Qrati ordinarji - Spanja

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ispanjol diġà ġew tradotti.

L-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 jistabbilixxi l-prinċipju tal-unità ġuriżdizzjonali bbażata fuq l-organizzazzjoni u l-funzjonament tat-Tribunali.

Dan il-prinċipju jimmanifesta ruħu fl-eżistenza ta’ ġuriżdizzjoni unika, magħmula minn korp uniku ta’ mħallfin u maġistrati li jiffurmaw il-Ġuriżdizzjoni Ordinarja.

Jeżistu diversi qrati u tribunali li jqassmu xogħolhom skont il-kriterji għat-tqassim skont il-kompetenza: is-suġġett, l-ammont, il-persuna, il-funzjoni jew it-territorju, billi l-Għaqda Ġuriżdizzjonali ma teskludix l-eżistenza ta’ organi differenti b’kompetenzi differenti.


It-Tribunali ordinarji - introduzzjoni

Il-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 tistabbilixxi li Spanja hija Stat Soċjali u Demokratiku bbażat fuq l-Istat tad-Dritt li bħala valuri superjuri tal-ordni ġuridiku tiegħu għandu l-libertà, il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-pluraliżmu politiku.

It-Titolu VI tal-Kostituzzjoni huwa ddedikat lill-Ġudikatura u l-Artikolu 117 tiegħu jiddikjara li l-prinċipju tal-għaqda ġuriżdizzjonali huwa l-bażi għall-organizzazzjoni u l-funzjonament tat-Tribunali.

Dawn il-prinċipji kollha jinfurmaw l-Organizzazzjoni tal-Qrati u t-Tribunali fi Spanja u huma mfissra fl-eżistenza ta’ ġuriżdizzjoni unika, magħmula minn korp uniku ta’ mħallfin u maġistrati li jiffurmaw il-Ġuriżdizzjoni Ordinarja.

Jeżistu diversi qrati u tribunali li jqassmu xogħolhom skont il-kriterji għat-tqassim skont il-kompetenza: is-suġġett, l-ammont, il-persuna, il-funzjoni jew it-territorju, billi l-Għaqda Ġuriżdizzjonali ma teskludix l-eżistenza ta’ organi differenti b’kompetenzi differenti.

Sabiex organu ġudizzjarju jiġi kkunsidrat bħala ordinarju, irid ikun irregolat mil-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura, skont il-mandat fl-Artikolu 122 tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978.

Trid issir distinzjoni bejn tliet aspetti fundamentali:

  • l-aspett territorjali.
  • in-natura individwali jew kolleġjali tal-organi.
  • l-aspett kompetenzjali.

L-aspett territorjali

Skont il-memorandum ta' spjegazzjoni fil-Liġi Organika 6/1985 tal-1 ta’ Lulju dwar il-Ġudikatura, l-Istat huwa organizzat territorjalment, għal skopijiet ġudizzjarji, f’muniċipalitajiet, distretti, provinċji u komunitajiet awtonomi, bl-awtorità ġuriżdizzjonali fuqhom tkun eżerċitata mill-Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja, il-Qrati tal-Ewwel Istanza u l-Kumpilazzjoni, il-Qorti Amministrattiva, il-Qorti Industrijali, il-Qorti tal-Viġilanza Penitenzjarja u tal-Minuri, il-Qrati Provinċjali u t-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja.

Il-Qorti Kriminali u Amministrattiva Nazzjonali u l-Qorti Suprema u l-Qrati Ċentrali tal-Kumpilazzjoni u l-Qrati Amministrattivi għandhom awtorità ġuriżdizzjonali fit-territorju nazzjonali kollu.

In-natura individwali jew kolleġjali tal-organi

Rigward in-natura individwali jew kolleġjali tal-organi, kollha huma individwali bl-eċċezzjoni tal-Qorti Suprema, il-Qorti Kriminali u Amministrattiva Nazzjonali, it-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja u l-Qrati Provinċjali.

Il-Qorti Suprema hija ffurmata mill-president tagħha, il-presidenti tal-awla u l-maġistrati li jiddeterminaw il-liġi għal kull waħda mill-awli u t-taqsimiet tagħhom. Hemm ħames awli: dik Ċivili, dik Kriminali, dik Amministrattiva, dik Industrijali u dik Militari.

Il-Qorti Kriminali u Amministrattiva Nazzjonali hija ffurmata mill-president tagħha, il-presidenti tal-awla u l-maġistrati li jiddeterminaw il-liġi għal kull waħda mill-Awli u t-Taqsimiet tagħhom (tal-Appelli, Kriminali, Amministrattiva u Industrijali).

It-Tribunali Superjuri jinkludu erba’ awli (ċivili, kriminali, amministrattivi u industrijali). Huma ffurmati minn president, li huwa wkoll il-president tal-awli ċivili u kriminali; il-presidenti tal-awla u l-maġistrati li jiddeterminaw il-liġi għal kull waħda mill-awli tagħhom.

Il-Qrati Provinċjali huma ffurmati minn president wieħed u żewġ maġistrati jew aktar. Huma jisimgħu kawżi ċivili u kriminali u jista’ jkun hemm taqsimiet bl-istess kompożizzjoni.

L-Uffiċċju Ġudizzjarju

Il-Liġi Organika tal-Ġudikatura tiddefinixxi l-Uffiċċju Ġudizzjarju bħala "l-organizzazzjoni ta' natura strumentali li sservi ta' sostenn u appoġġ għall-attività ġuriżdizzjonali tal-qrati u t-tribunali."

Dan kien maħsub biex itejjeb l-effikaċja, l-effiċenza u t-trasparenza tal-ħidma ġudizzjarja, iħaffef il-qtugħ tal-kawżi, u jrawwem il-kooperazzjoni u l-koordinament bejn id-diversi amministrazzjonijiet. Għaldaqstant, it-tnedija tiegħu hija reazzjoni għall-impenn lejn servizz pubbliku eqreb taċ-ċittadin u ta' kwalità, b'konformità mal-valuri kostituzzjonali u adattat għall-bżonnijiet reali taċ-ċittadini.

Dan huwa mudell organizzattiv ġdid li jintroduċi tekniki moderni ta' ġestjoni, ibbażati fuq il-kumbinazzjoni ta' unitajiet amministrattivi differenti; Unitajiet Proċedurali ta' Appoġġ dirett, li huma ekwivalenti għall-qrati l-antiki, li jappoġġaw lill-Imħallef jew Maġistrat fil-funzjoni ġuriżdizzjonali tiegħu u Servizzi proċedurali komuni, immexxija minn Segretarji Ġudizzjarji li jwettqu u jiddeċiedu l-funzjonijiet kollha li ma jkunux strettament ġuriżdizzjonali, fosthom: jirċievu dokumenti, jieħdu ħsieb in-notifiki, jeżegwixxu d-deċiżjonijiet, jittrattaw proċedimenti mhux ġudizzjarji, jilqgħu rikorsi għall-ftuħ ta' kawża, jinnotifikaw il-partijiet, jirrimedjaw nuqqasijiet proċedurali…

Hemm tliet tipi ta' Servizzi komuni proċedurali:

  • Is-Servizz Komuni Ġenerali
  • Is-Servizz Komuni tal-Ġestjoni tal-Kawża
  • Is-Servizz Komuni tal-Eżekuzzjoni

Il-mudell organizzattiv il-ġdid tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja daħal fis-seħħ f'Burgos u f'Murcia f'Novembru 2010. Fi Frar tas-sena ta' wara, l-Uffiċċju Ġudizzjarju ġie stabbilit f'Cáceres u fi Ciudad Real u fix-xahar ta' Ġunju 2011 fis-sedi ta' León, Cuenca u Mérida. Huwa previst li fl-2013 ikun stabbilit ukoll f'Ceuta u f'Melilla. Dan il-mudell organizzattiv jikkoeżisti mal-mudell l-antik ta' qrati u tribunali li għad hemm fil-bqija tat-territorju.

L-aspett kompetenzjali

Fis-sistema tal-organizzazzjoni ġudizzjarja Spanjola, il-ġuriżdizzjoni ordinarja tinqasam f'erba’ oqsma ġuriżdizzjonali:

Ġuriżdizzjoni Ċivili: teżamina t-tilwim li ma jkunx attribwit espressament lil qasam ġuriżdizzjonali ieħor. Għalhekk jista’ jiġi kklassifikat bħala ordinarju jew komuni.

Ġuriżdizzjoni Kriminali: Il-ġuriżdizzjoni kriminali tisma' kawżi u proċedimenti kriminali. Hija karatteristika tal-liġi Spanjola li l-kawża ċivili li tirriżulta minn reat kriminali tista’ titressaq fl-istess ħin ma' azzjoni kriminali. F’każ bħal dan, il-qorti kriminali tiddeċiedi d-danni xierqa sabiex tagħmel tajjeb għat-telf ikkawżat mid-delitt jew nuqqas.

Ġuriżdizzjoni Amministrattiva: il-ġuriżdizzjoni amministrattiva tittratta l-kontroll tal-legalità ta’ azzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-pretensjonijiet ta’ responsabilità finanzjarja li jsiru kontra tagħhom.

Ġuriżdizzjoni Industrijali: tisma’ pretensjonijiet fil-qasam tad-dritt industrijali, kemm f’kunflitti individwali bejn il-ħaddiem u min iħaddmu li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol, u fi kwistjonijiet ta’ negozjati għal ftehim kollettiv, kif ukoll talbiet fil-materja tas-Sigurtà Soċjali jew kontra l-Istat meta jkollu responsabbiltà għal-leġislazzjoni industrijali.

Minbarra l-erba’ oqsma ġuriżdizzjonali, fi Spanja hemm ukoll il-Ġuriżdizzjoni Militari.

Il-Ġuriżdizzjoni Militari tirrappreżenta eċċezzjoni għall-prinċipju tal-unità ġuriżdizzjonali.

Il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKostituzzjoni tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-attivitajiet ġuriżdizzjonali u hija l-bażi tal-unità tal-Ġudikatura Statali, li żżomm il-karatteristika speċjali tal-ġuriżdizzjoni militari fl-ambitu strettament militari u fuq is-suppożizzjoni ta’ stat ta’ assedju, suġġett, fil-każijiet kollha, għall-prinċipji kostituzzjonali kif stipulati fl-artikolu 117.5 tat-test fundamentali.

Il-kompetenza tal-ġuriżdizzjoni militari fi żmien ta’ paċi hija limitata għall-ambitu strettament militari, jiġifieri li jisma’ kawżi ta’ kondotta kklassifikata bħala reat fil-kodiċi kriminali militari, bil-kompetenza tiegħu tiġi estiża għal kwalunkwe tip ta’ reat fil-każ ta’ truppi stazzjonati barra mit-territorju nazzjonali. Fi żmien ta’ gwerra, il-Liġi Organika 4/1987 dwar il-Kompetenza u l-Organizzazzjoni tal-Ġuriżdizzjoni Militari tipprovdi għal tibdil f’dan l-ambitu, għalkemm huwa l-Parlament li jrid jieħu dik id-deċiżjoni u, f’każ li jkun ġie awtorizzat, il-gvern.

L-organi ġuriżdizzjonali militari huma ffurmati minn persunal militari professjonali, membri tal-Forzi Armati u impjegati tal-Ministeru tad-Difiża.

Dawn kollha jiffurmaw it-tribunali militari: il-Qrati Militari Territorjali, il-Qrati Militari Ċentrali, it-Tribunali Militari Territorjali, u t-Tribunal Militari Ċentrali. Madankollu, fil-quċċata tal-ġuriżdizzjoni militari hemm il-Ħames Awla tal-Qorti Suprema.

Il-ħolqien ta’ awla militari fi ħdan il-Qorti Suprema, soġġetta f’termini tas-sistema tagħha u l-istatus tal-membri tagħha għall-istess regoli bħall-awli l-oħra, tirrappreżenta l-unità fil-quċċata, taż-żewġ ġuriżdizzjonijiet li jiffurmaw il-ġudikatura.

Il-kompożizzjoni ta’ din l-awla ta’ maġistrati kemm mill-ġuriżdizzjoni ordinarja kif ukoll minn dik militari hija garanzija tal-piż tal-ħidma ġuriżdizzjonali tal-ogħla livell, li normalment tissejjaħ biex taġixxi fl-evalwazzjoni ta’ appelli fuq punti tal-liġi u rieżami, anki jekk, loġikament, jintuża fond ta’ persunal estern li jkollu pożizzjoni militari għolja b’responsabbiltà għall-persunal militari li jkun se jiġi ġġudikat minn din l-awla.

Ma jeżisti l-ebda qasam ġuriżdizzjonali straordinarju fi Spanja, madankollu nistgħu nirrimarkaw li fl-oqsma ġuriżdizzjonali li diġà ssemmew, ġew stabbiliti Qrati speċjalizzati skont is-suġġett. Bħal, pereżempju, il-qrati li jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa, il-qrati ta' viġilanza penitenzjarja u qrati tal-minuri. Dawn il-qrati għandhom ġuriżdizzjoni ordinarja bi speċjalizzazzjoni minħabba s-suġġett li jittrattaw. Għal aktar informazzjoni, ara “Il-qrati u t-tribunali speċjalizzati fi Spanja.”

Billi nanalizzaw l-erba’ oqsma ġuriżdizzjonali li jeżistu, se neżaminaw il-kompetenza tad-diversi qrati u tribunali f’dawn is-suġġetti.

Il-qasam ġuriżdizzjonali ċivili

L-Ewwel Awla tal-Qorti Suprema, l-Awla Ċivili u Kriminali tat-Tribunal Superjuri tal-Ġustizzja, it-Taqsimiet Ċivili tal-Qrati Provinċjali, il-Qrati tal-Ewwel Istanza u l-Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja flimkien ma' ċerti qrati speċjalizzati (Qrati tal-Familja, Qrati Kummerċjali, Qrati tat-Trademark Komunitarja, Qrati tal-Vjolenza fuq in-Nisa) għandhom il-kompetenza fil-qasam ġuriżdizzjonali ċivili.

Il-Qrati Kummerċjali, tat-Trademark Komunitarja, tal-Vjolenza fuq in-Nisa huma analizzati fid-dettall fil-paġna dwar il-Ġuriżdizzjoni Speċjalizzata fi Spanja.

Il-qasam ġuriżdizzjonali kriminali

It-Tieni Awla tal-Qorti Suprema, l-Awla Kriminali tal-Qorti Nazzjonali, l-Awla Ċivili u Kriminali tat-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja, it-Taqsimiet Kriminali tal-Qrati Provinċjali, il-Qrati Kriminali, il-Qrati tal-Kumpilazzjoni, il-Qrati tal-Minuri, il-Qrati ta' Viġilanza Penitenzjarja, il-Qrati tal-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja għandhom il-kompetenza fil-qasam ġuriżdizzjonali kriminali.

Il-Qrati tal-Minuri, il-Qrati ta' Viġilanza Penitenzjarja u l-Qrati tal-Vjolenza fuq in-Nisa huma analizzati fid-dettall fil-paġna dwar il-Ġuriżdizzjoni Speċjalizzata fi Spanja.

Il-qasam ġuriżdizzjonali amministrattiv

L-organi ġuriżdizzjonali fil-qasam amministrattiv huma t-Tielet Awla tal-Qorti Suprema, l-Awla Amministrattiva tal-Qorti Nazzjonali, l-Awla Amministrattiva tat-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja u l-Qrati Amministrattivi.

Il-qasam ġuriżdizzjonali industrijali

Il-qasam industrijali huwa magħmul mir-Raba’ Awla tal-Qorti Suprema, l-Awla Industrijali tal-Qorti Nazzjonali, l-Awla Industrijali tat-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja u l-Qrati Industrijali.

Il-kompetenzi tal-organi kollha msemmija huma stabbiliti fil-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLiġi Organika dwar il-Ġudikatura.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIL-KUNSILL ĠENERALI TAL-ĠUDIKATURA FI SPANJA

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIL-LIĠI ORGANIKA DWAR IL-ĠUDIKATURA


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/03/2019