Qrati ordinarji - Skozja

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Din it-taqsima tipprovdik b’informazzjoni dwar il-qrati ordinarji fil-ġuriżdizzjoni tal-Iskozja tar-Renju Unit.


Qrati ordinarji – introduzzjoni

Il-Court of Session, il-High Court of Justiciary, il-qrati tax-sheriff u l-qrati tal-kummissarju tal-ġustizzja huma amministrati mis-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz tal-Qrati Skoċċiżi (SCS), li huwa korp indipendenti presedut mil-Lord President, l-iktar imħallef anzjan fl-Iskozja.

Il-Qrati Supremi tal-Iskozja

Fl-Iskozja, dawn jikkonsistu fil-Court of Session u l-High Court of Justiciary.

Court of Session

Il-Court of Session hija l-qorti ċivili suprema fl-Iskozja u tinsab f'Parliament House f'Edinburgu. Hija għandha kompetenza ta' qorti tal-appell kif ukoll ta' qorti ċivili li tittratta tilwim fosthom kawżi relatati mal-irkupru tad-dejn, mad-danni, mal-azzjonijiet tal-familja u mal-kummerċ.

High Court of Justiciary

Il-High Court of Justiciary tittratta l-appelli kriminali u l-kawżi kriminali serji. Il-kawżi jinstemgħu quddiem imħallef u ġurija.

Meta tkun qed tisma' l-kawżi tal-appell, is-seduta ssir f'Edinburgu.  Għal kwistjonijiet oħrajn il-qorti għandha bażi permanenti f'Edinburgu, Glasgow u Aberdeen imma jinstemgħu kawżi fi bliet oħrajn madwar l-Iskozja wkoll.

Il-Qrati tax-Sheriff

Għal finijiet ġuridiċi, l-Iskozja hija maqsuma f'sitt reġjuni msejħa "sheriffdoms". Kull sheriffdom għandu Sheriff Prinċipali li, minbarra li jisma' l-appelli fi kwistjonijiet ċivili, għandu r-responsabbiltà li l-kwistjonijiet kollha quddiem il-qrati tax-sheriff jiġu solvuti b'mod effiċjenti.

F’dawn ix-sheriffdoms, hemm total ta’ 49 qorti tax-sheriff li jvarjaw fl-għamla u fid-daqs, iżda kollha bl-istess għan.

Il-kawżi jinstemgħu quddiem imħallef imsejjaħ sheriff. Xogħol il-qrati tax-sheriff jistgħu jitqassmu fi tliet kategoriji ewlenin ta' xogħol ċivili, kriminali u tal-kummissarjat, u huwa amministrat mill-iskrivana tax-sheriff lokali u l-persunal tagħhom.

Kawżi ċivili

Il-parti l-kbira tan-negozju ċivili jinvolvi tilwim bejn persuni u organizzazzjonijiet. Il-Qrati tax-sheriff jisimgħu tliet tipi differenti ta’ kawżi:

  • Azzjonijiet ordinarji, li jittrattaw l-aktar dwar kawżi li jinvolvu divorzju, tfal, tilwim dwar proprjetà, u kawżi dwar djun / danni akbar minn GBP 5 000
  • Kawżi sommarji, li jittrattaw l-aktar dwar tilwim li jinvolvi arretrati ta’ kera, konsenja ta’ merkanzija, u djun ta’ bejn GBP 3 000 u GBP 5 000
  • Talbiet żgħar li wkoll jużaw proċedura simplifikata imma mingħajr il-bżonn li jiġi kkonsultat avukat, u li qegħdin biex jiġi deċiż tilwim minuri (l-iktar djun ta' inqas minn GBP 3 000).

Barra minn hekk, il-Qorti tax-Sheriff tittratta ħafna rikorsi u proċeduri ċivili oħrajn inklużi:

  • L-adozzjoni tat-tfal
  • Il-likwidazzjoni tal-kumpaniji
  • Inkjesti ta' inċidenti fatali
  • Fallimenti

Kawżi kriminali

Il-kawżi kriminali tal-qorti tax-sheriff jistgħu jitressqu bi proċedura solenni jew sommarja. Hija r-responsabbiltà tal-Prokuratur Fiskali li jiddeċiedi liema proċedura għandha tiġi segwita għal kawża partikolari.

Il-proċedura solenni tintuża f'kawżi serji fejn l-att tal-akkuża jista' jwassal għal sentenza ta' iktar minn 12-il xahar priġunerija jew multa ta' aktar minn GBP 10 000. Il-kawżi jinstemgħu quddiem sheriff li jippresedi flimkien ma' ġurija.

Proċedura sommarja tintuża l-aktar għal kawżi inqas gravi u fiha x-sheriff jisma’ l-kawża mingħajr ġurija. Għalkemm is-setgħat ta' sentenzjar tax-sheriff huma limitati għal 12-il xahar priġunerija, hemm drabi fejn dawn ikunu jistgħu jiżdiedu.

Xogħol tal-kummissarjat

Ix-xogħol tal-kummissarjat jittratta l-aktar it-tqassim tal-patrimonju ta’ persuna deċeduta. Is-setgħa mogħtija mill-qorti biex tippermetti li eżekutur jiġbor u jqassam il-patrimonju tissejjaħ "konferma". Din tingħata biss wara li jkun ġie ppreżentat il-qorti inventarju tal-patrimonju tal-persuna deċeduta.

Jekk il-patrimonju jkollu valur gross ta’ mhux aktar minn GBP 36 000, jiġi kklassifikat bħala "patrimonju żgħir" u l-persuna li tkun qed titlob konferma tkun assistita biex timla l-formola xierqa mill-impjegati mill-uffiċċju tad-deputat tax-sheriff lokali. Jekk il-valur tal-patrimonju jkun aktar minn GBP 36 000, huwa rakkomandat li l-persuna li tkun qed titlob konferma tikkonsulta avukat.

Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Kummissarju tal-Ġustizzja hija qorti mhux professjonali fejn kummissarju tal-ġustizzja li ma jkunx ikkwalifikat fil-liġi jippresedi flimkien ma' skrivan li jkun ikkwalifikat fil-liġi. L-Iskrivan jipprovdi pariri lill-ġudikant dwar materji ta' liġi u proċedura. Il-qorti tittratta l-iktar kawżi kriminali inqas serji bi proċedimenti sommarji. Is-sentenza massima li jista' jimponi kummissarju tal-ġustizzja hija ta' 60 jum priġunerija jew multa ta' mhux iktar minn GBP 2 500. Fi Glasgow biss, xi qrati jkunu preseduti minn Maġistrat bi Stipendju kkwalifikat fil-liġi. Is-sentenza massima li jista' jimponi maġistrat bi stipendju hija ta' 12-il xahar priġunerija jew multa ta' mhux iktar minn GBP 10 000.

L-iskrivan tax-sheriff huwa responsabbli għax-xogħol amministrattiv kollu fil-qorti tax-sheriff u fil-qorti tal-kummissarju tal-ġustizzja inkluż:

  • L-irkupru tal-multi u l-ordnijiet ta' kumpens
  • Il-ħruġ ta' kopji tal-ordnijiet tal-qorti, bħal dawk relatati mal-probation u ordnijiet ta' servizz lill-komunità.
  • Iċ-ċitazzjoni u l-ġestjoni tal-ġurati.

Aktar informazzjoni dettaljata dwar il-qrati fl-Iskozja tinsab fis-sit tas-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz tal-Qrati Skoċċiżi.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz tal-Qrati Skoċċiżi


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 10/11/2014