Qrati ordinarji - Portugall

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

F'din it-taqsima tista' ssib informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji fil-Portugall.


L-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji

Minbarra l-Qorti Kostituzzjonali, li hija speċifikament kompetenti biex tamministra l-ġustizzja fuq kwistjonijiet ġuridiċi-kostituzzjonali, il-kategoriji ta' qrati li ġejjin jeżistu fil-Portugall:

a) Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja u l-qrati ġudizzjarji tal-prim'istanza u tat-tieni istanza;

b) Il-Qorti Amministrattiva Suprema u l-qrati amministrattivi u fiskali l-oħrajn;

c) Il-Qorti tal-Awdituri.

Huma possibbli wkoll Qrati Marittimi, tal-Arbitraġġ u tal-Maġistrati.

Il-każijiet u l-formazzjonijiet fejn il-qrati msemmija fuq jkunu jistgħu jikkostitwixxu, separatament jew konġuntement, qorti ta' kunflitt [Tribunal dos Conflitos - qorti li tittratta l-kunflitti ta' ġuriżdizzjoni] huma stipulati fil-liġi.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rigward it-tribunali militari [tribunais militares], li jistgħu jinħolqu waqt stat ta' gwerra, qrati b'kompetenza esklużiva li jiddeċiedu fuq ċerti kategoriji ta' delitti huma pprojbiti.

Qrati ġudizzjarji

Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja

Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja hija l-ogħla entità fil-ġerarkija tal-qrati ġudizzjarji, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Qorti Kostituzzjonali. Hija tinkludi taqsima ċivili, taqsima kriminali u taqsima soċjali.

Hija għandha s-sede tagħha f’Lisbona u l-ġuriżdizzjoni tagħha testendi fuq it-territorju Portugiż kollu.

Il-Qorti Suprema tal-Ġustizza topera taħt id-direzzjoni ta' President, fi plenarja tat-tribunal (magħmula mill-imħallfin kollha li jiffurmaw it-taqsimiet tal-qorti), f'taqsimiet speċjalizzati plenarji u f'taqsimiet tal-qorti.

Ħlief fil-każ ta' eċċezzjonijiet espressi fil-liġi, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tittratta biss materji ta' liġi.

Il-Qrati tal-appell

Il-qrati tal-appell [tribunais da relação] huma, bħala regola, qrati tat-tieni istanza.

Bħalissa, il-qrati tal-appell jippresjedu f’Lisbona, f’Porto, f’Coimbra, f’Évora u f'Guimarães. Huma joperaw taħt id-direzzjoni ta' President, fi plenarja jew skont it-taqsima.

Il-qrati tal-appell jinkludu taqsima ċivili, taqsima kriminali u taqsima soċjali.

Il-Qrati tal-prim'istanza

Il-qrati ġudizzjarji tal-prim’istanza normalment ikunu l-qrati distrettwali [tribunais de comarca].

Bħala regola, il-qasam ta' kompetenza tal-qrati ġudizzjarji huwa d-distrett, għalkemm jistgħu jeżistu qrati li jkollhom kompetenza fuq distrett(i) jew qasam/oqsma definiti speċifikament mil-liġi.

Il-qrati ġudizzjarji għandhom kompetenza ġenerali fi kwistjonjiet ċivili u kriminali u jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom anke rigward il-kwistjonijiet kollha li ma jiġux assenjati lil qrati oħrajn.

Fil-prim istanza, jista' jkun hemm qrati b'kompetenza speċifika (li jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi determinati skont it-tip ta' proċediment applikabbli) u qrati speċjalizzati li jagħtu deċiżjonijiet dwar materji speċifiċi (irrispettivament mit-tip applikabbli ta' proċediment).

Il-qrati ġudizzjarji jistgħu jinqasmu fi juízos (b'kompetenza ġenerika, speċjalizzata jew speċifika), jew f'varas b'kompetenza speċifika, meta dan ikun ġustifikat mill-volum u l-kumplessità tas-servizz.

Imħallef jew iktar jippresjedu kull qorti, juizo jew vara.

Qrati amministrattivi u fiskali

Il-qrati amministrattivi u fiskali għandhom kompetenza li jiddeċiedu fuq rikorsi u appelli relatati mas-soluzzjoni tat-tilwim li jiġu minn relazzjonijiet ġuridiċi fi kwistjonijiet amministrattivi u fiskali.

Il-Qorti Amministrattiva Suprema

Il-Qorti Amministrattiva Suprema hija l-ogħla entità fil-ġerarkija tal-qrati amministrattivi u fiskali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Qorti Kostituzzjonali.

Hija għandha s-sede tagħha f’Lisbona u l-ġuriżdizzjoni tagħha testendi fuq it-territorju Portugiż kollu.

Il-Qorti Amministrattiva Suprema tinkludi taqsima għat-tilwim amministrattiv u taqsima għat-tilwim fiskali. Il-kompetenza ewlenija tagħha hija li tiddeċiedi fuq appelli mis-sentenzi tal-qrati amministrattivi ċentrali.

Il-Qorti Amministrattiva Suprema topera taħt id-direzzjoni ta' President, megħjun minn tliet Viċi Presidenti.

Skont is-suġġett, il-qorti taħdem fi plenarja, bħala plenarja għal kull taqsima jew skont it-taqsima. Fil-plenarja jew fil-plenarja ta' kull taqsima biss hija teżamina l-punti tad-dritt.

Il-Qrati amministrattivi ċentrali

Il-qrati amministrattivi ċentrali huma, bħala regola, qrati tat-tieni istanza. Bħalissa hemm żewġ qrati amministrattivi ċentrali (tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar).

Il-funzjoni ewlenija tagħhom hija li tiddeċiedi fuq appelli kontra deċiżjonijiet mill-qrati amministrattivi distrettwali [tribunais de círculo] u l-qrati fiskali.

Kull qorti amministrattiva ċentrali tinkludi taqsima għat-tilwim amministrattiv u taqsima għat-tilwim fiskali.

Il-qrati amministrattivi ċentrali joperaw taħt id-direzzjoni ta' President, megħjun minn tliet Viċi Presidenti.

Il-qrati amministrattivi ċentrali jeżaminaw fatti u punti tad-dritt.

Qrati amministrattivi distrettwali u qrati fiskali

Dawn huma qrati tal-prim'istanza li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiddeċiedu tilwimiet dwar materji amministrattivi u fiskali. Huma jistgħu jaħdmu awtonomament, bħala qorti amministrattiva distrettwali u qorti fiskali [tribunal tributário], jew jistgħu jaħdmu konġuntament, bħala qorti amministrattiva u fiskali [tribunal administrativo e fiscal].

Huma joperaw taħt id-direzzjoni ta' President, maħtur mill-Kunsill Superjuri tal-Qrati Fiskali u Amministrattivi [Conselho Superior dos Tribunais Administrativos e Fiscais] għal terminu ta' ħames snin.

Bħala regola, huma jkunu ffurmati minn imħallef wieħed imma l-leġiżlazzjoni tipprevedi li f'ċerti każijiet dawn il-qrati jistgħu jkunu ppreseduti b'formazzjoni differenti.

Kummissjari tal-Ġustizzja [Julgados de Paz]

Il-Kummissarji tal-Ġustizzja huma qrati ekstraġudizzjarji, li għandhom il-modus operandi tagħhom, is-servizz ta' medjazzjoni tagħhom u l-kompetenza li jisimgħu u jiddeċiedu fuq azzjonijiet li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-qrati ġudizzjarji tal-prim'istanza.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 09/08/2019