Qrati ordinarji - Finlandja

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Finlandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Din it-taqsima tagħtik informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji fil-Finlandja.


Qrati ordinarji – introduzzjoni

Wieħed jista’ jaqsam il-qrati tal-ġustizzja fil-Finlandja fi qrati ġenerali għal kwistjonijiet ċivili u kriminali, qrati amministrattivi għal deċiżjonijiet amministrattivi u qrati speċjali.

It-terminu “qrati ġenerali” jirreferi għal qrati li l-kompetenza tagħhom hija waħda ġenerali. Fi kliem ieħor, huma jieħdu ħsieb kawżi legali li ma tqiegħdux taħt ir-responsabbiltà ta’ xi qorti oħra tal-ġustizzja. Il-qrati ġenerali huma:

  • il-Qrati Distrettwali (käräjäoikeus/tingsrätt) (bħalissa 51, li fl-2010 se jonqsu għal 27)
  • il-Qrati tal-Appell (hovioikeus, hovrätt, 6)
  • il-Qorti Suprema (Korkein oikeus/ Högsta domstolen)

Il-qrati amministrattivi ġenerali huma l-qrati amministrattivi (hallinto-oikeus/förvaltningsdomstol, 8). L-ogħla qorti amministrattiva hija l-Qorti Amministrattiva Suprema (Korkein hallinto-oikeus/Högsta förvaltningsdomstolen).

Qrati distrettwali

Il-qrati lokali jew distrettwali jagħmluha ta’ qrati ġenerali tal-prim’istanza. Huma jieħdu ħsieb il-kawżi ċivili u kriminali u l-kwistjonijiet marbuta ma’ rahnijiet (taxxi fuq il-proprjetà) u mas-sjieda tal-proprjetà immobbli (l-ipoteki u r-reġistrazzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà). Bħalissa hemm 51 qorti ta’ din ix-xorta fil-Finlandja, u jvarjaw ferm fid-daqs. L-ikbar waħda għandha madwar 80 imħallef u staff totali ta’ madwar 250 persuna, inklużi s-segretarji tal-uffiċċji, il-marixxalli u l-avukati żgħażagħ li qed jitħarrġu fil-proċedimenti tal-qrati. L-iċken qrati għandhom żewġ imħallfin permanenti u madwar għaxar impjegati taċ-Ċivil oħrajn.

Id-dispożizzjonjiet li jirregolaw l-operazzjonijiet u l-amministrazzjoni ta’ dawn il-qrati jistgħu jinstabu fl-Att dwar il-Qrati Distrettwali u fid-digriet li jakkumpanjah, fl-ordnijiet permanenti rilevanti, u fir-regoli u fl-istruzzjonijiet iktar speċifiċi li jirriżultaw mill-istatut. Skont il-liġi, l-imħallef prinċipali f’qorti tal-prim’istanza huwa anki l-kap amministrattiv ta’ dak l-uffiċċju.

Qorti distrettwali jkollha wkoll membri popolari u li jipparteċipaw primarjament fil-proċedimenti kriminali. Il-membri popolari jintgħażlu mill-kunsilli muniċipali. Il-Ministeru tal-Ġustizzja jikkonferma n-numru tal-membri popolari li għandhom jintgħażlu mill-muniċipalitajiet. Ir-remunerazzjoni tagħhom titħallas mill-fondi tal-Istat.

Proċedura fil-qrati distrettwali

F’qorti distrettwali, kawża ċivili tkun maqsuma f’żewġ stadji: preparazzjoni preliminari u seduta prinċipali. Il-preparazzjoni preliminari tibda bis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet. Numru ta’ kawżi – dawk marbuta mal-ġbir tad-djun – diġà jkunu solvuti f’din il-fażi. Il-preparazzjoni tkompli b’mod orali, b’imħallef jippresjedi s-seduta.

Jekk il-kawża ma tistax tiġi solvuta f’dan l-istadju, tiġi skedata seduta prinċipali separata. Hawnhekk il-kompożizzjoni tal-qorti distrettwali tkun jew b’imħallef wieħed jew bi tliet imħallfin, ħlief fil-kawżi li jikkonċernaw il-liġi tal-familja, fejn il-qorti tkun komposta minn imħallef wieħed biss. Il-proċedimenti jkunu kemm jista’ jkun kontinwi.

Fil-kawżi kriminali, il-kompożizzjoni tal-qorti distrettwali tvarja skont ir-reat inkwistjoni. Il-kawżi ta’ reati żgħar jinstemgħu minn imħallef wieħed, u r-reati iktar serji jinstemgħu minn bord ta’ mħallef wieħed u ta’ tliet membri popolari.

Il-proċedura kriminali ssegwi l-istess prinċipji bħal fil-kawżi ċivili. Il-qorti tista’ tistaqsi lill-akkużat biex jagħmel dikjarazzjoni tal-ħtija jew l-innoċenza tiegħu qabel is-seduta prinċipali. Il-proċedura hija waħda orali u s-sentenza tkun ibbażata fuq iċ-ċirkustanzi fattwali li l-partijiet ikunu personalment ġabu għall-attenzjoni tal-qorti. L-evidenza kollha tinstema’ fis-seduta prinċipali. Għal darb’oħra l-proċedimenti jkunu kemm jista’ jkun kontinwi. Il-kompożizzjoni tal-qorti ma tistax tinbidel waqt li tkun għaddejja s-seduta prinċipali.

Jekk il-qorti ma tilħaqx kunsens dwar is-sentenza, jittieħed vot. Kull membru tal-bord ikollu vot individwali. Meta ma tintlaħaqx maġġoranza f’kawża ċivili, l-imħallef jagħti l-opinjoni finali tiegħu; f’kawża kriminali, tirbaħ l-iktar alternattiva ħanina.

Is-sentenza ta’ qorti distrettwali tindika kif il-kawża ġiet solvuta u tinkludi dikjarazzjoni ta’ mottivi. Fil-parti l-kbira, is-sentenza tingħata lill-partijiet immedjatament wara li tiġi konkluża s-seduta prinċipali. F’kawżi estensivi jew b’xi mod ikkumplikati, is-sentenza però tista’ ddum ma tingħata, imma dan il-perjodu m’għandux jaqbeż il-ġimagħtejn u s-sentenza tingħata bil-miktub mir-reġistru tal-qorti.

Qrati tal-appell

Il-Finlandja għandha sitt qrati tal-appell. Bħala qrati superjuri, dawn jittrattaw appelli u petizzjonijiet dwar id-deċiżjonijiet tal-qrati distrettwali. F’ċerti każijiet, il-qrati tal-appell jagħmluha wkoll ta’ qrati tal-prim’istanza: eż. għad-denunzja ta’ mħallef ta’ qorti inferjuri jew ta’ impjegati taċ-Ċivil imlaħħqin.

Il-qrati tal-appell huma wkoll responsabbli għas-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-liġi fil-qrati distrettwali, u għal ċerti kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-amministrazzjoni ġudizzjarja. B’mod partikolari, kwistjoni amministrattiva minnhom teħtieġ li tinħareġ opinjoni lill-kumitat ta’ għażla ġudizzjarja rigward l-applikanti li japplikaw għall-kariga ta’ mħallef ta’ qorti distrettwali jew ta’ qorti tal-appell. Id-dikjarazzjoni tal-opinjoni ssir mill-kumitat tal-qorti tal-appell inkarigat minn din ir-responsabbiltà. Il-president (prim’imħallef) tal-qorti tal-appell huwa responsabbli mill-operazzjonijiet u mill-effiċjenza tagħha.

Il-qorti tal-appell hija maqsuma f’diviżjonijiet immexxija minn imħallef anzjan li jaħdem flimkien ma’ mħallfin oħrajn. Il-kwistjonijiet normalment jiġu ttrattati minn sezzjoni tal-qorti tal-appell li tikkonsisti minn tliet imħallfin.

Proċedura fil-qorti tal-appell

Sa April 1998, il-proċedimenti fil-Qorti tal-Appell kienu primarjament bil-miktub. F’tali proċedimenti, il-kawżi kienu ttrattati u solvuti wara preżentazzjoni bbażata fuq evidenza bil-miktub li tkun tressqet quddiem il-qorti. Ir-riforma tal-proċedimenti legali tal-qrati tal-appell żiedet in-numru tas-seduti orali. L-evalwaturi u s-segretarji anzjani tal-qorti issa jwettqu l-funzjoni ta’ uffiċjal li jippreżenta (referendarju).

Qorti Suprema

Il-Qorti Suprema tinsab fuq l-ogħla livell ta’ appell. Bħall-qorti tal-appell, il-Qorti Suprema hija maqsuma f’sezzjonijiet li, biex ikunu legalment kompetenti, iridu jkunu jikkonsistu f’ħames membri.

Biex tirrinvija kawża quddiem il-Qorti Suprema, il-parti interessata jew ikkonċernata trid tapplika għal awtorizzazzjoni biex tippreżenta appell minn sentenza ta’ qorti. Meta tirċievi din il-petizzjoni, il-Qorti Suprema teżamina jekk tistax tagħti awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat appell f’dan il-każ partikolari. Il-kwistjoni tiġi kkunsidrata minn bord ta’ żewġ jew tliet persuni. L-awtorizzazzjoni biex jitressaq appell tista’ tingħata biss għar-raġunijiet stipulati mil-liġi.

Sa mill-1980, il-Qorti Suprema saret istituzzjoni li tistabbilixxi l-preċedenti. Fil-prattika, kawża li tkun ġiet solvuta mill-Qorti Suprema tistabbilixxi regola legali li trid tiġi segwita mill-qrati l-oħra f’kawżi simili. Ma hija meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni biex jitressaq appell f’kawżi fejn qorti tal-appell tkun għamlitha ta’ qorti tal-prim’istanza.

L-operazzjonijiet tal-Qorti Suprema huma ppreseduti mill-president tagħha. Il-membri tal-Qorti Suprema jissejħu mħallfin tal-Qorti Suprema. Is-segretarju ġenerali, l-assistenti segretarji ġenerali, is-segretarji ġudizzjarji ta’ grad inferjuri jew dawk ta’ grad superjuri lkoll jistgħu jagħmluha ta’ uffiċjali li jippreżentaw (referendarji).

Minbarra li tieħu ħsieb il-kwistjonijiet statutorji, il-Qorti Suprema taħtar imħallfin f’pożizzjonijiet temporanji għal sena jew iktar. Il-Qorti Suprema tikkummenta wkoll dwar il-leġiżlazzjoni proposta u dwar il-petizzjonijiet għal klemenza li jintbagħtu lill-President tal-Finlandja.

Il-proċedura fil-Qorti Suprema ġeneralment tkun bil-miktub. Però, jista’ jkun hemm seduti orali jekk dan jitqies li jkun meħtieġ.

Bażijiet tad-dejta legali

L-isem u l-URL tal-bażi tad-dejta

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSit Elettroniku Ġudizzjarju tal-Qrati Finlandiżi

L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess huwa mingħajr ħlas.

Is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSit Elettroniku Ġudizzjarju tal-Qrati Finlandiżi jinkludi informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja tal-Finlandja. Dan huwa one-stop portal għal dawk li jfittxu informazzjoni dwar il-qrati, il-prosekuturi, il-marixxalli, l-uffiċċji tal-għajnuna legali u korpi pubbliċi oħrajn li jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-Finlandja.

Is-sit jinkludi, pereżempju, l-iktar ġurisprudenza reċenti mill-qrati tal-appell u mill-qrati amministrattivi


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 08/02/2018