrati tal-appell speċjalizzati fil-liġi industrijali. Għandhom l-istess ġuriżdizzjoni territorjali bħall-qrati tal-appell imsemmija aktar 'il fuq.

Il-qrati tal-prim'istanza

  • Il-qorti tal-prim'istanza (tribunal de première instance / rechtbank van eerste aanleg). Hemm 13 il-qorti, waħda għal kull distrett ġudizzjarju (arrondissement judiciaire / gerechtelijk arrondissement) u tnejn fid-distrett ta' Brussell, waħda fejn jiġi mitkellem l-Olandiż u waħda fejn jiġi mitkellem il-Franċiż.
  • Tribunal Industrijali (tribunal du travail / arbeidsrechtbank). Hemm disgħa (fil-prinċipju waħda f'kull ġuriżdizzjoni territorjali ta' kull qorti tal-appell, ħlief li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti tal-appell ta' Brussell, hemm tribunali industrijali f'Leuven, Nivelles u Brussell innifisha, u hemm tribunal industrijali wkoll f'Eupen fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż).
  • Il-qorti kummerċjali (tribunal de commerce / rechtbank van koophandel). Hemm disgħa (fil-prinċipju waħda f'kull ġuriżdizzjoni territorjali ta' kull qorti tal-appell, ħlief li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti tal-appell ta' Brussell, hemm tribunali industrijali f'Leuven, Nivelles u Brussell innifisha, u hemm tribunal industrijali wkoll f'Eupen fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż).

Qrati inferjuri jew lokali

  • Il-Maġistrat Ċivili (juge de paix / vrederechter). Hemm 187 qorti tal-maġistrati ċivili, waħda għal kull distrett ġudizzjarju (canton judiciaire / gerechtelijk kanton).
  • Qrati tal-pulizija (tribunal de police / politierechtbank). Hemm 15-il waħda.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati.

Il-maġistrat ċivili

Il-maġistrat jittratta kwistjoni ċivili u kummerċjali li jinvolvu somma ta' inqas minn EUR 1 860. Il-maġistrat ċivili għandu wkoll ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet dwar il-kera, bejn il-ġirien, jew dwar is-servitujiet (servitudes /erfdienstbaarheden) jew l-espropjazzjoni, ikun x'ikun l-ammont involut, u l-ġuriżdizzjon i biex jordna miżuri provviżorji fit-tilwim bejn il-konjuġi. Ħlief f'każijiet fejn it-talba ma taqbiżx EUR 1 240, is-sentenzi tal-maġistrat ċivili huma miftuħa għall-appell quddiem il-qorti tal-prim'istanza jew tal-qorti kummerċjali, skont jekk it-tilwima hix ta' natura ċivili jew kummerċjali.

Il-qorti tal-pulizija

Il-qorti tal-pulizija hija qorti kriminali u ċivili li tisma' reati minuri (contraventions / overtredingen), reati intermedji (délits / wanbedrijven) li jitqiesu bħala reati minuri, ksur ta' liġijiet speċifiċi (bħall-Kodiċi Rurali (Code rural / veldwetboek) jew il-Kodiċi tal-Foresterija (Code forestier / boswetboek), talbiet għad-danni minħabba inċidenti tat-traffiku u reati tat-traffiku fit-triq. Jista' jsir appell mis-sentenzi tal-qorti tal-pulizija quddiem il-qorti tal-prim'istanza, ħlief f'materji mniżżla fil-Kodiċi Ġudizzjarju (Code judiciaire / Gerechtelijk Wetboek) fejn it-talba ma taqbiżx EUR 1 240.

Il-qrati tal-prim'istanza

Il-qorti tal-prim'istanza għandha ġuriżdizzjoni fit-tilwim kollu li ma ġiex assenjat bil-liġi lil qrati oħra. Għalhekk il-qorti tal-prim'istanza għandha ġuriżdizzjoni residwa.

Il-qorti tal-prim'istanza hija maqsuma fi tliet taqsimiet: il-qorti ċivili, il-qorti kriminali u l-qorti tal-minorenni. Mill-2007 kien hemm taqsima msejjħa l-qorti għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qrati tal-prim'istanza f'Antwerp, Brussell, il-Fjandri tal-Lvant, Liège u Hainaut.

Il-qorti ċivili

Il-qorti ċivili (tribunal civil / burgerlijke rechtbank) tisma' kwistjonijiet relatati mal-istatus ċivili tal-persuni (bħad-divorzju, il-filjazzjoni jew l-adozzjoni). Għandha ġuriżdizzjoni wkoll f'tilwim li jinvolvi talbiet b'valur ogħla minn EUR 1 860, tilwim dwar is-suċċessjoni jew id-drittijiet tal-awtur, u appelli mis-sentenzi mogħtija minn maġistrat ċivili.

Il-qorti kriminali

Il-qorti kriminali (tribunal correctionnel / correctionele rechtbank) tisma' r-reati intermedji (délits / wanbedrijven) u r-reati serji (crimes / misdaden) bħall-frodi, l-omiċidju mhux volontarju, is-serq minn ġod-djar jew serq li jiġu meqjusa bħala reati intermedji. Din il-qorti tisma' wkoll appelli minn sentenzi mogħtija minn qorti tal-pulizija.

Kwistjoni tista' titressaq quddiem qorti kriminali f'wieħed minn żewġ modi: permezz ta' taħrika diretta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (ministère public / openbaar ministerie, essenzjalment il-korp li jressaq il-prosekuzzjonijiet pubbliċi) jew mingħand parti li qed titlob għad-danni; jew permezz ta' ordni li tingħata mit-taqsima ta' qabel il-proċess tal-qorti tal-prim'istanza, li tiddetermina jekk l-akkużat għandux jintbagħat għal proċess quddiem il-qorti kriminali meta tintemm l-inkjesta (instruction / gerechtelijk onderzoek).

It-taqsima ta' qabel il-proċess (chambre du conseil / raadkamer) tittratta l-inkjesta; hija ffurmata minn imħallef tal-qorti tal-prim'istanza li jippresjedi waħdu, li jiddeċiedi jekk il-każ għandux jintbagħat quddiem il-qorti kriminali jew jekk l-akkużat għandux jiġi liberat (non lieu / buitenvervolginstelling). It-taqsima ta' qabel il-proċess tiddeċiedi wkoll jekk l-akkużat għandux jinżamm b'arrest jew liberat, jekk meħtieġ soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jew xahar b'xahar jew, f'każ ta' reat serju li ma jistax jiġi meqjus bħala reat intermedju, kull tliet xhur.

L-arrest preventiv (détention préventive / voorlopige hechtenis) huwa miżura ta' sigurtà li permezz tagħha persuna suspettata li wettqet reat intermedju jew reat serju tinżamm b'arrest matul il-proċess. L-arrest jista' jiġi ordnat sabiex jiġi evitat li s-suspettat jonqos milli jidher, jew li sadanittant iwettaq reati oħra, jew ixekkel il-provi, jew jikkuntattja nies oħra, pereżempju sabiex jinfluwenza x-xhieda jew lill-ko-konvenuti. Suspettati li fl-aħħar jiġu liberati jew li kontra tagħhom jaqbżu l-akkużi jistgħu jitolbu kumpens mill-Ministru tal-Ġustizzja minħabba ż-żmien li jkunu qattgħu l-ħabs inġustament. Sabiex jinkiseb dan il-kumpens minħabba arrest mhux ġustifikat (indemnité en cas de détention inopérante / vergoeding wegens onwerkzame hechtenis), iridu jiġu sodisfati żewġ kundizzjonijiet: is-suspettat kien inżamm b'arrest għal aktar minn tmint ijiem, u ma kkawżax l-arrest jew l-arrest kontinwu tiegħu minħabba l-imġieba personali tiegħu. Il-Ministru jeżamina din tal-aħħar b'mod strett ħafna.

Id-deċiżjonijiet tal-awla ta' qabel il-proċess jistgħu jiġu appellati quddiem it-taqsima fejn issir l-akkuża (chambre des mises en accusation / kamer van inbeschuldigingstelling) tal-qorti tal-appell. Din hija t-taqsima li titratta l-inkjesta f'livell ta' qorti tal-appell.

Il-qorti tal-minorenni

Il-qorti tal-minorenni (tribunal de la jeunesse / jeugdrechtbank) tisma' kawżi partikolari li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Att tal-1965 dwar il-protezzjoni taż-żagħżagħ, pereżempju t-telf tas-setgħa tal-ġenitur, it-tqegħid tat-tfal ma' familji tal-fostering jew f'ċentri magħluqa, jew kawżi kriminali tal-minorenni.

Imħallef tal-qorti tal-minorenni ma jimponix pieni fuq żagħżagħ kriminali iżda jieħu miżuri fir-rigward tagħhom. Fil-prattika, l-imħallef jista' jċanfar lill-minorenni (rappeler à l’ordre / tot de orde roepen, "iwissihom biex ibiddlu l-imġieba tagħhom"), ipoġġihom ma' familja għall-fostering f'istituzzjoni speċjalizzata fejn ikunu fil-kumpanija ta' żagħżagħ oħra appoġġati minn persunal tat-tagħlim, jordnalhom jagħtu servizz lill-komunità jew anki, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jibagħthom temporanjament il-ħabs. Il-miżuri meħuda mill-imħallef jridu jittieħdu minħabba l-kura, Il-protezzjoni jew l-edukazzjoni tal-minorenni. Jekk minorenni kriminal jagħlaq is-16-il sena, imħallef tal-qorti tal-minorenni jista', f'ċirkostanzi speċjali, jiddikjara li ma għandux ġuriżdizzjoni. Il-minorenni mbagħad jitressaq quddiem taqsima speċjali tal-qorti tal-minorenni li taġixxi bħala qorti kriminali. Fil-każ ta' reat partikolarment serju, bħall-qtil, il-minorenni jintbagħat, eċċezzjonalment, quddiem il-cour d'assises, minkejja li minorenni. Il-qorti tal-minorenni tista' tieħu wkoll miżuri fir-rigward ta' ġenituri meta ma jissodisfawx l-obbligu ta' trobbija tagħhom (vjolenza fuq it-tfal, użu ħażin tas-setgħa tal-ġenitur, kundizzjonijiet ta’ għajxien ħżiena, eċċ.). F'ċerti sitwazzjonijiet urġenti l-miżuri jistgħu jittieħdu biex jipproteġu t-tfal malajr kemm jista' jkun.

Att mgħoddi mill-Kamra Minuri tal-Parlament f'Lulju 2011, u mibgħut lis-Senat, stabbilixxa taqsimiet separati tal-familja u tal-minorenni tal-qrati tal-prim'istanza. L-Att jittrasferixxi xi setgħat lit-taqsimiet tal-familja mill-qorti tal-maġistrat ċivili, u wħud mit-taqsimiet tal-minorenni.

Il-qrati għall-applikazzjoni tas-sentenzi

Qorti għall-applikazzjoni tas-sentenzi (tribunal de l’application des peines / strafuitvoeringsrechtbank) tagħti sentenzi dwar l-istatus legali barra l-ħabs tal-persuni kkundannati għall-ħabs. Il-qorti tista' tippermetti l-arranġamenti li ġejjin: arrest limitat (détention limitée / beperkte detentie), sorveljanza elettronika, ħelsien kundizzjonali (libération conditionnelle / voorwaardelijke invrijheidstelling), u ħelsien provviżorju (mise en liberté provisoire / voorlopige invrijheidstelling) bil-għan ta' tneħħija jew ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini. Id-deċiżjonijiet tal-qrati għall-applikazzjoni tas-sentenzi jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew mill-persuna kundannata.

Appelli mis-sentenzi tal-qorti tal-prim'istanza

Ħlief fil-każ ta' deċiżjonijiet mogħtija minn qorti għall-applikazzjoni tas-sentenzi, meta parti jew l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mhix sodisfatta b'sentenza mogħtija minn qorti tal-prim'istanza hija tista' tappella s-sentenza, sakemm ingħata fil-prim'istanza, jiġifieri ma ngħatatx fl-appell kontra deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-pulizija jew maġistrat ċivili. L-appell imbagħad jiġi kkunsidrat mill-qorti tal-appell, irrispettivament minn jekk is-sentenza appellata ngħatatx mill-qorti ċivili, il-qorti kriminali jew mill-qorti tal-minorenni.

It-Tribunal industrijali

It-Tribunal industrijali għandu ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet soċjali: is-sigurtà soċjali (pensjonijiet, qgħad, eċċ.), tilwim industrijali (kuntratti tax-xogħol, regolamenti industrijali, eċċ.) u inċidenti industrijali. Huwa jiddeċiedi wkoll dwar rikorsi għal arranġamenti mal-kredituri ppreżentati minn individwi (règlement collectif de dettes / collectieve schuldenregeling).

Tribunal industrijali huwa ffurmat minn diversi taqsimiet. Ħlief fejn huwa provvdut mod ieħor mill-Kodiċi Ġudizzjarju, dawn huma ffurmati minn imħallef, li jippresjedi, u żewġ imħallfin onorarji (juges sociaux / rechters in sociale zaken). Skont in-natura tal-każ li qed jinstemgħa mill-qorti, l-imħallfin onorarji jirrappreżentaw il-ħaddiema, min iħaddem jew min jaħdem għal rasu. Jiġu maħtura wara li jiġu nominati mill-organizzazzjonijiet fid-dinja tax-xogħol (min iħaddem, ħaddiema professjonisti, ħaddiema manwali jew min jaħdem għal rasu). Ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jitwettaq minn uffiċjali magħruf bħala auditeur du travail / arbeidsauditeur, bil-kariga ta' auditorat du travail / arbeidsauditoraat.

Parti li ma taqbilx mas-sentenza tat-tribunal industrijali tista' tressaq appell quddiem il-qorti industrijali.

Il-qorti kummerċjali

Qorti kummerċjali tisma' tilwim bejn negozjanti dwar somom ta' aktar minn EUR 1 860 iżda wkoll kwistjonijiet speċifiċi ħafna bħal falliment jew proċedimenti bejn l-azzjonisti ta' kumpanija. Hija tisma' wkoll appelli minn sentenzi mogħtija mill-qrati ċivili tal-maġistrati fil-qasam kummerċjali.

It-taqsimiet tal-qorti kummerċjali huma ffurmati minn imħallef u żewġ imħallfin onorarji (hawnhekk imsejjħa juges consulaires / rechters in handelszaken). Dawn l-imħallfin onorarji jiġu nominati mid-diversi assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-kummerċ u l-industrija. L-assoċjazzjonijiet jagħżlu kandidati minn fost in-negozjanti, id-diretturi tal-kumpaniji, l-awdituri tal-kumpaniji u l-kontabilisti. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa rappreżentat minn membru tal-Uffiċċju stess quddiem il-qorti tal-prim'istanza.

Jekk parti tixtieq tappella sentenza tal-qorti kummerċjali, din għandha tressaq appell quddiem il-qorti tal-appell. Is-sentenza kontestata trid tkun ingħatat fil-prim'istanza u ma tridx tkun sentenza li ngħatat fl-appell kontra deċiżjoni preċedenti ta' maġistrat fiċ-ċivil.

Il-qrati tal-appell u l-qrati industrijali

Qorti tal-appell hija ffurmata minn diversi taqsimiet:

  • It-taqsimiet ċivili (chambres civiles / burgerlijke kamers) jisimgħu l-appelli mis-sentenzi mogħtija fil-prim'istanza mit-taqsimiet ċivili tal-qrati tal-prim'istanza u mill-qrati kummerċjali.
  • It-taqsimiet kriminali (chambres correctionnelles / correctionele kamers) jisimgħu l-appelli minn sentenzi mogħtija fil-prim'istanza mill-qrati kriminali.
  • It-taqsimiet tal-minorenni jisimgħu l-appelli minn sentenzi mogħtija fil-prim'istanza mill-qrati tal-minorenni.
  • It-taqsima struttorja (chambre des mises en accusation / kamer van inbeschuldigingstelling) titratta l-investigazzjonijiet ta' qabel il-proċess, u tisma' l-appelli mid-deċiżjonijiet tat-taqsima ta' qabel il-proċess tal-qorti tal-prim'istanza. Hija t-taqsima struttorja wkoll li tirreferi s-suspettati lill-cour d'assises fuq akkużi ta' reati serji, reati kontra l-istampa jew reati politiċi.

Bħat-tribunal industrijali, it-taqsimiet tal-qorti industrijali huma ffurmati minn imħallef u tnejn jew erba' mħallfin onorarji. Il-qorti industrijali tisma' l-appelli mid-deċiżjonijiet tat-tribunali industrijali.

Il-cour d'assises

Reati serji

Meta persuna tiġi akkużata b' reat serju (crime / misdaad) li ma jistax jitqies bħala jew mhux jiġi meqjus bħala reat intermedju (délit / wanbedrijf), din tiġi msejjħa tidher quddiem il-cour d'assises (cour d’assises / hof van assisen) biex tgħaddi ġuri.

Il-cours d'assises hija presjeduta minn imħallef, megħjun minn żewġ assessuri (assesseurs / bijzitters) li wkoll huma mħallfin. L-imħallfin ma jiddeċidux dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat. Il-ġuri tiddeċiedi jekk l-akkużat wettaqx ir-reat jew le. Il-ġurati jintgħażlu bix-xorti. Kull ċittadin Belġjan ta' bejn it-28 u s-65 sena jista' jiġi msejjaħ biex jagħti servizz bħala ġurat sakemm ma ġiex ikkundannat b'sentenza ta' limitazzjoni tad-drittijiet politiċi u ċivili, jaf jaqra u jikteb, u qatt ma ġie kkundannat għal aktar minn erba' xhur ħabs jew aktar minn 60 siegħa servizz fil-komunità.

Il-proċedimenti quddiem il-cour d'assises jibdew bil-qari tal-att tal-akkuża, li fih taqsira tal-proċess ta' sejbien tal-fatti u li jistabbilixxi l-provi ewlenin kumpilati matul l-inkjesta. Imbagħad, jinstemgħu x-xhieda u l-persuni involuti fl-inkjesta. Dawn is-seduti huma maħsuba sabiex jgħinu lill-ġurati, li għadhom ma rawx l-atti, biex jiffurmaw opinjoni tagħhom. Imbagħad, il-prosekutur jagħmel id-diskors tiegħu, fejn jitlob piena speċifika; jinstemgħu l-partijiet li qed jitolbu d-danni; u l-avukati difensuri jippreżentaw l-argumenti tagħhom. Jinstema' wkoll l-akkużat. Huwa jwieġeb il-mistoqsijiet li jsirulu mill-imħallef presjedenti, jagħti raġunijiet, u jista' wkoll jiddikjara l-innoċenza tiegħu. Fi tmiem il-proċedimenti, it-12 il-ġurat jirtiraw f'kamra bil-bibien magħluqa. Huma jridu jagħtu verdett dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat. Huma jiddeċiedu billi jivvutaw, u d-deċiżjoni tagħhom tista' tkun kwalifikata. Huma jistgħu, pereżempju, isibu lill-akkużat ħati filwaqt li jirrikonoxxu l-eżistenza ta' ċirkostanzi attenwanti. Jekk l-akkużat jinstab ħati, l-imħallfin u l-ġurati mbagħad jiltaqgħu biex jiddeċiedu dwar is-sentenza li trid tingħata. Id-deċiżjoni tittieħed permezz ta' maġġoranza assoluta. Id-deċiżjoni dwar il-ħtija tal-akkużat trid tagħti r-raġunijiet.

B'mod ġenerali, sentenza tal-cour d'assises ma tistax tiġi appellata bis-sħiħ rigward kwistjonijiet ta' fatt u ta' dritt (appel / hoger beroep). Iżda l-persuna misjuba ħatja, il-parti li qed titlob għad-danni jew l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jistgħu, madankollu, iressqu appell fuq punt tal-liġi biss (pourvoi / cassatieberoep) lill-Qorti tal-Kassazzjoni. Jekk il-Qorti tal-Kassazzjoni tħassar kundanna din tibgħat il-każ lura lil cour d'assises oħra li trid terġa' tisma' l-każ mill-ġdid.

Reati tal-istampa u reati politiċi

Ikun twettaq reat tal-istampa (délit de presse / drukpersmisdrijf) meta jkun hemm espressjoni ħatja tal-ħsieb permezz ta' kliem li tagħhom jitqassmu diversi kopji permezz ta' proċess tekniku. Reat politiku (délit politique / politiek misdrijf) huwa reat imwettaq għal raġuni politika u għal għanijiet politiċi. Ir-reati politiċi u tal-istampa jinstemgħu mill-cour d'assises, ħlief f'każijiet ta' reati tal-istampa xprunati mir-razziżmu jew il-ksenofobija.

Il-Qorti tal-Kassazzjoni

Il-Qorti tal-Kassazzjoni hija l-garanti li tassigura li l-qrati jimxu skont il-liġi. Hija għandha ġuriżdizzjoni fuq il-Belġju kollu. Il-Qorti tal-Kassazzjoni ma tiddeċidix fuq il-fatti iżda biss fuq punti legali. Appell lill-Qorti tal-Kassazzjoni (pourvoi / cassatieberoep) jista' jitressaq biss fuq punti tal-liġi, fuq il-bażi li kien hemm ksur tal-liġi jew ta' prinċipju ġenerali tal-liġi. L-appelli jitressqu quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni biss kontra sentenzi mogħtija fl-aħħar istanza, jiġifieri sentenzi li kontrihom ma hemmx possibbiltà ta' appell ordinarju fuq punti ta' fatt u ta' dritt (appel / hoger beroep).

Il-Qorti tal-Kassazzjoni hija ffurmata minn president prinċipali, president, presidenti tat-taqsimiet u mħallfin ordinarji (conseillers / raadsheren). L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa rappreżentat mill-Prosekutur Prinċipali tal-Istat (procureur général / procureur generaal) quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni jew minn avukat-ġenerali (avocat général / advocaat generaal). Il-Qorti hija ffurmata minn tliet taqsimiet: l-ewwel taqsima tisma' kawżi ċivili, kummerċjali, tat-taxxa u tad-dixxiplina, it-tieni l-kawżi kriminali u t-tielet kawżi dwar l-impjiegi u l-liġi tas-sigurtà soċjali. Kull waħda minn dawn it-taqsimiet għandha taqsima fejn jiġi mitkellem il-Franċiż u taqsima fejn jiġi mitkellem l-Olandiż. F'kull taqsima n-numru ta' mħallfin għal kull kawża normalment huwa ta' ħamsa.

Qabel ma tagħti s-sentenza tagħha l-qorti tisma' l-opinjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni. Il-qorti tista' ticħad l-appell jew le. Jekk ma tilqax l-argumenti ppreżentati lilha, hija tiċħad l-appell, u s-sentenza kontesta ssir finali. Jekk hija tiddeċiedi li s-sentenza kontestata verament hija difettuża fuq punt tad-dritt, hija tħassar is-sentenza, kollha jew parti minnha; jekk hija tikkonkludi li jrid jerġa' jiġi kkunsidrat il-mertu tal-każ, hija tħassar is-sentenza u tirreferi l-każ lil qorti oħra fl-istess grad ta' dik li tat is-sentenza. Il-kawża qatt ma tintbagħat lura lill-istess qorti.

Nota

Jista' jkun utli li jiġi indikat li flimkien mal-qrati ċivili, il-qrati kriminali — it-taqsimiet kriminal tal-qorti tal-appell u l-cour d'assises, it-taqsima kriminali tal-qorti tal-prim'istanza (il-qorti kriminali) u l-qorti tal-pulizija (meta tisma' l-kawżi kriminali) — tisma' wkoll rikorsi ċivili mressqa minn partijiet ċivili li jitolbu sabiex it-talbiet tagħhom jiġu magħquda mal-proċedimenti kriminali; dawn huma essenzjalment rikorsi għad-danni mressqa mill-vittmi tal-kriminalità fl-aktar sens wiesa' possibbli.

Bażijiet tad-dejta ġuridika

Għal aktar informazzjoni dwar il-qrati ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidal-portal tal-Ġudikatura fil-Belġju.

L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

Iva l-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas

Ħoloq relatati

Is-Servizz Pubbliku Federali għall-Ġustizzja>


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 17/09/2015