Responsabbiltà

Responsabbiltà tal-ġenituri tfisser id-drittijiet u l-obbligi kollha lejn tifel/tifla u l-assi tiegħu/tagħha. Għalkemm dan il-kunċett ivarja bejn l-Istati Membri, hu spiss ikopri l-kustodja u d-drittijiet ta' żjarat.

Jekk intom koppja internazzjonali b’tifel wieħed jew aktar u għaddejjin minn separazzjoni, jeħtieġ li taqblu dwar l-arranġamenti ta’ kustodja għalihom.


Minn fejn tibda?

X’inhi kustodja? X’inhuma d-drittijiet ta’ viżitazzjoni?

Sakemm il-ġenituri jgħixu flimkien, huma normalment għandhom il-kustodja tat-tfal tagħhom b’mod konġunt. Madankollu, jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, jeħtieġu li jiddeċiedu kif din ir-responsabbiltà se tiġi eżerċitata fil-futur.

Il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li t-tfal jgħixu b'mod alternat bejn iż-żewġ ġenituri, jew ma’ ġenitur wieħed. Fil-każ tal-aħħar, il-ġenitur l-ieħor normalment għandu d-dritt li jara t-tfal f’ċerti ħinijiet.

Id-drittijiet tal-kustodja jkopru wkoll drittijiet u dmirijiet oħra marbutin mal-edukazzjoni u l-kura tat-tfal, inkluż id-dritt li jieħdu ħsieb it-tfal u l-assi tagħhom. Il-ġenituri normalment ikollhom is-setgħa tal-ġenituri għat-tfal, iżda s-setgħa tal-ġenituri tista’ tingħata wkoll lil istituzzjoni li tiġi fdata bit-tfal.

Min jiddeċiedi dwar il-kustodja u d-drittijiet ta' viżitazzjoni?

Il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet bi ftehim reċiproku. Medjatur jew avukat jista’ jgħin jekk il-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim. Żur il-link fil-qiegħ ta’ din il-paġna biex issib medjatur.

Jekk il-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim jista’ jkollhom imorru l-qorti. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li ż-żewġ ġenituri jkollhom il-kustodja tat-tfal (kustodja konġunta) jew li wieħed mill-ġenituri jkollu l-kustodja (kustodja singola). Fil-każ li ġenituri wieħed biss ikollu l-kustodja, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar id-drittijiet ta' viżitazzjoni għall-ġenitur l-ieħor.

Fil-każ ta’ koppja internazzjonali, ir-regoli tal-UE li jiddeterminaw liema qorti għandha r-responsabbiltà li tittratta l-każ. Żur il-link fil-qiegħ ta’ din il-paġna biex issib il-qorti responsabbli.

L-għan ewlieni huwa li jiġi evitat li ż-żewġ ġenituri jindirizzaw il-qorti f’pajjiżhom stess u li jinħarġu żewġ deċiżjonijiet għall-istess każ. Il-prinċipju huwa li l-qorti responsabbli tkun il-qorti fil-pajjiż fejn it-tfal għandhom ir-residenza abitwali tagħhom.

Id-deċiżjoni tal-qorti tiġi infurzata fil-pajjiż l-ieħor tal-UE?

Mekkaniżmu għar-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet jiżgura li d-deċiżjoni tal-qorti tiġi applikata fil-pajjiżi l-oħra tal-UE ladarba tinħareġ. Dan jagħmilha aktar faċli għal dawk li għandhom is-setgħa tal-ġenituri li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

B’mod partikolari, sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor tal-UE mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali, u b’hekk tiġi appoġġata r-relazzjoni bejn it-tfal u ż-żewġ ġenituri.

Liema regoli tal-UE japplikaw?

Ir-regoli li jsolvu kwistjonijiet transfruntieri bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom huma parti mir-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegolament Brussell IIa. Dawn ir-regoli japplikaw bl-istess mod għat-tfal kollha, kemm jekk twieldu fiż-żwieġ kif ukoll jekk le. Ir-Regolament Brussell IIa huwa l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet tas-setgħa tal-ġenituri. Ir-Regolament ilu japplika mill-1 ta’ Marzu 2005 fil-pajjiżi kollha tal-UE ħlief fid-Danimarka.

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Links relatati


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 18/01/2019

Responsabbiltà - Bulgarija

LISTA TAL- KONTENUT


1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

It-termini ġuridiċi użati fil-liġi Bulgara għar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-kustodja huma "drittijiet u dmirijiet tal-ġenituri" u "eżerċitar tad-drittijiet tal-ġenituri". Il-kunċett jinkludi d-drittijiet u d-dmirijiet li jkollu ġenitur fir-rigward ta' tfal taħt l-età.

Il-liġi Bulgara tagħmel distinzjoni bejn minuri taħt l-età ta' 14-il sena u minuri ta' bejn l-14 u t-18-il sena. Id-drittijiet tal-ġenituri jiġu eżerċitati fir-rigward taż-żewġ gruppi ta' età tat-tfal.

Fil-każ ta' adozzjoni, id-drittijiet u d-dmirijiet li japplikaw għall-persuna adottata u d-dixxendenti tagħha, minn naħa, u l-persuna adottiva u l-qraba tagħha min-naħa l-oħra, huma l-istess bħal dawk bejn qraba naturali, filwaqt li d-drittijiet u d-dmirijiet bejn il-persuna adottata u d-dixxendenti tagħha u l-qraba naturali tagħha jintemmu.

Fis-sentenza tad-divorzju, il-qorti hija obbligata wkoll tiddeċiedi dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-ġenituri, ir-relazzjonijiet personali u l-manteniment tat-tfal imwielda miż-żwieġ, u dwar l-użu tad-dar matrimonjali, filwaqt li tqis l-aħjar interessi tat-tfal.

Il-qorti tiddeċiedi liema konjuġi jingħata d-drittijiet tal-ġenitur u tordna miżuri dwar l-eżerċitar ta' dawn id-drittijiet, ir-relazzjonijiet personali bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom u l-manteniment tat-tfal. Meta tagħżel liem ġenitur irid jeżerċita d-drittijiet tal-ġenitur, il-qorti tivvaluta ċ-ċirkostanzi kollha, filwaqt li żżomm f'moħħha l-aħjar interessi tat-tfal, u tisma' lill-ġenituri u lit-tfal, sakemm ikollhom 10 snin jew iktar.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Ir-regola ġenerali hija li ż-żewġ ġenituri jeżerċitaw id-drittijiet tal-ġenituri in solidum.

Il-liġa fiha dispożizzjonijiet espliċiti dwar id-drittijiet tan-nanniet li jżommu kuntatt mat-tfal.

Tfal taħt l-età huma obbligati jgħixu mal-ġenituri tagħhom, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet importanti li jitolbu xorta oħra. F'każ ta' devjazzjoni minn dan l-obbligu, il-qorti tordna r-ritorn tat-tfal lill-ġenituri tagħhom, fuq talba tal-ġenituri u wara li tisma' lit-tfal jekk ikollhom għaxar snin jew iktar.

Kull ġenitur jista' jirrappreżenta waħdu lit-tfal taħt l-età ta' 14-il sena u jagħti l-kunsens għal azzjoni ġudizzjarja għat-tfal ta' età bejn l-14 u t-18-il sena biss jekk ikun fl-aħjar interess tagħhom.

Proprjetà immobbli u mobbli ta' tfal taħt l-età, ħlief oġġetti li jeħżienu, jistgħu jiġu ttrasferiti, gravati jew b'mod ġenerali, imneħħija bil-permess tal-qorti distrettwali fir-residenza abitwali tagħhom biss jekk ikun hemm bżonn jew ovvjament għall-benefiċċju tat-tfal. Għotjiet, rinunzji, self u l-għoti ta' garanzija għad-dejn ta' ħaddieħor b'rahan, ipoteka jew garanzija oħra mogħtija minn tfal taħt l-età huma nulli u bla effett.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk l-imġiba tal-ġenituri tkun ta' theddida għall-integrità, it-trobbija, is-saħħa u l-proprjetà tat-tfal, il-qorti distrettwali tieħu l-miżuri rilevanti fl-aħjar interessi tat-tfal ex officio jew fuq talba tal-ġenitur l-ieħor jew tal-avukat ġenerali, u jqiegħed lit-tfal f'akkomodazzjoni xierqa, jekk ikun hemm bżonn.

Dawn il-miżuri jittieħdu wkoll jekk il-ġenitur ma jkunx jista' jeżerċita d-drittijiet tal-ġenituri minħabba mard fiżiku jew mentali permanenti jew raġuni oġġettiva oħra. Il-ġenitur jista' jitlef id-drittijiet tiegħu ta' ġenitur fil-każijiet partikolarment serji li ġejjin: il-ġenitur ma jiħux ħsieb it-tfal u jonqos milli jħallas il-manteniment fuq bażi fit-tul u mingħajr raġuni valida, jew il-ġenitur iqiegħed lit-tfal f'istitut speċjalizzat u jonqos milli jmur biex joħodhom lura fi żmien sitt xhur minn dakinhar meta kellu jmur.

Il-proċedimenti ġudizzjarji dwar it-terminazzjoni tad-drittijiet tal-ġenitur jinfetħu fil-qorti distrettwali ex officio jew fuq talba tal-ġenitur l-ieħor jew tal-avukat ġenerali. F'kull każ ta' restrizzjoni jew terminazzjoni ta' drittijiet tal-ġenitur, il-qorti tiddeċiedi wkoll dwar il-miżuri li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet personali bejn il-ġenituri u t-tfal.

Il-qorti tista' tirrestitwixxi d-drittijiet tal-ġenitur f'każ ta' ċirkostanzi ġodda jew fuq talba tal-ġenitur.

Il-qorti tgħarraf lill-muniċipalità fil-post tar-residenza tal-ġenitur ex officio bit-terminazzjoni tad-drittijiet tal-ġenitur jew bir-restituzzjoni sussegwenti għall-finijiet tan-nomina ta' kustodju għat-tfal minuri b'età ta' bejn l-14 u t-18-il sena jew tutur għall-minuri ta' taħt l-14-il sena.

Fuq talba tad-Direttorat tas-Servizzi Soċjali, il-qorti tista' tagħti l-ordni li tifel ma jibqax jgħix mal-familja tiegħu jekk il-ġenituri jkunu mietu, ma jkunux magħrufa, ikunu tneħħewlhom id-drittijiet tal-ġenituri, ikunu qed jeżerċitaw drittijiet tal-ġenituri ristretti jew ikunu naqsu milli jieħdu ħsieb it-tifel fuq bażi fit-tul għal raġunijiet oġġettivi jew mingħajr raġuni valida, meta t-tifel ikun vittma ta' vjolenza domestika u jkun hemm theddida għall-iżvilupp fiżiku, mentali, morali, intellettwali u soċjali tiegħu. It-tifel jitqiegħed f'istitut soċjali jew ma' foster family, inkluż fil-każijiet fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-protezzjoni tat-tfal.

Il-qorti tista' tordna li tifel jitqiegħed f'foster family jew f'istitut speċjalizzat. Sakemm ikun hemm l-ordni mill-qorti, id-Direttorat tas-Servizzi Soċjali li jkopri l-indirizz attwali tat-tifel iqiegħed lit-tifel fi proċedura amministrattiva ta' akkomodazzjoni termporanja.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Jekk il-ġenituri li jkunu qed jgħixu flimkien ma jaqblux dwar kwistjonijiet ta' drittijiet tal-ġenituri, it-tilwima tiġi rinvijata lill-qorti distrettwali, fejn jinstemgħu l-ġenituri u, jekk ikun hemm bżonn, it-tfal. Is-sentenza tal-qorti tista' tiġi appellata skont ir-regoli ġenerali.

Jekk il-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien u ma jistgħux jaslu għal ftehim dwar min se jkollu l-kustodja tat-tfal, it-tilwima tiġi deċiża mill-qorti distrettwali taż-żona fejn tkun ir-residenza abitwali tat-tfal, wara li jinstemgħu, sakemm ikollhom tal-anqas 10 snin. Is-sentenza tal-qorti tista' tiġi appellata skont ir-regoli ġenerali.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ġenituri jistgħu jikkonkludu ftehimiet ekstraġudizzjarji dwar l-għoti u l-eżerċitar tad-drittijiet tal-ġenituri u l-arranġamenti għall-kuntatti mal-ġenitur li ma jkollux id-drittijiet tal-ġenituri, imma dawn il-ftehimiet mhumiex legalment vinkolanti. Minkejja l-eżistenza ta' ftehim ekstraġudizzjarju, kull wieħed mill-ġenituri jista' jiftaħ kawża għad-drittijiet tal-ġenitur jew għall-kuntatti mat-tfal u l-qorti tiddeċiedi kif id-drittijiet tal-ġenituri jkunu eżerċitati minn dak il-mument 'il quddiem, irrispettivament mill-ftehim ekstraġudizzjarju. Il-qafas ġuridiku huwa wkoll l-istess għall-kuntatti tat-tfal mal-ġenitur li ma jkollux il-kustodja u li ma jgħixx magħhom.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

B'konformità mal-Att dwar il-Medjazzjoni, tilwim familjari jista' jkun is-suġġett ta' medjazzjoni imma l-ftehim milħuq dwar id-drittijiet tal-ġenituri jsir legalment vinkolanti biss wara l-approvazzjoni espliċita mill-qorti skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

L-imħallef jista' jiddeċiedi dwar kwalunkwe kwistjoni li titressaq il-qorti, inkluż il-post fejn it-tfal ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom, liem ġenitur ikun se jeżerċita d-drittijiet tal-ġenituri, x'arranġamenti se jkun hemm għall-kuntatti bejn it-tfal u l-ġenitur l-ieħor, id-drittijiet ta' żjarat jew ta' aċċess tal-ġenitur, l-obbligu għall-ħlas tal-manteniment għat-tfal, l-għażla tal-iskola, isem it-tfal, eċċ. Ara t-tweġibiet għall-mistoqsijiet 3 u 4.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Ġeneralment, il-ġenitur li jkun qed jeżerċita d-drittijiet tal-ġenituri jieħu d-deċiżjonijiet dwar il-ħajja ta' kuljum tat-tfal, inkluż xi skola jattendi. Hemm xi każijiet fejn ikun meħtieġ il-kunsens taż-żewġ ġenituri, pereżempju, meta jinħarġu dokumenti tal-identità għat-tfal, jew meta jkunu se jitilqu minn dik il-ġuriżdizzjoni, irrispettivament mid-dewmien jew il-fini tal-vjaġġ, inklużi l-vaganzi.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Meta l-ġenituri ma jkunux joqogħdu fl-istess residenza, il-qorti hija obbligata li tiddeċiedi liem ġenitur ikun ħa jkollu d-drittijiet tal-ġenituri u kif ikunu se jinżammu l-kuntatti mal-ġenitur l-ieħor. Mingħajr preġudizzju għal li ntqal fuq, ma hemm l-ebda restrizzonijiet dwar ftehim ġudizzjarju bejn il-ġenituri dwar arranġamenti iktar estensivi għall-kuntatt bejn it-tfal u l-ġenitur l-ieħor u dwar il-prattiki normali. Kif turi l-ġurisprudenza u kif ikun ġeneralment aċċettat mill-partijiet f'kawżi matrimonjali, l-arranġamenti tas-soltu biex it-tfal iqattgħu l-ħin mal-ġenitur l-ieħor ikunu jumejn mhux tax-xogħol jew iktar fix-xahar u għadd fiss ta' ġimgħat waqt il-btajjel skolastiċi.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-qorti kompetenti hija l-qorti distrettwali taż-żona ta' fejn ikollu r-residenza abitwali l-intimat. Jekk ir-rikors ikun marbut ma' talba għal manteniment tat-tfal, ir-rikorrent jista' jressaq ir-rikors ukoll fil-qorti taż-żona fejn għandu r-residenza abitwali hu stess.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Kawżi li jikkonċernaw id-drittijiet tal-ġenituri jsegwu r-regoli proċedurali ġenerali.

Jekk il-kwistjoni tkun eżaminata fil-qafas ta' kawża ta' divorzju pendenti, il-ġenituri jistgħu jitolbu lill-qorti tordna miżuri temporanji għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-ġenituri fuq it-tfal u għall-arranġamenti għall-kuntatti mal-ġenitur l-ieħor.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-partijiet fil-kawża jistgħu jiksbu għajnuna legali skont il-patti u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-għoti tal-għajnuna legali skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-qorti distrettwali huma suġġetti għall-appell quddiem il-qorti reġjonali skont ir-regoli ġenerali fi żmien ġimagħtejn minn meta tasal il-kopja tad-deċiżjoni.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Is-sentenzi tal-qorti jiġu eżegwiti skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Huwa fih dispożizzjonijiet espliċiti dwar id-dmir ta' prestazzjoni ta' ċerti azzjonijiet u ta' trażżin minn ċerti azzjonijiet oħrajn u dwar id-dmir tal-konsenja tat-tfal. Is-sentenza tiġi eżegwita minn bailiff pubbliku jew privat magħżul mir-rikorrent.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Il-liġi applikabbli hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u l-Artikolu 621 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (fis-seħħ mill-24 ta' Lulju 2007).

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-liġi applikabbli hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u l-Artikolu 622 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (fis-seħħ mill-24 ta' Lulju 2007).

Il-ġuriżdizzjoni ġenerali hija f'idejn il-qorti distrettwali fiż-żona fejn il-parti l-oħra jkollha r-residenza abitwali tagħha jew, jekk din ma jkollha l-ebda indirizz permanenti fil-Bulgarija, fiż-żona fejn il-parti kkonċernata tkun residenti abitwali jew, jekk il-parti kkonċernata ma tkunx residenti abitwali fil-Bulgarija, il-Qorti tal-Belt ta' Sofija.

Ir-rikors għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenza maqtugħa minn qorti barranija jew deċiżjoni ta' awtorità barranija oħra dwar l-eżerċitar ta' drittijiet tal-ġenturi jew restituzzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-ġenituri fil-każ ta' tneħħija żbaljata ta' tifel skont il-Konvenzjoni Ewropea tal-1980 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta' Deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-Kustodja tat-Tfal u r-Restituzzjoni tal-Kustodja tat-Tfal, li kienet konkluża fil-Lussemburgu fl-20 ta' Mejju 1980 (rattifikata bil-liġi, Gazzetta tal-Istat (SG) Nru 21 tal-2003 (SG Nru 104 tal-2003) ("il-Konvenzjoni tal-Lussemburgu"), jitressaq fil-Qorti tal-Belt ta' Sofija. Il-Qorti tagħmel sessjoni pubblika bil-parteċipazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja jew tar-rikorrent, il-partijiet fis-sentenza jew deċiżjoni barranija u avukat ġenerali. Il-Qorti tisma' lit-tfal, jekk tintalab mid-Direttorat tas-Servizzi Soċjali tal-muniċipalità tal-indirizz attwali tat-tfal. Il-proċedura għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenza jew deċiżjoni barranija tiġi sospiża fiċ-ċirkostanzi li ġejjin: ikun hemm kawża ġudizzjarja pendenti dwar il-mertu tat-tilwima u l-kawża tkun tressqet wara l-proċedura fl-Istat fejn inqatgħet is-sentenza jew deċiżjoni rilevanti. L-istess proċedura tapplika meta sentenza jew deċiżjoni oħra dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-ġenituri tkun fil-proċess li tkun rikonoxxuta u/jew eżegwita mill-qrati Bulgari. Il-qorti rilevanti tkun innotifikata minnufih u l-imħallef irid jiddeċiedi fi żmien xahar min-notifika.

Is-sentenza tal-qorti trid tinqata' fi żmien xahar mid-data tar-rikors. Hija tkun suġġetta għal appell quddiem il-Qorti tal-Appell ta' Sofija li s-sentenza tagħha tkun finali.

Il-proċedura tapplika wkoll għal rikorsi għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet maqtugħa wara t-tneħħija ta' tifel jekk id-deċiżjoni ssib li t-tneħħija kienet illegali. Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni maqtugħa minn Stat ieħor li jkun parti mill-Konvenzjoni tal-Lussemburgu tiġi miċħuda skont l-Artikoli 8 u 9 jekk ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni jkunu ssodisfati u aċċettati biss sa fejn tkun eżeġwibbli fl-Istat fejn ġiet approvata. L-istess proċedura tapplika għall-kawżi skont il-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal huma rregolati mil-liġijiet tal-Istat tar-residenza abitwali tagħhom. Jekk il-ġenituri u t-tfal ma jgħixux fl-istess residenza abitwali, ir-relazzjonijiet ta' bejniethom ikunu rregolati mil-liġijiet tal-Istat tar-residenza abitwali jew tan-nazzjonalità tat-tfal, skont liem minnhom ikun jaqblilhom l-iktar it-tfal. Kwistjonijiet ta' tutela u kurazija huma rregolati mil-liġijiet tal-Istat fejn il-persuna taħt tutela jew kurazija jkollha r-residenza abitwali tagħha. Ir-relazzjonijiet bejn il-persuna taħt tutela jew kurazija u t-tutur jew il-kuratur huma rregolati mil-liġijiet li jkunu applikaw meta l-persuna tkun tqiegħdet taħt tutela jew kurazija.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/10/2016

Responsabbiltà - Repubblika Ċeka

LISTA TAL- KONTENUT


1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

It-terminu "responsabbiltà tal-ġenituri" huwa minqux fil-Kodiċi Ċivili (Att Nru 89/2012). Dan it-terminu jinkludi sett ta' drittijiet u obbligi tal-ġenituri, li jinkludu:

  • il-kura tat-tfal, inkluż b'mod partikolari l-kura ta' saħħithom u tal-iżvilupp fiżiku, emozzjonali, intellettwali u morali,
  • il-protezzjoni tat-tfal,
  • iż-żamma ta' kuntatt personali mat-tfal,
  • l-iżgurar tal-formazzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal,
  • id-determinazzjoni tal-post tar-residenza tiegħu,
  • ir-rappreżentazzjoni tat-tfal u l-ġestjoni tal-beni tiegħu.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tibda mit-twelid tal-wild u tispiċċa meta jikseb kapaċità ġuridika sħiħa. Id-dewmien u l-ambitu tar-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu jinbidlu biss minn qorti. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenituri skont l-interessi tat-tfal. Qabel ma jieħdu deċiżjoni li tolqot l-interessi tat-tfal, il-ġenituri jinfurmaw lit-tfal b'dak kollu meħtieġ biex ikunu jistgħu jaslu għal opinjoni huma stess dwar il-kwistjoni kkonċernata u biex jinfurmaw lill-ġenituri b'dik l-opinjoni; dan ma japplikax jekk it-tfal ma jkunux kapaċi jilqgħu l-informazzjoni sew jew ma jkunu kapaċi jiffurmaw l-opinjoni tagħhom jew ma jkunux jistgħu jinfurmaw lill-ġenituri bl-opinjoni tagħhom. Il-ġenituri jagħtu kas partikolari tal-opinjoni tat-tfal u jqisu l-opinjoni tat-tfal meta jieħdu d-deċiżjoni. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri relatata mal-persuna tat-tfal hija tal-ġenituri b'mod u f'ambitu li jikkorrispondu għal-livell ta' żvilupp tat-tfal. Jekk il-ġenituri jkunu qed jieħdu deċiżjoni dwar l-edukazzjoni jew l-impjieg tat-tfal, iridu jqisu l-opinjoni, il-kapaċitajiet u t-talenti tagħhom.

Sakemm it-tfal jiksbu l-kapaċità ġuridika, il-ġenituri tagħhom ikollhom id-dritt li jiggwidaw lit-tfal bl-użu ta' miżuri edukattivi xierqa lejn il-kapaċitajiet li jkunu qed jevolvu, inklużi restrizzjonijiet diretti lejn il-protezzjoni tal-morali, tas-saħħa u tad-drittijiet tat-tfal, kif ukoll id-drittijiet ta' persuni oħrajn u tal-ordni pubbliku. It-tfal iridu jissottomettu ruħhom għal dawn il-miżuri. Ir-riżorsi edukattivi jistgħu jintużaw biss f'forma u ambitu li jkun xieraq għaċ-ċirkostanzi, ma jipperikolax is-saħħa tat-tfal u l-iżvilupp tagħhom u ma jippreġudikax id-dinjità tal-bniedem tat-tifel.

Huwa mifhum li l-minuri kollha li ma jkollhomx kapaċità ġuridika sħiħa jkunu kompetenti li jwettqu atti ġuridiċi xierqa għall-maturità intellettwali u ta' rieda tal-minuri ta' dik l-età. Il-ġenituri għandhom l-obbligu u d-dritt li jirrappreżentaw lit-tfal fi proċedimenti ġudizzjarji li t-tfal ma jkunux ġuridikament kompetenti għalihom. Il-ġenituri jirrappreżentaw konġuntament lil uliedhom, madankollu kull wieħed minnhom jista' jaġixxi b'mod separat; jekk wieħed mill-ġenituri jaġixxi waħdu fi kwistjoni li tikkonċerna lit-tfal fir-rigward ta' parti terza, li tkun qed taġixxi in bona fide, ikun mifhum li huwa jkun aġixxa bi qbil mal-ġenitur l-ieħor. Ġenitur ma jistax jirrappreżenta lit-tfal jekk dan ikun jista' jwassal għal kunflitt ta’ interess bejnu u wliedu, jew bejn it-tfal tal-istess ġenituri. F'każ bħal dan il-qorti tinnomina tutur għat-tfal. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqbli dwar min minnhom għandu jirrapreżenta lit-tfal fi proċedimenti ġudizzjarji, tiddeċiedi l-qorti – wara talba minn wieħed mill-ġenituri – liem ġenitur jaġixxi ġuridikament f'isem it-tfal u b'liema mod.

Il-ġenituri għandhom l-obbligu u d-dritt li jamministraw il-proprjetà tat-tfal, b'mod partikolari li jamministrawha bid-diliġenza dovuta. Huma jridu jimmaniġġaw b'mod sikur il-fondi li jitqiesu li mhumiex neċċessarji biex ikopru l-ispejjeż konnessi mal-proprjetà tal-minuri. Matul il-proċedimenti ġudizzjarji li jkollhom x'jaqsmu ma' partijiet individwali tal-proprjetà tat-tfal, il-ġenituri jaġixxu bħala r-rappreżentanti tagħhom; ġenitur ma jistax jirrappreżenta lit-tfal jekk dan ikun jista' jwassal għal kunflitt ta’ interess bejnu u wliedu, jew bejn it-tfal tal-istess ġenituri. F'każ bħal dan il-qorti tinnomina tutur għat-tfal. Jekk ġenitur jikser l-obbligu għall-kura tal-proprjetà tat-tfal bid-diliġenza dovuta, huwa jkollu jikkumpensa lit-tfal għad-danni li jsofru in solidum. Jekk il-ġenituri ma jaqblux dwar kwistjonijiet essenzjali relatati mal-amministrazzjoni tal-proprjetà tat-tfal, il-qorti tiddeċiedi wara talba minn wieħed mill-ġenituri. Il-ġenituri jeħtieġu l-qbil ta' qorti għal atti ġuridiċi li jkunu relatati ma' proprjetà eżistenti jew futura tat-tfal jew ta' partijiet separati ta' dik il-proprjetà, sakemm ma jkunux kwistjonijiet komuni, jew nake jekk ikunu eċċezzjonali jkunu relatati ma' valuri tal-proprjetà negliġibbli.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija obbligu għaż-żewġ ġenituri. Kull ġenitur ikollu sakemm ma jkunx imċaħħad minnha. Huwa irrilevanti jekk il-ġenituri humiex miżżewġin, u jekk it-tifel twilidx minn żwieġ jew le.

Il-ġenituri jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri bi qbil reċiproku. Jekk dewmien biex tittieħed deċiżjoni rigward kwistjoni li tikkonċerna t-tfal ikun perikoluż, wieħed mill-ġenituri jista' jieħu d-deċiżjoni hu jew jagħti l-kunsens tiegħu waħdu; huwa jrid madankollu jinforma lill-ġenitur l-ieħor dwar l-istat tal-affarijiet mingħajr dewmien. Jekk wieħed mill-ġenituri jaġixxi waħdu fi kwistjoni tat-tfal fir-rigward ta' parti terza, li tkun qed taġixxi in bona fide, ikun mifhum li huwa jkun aġixxa bi qbil mal-ġenitur l-ieħor. Jekk il-ġenituri ma jaqblux dwar kwistjoni li tkun importanti għat-tfal, b'mod partikolari fir-rigward tal-interessi tagħhom, il-qorti tiddeċiedi wara talba minn wieħed mill-ġenituri; dan japplika wkoll jekk ġenitur ikun eskluż mit-teħid ta' deċiżjoni dwar kwistjoni importanti għat-tfal mill-ġenitur l-ieħor. Eżempji ta' kwistjonijiet importanti huma d-determinazzjoni tal-post tar-residenza u l-għażla tal-edukazzjoni jew l-impjieg tat-tifel, imma mhux proċeduri mediċi normali jew proċeduri simili.

Qorti tista' tiddeċiedi li tissospendi r-responsabbiltà tal-ġenituri jekk il-ġenituri ma jitħallewx jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri tagħhom minħabba ċirkostanza serja u jekk jitqies li dan ikun meħtieġ fl-interess tat-tfal. Jekk ġenitur ma jeżerċitax ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu sew u jkun hemm bżonn fl-interess tat-tifel li dan jagħmlu, il-qorti tista' tillimita r-responsabbiltà tal-ġenituri, jew tillimita l-prestazzjoni tagħha, u fl-istess ħin tiddetermina l-ambitu għal dik il-limitazzjoni. Jekk ġenitur jabbuża mir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu jew l-eżerċizzju tiegħu, u/jew jonqos b'mod serju mir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu jew l-eżerċizzju tagħha, il-qorti tista' ċċaħħadlu r-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu. Jekk ġenitur jikkommetti delitt intenzjonali kontra t-tifel tiegħu, jew jekk ġenitur juża lit-tifel tiegħu – li ma jkunx kriminalment responsabbli – biex jagħmel delitt, il-qorti teżamina b'mod partikolari jkunx hemm il-bażi biex il-ġenitur jiċċaħħad mir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu.

Jekk wieħed mill-ġenituri jmut jew ma jkunx magħruf, jew jekk wieħed mill-ġenituri ma jkollux ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu jkun sospiż, il-ġenitur l-ieħor jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri hu; dan japplika wkoll jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew l-eżerċizzju tagħha minn wieħed mill-ġenituri tkun limitata. Jekk l-ebda wieħed mill-ġenituri ma jkollu r-responsabbiltà tal-ġenituri sħiħa, jekk l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri taż-żewġ ġenituri tkun sospiża, u/jew jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri tkun affettwata f'wieħed mill-modi indikati, imma kull wieħed minnhom b'mod differenti, il-qorti taħtar tutur għat-tifel, li jkollu l-obbligi u d-drittijiet tal-ġenituri jew jeżerċita dawn l-obbligi jew drittijiet minflok il-ġenituri. Jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri tkun limitata jew l-eżerċizzju tagħha jkun limitat, il-qorti tinnomina tutur għat-tfal.

Jekk tifel ikun adottat, id-drittijiet u l-obbligi li jiġu mir-responsabbiltà tal-ġenituri jkunu ttrasferiti lill-adottatur mill-mument li d-deċiżjoni legali dwar l-adozzjoni tidħol fis-seħħ.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk qorti tiddeċiedi li tillimita l-kapaċità ġuridika ta' ġenitur, hija tiddeċiedi wkoll dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu. L-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri minn minuri ġenitur li jkun għadu ma kisibx il-kapaċità ġuridika sħiħa permezz ta' dikjarazzjoni jew żwieġ, tiġi sospiża sakemm jikseb kapaċità ġuridika sħiħa; dan ma japplikax fir-rigward tal-eżerċizzju tal-obbligi u d-drittijiet tal-kura għat-tifel, sakemm il-qorti ma tiddeċidix li, fir-rigward tal-persuna tal-ġenitur, l-eżerċizzju ta' dan l-obbligu u dan id-dritt ikun sospiż sakemm il-ġenitur jikseb kapaċità ġuridika sħiħa. L-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri ta' ġenitur li l-kapaċità ġuridika tiegħu f'dan il-qasam tkun ġiet limitata, jiġi sospiż għal kemm iddum il-limitazzjoni tal-kapaċità ġuridika tiegħu, sakemm il-qorti ma tiddeċidix li l-ġenitur, minħabba l-persuna tiegħu, se jkompli jżomm l-eżerċizzu tal-obbligu u d-dritt tal-kura għat-tfal u l-kuntatt personali mat-tfal.

Fin-nuqqas taż-żewġ ġenituri illi kieku kien ikollhom r-responsabbiltà tal-ġenituri sħiħa fir-rigward ta' wliedhom, il-qorti tinnomina tutur għat-tfal. Tutur ikollu fundamentalment l-obbligi u d-drittijiet kollha tal-ġenituri fir-rigward tat-tfal, imma ma jkollux l-obbligu ta' sostenn u ta' manteniment fir-rigward tat-tfal. F'każijiet eċċezzjonali, il-firxa tal-obbligi u d-drittijiet jistgħu jkunu definiti b'mod differenti wara li titqies il-persuna tat-tutur jew is-sitwazzjoni tat-tfal, kif ukoll ir-raġuni għala l-ġenituri ma għandhomx l-obbligi u d-drittijiet kollha. Tutur irid ikollu kapaċità ġuridika sħiħa u l-mod tal-għajxien tiegħu jrid jiggarantixxi li jkun kapaċi jaqdi dan ir-rwol sew. Il-qorti tista' taħtar żewġ persuni – li bħala regola jkunu miżżewġin – fir-rwol ta' tuturi. Jekk dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal, il-qorti tista' taħtar persuna magħżula minn wieħed mill-ġenituri bħala tutur. Inkella l-qorti tista' taħtar qarib jew persuna qrib it-tfal jew il-familja tagħhom bħala tutur, sakemm ma jkunux espressament esklużi minn wieħed mill-ġenituri. Jekk ma jkun hemm ħadd hekk, il-qorti taħtar persuna adatta oħra bħala tutur. Jekk l-ebda persuna fiżika ma tkun tista' tinħatar tutur għat-tfal, il-qorti taħtar awtorità għall-protezzjoni soċjali u ġuridika tat-tfal sakemm il-qorti taħtar tutur differenti għat-tfal jew sakemm tutur jaċċetta r-rwol. Tutur huwa suġġett għas-sorveljanza mill-qorti. Huwa jħejji lista tal-proprjetà kemm fil-bidu u kemm fi tmiem ir-rwol. Huwa jibgħat regorlament rapporti lill-qorti dwar it-tfal, l-iżvilupp tagħhom, u l-kontijiet mill-amministrazzjoni tal-proprjetà. Kull deċiżjoni minn tutur fi kwistjonijiet li mhumiex regolari jridu jkunu approvati mill-qorti.

Possibbiltà oħra hija li t-tfal jingħataw fostering. Il-fostering huwa kura personali għal ulied ħaddieħor; madankollu, dan ma jinvolvix l-aċċettazzjoni ta' wild ħaddieħor bħala tiegħek bħal fil-każ tal-adozzjoni. Fit-trobbija tat-tfal, ġenitur foster jeżerċita l-obbligi u d-drittijiet tal-ġenituri sa ċertu punt. Huwa obbligat u intitolat jiddeċiedi biss dwar kwistjonijiet ta' kuljum li jikkonċernaw lit-tfal, jirrappreżenta lit-tfal f'dawn il-kwistjonijiet u jamministra l-proprjetà tagħhom. Huwa jrid jinforma lill-ġenituri tat-tfal bil-kwistjonijiet importanti. Skont iċ-ċirkostanzi, il-qorti tista' tiddetermina obbligi u drittijiet addizzjonali tal-ġenitur foster. Il-ġenituri tat-tfal iżommu l-obbligi u d-drittijiet tagħhom li jkunu ġejjin mir-responsabbiltà tal-ġenituri, inkluż id-dritt ta' kuntatt personali u regolari, u d-dritt għall-informazzjoni dwar it-tfal, bl-eċċezzjoni tal-obbligi u d-drittijiet li l-liġi tiddetermina għall-ġenitur foster, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor minħabba raġunijiet li jkun ħaqqhom kunsiderazzjoni speċjali. Ġenitur foster ma jkollux u l-obbligu ta' sostenn u ta' manteniment lejn it-tfal.

Ġenitur foster irid jiggarantixxi kura xierqa, ikun residenti r-Repubblika Ċeka, u jrid jaqbel li t-tfal ikunu fdati f'idejh għall-fostering. Bħala regola, dan ikun jiġi mit-tfal, imma jista' jkun persuna oħra li l-awtorità għall-protezzjoni soċjali u ġuridika tat-tfal tkun irranġatilha l-fostering (għal din il-fini l-qorti reġjonali żżomm evidenza tal-applikanti adatti li jsiru ġenituri foster). Qorti tista' tagħti tifel għall-fostering għal perjodu temporanju (pereżempju għal kemm ġenitur idum f'faċilità tat-trattament) kif ukoll għal perjodu ta' żmien mhux speċifikat. Il-fostering jista' b'hekk jindirizza kriżi fil-familja jew jiżgura l-kura f'ambjent familjari alternattiv. Biex jitnaqqas l-għadd ta' tfal f'istituti jew faċilitajiet li qishom istitut, il-fostering jieħu preċedenza fuq il-kura istituzzjonali. Ġenitur foster jirċievi benefiċċji għall-fostering mill-istat (pereżempju kontribut lejn il-ħlas tal-bżonnijiet tat-tfal, kontribut fi tmiem il-fostering, rimunerazzjoni tal-ġenitur foster eċċ.)

Barra minn hekk, il-Kodiċi Ċivili jirregola l-istituzzjoni tal-kustodja tat-tfal lil persuna fil-każ li l-ebda ġenitur jew tutur ma jkun jista' jieħu ħsieb it-tfal. Din il-kustodja hija alternattiva għall-fostering, jew il-kura li tippreċedi l-adozzjoni. Hija tieħu preċedenza fuq il-kura istituzzjonali għat-tfal. Il-persuna inkarigata trid tiggarantixxi kura xierqa, tkun residenti r-Repubblika Ċeka, u trid taqbel li t-tfal ikunu fdati f'idejha għall-kura personali. L-obbligi u d-drittijiet tal-persuna inkarigata huma definit mill-qorti; inkella tintuża l-leġiżlazzjoni dwar il-fostering kif xieraq.

Il-ġenituri, bħala r-rappreżentanti legali, jistgħu – għall-immaniġġar tal-affarijiet tat-tfal, sakemm ma jkunux kwistjonijiet ta' status personali – jiffirmaw ftehim għar-rappreżentanza minn persuna b'għarfien espert, jew pereżempju minn persuna adatta oħra. Jekk it-tifel jiffirma ftehim għar-rappreżentanza, dan ma jkollu l-ebda influwenza fuq ir-rappreżentanza legali tat-tifel mill-ġenituri. Jekk ir-rappreżentanti ġuridiċi u kuntrattwali ma jkunux jistgħu jaqblu, il-qorti tiddeċiedi skont l-interessi tat-tfal.

Jekk it-trobbija tat-tfal jew l-istat fiżiku, intellettwali jew mentali tagħhom, u l-iżvilupp xieraq tagħhom ikun mhedded jew iddisturbat sa tali punt li jkun kontra l-interessi tat-tfal, u/jew fil-każ ta' raġunijiet serji li minħabba fihom il-ġenituri ma jkunux jistgħu jiżguraw it-trobbija ta' wliedhom, il-qorti tista' tordna l-kura istituzzjonali bħala miżura neċessarja. Dan tagħmlu b'mod partikolari f'każijiet fejn miżuri preċedenti ma kinux wasslu għal rimedju. Waqt li jsir dan, il-qorti dejjem tqis jekk hux xieraq li tingħata preferenza li t-tfal jingħataw għall-kura minn persuna fiżika. Il-kura istituzzjonali tista' tiġi ordnata għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin, filwaqt li dan jista' jiġi estiż (ripetutament) jekk ir-raġunijiet għall-ordni tal-kura istituzzjonali jippersistu (dejjem għal massimu ta' tliet snin). Jekk ir-raġunijiet li l-kura istituzzjonali ġiet ordnata minħabba fihom ma għadhomx jeżistu, jew jekk ikun possibbli li tkun ipprovduta kura mhux istituzzjonali għat-tfal, il-qorti tħassar il-kura istituzzjonali mingħajr dewmien u fl-istess ħin tiddeċiedi lil min jingħataw it-tfal skont iċ-ċirkostanzi.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Deċiżjoni dwar il-kura tat-tfal hija kundizzjoni essenzjali għad-divorzju tal-ġenituri tagħhom. Biex tieħu d-deċiżjoni l-qorti tqis l-interess tat-tfal; il-qorti tiddevja biss mill-qbil reċiproku tal-ġenituri jekk ikun hemm bżonn fl-interess tat-tfal. Il-qorti tista' tagħti l-kura tat-tfal lil wieħed mill-ġenituri jew b'kustodja maqsuma jew kustodja konġunta; il-qorti tista' wkoll tagħti l-kura tat-tfal lil persuna oħra li mhix wieħed mill-ġenituri tagħhom jekk ikun meħtieġ fl-interess tat-tfal. Il-qorti tqis il-personalità tat-tfal, b'mod partikolari t-talenti u l-kapaċitajiet tagħhom fir-rigward tal-possibilitajiet ta' żvilupp, u l-istili tal-ħajja tal-ġenituri tagħhom, kif ukoll l-orjentazzjoni emozzjonali u l-isfond tat-tfal, il-kapaċità ta' kull wieħed mill-ġenituri li jipprovdi t-trobbija, l-istabilità kurrenti u antiċipata tal-ambjent edukattiv fejn għandhom jitrabbew it-tfal, u r-rabtiet emozzjonali tat-tfal ma' xulxin, man-nanniet jew ma' qraba u persuni mhux relatati oħrajn. Il-qorti dejjem se tqis liem ġenitur ikun ħa ħsieb sew tat-tfal sa dak il-punt u min ikun ħa ħsieb l-edukazzjoni emozzjonali, intellettwali u morali tagħhom kif ukoll liem ġenitur joffri l-aħjar opportunitajiet lit-tfal għal żvilupp b'saħħtu u b'suċċess. Il-qorti se tiffoka wkoll fuq id-dritt tat-tfal għall-kura miż-żewġ ġenituri u għaż-żamma ta' kuntatt personali regolari magħhom, fuq id-dritt tal-ġenitur l-ieħor li mhux se jkollu l-kustodja għal informazzjoni regolari dwar it-tfal, u l-qorti tqis ukoll il-kapaċità tal-ġenitur li jaqbel dwar it-trobbija tat-tfal mal-ġenitur l-ieħor. Il-qorti tista' tiddeċiedi wkoll li tapprova ftehim bejn il-ġenituri sakemm ikun ċar li l-metodu maqbul għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkun skont l-interess tat-tfal.

Jekk il-ġenituri ta' minuri li ma jkollux kapaċità ġuridika sħiħa ma jkunux jgħixu flimkien, u jekk ma jkunux jistgħu jaqblu dwar ir-regolamentazzjoni tal-kura għal dak it-tifel, il-qorti tiddeċiedi dwarhom ex officio. Hija ssegwi regoli simili għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-kura għat-tfal bħal fil-każ ta' divorzju tal-ġenituri tagħhom.

Il-ġenitur li jkollu t-tifel fil-kura tiegħu, u l-ġenitur l-ieħor, jiddeċiedu flimkien kif il-ġenitur li ma jkollux it-tifel fil-kura tiegħu ikun jista' jżomm kuntatt miegħu. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu, jew ikun meħtieġ skont l-interess tat-trobbija tal-ġenituri u r-relazzjonijiet fil-familja, il-qorti tirregola l-kuntatt bejn il-ġenitur u t-tifel. F'każijiet iġġustifikati, il-qorti tista' tiddetermina fejn jista' jsir il-kuntatt bejn il-ġenitur u t-tifel. Jekk ikun hemm bżonn fl-interess tat-tifel, il-qorti tillimita d-dritt ta' ġenitur għall-kuntatt mat-tifel, u/jew ma tippermettix dak il-kuntatt.

Jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu, il-qorti tibdel id-deċiżjoni relatata mal-prestazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet li jiġu mir-responsabbiltà tal-ġenituri anke ex officio.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Fil-każ ta' divorzju bejn il-ġenituri, il-ftehim bejn il-ġenituri dwar il-metodu tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jrid jirregola kif kull wieħed mill-ġenituri ikun se jieħu ħsieb it-tfal wara d-divorzju. F'dan il-ftehim, il-ġenituri jistgħu jirregolaw il-kuntatt bejn il-ġenituri u t-tfal. Ftehim ta' din ix-xorta huwa suġġett għall-qbil tal-qorti, li tapprova ftehim bejn il-ġenituri sakemm ikun ċar li l-metodu maqbul għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkun skont l-interess tat-tfal. L-istess japplika għal ftehim bejn il-ġenituri jekk il-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Biex jitħarsu l-interessi tat-tfal, il-qorti, waqt il-proċedimenti dwar il-kura għall-minuri, tiggwida lill-ġenituri biex isibu soluzzjoni konċiljatorja. Il-qorti tista' timponi l-parteċipazzjoni f'konċiljazzjoni ekstraġudizzjarja jew f'laqgħat tal-medjazzjoni jew f'terapija familjari fuq il-ġenituri għal perjodu ta' mhux iktar minn 3 xhur, jew tista' timponi fuqhom laqgħat ma' espert fil-pedopsikoloġija.

Barra minn hekk, huwa possibbli li jintużaw is-servizzi ta' l-hekk imsejħa ċentri ta' konsulenza dwar iż-żwieġ u l-familja li jipprovdu għajnuna permezz ta' psikologi u ħaddiema soċjali.

Hekk ukoll, awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal tista' tipperswadi jew teduka ġenitur li ma jkunx jirrispetta d-drittijiet tat-tfal jew lill-ġenitur l-ieħor (eż. għall-kura, il-kuntatt regolari) dwar il-leġiżlazzjoni u l-konsegwenzi tal-imġiba tiegħu. Awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal tista' wkoll timponi fuq il-ġenituri l-obbligu li jużaw konsulenza esperta jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jsolvu l-problemi marbuta mat-trobbija tat-tfal mingħajr konsulenza esperta, b'mod partikolari waqt it-tilwim dwar il-modifikazzjoni tat-trobbija tat-tfal jew id-drittijiet ta' viżitazzjoni.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Bil-kundizzjoni ta' konformità mal-kundizzjonijiet magħżula u wara talba mill-ġenituri, il-qorti tista' tiddeċiedi, b'mod partikolari, dwar il-kwistjonijiet li ġejjin li għandhom x'jaqsmu mar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u wliedhom:

  1. id-drittijiet ta' natura personali (eż. id-dritt li tiddetermina l-isem u l-kunjom tat-tfal jew id-dritt li jingħata kunsens għall-adozzjoni tat-tfal)
  1. il-kura tat-tfal u r-regolamentazzjoni tal-kuntatt mat-tfal,
  1. forom alternattivi ta' kura tat-tfal (eż. tutela, kustodja minn persuna oħra, fostering, kura istituzzjonali),
  1. il-manteniment u l-obbligi ta' sostenn,
  1. ir-rappreżentanza u l-amministrazzjoni tal-proprjetà tat-tfal, il-kunsens għal kawżi legali mit-tfal,
  1. dwar kwistjonijiet importanti għat-tfal, fejn il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu (eżempji ta' kwistjonijiet importanti huma, b'mod partikolari, id-determinazzjoni tal-post tar-residenza u l-għażla tal-edukazzjoni jew l-impjieg tat-tifel, imma mhux proċeduri mediċi normali jew proċeduri simili).

Normalment, il-qorti tiddeċiedi lil min tkun se tagħti l-kustodja tat-tfal, u potenzjalment dwar ir-regolamentazzjoni tal-kuntatt mat-tfal, u dwar il-manteniment u s-sostenn.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Il-kura għat-tfal hija biss parti mill-obbligi u d-drittijiet inklużi fir-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk ġenitur li ma kellux il-kura tat-tfal ma kienx imċaħħad mir-responsabbiltà tal-ġenituri, u lanqas ma kellu r-responsabbiltà tal-ġenituri limitata jew sospiża, huwa xorta jkun jista' jeżerċitaha fir-rigward tal-komponenti l-oħra tar-responsabbiltà tal-ġenituri u ma jitlifx id-dritt li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet importanti li jikkonċernaw it-tfal. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenituri bi qbil reċiproku u skont l-interessi tat-tfal. Jekk ikun hemm il-periklu ta' inadempjenza waqt li tkun qed tittieħed id-deċiżjoni rigward kwistjoni li tikkonċerna t-tfal, wieħed mill-ġenituri jista' jieħu d-deċiżjoni hu jew jagħti l-kunsens tiegħu waħdu; huwa jrid madankollu jinforma lill-ġenitur l-ieħor dwar l-istat tal-affarijiet mingħajr dewmien.

Jekk il-ġenituri ma jaqblux dwar kwistjoni li tkun importanti għat-tfal, b'mod partikolari fir-rigward tal-interessi tagħhom, il-qorti tiddeċiedi wara talba minn wieħed mill-ġenituri; dan japplika wkoll jekk ġenitur ikun eskluż mit-teħid ta' deċiżjoni dwar kwistjoni importanti għat-tfal mill-ġenitur l-ieħor. Il-qorti tiddeċiedi wkoll wara talba minn ġenitur f'każ fejn il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar min minnhom se jirrappreżenta lit-tfal fi proċedimenti ġudizzjarji jew fi kwistjonijiet importanti relatati mal-amministrazzjoni tal-proprjetà tat-tfal.

Il-ġenituri jridu jinfurmaw lil xulxin b'kull ħaġa importanti fir-rigward tat-tfal u l-interessi tagħhom.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-Kodiċi Ċivili jagħmel differenza bejn li tingħata l-kustodja lil wieħed mill-ġenituri tiegħu, jew kustodja maqsuma jew kustodja konġunta, jew fil-kustodja ta' xi ħadd li mhux wieħed mill-ġenituri tiegħu. Meta tieħu deċiżjoni dwar il-kura tat-tfal, il-qorti tiddeċiedi b'tali mod li tissodisfa l-interessi tat-tfal. Qorti tista' tikkonċedi kustodja maqsuma jew kustodja konġunta jekk il-ġenituri jkunu kapaċi jikkomunikaw u jikkooperaw flimkien.

Kustodja konġunta (trobbija konġunta)

Din il-forma ta' regolamentazzjoni tal-kura għat-tfal tfisser li ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni speċifika dwar il-kustodja tat-tfal lil ġenitur jew ieħor. Fil-prattika dan ifisser li f'każ ta' kustodja konġunta wieħed mill-ġenituri jista' pereżempju jiżgura l-bżonnijiet tat-tfal u l-attivitajiet sportivi l-oħra tiegħu u/jew ġenitur jiffoka fuq l-istudji lingwistiċi tat-tfal filwaqt li l-ġenitur l-ieħor jiffoka fuq attivitajiet ekstrakurrikolari oħrajn tat-tfal. Iż-żewġ ġenituri jaqsmu flimkien l-għoti tal-kura tas-saħħa u l-bżonnijiet materjali tat-tfal, (eż. it-tisjir, it-tindif, il-ħwejjeġ, eċċ.). Biex tingħata kustodja konġunta huwa meħtieġ li l-ġenituri jaqblu magħha.

Kustodja maqsuma (trobbija alternata)

Kustodja maqsuma tfisser li l-kura tat-tfal talterna bejn il-ġenituri għal perjodu ta' żmien determinat b'mod preċiż. Il-qorti tiddefinixxi wkoll id-drittijiet u l-obblgi eżerċitati matul dawn il-perjodi.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Talba relatata mal-obbligi u d-drittijiet tal-ġenituri trid issir fil-qorti distrettwali (fi Praga f'qorti distrettwali, f'Brno fil-Qorti Muniċipali) li l-minuri jkun residenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha u, jekk ma jkollux indirizz permanenti, fil-qorti distrettwali li jkun qed jgħix fil-ġuriżdizzjoni tagħha. Il-qorti tista', fi kwistjonijiet relatati mal-minuri, tieħu deċiżjonijiet ex officio.

Ir-rekwiżiti ta' talba jiddependu mit-tip ta' talba. Madankollu, dejjem ikun neċessarju li jiġi indikat l-isem, il-kunjom, u l-indirizz tal-parteċipanti, jew in-numri tal-identità tat-twelid tal-parteċipanti u r-rappreżentanti tagħhom, deskrizzjoni tal-fatti deċiżivi, indikazzjoni tal-provi li l-attur ikun qed iserraħ fuqhom, u jrid ikun ċar minnha xi jrid l-attur u lil liema qorti hija indirizzata.

Talba jrid ikun fiha d-dokumenti importanti kollha relatati mal-kwistjoni ikkonċernata – eż. iċ-ċertifikat tat-twelid, iċ-ċertifikat taż-żwieġ, kull deċiżjoni preċedenti tal-qorti li għandha x'taqsam mat-tifel, eċċ. Il-proposta trid tiġi ppreżentata fuq karta fl-ammont ta' kopji meħtieġa biex kopja tibqa' l-qorti u kull parteċipant jirċievi kopja jekk ikun hemm bżonn.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-qorti tista' tiftaħ il-proċedimenti f'materji ta' kura tal-qorti għal minuri anke jekk ma tkunx tressqitilha talba.

Bl-użu ta' deċiżjoni preliminari anke qabel ma tieħu deċiżjoni dwar il-merti tal-kawża u jekk ikun hemm bżonn tar-regolamentazzjoni provviżorja tar-relazzjonijiet tal-parteċipanti, jew jekk ikun hemm tħassib li l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni tal-qorti tkun mhedda, il-qorti tista' timponi fuq parteċipant fil-proċedimenti l-ħlas ta' manteniment essenzjali u/jew tagħti l-kustodja lil wieħed mill-ġenituri, jew lil persuna magħżula mill-qorti. Deċiżjoni preliminari normalment tittieħed wara talba, madankollu, huwa possibbli li l-proċedimenti dwar il-merti tal-kawża (għalhekk inklużi wkoll proċedimenti relatati mal-kura għal minuri mill-qorti) jinfetħu ex officio, deċiżjoni preliminari tista' wkoll tittieħed ex officio. Il-qorti kompetenti mill-proċedimenti dwar il-kwistjoni hija responsabbli biex tordna deċiżjoni preliminari, sakemm il-liġi ma tistipulax mod ieħor. Talba għal ordni ta'deċiżjoni preliminari jrid ikun fih ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 42(4) u skont l-Artikolu 75 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (l-Att Nru 99/1963, kif emendat), jiġifieri b'mod partikolari: l-informazzjoni li tirrigwarda l-qorti fejn tapplika t-talba; min qed iressaq it-talba u x'tikkonċerna, jiġifieri ġabra tal-fatti li jiġġustifikaw id-deċiżjoni preliminari kif proposta; x'għandha tikseb it-talba, jiġifieri x'deċiżjoni preliminari qed jitlob l-attur; deskrizzjoni tal-fatt li huwa neċessarju għar-regolamentazzjoni provviżorja tar-relazzjonijiet tal-parteċipanti jew li hemm tħassib li l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni tal-qorti tista' tkun mhedda, kif ukoll indikazzjoni tad-data ta' meta tħejjiet it-talba u l-firma tal-attur jew ir-rappreżentant tiegħu. Id-dokumenti li l-attur jirreferi għalihom iridu jkunu mehmuża mat-talba. B'mod ġenerali, għad-deċiżjonijiet preliminari, is-sitwazzjoni hija li biex ikun żgurat kumpens għad-danni jew telf ieħor li jiġri minħabba deċiżjoni preliminari, l-attur irid jiddepożita, mhux aktar tard minn dakinhar stess li jkun ressaq it-talba l-qorti għal deċiżjoni preliminari, garanzija għal ammont iddeterminat. Madankollu, f'każ ta' deċiżjoni preliminari dwar il-manteniment u s-sostenn jew deċiżjoni preliminari li qorti tista' timponi anke ex officio, id-depożitu tal-garanzija mhux meħtieġ. Il-qorti tiddeċiedi dwar deċiżjoni preliminari mingħajr dewmien. Jekk ma jkun hemm l-ebda periklu ta' inadempjenza, il-qorti tista' tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari fi żmien 7 ijiem wara li tkun tressqet. Il-qorti tiddeċiedi mingħajr ma tisma' lill-parteċipanti. Meta tordna deċiżjoni preliminari, il-qorti timponi fuq l-attur li jkun irid jippreżenta talba l-qorti għall-ftuħ tal-proċedimenti b'data ta' skadenza imposta fuqu. Hija tista' tiddetermina wkoll li deċiżjoni preliminari ddum biss għal perjodu ta' żmien speċifiku.

L-Att dwar il-Proċedimenti Speċjali tal-Qorti (l-Att Nru 292/2013, kif emendat) jirregola deċiżjoni preliminari speċjali f'każ li minuri jkun f'sitwazzjoni ta' nuqqas ta' kura xierqa irrispettivament minn ikunx hemm jew le persuna li jkollha d-dritt tal-kura tat-tifel, jew jekk ħajjet it-tifel, l-iżvilupp normali tiegħu jew interess importanti ieħor ikunu mhedda serjament jew ġew imxekkla. F'każ hekk, il-qorti, permezz ta' deċiżjoni preliminari li l-qorti tista' timponi biss wara talba minn awtorità għall-protezzjoni soċjali u ġuridika tat-tfal, tirregola r-relazzjonijiet tat-tifel għal żmien essenzjali billi tordna li t-tifel jitqiegħed f'ambjent adatt indikat fid-deċiżjoni. Permezz ta' deċiżjoni preliminari huwa possibbli li tifel jingħata fostering għal ammont ta' żmien provviżorju li matulu l-ġenitur ma jkunx jista' jieħu ħsieb it-tifel għal raġunijiet serji, jew, wara li jiskadi dak iż-żmien, it-tifel jista' jingħata l-kura ta' qabel l-adozzjoni jekk il-ġenituri jkunu taw il-kunsens għall-adozzjoni jew ikun hemm deċiżjoni li l-kunsens tal-ġenituri mhux meħtieġ. Il-qorti tiddeċiedi wara talba għal deċiżjoni preliminari mingħajr dewmien, imma mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-preżentata. Id-deċiżjoni tkun eżegwita minnufih wara li tiġi ordnata, filwaqt li l-qorti tikkoopera għall-eżekuzzjoni tagħha mal-awtoritajiet pubbliċi applikabbli.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Skont l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (l-Att Nru 549/1991, kif emendat) il-proċedimenti relatati mat-tutela u mal-kustodja tal-minuri mill-qorti huma eżenti minn kull tariffa. Dan ifisser li l-attur li jippreżenta talba relatata mal-obbligi u d-drittijiet tal-ġenituri ma jkunx obbligat iħallas tariffi tal-qorti.

Skont ċerti ċirkostanzi jista' jkun possibbli li tqabbad rappreżentant legali bla ħlas jew għal ammont imnaqqas. Il-qorti tqabbad rappreżentant, wara talba mill-parteċipant, li wara hija tneħħi, kompletament jew parzjalment, it-tariffi tal-qorti tiegħu, jekk dan ikun neċessarju pereżempju għall-protezzjoni tal-interessi tiegħu. Jekk ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi tal-parteċipant, jitqabbad avukat għalih. Il-ħatra ta' rappreżentant trid tkun iġġustifikata mis-sitwazzjoni tal-parteċipant (fil-prattika dawn jistgħu jkunu ċirkostanzi finanzjarji avversi jew sitwazzjoni soċjali avversa, filwaqt li dejjem ikun neċessarju li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ) u ma jridx ikun hemm eżekuzzjoni jew protezzjoni tad-drittijiet arbitrarji jew li manifestament ma jirnexxux.

L-Att dwar l-Għoti tal-Għajnuna Legali f'Tilwim Transfruntier fl-Unjoni Ewropea (l-Att Nru 692/2004, kif emendat) jirregola l-aċċess għall-għajnuna legali fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fejn persuna fiżika, li tkun residenti fi Stat Membru ieħor, tkun qed tieħu sehem f'kawża. L-għajnuna hija relatata mal-proċedimenti legali fil-fażijiet tas-seduti u tal-eżekuzzjoni.

L-Att dwar il-Professjoni Legali (l-Att Nru 85/1996, kif emendat) jiddetermina l-kundizzjonijiet biex ikun possibbli li jintalab appuntament b'xejn ma' konsulent legali direttament mill-Kamra tal-Avukati Ċeka.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, huwa possibbli li tappella kontra deċiżjoni relatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-Qrati Distrettwali huma qrati tal-ewwel istanza għall-ġestjoni tad-drittijiet u l-obbligi li jiġu mir-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-Qrati Reġjonali (jew il-Qorti Muniċipali fi Praga) jiddeċiedu dwar appelli kontra deċiżjonijiet tal-ewwel istanza. Appell kontra deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-wasla tad-deċiżjoni bil-miktub mill-qorti li d-deċiżjoni tagħha tkun qed tiġi appellata u, sakemm ma jkunx ipprojbit mil-liġi (eż. mhux possibbli li tressaq appell kontra deċiżjoni tal-qorti li tapprova l-ftehim bejn il-ġenituri dwar il-kura tat-tifel). Appell jitqies ukoll li ġie ppreżentat fil-ħin anke wara l-iskadenza tal-perjodu ta' ħmistax-il ġurnata jew l-appellant kien qed jimxi ma' informazzjoni żbaljata mingħand il-Qorti tal-Appell.

Ta' min jenfasizza li xi deċiżjonijiet jistgħu jkun eżegwibbli provviżorjament – u għalhekk jistgħu jkunu eżegwiti anke jekk ikun ġie ppreżentat appell kontrihom. Deċiżjonijiet li jimponu l-ħlas ta' manteniment u deċiżjonijiet għall-estensjoni tat-tul ta' miżura edukattiva li permezz tagħha tifel ikun tneħħa mill-kustodja tal-ġenituri tiegħu jew ta' persuna oħra huma eżegwibbli b'mod provviżorju.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Fir-Repubblika Ċeka trid tiġi ppreżentata talba għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni relatata mal-kura għal minuri mill-qorti. Il-proċedura applikata għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni hija suġġetta għall-Att dwar il-Proċedimenti Speċjali tal-Qorti (l-Att Nru 292/2013, kif emendat).

Il-qorti ġenerali tal-minuri hija kompetenti għal dawn il-proċedimenti, jiġifieri il-Qorti Distrettwali (il-Qorti Distrettwali fi Praga, il-Qorti Muniċipali f'Brno) li l-minuri jkun residenti fil-ġuriżdizzjoni tagħhom abbażi tal-ftehim bejn il-ġenituri jew id-deċiżjoni tal-qorti, jew fatti deċiżivi oħrajn. It-talba trid tinkludi l-informazzjoni neċessarja kollha (il-partijiet intitolati u dawk obbligati, l-ambitu u l-kontenut tal-obbligu tal-parti obbligata u d-data ta' skadenza għall-konformità mal-obbligu applikabbli u speċifikazzjoni tal-hekk imsejjaħ titolu eżekutorju – id-deċiżjoni li trid tiġi eżegwita).

Qabel ma tiġi ordnata l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni, il-qorti tista', jekk tara li jkun hemm raġunijiet speċjali għal dan, u/jew jekk il-parti obbligata ma tkunx ġiet infurmata dwar il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' konformità ma' obbligu, tordna lill-parti obbligata biex tikkonforma mad-deċiżjoni jew ftehim u tinformaha bil-possibilitajiet ta' eżekuzzjoni tad-deċiżjoni permezz tal-impożizzjoni ta' multi jew it-tneħħija tat-tfal. Il-qorti tista' titlob ukoll lill-awtorità rilevanti għall-protezzjoni soċjali u ġuridika tat-tfal biex iwasslu lill-parti obbligata biex tikkonforma mal-obbligi tagħha mingħajr il-bżonn ta' ordni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

Jekk il-persuna ma tikkonformax mal-obbligu tagħha anke wara li tkun ordnata mill-qorti, il-qorti tordna l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni permezz tal-impożizzjoni ta' multa, u dan jista' jsir ripetutament. L-ammonti tal-multi individwali ma jistgħux jaqbżu l-CZK 50 000. Miżuri oħrajn li tista' tordna l-qorti jinkludu laqgħa ma' medjatur, laqgħa ma' espert fil-pedopsikoloġija jew id-determinazzjoni ta' pjan għal skema ta' akklimatizzazzjoni biex jiġi ffaċilitat il-kuntatt gradwali bejn it-tfal u persuna intitolata għall-kuntatt magħhom.

Jekk minkejja l-implimentazzjoni tal-miżuri indikati, l-obbligi ma jkunux osservati jew ikun ċar miċ-ċirkostanzi li dan l-approċċ ma wassalx għal konformità mal-obbligi, il-qorti tordna f'każijiet eċċezzjonali l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni għat-tneħħija tat-tifel minn mal-persuna li mhux suppost qiegħda magħha skont il-ftehim jew id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni li tkun ordnat it-tneħħija tat-tifel tiġi nnotifikata lill-parti obbligata waqt l-eżekuzzjoni biss.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Deċiżjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa mill-qrati fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma rikonoxxuti mir-Repubblika Ċeka b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 ("Ir-Regolament Nru 2201/2003"), mingħajr il-bżonn għal proċedimenti speċjali. Madankollu, kull persuna b'interess ġuridiku jista' jippreżenta talba l-qorti għall-ħruġ ta' deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew nonrikonoxximent tad-deċiżjoni. Fir-Repubblika Ċeka, il-qrati distrettwali (il-qrati distrettwali fi Praga, il-Qorti Muniċipali f'Brno) huma kompetenti għal proċedimenti bħal dawn fl-ewwel istanza. Il-qorti kompetenti hija l-qorti distrettwali li tkun il-qorti ġenerali tal-attur, inkella l-qorti distrettwali li s-sitwazzjoni li r-rikonoxximent huwa importanti għaliha tkun ġrat jew tista' tiġri fil-ġuriżdizzjoni tagħha.

Qabel ma deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa fi Stat Membru ieħor tkun tista' tiġi eżegwita fir-Repubblika Ċeka, trid tiġi ddikjarata bħala eżegwibbli b'konformità ma' proċedura speċjali skont ir-Regolament Nru 2201/2003 indikat fuq. Talba għal dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà fir-Repubblika Ċeka tiġi ppreżentata fil-qorti distrettwali lokalment kompetenti (il-qrati distrettwali fi Praga, il-Qorti Muniċipali f'Brno). Il-kompetenza lokali tiġi ddeterminata skont ir-Regolament Nru 2201/2003 skont il-post tar-residenza abitwali tal-persuna li qed tintalab l-eżekuzzjoni kontriha, jew skont il-post tar-residenza abitwali tat-tfal; jekk l-ebda wieħed minn dawn il-postijiet ma jkun fl-Istat Membru fejn tkun se ssir l-eżekuzzjoni, il-kompetenza lokali tiġi ddeterminata skont il-post tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

Deċiżjoni dwar id-dritt ta' kuntatt mat-tfal u deċiżjoni li tordna r-ritorn ta' tifel maħruġa abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003 huma eżegwibbli, skont l-Artikolu 41 u 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, fi Stat Membru differenti mingħajr il-bżonn għal dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà u mingħajr il-possibbiltà ta' oġġezzjoni kontra r-rikonoxximent tad-deċiżjoni, jekk id-deċiżjoni tkun attestata fl-Istat Membru tal-oriġini bl-użu ta' formola standardizzata li tinsab f'anness mar-Regolament Nru 2201/2003.

Huwa neċessarju li mat-talba għar-rikonoxximent jew nonrikonoxximent ta' deċiżjoni u dikjarazzjoni ta' deċiżjoni bħala eżekutorja tinhemeż kopja tad-deċiżjoni li tikkonforma mal-kundizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tal-awtentiċità tagħha (eż. kopja dupplikata jew kopja attestata tad-deċiżjoni), u attestazzjoni skont l-Artikolu 39, maħruġa mill-awtorità rilevanti tal-Istat Membru fejn tkun inħarġet id-deċiżjoni, fuq formola standardizzata li tinsab f'anness mar-Regolament Nru 2201/2003. F'każ ta' sentenza b'kontumaċja, huwa importanti li jintbagħtu wkoll l-oriġinal jew kopja attestata tad-dokument li jikkonferma li l-parti li ma tkun ġiet għall-proċedimenti, it-talba għall-ftuġ tal-proċedimenti jew dokument simili ieħor ġew innotifikati jew kwalunkwe dokument li jindika li l-konvenut aċċetta s-sentenza b'mod inekwivoku. Jekk l-attestazzjoni jew dokument meħtieġ fil-każ ta' sentenza ta' kontumaċja ma jiġux ippreżentati, il-proċedura adottata tkun skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

Bil-konformità mal-kundizzjonijiet indikati fir-regolament imsemmi, il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni fi kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri minn Stat Membru tal-UE differenti hija l-istess bħall-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet nazzjonali. Għal aktar informazzjoni, ara l-mistoqsija preċedenti.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Miżura rimedjali (appell) kontra deċiżjoni ta' qorti tiġi ppreżentata lill-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni. Qorti superjuri tiddeċiedi dwar il-miżura rimedjali.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fi proċedimenti li jirrigwardaw kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, il-liġi applikabbli tkun iddeterminata skont il-Konvenzjoni tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri għall-Protezzjoni tat-Tfal. Kwalunkwe ftehim internazzjonali bilaterali li r-Repubblika Ċeka tkun marbuta bih fir-rigward ta' stati oħrajn jieħu preċedenza fuq il-Konvenzjoni tal-1996, sakemm ma tkunx saret dikjarazzjoni skont l-Artikolu 52(1) tal-Konvenzjoni tal-1996 (dikjarazzjoni ta' dan it-tip saret fir-rigward tal-ftehim bilaterali reċiproku bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja, li żgura l-preċedenza tal-Konvenzjoni tal-1996).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 06/03/2019

Responsabbiltà - Greċja

LISTA TAL- KONTENUT


1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija dritt u obbligu tal-ġenituri. Hija tkopri t-trobbija ta' tfal minuri, il-ġestjoni tal-proprjetà tat-tfal u r-rappreżentanza tat-tfal fi kwalunkwe kwistjoni, tranżazzjoni jew litiġju li jikkonċernaw lit-tfal jew lill-proprjetà tat-tfal. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri għalhekk tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet personali u tal-proprjetà tal-minuri.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata miż-żewġ ġenituri flimkien. Kull deċiżjoni tal-ġenituri rigward l-eżerċizzju tar-responsabbilità tal-ġenituri trid issir fl-aħjar interessi tat-tfal.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk ebda wieħed mill-ġenituri ma jkun jista' jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri, għal raġunijiet prattiċi (eż. ospitalizzazzjoni jew priġunerija) jew għal raġunijiet ġuridiċi (inkapaċità ġuridika), dak il-ġenitur jibqa' detentur sempliċi tad-dritt filwaqt li r-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata unikament mill-ġenitur l-ieħor.

Jekk l-ebda ġenitur ma jkun kapaċi jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri, it-tfal minuri jitqiegħdu taħt tutela; il-ġenituri jżommu r-responsabbiltà tal-ġenituri, bħala detenturi sempliċi tad-dritt, filwaqt li ma jkunux jistgħu jeżerċitawh.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

F'każ ta' divorzju jew separazzjoni, u sakemm iż-żewġ ġenituri jkunu ħajjin, il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi solvuta mill-qorti. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista' tingħata lil wieħed mill-ġenituri jew, jekk ikunu jaqblu t-tnejn li huma u jagħżlu simultanjament il-post tar-residenza tat-tfal, liż-żewġ ġenituri flimkien. Il-qorti tista' tiddeċiedi mod ieħor, u tista' b'mod partikolari taqsam l-eżerċizzju tar-responsabbilità tal-ġenituri bejn il-ġenituri jew tagħtiha lil persuna terza.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Meta qorti jkollha tiddetermina l-eżerċizzju tar-responsabbilità tal-ġenituri, bħal fil-każ ta' divorzju jew separazzjoni, hija tqis kull ftehim bejn il-ġenituri, imma dawn il-ftehimiet mhumiex vinkolanti għall-qorti. Ftehimiet ta' dan it-tip mhumiex suġġetti għal formalitajiet speċifiċi, sakemm il-qorti tiġi legalment mgħarrfa bihom. Normalment jiġi ppreżentat dokument imfassal mill-partijiet interessati li jistabbilixxi l-ftehim bejniethom. Dan huwa stipulat espliċitament mil-liġi għal każijiet ta' divorzju kunsenswali ta' ġenituri ta' tfal minuri, f'liema każ irid jiġi ppreżentat lill-qorti ftehim bil-miktub bejn il-ġenituri li jaqblu dwar il-kustodja ta' wliedhom u l-kuntatt magħhom.

F'kull każ ieħor, il-ġenituri jistgħu jaqblu informalment dwar l-eżerċizzju tar-responsabbilità tal-ġenituri, mingħajr ma jikkonformaw ma' ebda formalità u mingħajr ma jsegwu ebda proċedura formali, biex jaqsmu r-responsabbiltà bejniethom fil-prattika, b'aspett partikolari jkun eżerċitat minn ġenitur wieħed u aspett ieħor mill-ġenitur l-ieħor: pereżempju, ġenitur wieħed jista' jkollu l-kustodja tat-tifel u l-ieħor jamministra l-proprjetà tal-minuri u jirrappreżenta l-interessi tiegħu.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jiftiehmu dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, u t-teħid ta' deċiżjoni jkun fl-aħjar interess tat-tfal, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-qorti. Il-medjazzjoni hija mezz alternattiv ta' soluzzjoni għat-tilwim.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Meta l-ġenituri ma jaqblux dwar kwistjoni speċifika fl-eżerċizzju tar-responsabbiltà tagħhom ta' ġenituri, u jressqu l-kwistjoni quddiem il-qorti, il-qorti tkun tista' tiddeċiedi biss dwar dik il-kwistjoni. Din tista' tkun kwalunkwe kwistjoni matul l-eżerċizzju tar-responsabbilità tal-ġenituri li twassal għal nuqqas ta' qbil bejn il-ġenituri, b'kull wieħed minnhom jibqa' jinsisti fuq l-opinjoni tiegħu, u għalhekk is-soluzzjoni tagħha tkun fl-aħjar interessi tat-tfal. Tista' tkun oġġettivament serja, pereż. l-għażla tal-isem, qbil dwar operazzjoni kirurġika eċċ., jew tista' tkun xi ħaġa ta' importanza oġġettivament baxxa li, madankollu, il-ġenituri jqisuha importanti biżżejjed biex iressquha quddiem il-qorti.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Iva, fil-prinċipju, sakemm il-kwistjoni taqa' fl-ambitu tal-kustodja tat-tfal mogħtija lil ġenitur wieħed. Il-ġenituri dejjem jistgħu jagħżlu li ma jadottawx is-soluzzjoni tal-qorti li tagħti l-kustodja unika lil ġenitur wieħed: anke wara li l-qorti taqta' s-sentenza, jistgħu jaqblu li japplikaw arranġament differenti fejn il-ġenitur l-ieħor jingħata rwol fit-trobbija tat-tfal, sakemm, ovvjament, dak l-arranġament ikun fl-aħjar interessi tat-tfal.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Dan ifisser li deċiżjonijiet relatati mat-trobbija tat-tfal iridu jsiru mill-ġenituri flimkien.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-qorti kompetenti tkun dejjem il-qorti tal-ewwel istanza b'membru wieħed (μονομελές πρωτοδικείο). Ir-rikorsi jridu jiġu ppreżentati fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni għall-post, u trid tiġi nnotifikata lill-intimat; id-dokumenti li jservu ta' bażi għar-rikors iridu jiġu ppreżentati l-qorti wkoll.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-qorti tal-ewwel istanza b'membru wieħed tiddeċiedi b'konformità ma' proċedura speċjali stipulata fl-Artikoli 681(B) u (C) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Din hija msawra fuq il-proċedura għat-tilwim industrijali, sabiex jitħaffef is-smigħ tal-kawżi. Minħabba l-karattru primarjament personali tat-tilwim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, hija tapplika wkoll ċerti dispożizzjonijiet mill-proċedura dwar il-kawżi matrimonjali, u mir-regoli tal-proċeduri ta' ġuriżdizzjoni volontarja rigward l-awtorità investigattiva u l-ġbir tal-provi fuq mozzjoni tal-qorti stess. Madankollu, meta tilwim relatat mal-eżerċizzju tar-responsabbilità tal-ġenituri jkun marbut ma' kwalunkwe tilwim matrimonjali msemmi fl-Artikolu 592(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (pereż. divorzju u annullament taż-żwieġ) jew tilwim imsemmi fl-Artikolu 614(1) tal-Kodiċi (pereż. id-determinazzjoni tal-paternità), il-qorti trid tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 98‑612 u 616‑622 tal-Kodiċi. Kwistjonijiet urġenti jistgħu jiġu ttrattati permezz ta' miżuri interim (ασφαλιστικά μέτρα) u emerġenzi permezz ta' inibizzjoni temporanja (προσωρινή διαταγή).

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, skont il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-għajnuna legali.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Sentenza ġudizzjarja dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista' tiġi revokata jew emendata jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu lill-qorti biex tiddeċiedi kif għamlet. Madankollu, sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista' tiġi kkontestata minn kwalunkwe waħda mir-rimedji ġudizzjarji ordinarji (appell dwar punti ta' fatt u tad-dritt (έφεση), appell dwar punti tad-dritt biss (kassazzjoni, αναίρεση), rikors ta' kontestazzjoni (ανακοπή ερημοδικίας), rieżami (αναψηλάφηση)), b'konformità mar-rekwiżiti normali.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Sentenza relatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri hija eżekutorja skont l-Artikolu 950 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jekk timponi wkoll obbligi, jiġifieri ma ssolvix biss il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew tal-kustodja tal-minorenni, jew tal-kuntatt mal-minorenni, imma tordna wkoll il-konsenja jew ir-ritorn tat-tfal, jew tiddetermina l-arranġament għall-kuntatt jew tipprojbixxi lill-partijiet milli jagħmlu kwalunkwe azzjoni kuntrarja. B'mod partikolari, (a) sentenza li tordna l-konsenja ta' tfal teħtieġ li l-ġenitur li jkollu t-tfal jaġixxi kif deċiż mill-qorti, u f'każ ta' nuqqas ta' konformità mas-sentenza tal-qorti l-istess sentenza tista' tipprovdi l-impożizzjoni awtomatika ta' penali finanzjarji ta' sa €50 000 li trid titħallas lir-rikorrent li jkun qed jitlob il-konsenja jew ir-ritorn tat-tfal, jew detenzjoni temporanja ta' massimu ta' sena, jew it-tnejn li huma (eżekuzzjoni indiretta (έμμεση εκτέλεση)); u (b) fil-każ li d-dritt ta' kuntatt personali ta' ġenitur mat-tfal ikun imblukkat, is-sentenza dwar il-kuntatt tista' thedded lill-persuna li tkun qed timblokka dak il-kuntatt b'piena finanzjarja u detenzjoni (eżekuzzjoni komplementari (αναπληρωματική εκτέλεση)).

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Sentenzi ġudizzjarji dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maqtugħa fi Stati Membri oħrajn jiġu rikonoxxuti awtomatikament mingħajr ebda formalità mill-awtoritajiet amministrattivi Griegi. Il-qrati Griegi għandhom il-ġuriżdizzjoni li jiddeċiedu dwar il-validità ta' sentenza barranija, jew dwar talba għar-rikonoxximent ta' sentenza barranija, mingħajr ma l-ewwel jeżaminaw il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru ta' oriġini. Meta jintalab r-rikonoxximent mill-Greċja, il-qrati Griegi jistgħu jiċħdu r-rikonoxximent ta' sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jekk: (a) tkun kontra l-politika pubblika domestika, dejjem wara li jitqies x'inhu l-aħjar interess tat-tfal; jew (b) tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza li ġiet wara relatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri maqtugħa mill-qrati Griegi. Barra minn hekk, meta jkollhom ġuriżdizzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 fuq il-bażi tal-post tar-residenza tat-tfal, il-qrati Griegi, bħala l-qrati tal-Istat Membru fejn ikun qed jintalab ir-rikonoxximent, jistgħu jiddeċiedu l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal b'mod differenti, mingħajr ma l-ewwel jeżaminaw il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini u n-natura vinkolanti tas-sentenza tiegħu (pereżempju tistax tiġi appellata).

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Fil-każijiet deskritti, il-qorti kompetenti hija l-qorti tal-ewwel istanza b'membru wieħed, li tisma' l-kawża fuq il-bażi tal-proċedura rilevanti għat-tip ta' tilwima.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal huma rregolati mil-liġijiet li ġejjin, f'ordni ta' preċedenza: (1) il-liġi tal-aħħar nazzjonalità komuni tagħhom; (2) il-liġi tal-aħħar residenza abitwali komuni; (3) il-liġi tan-nazzjonalità tat-tifel.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 28/10/2016

Responsabbiltà - Spanja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

LISTA TAL- KONTENUT


1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Fil-liġi Spanjola, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tissejjaħ "patria potestad" (awtorità tal-ġenituri). Hija tinkludi d-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni fiżiċi, normalment il-ġenituri, jew persuni ġuridiċi li jkunu fdati bil-protezzjoni tal-persuna u l-proprjetà tal-minuri bil-liġi jew b'deċiżjoni tal-qorti.

L-awtorità tal-ġenituri trid dejjem tiġi eżerċitata għall-benefiċċju tat-tfal, skont il-personalità tagħhom u b'rispett għall-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom. Hija tinkludi d-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:

1. Li tieħu ħsiebhom, toqgħod magħhom, titmagħhom, tedukahom u tiżgura li jkollhom edukazzjoni integrali.

2. Li tirrappreżentahom u tamministra l-beni tagħhom.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Huma l-ġenituri li għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri.

F'każ li l-ġenituri jisseparaw, jiddivorzjaw, iħassru jew ma jkunux jgħixu flimkien, id-drittijiet u d-dmirijiet dwar il-minuri, il-persuna u l-beni tagħhom huma taż-żewġ ġenituri, ħlief għal xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

Jekk il-ġenituri jgħixu separati, l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenitur li t-tifel jgħix miegħu. Madankollu, il-Qorti tista', wara talba motivata mill-ġenitur l-ieħor, fl-interess tat-tifel, tattribbwixxi lil dak il-ġenitur l-awtorità tal-ġenituri li jeżerċita konġuntament mal-ġenitur l-ieħor jew tqassam bejn il-missier u l-omm, il-funzjonijiet inerenti fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Fil-liġi Spanjola, jistgħu jiġu nominati qraba, persuni jew istituzzjonijiet oħrajn, dejjem taħt sorveljanza ġudizzjarja, biex jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri, f'każ li l-ġenituri jonqsu milli jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta' protezzjoni stipulati mil-liġi dwar it-trobbija tal-minuri jew ma jaqduhomx b'mod sodisfaċenti.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista' tiġi ddeterminata:

  • B'talba taż-żewġ ġenituri fi Ftehim Regolatur (convenio regulado), li jrid ikun approvat mill-Qorti.
  • B'deċiżjoni ġudizzjarja fi proċedimenti kontenzjużi.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri bħala istituzzjoni protettriċi tal-minuri hija r-responsabbiltà taż-żewġ ġenituri.

L-arranġamenti għall-kura u l-kustodja tal-minuri jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

  • L-għoti lil wieħed mill-ġenituri biss; dan l-arranġament huwa l-aktar wieħed frekwenti, kemm fis-separazzjonijiet u d-divorzji bonarji u fi proċedimenti kontenzjużi. Normalment il-ġenitur li ma jkollux il-kustodja jkollu arranġamenti biex iżur it-tfal.
  • Għoti konġunt, fejn jiġu alternati l-perjodi li matulhom il-minuri jkunu mal-ġenitur l-ieħor.
  • Fuq bażi eċċezzjonali, meta ċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu hekk u fl-interess tal-minuri, tista' tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti l-kura u l-kustodja lil persuna oħra, jew bi proposta tal-ġenituri stess, jew b'deċiżjoni diretta tal-Qorti.

F'każijiet fejn tkun l-Amministrazzjoni li tkun responsabbli għat-tutela tal-minuri, dik is-sitwazzjoni tibqa', u l-kustodja ma tingħata lil ebda ġenitur.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ġenituri li jiftiehmu dwar il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri jridu jippreżentaw Ftehim Regolatur iffirmat bil-punti kollha ta' qbil, li jkun fih espressament, flimkien ma' miżuri oħrajn:

  • il-kura u l-kustodja tal-minuri;
  • l-arranġamenti għaż-żjarat mal-ġenituri;
  • l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri;
  • l-użu tad-dar matrimonjali;
  • il-manteniment għall-minuri.

Il-Ftehim ta’ Regolamentazzjoni huwa ppreżentat flimkien mal-applikazzjoni lill-Qorti tal-Ewwel Istanza xierqa. Dan irid jiġi rratifikat mill-ġenituri fil-qorti. Wara li jisma’ lill-minuri - jekk ikollhom biżżejjed età - u lill-prosekutur pubbliku, l-imħallef jivvaluta l-ftehimiet.

Il-ftehimiet ta' bejn il-miżżewġin, adottati biex jirregolaw il-konsegwenzi ta' annullament, separazzjoni jew divorzju jkunu approvati mill-imħallef, sakemm ma jkunux ta' dannu għall-ulied. Jekk il-partijiet jipproponu arranġamenti ta' żjarat u komunikazzjoni bejn in-neputijiet u nannithom, l-imħallef jista' japprovahom wara li jisma' lin-nanniet li jagħtu l-kunsens tagħhom.

Jekk il-ftehimiet jiġu rrifjutati, dan irid isir permezz ta’ deċiżjoni akkumpanjata mir-raġunijiet. F’dan il-każ, il-konjuġi jridu jippreżentaw proposta ġdida għall-approvazzjoni tal-imħallef, jekk applikabbli.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

L-aqwa mezz alternattiv għal deċiżjoni ġudizzjarja, biex il-partijiet jaslu għal ftehim, hija l-Medjazzjoni Familjari.

Biex ikollhom setgħa eżekuttiva, il-Ftehimiet adottati dejjem iridu jkunu approvati minn deċiżjoni ġudizzjarja.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Fid-deċiżjoni ġudizzjarja l-Imħallef irid dejjem jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet li ġejjin fl-interess tal-ulied minuri, u jara li jevita milli jifred l-aħwa, u wara li jismagħhom jekk ikollhom il-kapaċitajiet fakultattivi:

  • il-miżuri ġudizzjarji dwar il-kustodja u l-kura, u li jingħata lil ġenitur wieħed jew lill-ieħor jew lit-tnejn li huma, u l-edukazzjoni;
  • l-arranġamenti għaż-żjarat, fejn ikunu indikati l-ħin, il-metodu u l-post fejn il-ġenituri jistgħu jikkomunikaw ma' wliedhom u joqogħdu magħhom;
  • b'mod eċċezzjonali dan id-dritt għaż-żjarat jista' jkun limitat jew sospiż jekk ikun hemm ċirkostanzi serji jew jekk wieħed mill-ġenituri jonqos b'mod gravi u ripetutament mid-dmirijiet tiegħu;
  • L-għoti tal-awtorità tal-ġenituri, u jekk ikun hemm bżonn u jkun jaqbel għall-ulied, l-eżerċizzju totali jew parzjali ta' dik l-awtorità minn wieħed mill-ġenituri, inkluża d-deprivazzjoni ta' dik l-awtorità jekk ikun hemm raġuni valida;
  • il-manteniment li jrid jitħallas minn kull ġenitur biex ikunu ssodisfati l-bżonnijiet tal-ulied, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi, u l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji biex tiġi żgurata l-effettività tal-manteniment;
  • l-allokazzjoni tal-użu tad-dar matrimonjali u tal-oġġetti li jintużaw komunement, fil-każijiet fejn ma jkunx hemm qbil bejn il-ġenituri, bi preferenza favur il-konjuġi li jkollu l-kustodja tal-ulied minuri.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

L-awtorità tal-ġenituri, bħala regola ġenerali, tappartjenti għaż-żewġ ġenituri. Għalhekk, is-setgħa li jiddeċiedu u jsolvu kull kwistjoni li tolqot lil minuri hija taż-żewġ ġenituri, anki jekk wieħed minnhom biss ikollu l-kustodja.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-ġenituri dwar x'deċiżjonijiet jistgħu jew jinħtieġ li jieħdu għall-wild minuri, pereżempju dwar l-iskola jew l-edukazzjoni, xi skola ħa jibagħtuh jew x'attivitajiet ekstrakurrikulari se jagħmel, dwar il-kura tas-saħħa u l-għażla ta' tabib, dwar kwistjonijiet personali, bħall-għażla tal-isem jew x'reliġjon se jħaddan, jew dwar l-għażla tal-lokalità jew pajjiż fejn se jgħix il-minuri, eċċ. u meta jidher li ma jkunx possibbli li l-ġenituri jaslu għal ftehim bejniethom, kwalunkwe wieħed mill-ġenituri jista' jirrikorri l-Qorti biex taqta' l-kwistjoni hi.

L-imħallef, wara li jisma' liż-żewġ ġenituri u lill-wild (jekk ikollu biżżejjed kapaċitajiet fakultattivi), mingħajr il-possibilità ta' appell, jagħti s-setgħa tad-deċiżjoni lill-missier jew lill-omm. Jekk jerġa' jkun hemm nuqqasijiet ta' qbil jew tinqala' xi raġuni oħra li timpedixxi serjament l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, l-imħallef jista' jassenja s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet kompletament jew parzjalment lil wieħed mill-ġenituri, jew jista' jqassam dawk il-funzjonijiet bejniethom. Dawn il-miżuri kollha jistgħu jiġu adottati għal perjodu massimu ta' sentejn.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

F'każijiet fejn il-kustodja ta' minuri tingħata b'mod konġunt liż-żewġ ġenituri, fil-prattika l-kura ta' kuljum talterna bejn iż-żewġ ġenituri għal perjodi predeterminati li normalment jikkoinċidu ma' perjodi skolastiċi speċifiċi bħal trimestri jew snin skolastiċi.

Il-perjodi kollha tal-btajjel jinqasmu bejn iż-żewġ ġenituri.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Fil-proċedimenti matrimonjali tas-separazzjoni jew tad-divorzju bonarji, il-qorti kompetenti hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-aħħar domiċilju komuni taż-żwieġ, jew dak ta' xi wieħed mir-rikorrenti.

Fil-proċessi matrimonjali kontenzjużi, il-qorti kompetenti hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-post tad-domiċilju matrimonjali, u f'każ li l-miżżewġin ikunu jirrisjedu f'distretti ġudizzjarji differenti, ir-rikorrent jista' jagħżel bejn l-aħħar domiċilju taż-żwieġ u r-residenza tal-intimat.

Fi proċedimenti li jikkonċernaw biss il-kura, il-kustodja u l-manteniment ta’ tfal minuri, li fihom il-ġenituri ma jkunux miżżewġin ma xulxin, il-Qorti tal-Ewwel Istanza li għandha l-ġurisdizzjoni hi dik fil-post tal-aħħar residenza kondiviża tal-ġenituri. Jekk ikunu jgħixu f’distretti ġudizzjarji differenti, il-kwerelant jista’ jagħżel bejn il-qorti fiż-żona ta’ residenza tal-konvenut jew dik fiż-żona ta’ residenza tal-minuri.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-proċedimenti applikabbli f'dawn il-każijiet huma dawn li ġejjin:

F'każijiet fejn ikun hemm ftehim bejn il-partijiet fil-proċediment dwar ftehim reċiproku previst fl-Artikolu 777 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, għas-separazzjoni, id-divorzju, u l-adozzjoni ta' miżuri definittivi dwar il-kura u l-kustodja u l-manteniment ta' tfal minuri, meta ma jkunx hemm żwieġ.

Meta ma jkunx hemm ftehim bejn il-partijiet fil-proċediment kontenzjuż, previst fl-Artikoli 770 u 774 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili applikabbli wkoll għall-proċessi familjari u tal-minuri, meta ma jkunx hemm żwieġ bejn il-ġenituri.

F'każijiet urġenti tista' tintalab l-adozzjoni ta' miżuri għall-proċedimenti li ġejjin:

Miżuri proviżorji qabel il-preżentata tat-talba għal annullament, separazzjoni, divorzju jew fil-proċessi li jikkonċernaw il-kura u l-kustodja tat-tfal minuri u l-manteniment. Dan huwa rregolat mill-Artikoli 771 u 772 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

Huwa previst espressament li jekk ikun hemm raġunijiet ta' urġenza jistgħu jiġu adottati miżuri fl-ewwel deċiżjoni li tittieħed, b'effett immedjat.

Miżuri proviżorji li jkunu ġejjin mill-ammissjoni tat-talba għall-proċediment matrimonjali jew tal-minuri, bħal fil-każijiet preċedenti. Dan huwa previst fl-Artikolu 773 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Jistgħu jinkisbu benefiċċji tal-għajnuna legali totali jew parzjali, sakemm ikun hemm provi li r-rekwiżiti għad-dritt għall-għajnuna legali jkunu ssodisfati, b'konfomità mal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali b'Xejn. (Ara "L-Għajnuna Legali - Spanja").

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Biex tkun taf x'deċiżjonijiet jistgħu jiġu appellati trid issir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet kollha possibbli, f'dan il-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, pereżempju:

  • Id-deċiżjonijiet kollha tal-proċedimenti kontenzjużi jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti Provinċjali.
  • Id-deċiżjonijiet tal-proċedimenti ta' ftehim reċiproku jistgħu jiġu appellati biss, u quddiem il-Qorti Provinċjali, meta jkun hemm qbil dwar miżura li ma tkunx taqbel mal-Ftehim Regolatur.

Il-liġi ma tipprevedi l-ebda appell kontra deċiżjonijiet dwar Miżuri Proviżorji Kawtelatorji, jew Miżuri Proviżorji, jew deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

F'każijiet fejn deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma jiġux volontarjament osservati, tista' tiġi ppreżentata talba eżekuttiva quddiem l-istess Qorti tal-Ewwel Istanza li tkun ħadet id-deċiżjonijiet, fejn tintalab l-eżekuzzjoni bil-forza tal-miżura jew miżuri li ma ġewx osservati.

Iridu jiġu identifikati s-sentenza jew id-deċiżjoni li qed tiġi pretiża l-osservanza tagħha u l-persuna li l-eżekuzzjoni qed tiġi pretiża kontriha.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru dwar l-eżerċizzju tar-responsabilità tal-ġenituri fi proċedimenti matrimonjali li jikkonċernaw wild komuni, li kienu eżekuttivi f'dak l-Istat Membru u li kienu nnotifikati, ikunu rikonoxxuti fi Spanja fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata mingħajr il-bżonn ta' proċediment, b'konformità għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri.

Sabiex jintalab l-infurzar, talba għall-infurzar trid tiġi ppreżentata lill-qorti tal-post fejn ikun jinsab il-minuri u fejn ikun intalab l-infurzar. Kopja tad-deċiżjoni li l-infurzar tagħha jkun qed jiġi mfittex trid tiġi mehmuża mat-talba u trid tissodisfa r-rekwiżiti kollha biex tiġi ddeterminata l-awtentiċità tagħha, f’konformità mal-forma standardizzata stabbilita fl-Anness V. Avukat u rappreżentant legali huma neċessarji.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Fi Spanja, biex topponi r-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri adottata minn Stat Membru ieħor, il-parti interessata trid tirrikorri għall-Qorti tal-Ewwel Istanza fejn ikun pretiż ir-rikonoxximent u tallega li teżisti waħda mir-raġunijiet kontra r‑rikonoxximent previsti fir-Regolament 2201/2003.

Ir-raġunijiet li jistgħu jiġu allegati huma:

  • li d-deċiżjoni hija b’mod ċar kontra l-ordni pubbliku, meta jitqies l-aħjar interessati tal-wild;
  • li l-wild ma ngħatax opportunità biex jinstema’ (raġunijiet mhux ammissibbli f’każijiet ta’ urġenza);
  • jekk id-deċiżjoni tkun inħarġet in absentia, li d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti ma jkunx ġie ppreżentat jew notifikat, sakemm ma jkunx ippruvat li d-deċiżjoni tkun ġiet aċċettata.
  • jekk il-parti li topponi r-rikonoxximent u li tallega li d-deċiżjoni timpedixxi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà parentali ma kellhiex l-opportunità li tinstema’.
  • jew jekk tkun inkompatibbli ma’ deċiżjoni oħra maħruġa wara.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi applikabbli hija dik tal-post tar-residenza normali tal-minuri, skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-protezzjoni tat-tfal.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 05/04/2019

Responsabbiltà - Rumanija

LISTA TAL- KONTENUT


1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Il-Kodiċi Ċivili Rumen (Codul Civil) juża l-kunċett tal-awtorità tal-ġenituri. L-awtorità tal-ġenituri tfisser id-drittijiet u d-dmirijiet kollha li jikkonċernaw kemm it-tfal u/jew l-assi tiegħu. Id-drittijiet u l-obbligi huma taż-żewġ ġenituri ndaqs u huma eżerċitati fl-aħjar interessi tat-tfal. L-awtorità tal-ġenituri jiġu eżerċitati sakemm it-tfal jilħqu l-età maġġuri.

Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri (previsti fl-Artikoli 487-499 tal-Kodiċi Ċivili u l-Liġi Nru 272/2004 (Legea nr. 272/2004) dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal) rigward it-tfal jinkludu:

  • id-dritt u l-obbligu li jistabbilixxu u jippreservaw l-identità tat-tfal. It-tfal għandhom jiġu rreġistrati minnufih wara t-twelid u għandu jkollhom id-dritt għal isem u għaċ-ċittadinanza. Il-ġenituri għandhom jagħżlu l-ewwel u l-aħħar isem tat-tfal.
  • Id-dritt u l-obbligu tat-trobbija tat-tfal. Il-ġenituri għandhom id-dritt u l-obbligu li jrabbu lit-tfal, li jieħdu ħsieb is-saħħa u l-iżvilupp fiżiku, psikoloġiku u intellettwali tat-tfal, l-edukazzjoni tagħhom, l-istudji u t-taħriġ professjonali, skont it-twemmin, il-karatteristiċi u l-bżonnijiet tat-tfal.
  • Id-dritt u l-obbligu li jissorveljaw lit-tfal.
  • Id-dritt u l-obbligu tal-manteniment tat-tfal. Il-ġenituri għandhom obbligazzjoni in solidum biex jipprovdu l-manteniment lit-tfal minuri tagħhom. Il-ġenituri jridu jipprovdu għat-tfal tagħhom sal-jum ta' gradwazzjoni tagħhom jekk komplew l-istudji tagħhom iżda mhux aktar minn 26 sena.
  • Id-dritt li jieħdu ċerti miżuri dixxiplinarji fil-konfront tat-tfal tagħhom. Ċerti miżuri huma projbiti, bħal xi kastig fiżiku li jikkawża ħsara fl-istat fiżiku, mentali jew emozzjonali tat-tfal.
  • Id-dritt li jitolbu għar-ritorn tat-tfal mingħand persuni li ma għandhomx dritt iżommuhom.
  • Id-dritt tal-ġenituri li jergġħu jingħaqdu mat-tfal tagħhom. Dan id-dritt huwa marbut mad-dritt tat-tfal li ma jiġux separati mill-ġenituri tagħhom ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali u temporanji (pereżempju miżuri ta' kustodja alternattiva).
  • Id-dritt tal-ġenituri li jkollhom rabtiet personali mat-tfal tagħhom. Il-mezzi li bihom ikollhom rabtiet personali mat-tfal huma, pereż.: iżuru lit-tfal fid-dar tagħhom, iżuruhom waqt li jkunu l-iskola, it-tfal iqattgħu il-vaganzi ma' kull wieħed mill-ġenituri.
  • Id-dritt li jiddeċiedu fejn se jgħixu t-tfal. Il-minuri għandu jgħix mal-ġenituri tiegħu. Jekk il-ġenituri ma jgħixux flimkien, huma jiddeċiedu fejn se tkun dar il-minuri bi ftehim reċiproku. F'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-ġenituri, tiddeċiedi l-Qorti tat-Tutela (Instanţa de tutelă).
  • id-dritt li jagħtu l-kunsens għall-għerusija u ż-żwieġ tat-tfal f'każ ta' minuri li għalqu 16-il sena; id-dritt li jagħtu l-kunsens għall-adozzjoni tat-tfal.
  • Id-dritt li jappellaw kontra l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet rigward it-tfal u biex jagħmlu talbiet u jieħdu miżuri f'isimhom propju u f'isem it-tfal tagħhom

Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri (previsti fl-Artikolu 500-502 tal-Kodiċi Ċivili) rigward l-assi tat-tfal jinkludu:

  • il-ġestjoni tal-assi tat-tfal. Il-ġenitur ma għandux dritt fuq l-assi tat-tfal, u l-anqas għandhom it-tfal fuq l-assi tal-ġenituri, minbarra d-dritt ta' suċċessjoni u tal-manteniment. Il-ġenituri għandhom id-dritt u l-obbligu li jiġġestixxu l-assi tat-tfal minuri tagħhom u biex jirrapreżentawhom fid-dokumenti ċivili legali jew biex jagħtu l-kunsens tagħhom għal dawn id-dokumenti. Wara l-età ta' 14-il sena, il-minuri jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jeżegwuhom waħedhom, madankollu, bil-kunsens tal-ġenituri u tal-Qorti tat-Tutela, fejn xieraq.
  • Id-dritt u l-obbligu li jirrapreżentaw lill-minuri fuq dokumenti ċivili jew biex jagħtu l-kunsens tagħhom għal dawn id-dokumenti. Sakemm jagħlqu 14-il sena, it-tfal jiġu rappreżentati mill-ġenituri fuq id-dokumenti ċivili għaliex ma jkollhomx kapaċità ġuridika. Mill-età ta' 14-il sena sa 18-il sena, il-minuri jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jeżegwuhom waħedhom, madankollu għandhom bżonn il-kunsens tal-ġenituri bil-quddiem minħabba kapaċità ġuridika limitata.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri huma ndaqs (l-Artikolu 503(1) tal-Kodiċi Ċivili): jekk il-ġenituri huma miżżewwġin; wara d-divorzju (l-Artikolu 397 tal-Kodiċi Ċivili); ta' ġenitur waħdu li fil-konfront tiegħu ġiet stabbilita l-filjazzjoni jekk it-tfal twieldu barra ż-żwieġ, u taż-żewġ ġenituri flimkien jekk il-ġenituri qiegħdin fi sħubija (l-Artikolu 505(1) tal-Kodiċi Ċivili).

L-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata f'ishma mhux indaqs mill-ġenituri (separati): f'każ ta' ħall taż-żwieġ permezz ta' divorzju jekk il-Qorti tqis illi huwa fl-interess tat-tfal illi l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata minn ġenitur wieħed biss (l-Artikolu 398 tal-Kodiċi Ċivili). fil-każ ta' ħall taż-żwieġ (l-Artikolu 305(2) tal-Kodiċi Ċivili); jekk it-tfal twieldu barra ż-żwieġ fejn il-ġenituri ma jgħixux fi sħubija domestika (l-Artikolu 505(2) tal-Kodiċi Ċivili).

L-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata minn ġenitur wieħed skont l-Artikolu 507 tal-Kodiċi Ċivili meta l-ġenitur l-ieħor ikun mejjet, jew ikun ġie mċaħħad mid-drittijiet parentali tiegħu, jew ġie interdett eċċ.

L-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenituri parzjalment meta d-drittijiet u d-dmirijiet qiegħdin għand terza parti jew f'idejn istitut tat-tfal (l-Artikolu 399 tal-Kodiċi Ċivili).

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Il-ġenituri ta' minuri li għalaq 14-il sena għandhom drittijiet u obbligi biss fuq il-persuna tal-minuri. Id-drittijiet u l-obbligi fuq l-assi tat-tfal huma tat-tutur tat-tfal jew ta' persuna oħra.

It-tutela tal-minuri għandha tiġi stabbilita meta jmutu ż-żewġ ġenituri, meta l-ġenituri mhumiex magħrufa, ġew imċaħħda mill-eżerċizzji tad-drittijiet tal-ġenituri jew instabu ħatja ta' reat kriminali sabiex jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, jitqiegħdu taħt interdizzjoni, huma assenti jew ġew iddikjarati mejta, u l-Qorti tiddeċiedi li mat-terminazzjoni tal-adozzjoni ikun fl-interess tal-minuri li jinħatar tutur.

It-tutela tiġi stabbilita jekk it-tfal ma għandhomx ġenituri biex jieħdu ħsiebhom, wara li jkunu ġew imċaħħda mill-eżerċizzju tad-drittjiet tagħhom.

B'mod eċċezzjonali, il-Qorti tat-Tutela tista' tiddeċiedi li tqiegħed lit-tfal ma' qraba jew ma' familja jew persuna oħra, bil-kunsens tagħhom, jew f'istitut tat-tfal.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Fil-prinċipju, l-awtorità tal-ġenituri hija taż-żewġ ġenituri flimkien wara d-divorzju, jew ma' wieħed minnhom biss jekk hemm raġunijiet fondati, fl-aħjar interessi tat-tfal. Il-ġenitur iżomm id-dritt li jħares kif qiegħdin jiġu mrobbija u edukati t-tfal, u d-dritt li jagħti l-kunsens tiegħu għall-adozzjoni.

B'mod eċċezzjonali, il-Qorti tat-Tutela tista' tiddeċiedi li tqiegħed lit-tfal ma' qraba jew ma' familja jew persuna oħra, bil-kunsens tagħhom, jew f'istitut tat-tfal. Dawn il-persuni u entitajiet jeżerċitaw id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri fir-rigward tat-tfal (l-Artikolu 399 tal-Kodiċi Ċivili).

Meta t-tfal jitwieldu barra ż-żwieġ u jipi rikonoxxuti miż-żewġ ġenituri, l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata in solidum minnhom jekk jgħixu fi sħubija domestika. Jekk il-ġenituri tat-tfal li twieldu barra ż-żwieġ ma jgħixux fi sħubija domestika, l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata minn wieħed minnhom biss.

Id-divorzju kunsenswali tal-konjuġi jista' jsir minn nutar pubbliku anke jekk kien hemm tfal minuri li twieldu fiż-żwieġ, barra ż-żwieġ jew adottati, jekk il-konjuġi jaqblu fuq l-aspetti kollha dwar l-użu tal-kunjom wara d-divorzju, l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri miż-żewġ ġenituri, id-deċiżjoni dwar fejn se jgħixu t-tfal wara d-divorzju, kif se jiġi preservati r-rabtiet personali bejn il-ġenituri separati u t-tfal, kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-ispejjeż tat-trobbija tat-tfal, l-edukazzjoni, l-istudji u t-taħriġ professjonali tagħhom. Jekk ir-rapport tal-inkjesta soċjali juri illi l-ftehim tal-konjuġi dwar l-eżerċizzju konġunt tal-awtorità tal-ġenituri jew dwar fejn se jgħixu t-tfal mhux fl-interessi tat-tfal, in-nutar pubbliku jiċħad l-applikazzjoni għad-divorzju u jiggwida lill-konjuġi biex imorru l-qorti.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ġenituri jistgħu jifthemu dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri jew rigward il-miżuri li ttieħdu sabiex jiġu mħarsin it-tfal bil-kunsens tal-Qorti tat-Tutela, jekk ikun fl-aħjar interess tat-tfal (l-Artikolu 506 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-partijiet jistgħu jidhru f'kull ħin matul l-għoti tas-sentenza, anke mingħajr ma jkunu ġew imsejjħa, sabiex jitolbu sentenza li tirregola legalment il-ftehim tagħhom, billi jingħataw sentenza li tagħti l-approvazzjoni. Din is-sentenza hija finali u tiġi eżegwita.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Il-medjazzjoni mhix obbligatorja qabel ma l-partijiet imorru l-Qorti. Matul ir-riżoluzzjoni tal-proċess, l-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati jinfurmaw lill-partijiet dwar il-possibiltajiet u l-vantaġġi tal-użu tal-medjazzjoni. Jekk il-medjazzjoni ma tirriżultax fi ftehim, il-kwistjonijiet konċernati jiġu riżolti l-Qorti.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Jekk il-Qorti tiddeċiedi illi l-awtorità tal-ġenituri għandha tiġi eżerċitata minn ġenitur minnhom biss, dak il-ġenitur jiddeċiedi waħdu dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta mat-tfal. Il-ġenitur iżomm id-dritt li jħares kif qiegħdin jiġu mrobbija u edukati t-tfal, u d-dritt li jagħti l-kunsens tiegħu għall-adozzjoni.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-ġenituri jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri in solidum. Fir-rigward ta' partijiet terzi in bona fide, jekk xi ħadd mill-ġenituri iwettaq att legali ordinarju waħdu fl-eżerċizzju tad-drittijiet parentali u twettiq tad-dmirijiet tal-ġenituri, huwa preżunt illi għandu l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikorsi għall-protezzjoni tal-individwi fil-kompetenza tal-Qorti tat-Tutela u tal-Familja (il-Qorti Distrettwali jew, fejn xieraq, it-Tribunal speċjalizzat fi kwistjonijiet tal-minuri u tal-familji) jiġu riżolti mill-Qorti b'ġurisdizzjoni territorjali tal-post fejn hija domiċiljata jew għandha r-residenza tagħha l-persuna protetta (l-Artikolu 94 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) (Codul de Procedură Civilă)).

Il-qorti tal-post fejn huwa domiċiljat ir-rikorrent għandha kompetenza għat-talbiet dwar ir-rikonoxximent tal-filjazzjoni, filwaqt li l-Qorti li għandha ġuriżdizzjoni fil-post fejn huwa residenti r-rikorrent/kreditur għandha kompetenza għat-talbiet dwar l-obbligi ta' manteniment (inkluż il-benefiċċji tat-tfal mill-Istat).

Id-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mar-rikors għaċ-ċitazzjoni huma l-kopja taċ-ċertifikat tat-twelid tal-minuri, il-kopja tal-karta tal-identità, il-kopja tas-sentenza ta' divorzju, il-ftehim ta' medjazzjoni (jekk ikun sar) u dokumenti oħra li jitqiesu utli sabiex jinqata' l-każ. It-talba hija eżenti mit-taxxa tal-boll.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-Qorti tista' tieħu miżuri provviżorji permezz ta' ordni mill-president tagħha matul il-proċess kollhu tad-divorzju (proċedura speċjali b'termini aktar qosra għar-riżoluzzjoni), dwar fejn se jgħixu t-tfal, l-obbligu tal-manteniment, dwar min se jiġbor il-benefiċċju għat-tfal (l-Artikolu 919 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali tista' tinkiseb taħt l-Ordni ta' Emerġenza Nru 51/2008 (Ordonanța de Urgență nr. 51/2008) dwar l-għajnuna legali pubblikua fi kwistjonijiet ċivili, approvat bl-emendi mil-Liġi Nru 193/2008 (Legea nr. 193/2008), kif sussegwentement emendat.

L-għajnuna legali tista' tingħata separatament jew f'daqqa fil-forma ta' assistenza minn avukat; bil-ħlas għal espert, traduttur jew interpretu; bil-ħlas tat-tariffa tal-bailiff; għall-eżenzjonijiet, riduzzjonijiet, skedar mill-ġdid jew dewmien fil-ħlas tat-tariffi tal-Qorti.

Il-persuni li jibbenefikaw bis-sħiħ mill-għajnuna legali huma dawk li għandhom introjtu nett fix-xahar għal kull membru tal-familja inqas minn RON 300 fl-aħħar xahrejn qabel it-talba. Jekk l-introjtu huwa inqas minn RON 300, l-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż b'50%. Madankollu, il-kundizzjonijiet stabbiliti ma jwaqqfux lill-applikanti b'riżorsi li jaqbżu l-kwota milli jibbenefikaw mill-għajnuna legali jekk jistgħu juru illi ma jistgħux iħallsu l-ispejjeż legali minħabba d-differenza fl-istandards ta' għajxien tal-istat ta' domiċilju jew tar-residenza abitwali u tal-istat fejn qiegħda l-qorti.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Is-sentenza f'każijiet relatati mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenuturi (kwistjonijiet anċillari għad-divorzju jew permezz ta' rotta diretta) hija suġġetta għal appell biss, fi żmien 30 jum mis-sentenza, jew għal stħarriġ ġudizzjarju biss, f'każ ta' sentenza għall-approvazzjoni li tikkonferma l-ftehim tal-Partijiet.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Jekk id-debitur ma jwettaqx dmiru volontarjament, il-kreditur irid jinnotifika lill-bailiff. Il-bailiff jitlob lill-qorti ta' eżekuzzjoni għall-approvazzjoni tagħha għall-eżekuzzjoni. Dan isir matul seduta bil-magħluq mingħajr ma jiġu msejjħa l-Partijiet.

Jekk it-talba għall-eżekuzzjoni tiġi awtorizzata, il-bailiff joħroġ mandat u jibgħat għall-ġenitur jew għal persuna li magħha qiegħdin it-tfal, biex jinnotifikaha bid-data li fiha għandha tidher mal-minuri sabiex il-minuri jmur mal-kreditur, jew biex tiġi ordnata tħalli lill-ġenitur l-ieħor jeżerċità d-dritt tiegħu għal relazzjonijiet personali mal-minuri.

Jekk id-debitur ma jwettaqx dmiru, il-bailiff jipproċedi b'eżekuzzjoni obbligatorja fil-preżenza ta' rappreżentant mid-Direttorat Ġenerali tal-Assistenza Soċjali u Protezzjoni tat-Tfal u, jekk ikun meħtieġ, fil-preżenza ta' psikologu u uffiċċjali tal-pulizija. Ħadd ma jista' jwettaq att ta' bullying fuq il-minuri jew jagħmillu pressjoni żejda biex iwettaq l-eżekuzzjoni.

Jekk id-debitur ma jwettaqx dmiru, il-piena deċiża mill-Qorti tibqa' fis-seħħ sakemm issir l-eżekuzzjoni, u l-bailiff jinnotifika lill-prosekutur biex jibda l-prosekuzzjoni.

Jekk il-minuri jirrifjuta, l-eżekutur jikkomunika r-rapport uffiċjali lir-rappreżentant mid-Direttorat Ġenerali tal-Assistenza Soċjali u Protezzjoni tat-Tfal, u l-qorti kompetenti tordna lill-minuri biex jattendi għal programm ta' terapija, li jintemm bir-rapport tal-psikologu. Jekk il-minuri jirrifjuta dan wara li jerġa jibda l-eżekuzzjoni obbligatorja, il-kreditur jista' jmur il-qorti biex jitlob li tingħata piena.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri, japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003. It-talba trid tiġi indirizzata lit-Tribunal fid-domiċilju tal-intimat jew tar-residenza tiegħu fir-Rumanija. Jista' jsir appell mir-rikonoxximent quddiem il-Qorti tal-Appell b'ġuriżdizzjoni territorjali (Curtea de Apel), jew permezz ta' oppożizzjoni b'talba għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja (Înalta Curte de Casație și Justiție).

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Sabiex jopponi r-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri, il-persuna interessata tista' tmur quddiem it-Tribunal tad-domiċilju tal-intimat jew tar-residenza tiegħu fir-Rumanija.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

L-Artikolu 2611 tal-Kodiċi Ċivili jgħid illi l-liġi applikabbli dwar l-awtorità tal-ġenituri u l-protezzjoni tat-tfal tiġi determinata skont il-Konvenzjoni dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-rigward tal-awtorità tal-ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, adottata fl-Aja fid-19 ta' Ottubru 1996, u rratifikata mil-Liġi Nru, 361/2007.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 31/10/2016

Responsabbiltà - Slovakkja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

LISTA TAL- KONTENUT


1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Skont l-Att dwar il-Familja tas-Slovenja (l-Att Nru 36/2005 dwar il-familja u t-tibdil u l-emendi f'ċerti atti) u l-ġurisprudenza, ir-responsabbiltà tal-ġenituri (jiġifieri d-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri- il-kustodja) tinkludi, b'mod partikolari, il-kura tat-tfal, il-manteniment, ir-rappreżentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-propjetà tat-tfal.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Iż-żewġ ġenituri flimkien jaqsmu d-drittijiet u l-obbligi ta' ġenituri lejn it-tfal, irrispettivament mill-fatt li t-tfal twieldu fi jew barra ż-żwieġ, jew jekk il-ġenituri jgħixux flimkien jew le (huma miżżewwġin, separati jew divorzjati).

Ġenitur jista' jiġi mċaħħad mid-drittijiet u l-obbligi tiegħu (jew jiġu ristretti) mill-qorti f'ċirkostanzi serji, kif previsti fl-Artikolu 38(4) tal-Att dwar il-Familja.

Il-qorti tista' tirrikonoxxi d-drittijiet u l-obblig tal-ġenitur minuri wara li jagħlaq 16-il sena għall-kura personali tat-tfal minuri tiegħu, suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 29 tal-Att dwar il-Familja.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Iva. Jekk iż-żewġ ġenituri ta' tfal minuri ma jkollhomx kapaċità ġuridika, ġew miċħuda mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom, jew huma mejta, il-qorti trid taħtar tutur sabiex irabbi lit-tfal, jirrapreżentahom u jamministra l-propjetà tagħhom.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Il-qorti trid tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri (anke meta' ż-żewġ ġenituri jkomplu jeżerċitawhom flimkien) jew tista' tapprova ftehim li jkun sar bejniethom.

Skont l-Artikolu 36(1) tal-Att dwar il-Familja "il-ġenituri ta' tfal minuri li jgħixu separatament jistgħu jaqblu dwar arranġament għall-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom f'kull ħin. Jekk il-ġenituri ma jilħqux ftehim, il-qorti tista' tiddeċiedi kif għandhom jeżerċitaw dawn id-drittijiet u obbligi, anke jekk ma jkunx sar rikors għal dan il-għan; b'mod partikolari il-qorti trid tiddeċiedi liem ġenitur se jingħata l-kustodja (osobná starostlivosť – kura personali) tat-tfal minuri. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 24,25u 26 japplikaw mutatis mutandis.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Ftehim bejn il-ġenituri dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom jrid jiġi approvat mill-qorti.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Riżoluzzjoni barra l-qorti tat-tilwim hija possibbli permezz tal-medjazzjoni skont l-Att Nru 420/2004 dwar il-medjazzjoni. Dan l-Att japplika wkoll għal tilwim ġej minn relazzjonijiet regolati mil-liġi tal-familja. Il-medjazzjoni hija proċedura li ssir barra l-qorti li fiha l-partijiet konċernati jkollhom l-assistenza ta' medjatur biex isolvu tilwim li ġej mir-relazzjoni kuntrattwali jew legali oħra ta' bejniethom. Kull ftehim milħuq permezz tal-medjazzjoni jrid isir bil-miktub u huwa vinkolanti fuq il-partijiet li ħadu sehem fil-proċedura.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Il-qorti tista', fil-prinċipju, tiddeċiedi dwar kollox ħlief li tagħti l-kustodja esklussiva (kura personali) tat-tfal lil ġenitur wieħed. Jekk ġenitur jiġi mċaħħad mid-drittijiet u l-obbligi, f'dak il-każ biss jista' l-ġenitur l-ieħor jingħata l-kustodja esklussiva tat-tfal. Fil-prattika, madankollu, il-qorti tiddeċiedi liema ġenitur se jingħata l-kura personali tat-tfal, min se jirrapreżentahom u jamministra l-propjetà tagħhom. Il-qorti tista' tiddeċiedi wkoll kif il-ġenitur li ma ngħatax il-kustodja esklussiva tat-tfal għandu jikkontribwixxi għall-manteniment tat-fal jew tapprova l-ftehim tal-ġenituri dwar il-ħlas tal-manteniment.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

It-terminu "ir-responsabbiltà tal-ġenituri" ma jistax jiġi tradott sew fil-kuntest tal-liġi tal-familja tas-Slovakkja. Il-liġi tal-familja tas-Slovakkja tirrikonoxxi t-terminu "id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri", li dejjem jinqasmu bejn il-ġenituri (għalhekk qatt ma jista' jkun hemm "kustodja esklussiva" sakemm il-ġenitur l-ieħor ma jkunx mejjet, ma jkollux kapaċità ġuridika jew ikun ġie mċaħħad mid-drittijiet u l-obbligi ta' ġenitur tiegħu). Trid issir distinzjoni bejn dawn il-każijiet u l-għoti tal-"kura personali" tat-tfal lil xi ħaddieħor. Jekk il-kura personali tat-tfal tingħata lil wieħed mill-ġenituri, dak il-ġenitur jista' jieħu deċiżjonijiet fuq il-kwistjonijiet ta' rutina kollha marbuta mal-ħajja ta' kuljum tat-tfal mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor; iżda l-kwistjonijiet l-importanti marbuta mal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi (l-amministrazzjoni tal-propjetà tat-tfal, li t-tfal jittieħdu barra l-pajjiż, iċ-ċittadinanza, l-għoti tal-kunsens għall-kura tas-saħħa li qiegħda tingħata, it-tħejjija għal xogħol fil-futur) jeħtieġu l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jilħqu ftehim dwar xi deċiżjoni, il-qorti tiddeċiedi fuq talba ta' wieħed minnhom.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-qorti tista' tagħti l-kura personali liż-żewġ ġenituri fuq bażi alternanti (jiġifieri l-kustodja konġunta) jekk it-tnejn ikunu kapaċi jrabbu t-tfal u juru interess fil-kura personali tat-tfal, u jekk dan l-arranġament huwa fl-interessi tat-tfal sabiex il-bżonnijiet tagħhom jiġu moqdija aħjar. Jekk tal-inqas wieħed mill-ġenituri jaqbel li l-kura personali tat-tfal tinqasam bejniethom it-tnejn, il-qorti trid tqis jekk dan l-arranġament huwiex fl-interessi tat-tfal.

Ara t-tweġibiet preċedenti, b'mod partikolari t-tweġiba għad-domanda 8.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-Qorti Distrettwali li fid-distrett tagħha jgħixu t-tfal minuri hija l-qorti kompetenti li quddiemha jistgħu jsiru r-rikorsi dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri. Ma jridu jitħarsu l-ebda formalitajiet u mhemmx għalfejn jiġu mehmuża l-ebda dokumenti, għaliex din il-proċedura tista' ssir mill-qorti ex officio. Is-sottomissjoni tad-dokumenti tiddependi mill-kontentut tar-rikors; normalment ikun jinħtieġ iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tfal.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Tapplika proċedura aktar sempliċi u inqas formali. Hemm il-possibiltà ta' ordni provviżorju, li jieħu l-forma ta' proċedura b'urġenza.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-proċedimenti kollha għall-arranġamenti tad-drittjiet u l-obbligi tal-ġenituri jsiru mingħajr ħlas tat-tariffi tal-qorti. Is-sistema tal-għajnuna legali fis-Slovakkja attwalment hija limitata għall-eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti u l-għoti ta' rappreżentant mingħajr ħlas. Ftit huma dawk li jagħżlu li jiġu rappreżentati minn avukat, minħabba n-natura mhux kontenzjuża tal-proċedimenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri. Madankollum, jekk persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi għall-eżenzjoni personali mit-tariffi tal-qorti, il-qorti tista', fis-diskrezzjoni tagħha, tipprovdilha rappreżentant mingħajr ħlas, inkluż avukat, jekk hija tqis illi r-rappreżentazzjoni hija meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tagħha.

Il-qorti tirreferi lill-partijiet li jitolbu avukat u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti liċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali. Il-qorti tagħti parir lill-partijiet dwar din il-possibiltà. Il-qorti tista' teżenti bis-sħiħ jew parzjalment lil parti mit-tariffi tal-qorti jekk dan ikun ġustifikat miċ-ċirkostanzi tagħha u fejn din id-deċiżjoni ma tkunx eżerċizzju arbitrarju jew mingħajr tama ta' suċċess jew ostakular tal-ġustizzja. Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, l-eżenzjoni tapplika għall-proċedimenti kollha u għandha effett retroattiv. Madankollu, it-tariffi mħallsa qabel l-għoti ta' deċiżjoni dwar l-eżenzjoni ma jiġux rifużi.

Iċ-Ċentru għall-Għajnuna Legali jipprovdi s-sistema ta' sigurtà u għajnuna legali għall-persuna fiżiċi li ma jistgħux jagħmlu użu mis-servizzi legali sabiex jeżerċitaw u jipproteġu d-drittijiet tagħhom minħabba ċ-ċirkostanzi ekonomiċi tagħhom. Il-wesgħa tal-għajnuna legali mogħtija hija regolata mill-Att Nru 327/2005 dwar l-għoti ta' għajnuna legali lil persuni f'ċirkostanzi ekonomiċi ħżiena.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, jista' jsir appell minn deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Ir-rikors għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni jiġi ppreżentat quddiem il-qorti ġenerali tat-tfal. Il-proċedura applikata fl-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni hija regolata mill-Att Nru 99/1963- il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Japplikaw il-proċeduri regolari ta' eżekuzzjoni (eżekuzzjoni bil-qorti) bl-eċċezzjoni tal-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet dwar il-kura personali (jekk it-tfal iridu jiġu ritornati lill-ġenitur li skont id-deċiżjoni għandu d-dritt tal-kura personali). F'dawn il-każijiet il-proċedura hija aktar stretta (penali finanzjarji u l-involviment potenzjali tal-pulizija jew awtoritajiet kompetenti tal-eżekuzzjoni oħra).

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Id-deċiżjonijiet tal-qorti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor huma rikonoxxuti u eżegwiti mingħajr xi proċedura speċjali fir-Repubblika tas-Slovakkja, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri (l-Artikolu 21(1)), jiġifieri mingħajr il-bżonn li d-deċiżjoni tiġi ddikjarata eżegwibbli.

Madankollu, parti interessata tista' titlob illi deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri mogħtija fi Stat Membru ieħor tiġi dikjarata eżegwibbli, u mbagħad tapplika l-proċedura fil-Kapitolu III, Taqsima 2 tar-Regolament.

Ir-rikorsi jsiru quddiem il-Qorti Distrettwali li fid-distrett tagħha jgħixu t-tfal jew, jekk it-tfal mhux residenti hemmhekk, quddiem il-qorti li fid-distrett tagħha jgħixu attwalment it-tfal, u jekk mhemmx qorti ta' din ix-xorti, il-qorti kompetenti hija l-Qorti Distrettwali I ta' Bratislava.

Ir-rikors għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni jew għal dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà tad-deċiżjoni jrid jiġi akkumpanjat minn kopja tad-deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jissodisfaw ir-rekwiżiti rigward il-prova tal-awtentiċità u minn dokument li jiċċertifika d-deċiżjoni, li ġie maħruġ fuq talba tal-parti interessata mill-qorti rilevanti tal-oriġini, jiġifieri il-qorti li tat id-deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

L-appelli jiġi ppreżentati dejjem quddiem il-Qorti Distrettwali li tat id-deċiżjoni oriġinali iżda l-appelli jinqatgħu mill-Qorti Reġjonali. L-appelli kontra r-rikonoxximent ta' deċiżjonijiet dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri jinstemgħu u jinqatgħu skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati tas-Slovakkja jiddeċiedu biss fi proċedimenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri jekk it-tfal huma abitwalment residenti fir-Repubblika Slovakka. Jekk it-tfal ma jgħixux fir-Repubblika Slovakka iżda għandhom ir-residenza abitwali hawnhekk, jew jekk il-ġenituri ma jgħixux fir-Repubblika Slovakka jew huma ċittadini ta' pajjiżi differenti, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Slovakka jiġu applikati skont il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (Ref. Nru. 334/2002) (Kapitolu III tal-Konvenzjoni).

L-Att Nru 97/1963 dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali jgħid illi r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluż l-istabbiliment jew it-tmiem tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri huma regolati mil-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tat-tfal. F'każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista' tqis il-liġi ta' pajjiż ieħor fejn ikun hemm rabta sinifikanti mal-kwistjoni konċernata u jekk dan ikun meħtieġ sabiex jitħarsu t-tfal jew il-propjetà tagħhom. Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri li joriġinaw fil-pajjiż tar-residenza abitwali oriġinali tat-tfal jibqgħu validi anke jekk tinbidel ir-residenza abitwali tat-tfal. Jekk xi ħadd mill-ġenituri ma għandux id-drittijiet u l-obbligi ta' ġenitur li huma rikonoxxuti mil-liġi Slovakka, dawk id-drittijiet u obbligi jidħlu fis-seħħ meta t-tfal ikunu abitwalment residenti fir-Repubblika Slovakka L-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri huwa regolat mil-liġi tal-pajjż fejn huma abitwalment residenti t-tfal.

Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali japplika biss fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali jew jekk ftehim internazzjonali eżistenti ma jkunx fih kriterji dwar il-kunflitt tal-liġijiet sabiex issir l-għażla tal-liġi applikabbli.

Minbarra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996, ir-Repubblika Slovakka hija marbuta b'numru ta' ftehimiet bilaterali li għandhom dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli, u dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali fi proċedimenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri. Il-ftehimiet konċernati huma:

Il-Bulgarija: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Sofia, 25 ta' Novembru 1976, Digriet Nru 3/1978)

Il-Kroazja, is-Slovenja: FFtehim bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika Soċjalista Federali tal-Yugoslavja dwar ir-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Belgrad, 20.1.1964, Digriet Nru 207/1964)

L-Ungerija: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika tal-Ungerija dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Bratislava, 28 ta' Marzu 1989, Ref. Nru 63/1990)

Il-Polonja: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika tal-Polonja dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Varsavja, 21.12.1987, Digriet Nru 42/1989)

Ir-Rumanija: Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista ĊekoSlovakka u r-Repubblika tar-Rumanija dwar l-assistenza legali u r-regolament tar-relazzjonijiet legali fi kwistjonijiet ċivili, tal-familja u kriminali (Praga, 25.10.1958, Digriet Nru 31/1959)


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 14/01/2019