Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” huwa minqux fil-Kodiċi Ċivili (Att Nru 89/2012). Dan it-terminu jinkludi sett ta’ drittijiet u obbligi tal-ġenituri, li jinkludu:

  • - il-kura tal-wild minuri, inkluż b’mod partikolari l-kura ta’ saħħtu u tal-iżvilupp fiżiku, emozzjonali, intellettwali u morali tiegħu,
  • - il-protezzjoni tal-wild minuri,
  • - iż-żamma ta’ kuntatt personali mal-wild minuri,
  • - l-iżgurar tat-trobbija u l-edukazzjoni tiegħu,
  • - id-determinazzjoni tal-post tar-residenza tiegħu u
  • - ir-rappreżentanza tal-wild minuri u l-ġestjoni tal-beni tiegħu.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tibda mit-twelid tal-wild u tispiċċa meta jikseb kapaċità ġuridika sħiħa. Id-dewmien u l-ambitu tar-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu jinbidlu biss minn qorti. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenituri skont l-interessi tal-wild minuri. Qabel ma jieħdu deċiżjoni li taffettwa l-interessi tal-wild minuri, il-ġenituri jinfurmaw lill-wild minuri b’dak kollu li huwa meħtieġ biex ikun jista’ jifforma l-opinjoni tiegħu dwar il-kwistjoni partikolari u jagħtiha lill-ġenituri tiegħu; dan ma japplikax jekk il-wild minuri ma jkunx jista’ jaċċetta l-informazzjoni kif suppost jew ma jkunx jista’ jifforma l-opinjoni tiegħu stess jew ma jkunx jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu lill-ġenituri tiegħu. Il-ġenituri jagħtu kas partikolari tal-opinjoni tal-wild minuri u jqisu l-opinjoni tiegħu meta jieħdu d-deċiżjoni. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri relatata mal-persuna tal-wild minuri hija tal-ġenituri b’mod u sal-punt li jikkorrispondu għal-livell ta’ żvilupp tal-wild minuri. Jekk il-ġenituri jkunu qed jieħdu deċiżjoni dwar l-edukazzjoni jew l-impjieg tal-wild minuri, iridu jqisu l-opinjoni, il-kapaċitajiet u t-talenti tiegħu.

Sakemm il-wild minuri jikseb il-kapaċità ġuridika, il-ġenituri tiegħu ikollhom id-dritt li jiggwidawh permezz ta’ miżuri edukattivi adatti għall-kapaċitajiet tiegħu li jkunu qed jiżviluppaw, inklużi restrizzjonijiet għall-protezzjoni tal-moralità, tas-saħħa u tad-drittijiet tal-wild minuri, kif ukoll tad-drittijiet ta’ persuni oħrajn u tal-ordni pubbliku. Il-wild minuri jrid joqgħod għal dawn il-miżuri. Ir-riżorsi edukattivi jistgħu jintużaw biss f’forma u sal-punt li jkun xieraq għaċ-ċirkostanzi, ma jipperikolax is-saħħa tal-wild minuri u l-iżvilupp tiegħu u ma jippreġudikax id-dinjità umana tal-wild minuri.

Huwa mifhum li l-minuri kollha li ma jkollhomx kapaċità ġuridika sħiħa jkunu kompetenti li jwettqu atti ġuridiċi xierqa għall-maturità intellettwali u ta’ rieda tal-minuri ta’ dik l-età. Il-ġenituri għandhom l-obbligu u d-dritt li jirrappreżentaw lill-wild minuri fi proċedimenti ġudizzjarji li l-wild minuri ma jkunx ġuridikament kompetenti għalihom. Il-ġenituri jirrappreżentaw konġuntament lill-wild minuri, madankollu kull wieħed minnhom jista’ jaġixxi b’mod separat; jekk wieħed mill-ġenituri jaġixxi waħdu fi kwistjoni li tikkonċerna lill-wild minuri fir-rigward ta’ parti terza, u jkun in bona fide, ikun mifhum li huwa jkun qed jaġixxi bi qbil mal-ġenitur l-ieħor. Ġenitur ma jistax jirrappreżenta wild minuri jekk dan ikun jista’ jwassal għal kunflitt ta’ interess bejnu u l-wild minuri, jew bejn l-ulied tal-istess ġenituri. F’każ bħal dan il-qorti tinnomina tutur għall-wild minuri. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar min minnhom għandu jirrappreżenta lill-wild minuri fi proċedimenti ġudizzjarji, tiddeċiedi l-qorti – wara talba minn wieħed mill-ġenituri – liema ġenitur għandu jaġixxi ġuridikament f’isem il-wild minuri u b’liema mod.

Il-ġenituri għandhom l-obbligu u d-dritt li jamministraw il-proprjetà tal-wild minuri, b’mod partikolari li jamministrawha bid-diliġenza dovuta. Huma jridu jimmaniġġaw b’mod sikur il-fondi li jitqiesu li mhumiex neċessarji biex ikopru l-ispejjeż konnessi mal-proprjetà tal-wild minuri. Matul il-proċedimenti legali relatati ma’ partijiet individwali tal-proprjetà tal-wild minuri, il-ġenituri jaġixxu bħala r-rappreżentanti tiegħu; ġenitur ma jistax jirrappreżenta wild minuri jekk dan jista’ jirriżulta f’kunflitt ta’ interess bejnu u bejn il-wild minuri jew bejn l-ulied tal-istess ġenituri. F’każ bħal dan il-qorti tinnomina tutur għall-wild minuri. Jekk ġenitur jikser l-obbligu għall-kura tal-proprjetà tal-wild minuri bid-diliġenza dovuta, huwa jkollu jikkumpensa lill-wild minuri għad-danni li jsofri in solidum. Jekk il-ġenituri ma jaqblux dwar kwistjonijiet essenzjali relatati mal-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-wild minuri, il-qorti tiddeċiedi wara talba minn wieħed mill-ġenituri. Il-ġenituri jeħtieġu l-kunsens ta’ qorti għal atti ġuridiċi li jkunu relatati ma’ proprjetà eżistenti jew futura tal-wild minuri jew ta’ partijiet separati ta’ dik il-proprjetà, sakemm ma jkunux kwistjonijiet komuni, jew anke jekk b’mod eċċezzjonali jkunu relatati ma’ valuri ta’ proprjetà negliġibbli.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija obbligu għaż-żewġ ġenituri. Kull ġenitur ikollu sakemm ma jkunx imċaħħad minnha. Huwa irrilevanti jekk il-ġenituri humiex miżżewġin, u jekk il-wild minuri twilidx minn żwieġ jew le.

Il-ġenituri jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri bi qbil reċiproku. Jekk ikun hemm il-periklu ta’ kontumaċja waqt li tkun qed tittieħed id-deċiżjoni rigward kwistjoni li tikkonċerna l-wild minuri, wieħed mill-ġenituri jista’ jieħu d-deċiżjoni jew jagħti l-kunsens tiegħu waħdu; madankollu huwa jkollu jinforma lill-ġenitur l-ieħor dwar is-sitwazzjoni mingħajr dewmien. Jekk wieħed mill-ġenituri jaġixxi waħdu fi kwistjoni tal-wild minuri fir-rigward ta’ parti terza, li tkun in bona fide, ikun mifhum li huwa jkun qed jaġixxi bi qbil mal-ġenitur l-ieħor. Jekk il-ġenituri ma jaqblux f’kwistjoni li tkun importanti għall-wild minuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-interessi tiegħu, qorti tiddeċiedi, fuq rikors minn ġenitur; dan japplika wkoll jekk ġenitur wieħed jiġi eskluż mit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-ġenitur l-ieħor dwar kwistjoni importanti għall-wild minuri. Eżempji ta’ materji importanti huma d-determinazzjoni tal-post tar-residenza u l-għażla tal-edukazzjoni jew l-impjieg tal-wild minuri, imma mhux proċeduri mediċi normali jew proċeduri simili.

Qorti tista’ tiddeċiedi li tissospendi r-responsabbiltà tal-ġenituri jekk il-ġenituri ma jitħallewx jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri tagħhom minħabba ċirkostanza serja u jekk jitqies li dan ikun meħtieġ fl-interess tal-wild minuri. Jekk ġenitur ma jeżerċitax ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu sew u jekk ikun meħtieġ fl-interess tal-wild minuri, il-qorti tista’ tillimita r-responsabbiltà tal-ġenitur, jew tillimita t-twettiq tagħha, u fl-istess ħin tiddetermina l-ambitu għal dik il-limitazzjoni. Jekk ġenitur jabbuża mir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu jew l-eżerċizzju tagħha, u/jew jittraskura serjament ir-responsabbiltà ta’ ġenitur tiegħu jew l-eżerċizzju tagħha, il-qorti tista’ ċċaħħadlu r-responsabbiltà ta’ ġenitur tiegħu. Jekk ġenitur jikkommetti reat intenzjonali kontra l-wild tiegħu, jew jekk ġenitur juża lill-wild tiegħu – li ma jkunx kriminalment responsabbli – biex iwettaq reat, il-qorti teżamina b’mod partikolari jkunx hemm il-bażi biex il-ġenitur jiċċaħħad mir-responsabbiltà ta’ ġenitur tiegħu.

Jekk wieħed mill-ġenituri ikun mejjet jew ma jkunx magħruf, jew jekk wieħed mill-ġenituri ma jkollux ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu jkun sospiż, il-ġenitur l-ieħor jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri hu; dan japplika wkoll jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew l-eżerċizzju tagħha minn wieħed mill-ġenituri ikun limitat. Jekk l-ebda wieħed mill-ġenituri ma jkollu responsabbiltà sħiħa ta’ ġenitur, jekk l-eżerċizzju tar-responsabbiltà ta’ ġenitur taż-żewġ ġenituri tkun sospiża, u/jew jekk ir-responsabbiltà ta’ ġenitur tingħata f’wieħed mill-modi indikati, imma kull waħda minnhom b’mod differenti, il-qorti taħtar tutur għall-wild, li jkollu l-obbligi u d-drittijiet tal-ġenituri jew jeżerċita dawn l-obbligi jew drittijiet minflok il-ġenituri. Jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri tkun limitata jew l-eżerċizzju tagħha jkun limitat, il-qorti tinnomina tutur għall-wild minuri.

Jekk wild minuri jiġi adottat, id-drittijiet u l-obbligi li jiġu mir-responsabbiltà tal-ġenituri jiġu ttrasferiti lill-adottant mill-mument li d-deċiżjoni legali dwar l-adozzjoni tidħol fis-seħħ.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk qorti tiddeċiedi li tillimita l-kapaċità ġuridika ta’ ġenitur, hija tiddeċiedi wkoll dwar ir-responsabbiltà tiegħu ta’ ġenitur. L-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri minn minorenni li jkun ġenitur iżda li jkun għadu ma kisibx kapaċità legali sħiħa permezz ta’ dikjarazzjoni jew żwieġ, jiġi sospiż sakemm jikseb kapaċità legali sħiħa; dan ma japplikax fir-rigward tal-eżerċitar tal-obbligi u d-drittijiet ta’ kura għall-wild minuri, sakemm qorti ma tiddeċidix fir-rigward tal-persuna tal-ġenitur li l-eżerċitar ta’ dan l-obbligu u dan id-dritt jiġu sospiżi sakemm il-ġenitur jikseb kapaċità legali sħiħa. L-eżerċizzju tar-responsabbiltà ta’ ġenitur ta’ ġenitur li l-kapaċità ġuridika tiegħu f’dan il-qasam tkun ġiet limitata, jiġi sospiż għal kemm iddum il-limitazzjoni tal-kapaċità ġuridika tiegħu, sakemm il-qorti ma tiddeċidix li l-ġenitur, minħabba l-persuna tiegħu, għandu jżomm l-eżerċizzju tal-obbligu u d-dritt tal-kura tal-wild minuri u l-kuntatt personali miegħu.

Fin-nuqqas taż-żewġ ġenituri li suppost jeżerċitaw ir-responsabbiltà sħiħa ta’ ġenituri fir-rigward tal-wild tagħhom, il-qorti tinnomina tutur għal dak il-wild. Tutur ikollu bażikament l-obbligi u d-drittijiet kollha tal-ġenituri fir-rigward tal-wild minuri, imma ma jkollux l-obbligu ta’ sostenn u ta’ manteniment fir-rigward tal-wild minuri. F’każijiet eċċezzjonali, il-firxa tal-obbligi u d-drittijiet jistgħu jkunu definiti b’mod differenti wara li titqies il-persuna tat-tutur jew is-sitwazzjoni tal-wild minuri, kif ukoll ir-raġuni għala l-ġenituri ma għandhomx l-obbligi u d-drittijiet kollha. Tutur irid ikollu kapaċità ġuridika sħiħa u l-mod tal-għajxien tiegħu jrid jiggarantixxi li jkun kapaċi jaqdi dan ir-rwol sew. Il-qorti tista’ taħtar żewġ persuni – li bħala regola jkunu miżżewġin – fir-rwol ta’ tuturi. Jekk dan ma jkunx kontra l-interessi tal-wild minuri, il-qorti tista’ taħtar persuna magħżula minn wieħed mill-ġenituri bħala tutur. Inkella l-qorti tista’ taħtar qarib jew persuna qrib il-wild minuri jew il-familja tiegħu bħala tutur, sakemm dik il-persuna ma tkunx espressament eskluża minn wieħed mill-ġenituri. Jekk ma jkunx hemm persuna bħal din, il-qorti taħtar persuna adatta oħra bħala tutur. Jekk l-ebda persuna fiżika ma tkun tista’ tinħatar tutur għall-wild minuri, il-qorti taħtar awtorità għall-protezzjoni soċjali u ġuridika tat-tfal sakemm il-qorti taħtar tutur differenti għall-wild minuri jew sakemm tutur jaċċetta r-rwol. Tutur huwa suġġett għas-sorveljanza mill-qorti. Huwa jħejji lista tal-proprjetà kemm fil-bidu u kemm fi tmiem ir-rwol. Huwa jibgħat regolarment rapporti lill-qorti dwar il-wild minuri, l-iżvilupp tiegħu, u l-kontijiet mill-amministrazzjoni tal-proprjetà. Kull deċiżjoni minn tutur fi kwistjonijiet li mhumiex regolari jridu jkunu approvati mill-qorti.

Possibbiltà oħra hija li l-wild minuri jitqiegħed f’foster care. Il-fostering huwa l-indukrar ta’ wild minuri ta’ ħaddieħor; madankollu, dan ma jinvolvix l-aċċettazzjoni ta’ wild ħaddieħor bħala tiegħek bħal fil-każ tal-adozzjoni. Meta jrabbi l-wild minuri, il-foster carer jeżerċita d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ġenituri b’mod xieraq. Il-foster carer huwa obbligat u awtorizzat li jieħu deċiżjonijiet biss dwar l-affarijiet ta’ kuljum tal-wild minuri, jirrappreżenta lill-wild minuri f’dawk l-affarijiet u jiġġestixxi l-beni tal-wild minuri. Il-foster carer irid jinforma lill-ġenituri tal-wild minuri dwar kwistjonijiet essenzjali li għandhom x’jaqsmu mal-wild minuri. Skont iċ-ċirkostanzi, il-qorti tista’ tiddetermina obbligi u drittijiet addizzjonali tal-foster parent. Il-ġenituri tal-wild minuri jżommu l-obbligi u d-drittijiet tagħhom li jkunu ġejjin mir-responsabbiltà tal-ġenituri, inkluż id-dritt ta’ kuntatt personali u regolari, u d-dritt għall-informazzjoni dwar il-wild minuri, bl-eċċezzjoni tal-obbligi u d-drittijiet li l-liġi tiddetermina għall-foster parent, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor minħabba raġunijiet li jkun ħaqqhom kunsiderazzjoni speċjali. Foster parent ma jkollux l-obbligu ta’ sostenn u ta’ manteniment lejn il-wild minuri.

Foster parent irid jiggarantixxi kura xierqa, ikun residenti r-Repubblika Ċeka, u jrid jaqbel li l-wild minuri jiġi fdat lilu għall-fostering. Bħala regola, dan ikun jiġi mit-tfal, imma jista’ jkun persuna oħra li l-awtorità għall-protezzjoni soċjali u ġuridika tat-tfal tkun irranġatilha l-fostering (għal din il-fini l-qorti reġjonali żżomm evidenza tal-applikanti adatti li jsiru foster parents). Qorti tista’ tafda wild minuri f’foster care għal perjodu temporanju (pereżempju sakemm ġenitur idum f’faċilità tat-trattament) kif ukoll għal perjodu ta’ żmien mhux speċifikat. Il-fostering jista’ b’hekk jindirizza kriżi fil-familja jew jiżgura l-kura f’ambjent familjari alternattiv. Biex jitnaqqas l-għadd ta’ tfal f’istituti jew faċilitajiet li qishom istitut, il-fostering jieħu preċedenza fuq il-kura istituzzjonali. Foster parent jirċievi benefiċċji għall-fostering mill-istat (pereżempju kontribut lejn il-ħlas tal-bżonnijiet tal-wild minuri, kontribut fi tmiem il-fostering, rimunerazzjoni ta’ foster parent, eċċ.)

Barra minn hekk, il-Kodiċi Ċivili jirregola l-mod kif wild minuri jiġi fdat lil persuna oħra f’każ li la l-ġenituri u lanqas tutur ma jkunu jistgħu personalment jieħdu ħsieb il-wild minuri. Din il-kustodja hija alternattiva għall-fostering, jew il-kura li tippreċedi l-adozzjoni. Hija tieħu preċedenza fuq il-kura istituzzjonali għall-wild minuri. Il-persuna inkarigata trid tiggarantixxi kura xierqa, tkun residenti r-Repubblika Ċeka, u trid taqbel li l-wild minuri jitqiegħed fil-kura personali tagħha. L-obbligi u d-drittijiet tal-carer huma definiti minn qorti; inkella tintuża leġiżlazzjoni dwar il-foster care kif xieraq.

Il-ġenituri, bħala r-rappreżentanti legali, jistgħu – għall-immaniġġar tal-affarijiet tal-wild minuri, sakemm ma jkunux kwistjonijiet ta’ status personali – jiffirmaw ftehim biex jiġu rrappreżentati minn persuna b’għarfien espert, jew pereżempju minn persuna adatta oħra. Jekk il-wild jiffirma ftehim għar-rappreżentanza, dan ma jkollu l-ebda influwenza fuq ir-rappreżentanza legali tal-wild minuri mill-ġenituri. Jekk ir-rappreżentanti ġuridiċi u kuntrattwali ma jkunux jistgħu jaqblu, il-qorti tiddeċiedi skont l-interessi tal-wild minuri.

Jekk it-trobbija tal-wild minuri jew l-istat fiżiku, intellettwali jew mentali tiegħu, u l-iżvilupp xieraq tiegħu jkun mhedded jew iddisturbat sa tali punt li jkun kontra l-interessi tal-wild minuri, u/jew fil-każ ta’ raġunijiet serji li minħabba fihom il-ġenituri ma jkunux jistgħu jiżguraw it-trobbija tiegħu, il-qorti tista’ tordna l-kura istituzzjonali bħala miżura neċessarja. Dan tagħmlu b’mod partikolari f’każijiet fejn miżuri preċedenti ma kinux wasslu għal rimedju. Waqt li jsir dan, il-qorti dejjem tqis jekk hux preferibbli li tafda lill-wild minuri fil-kura minn persuna fiżika. Il-kura istituzzjonali tista’ tiġi ordnata għal perjodu ta’ mhux iktar minn tliet snin, filwaqt li dan jista’ jiġi estiż (ripetutament) jekk ir-raġunijiet għall-ordni tal-kura istituzzjonali jippersistu (dejjem għal massimu ta’ tliet snin). Jekk ir-raġunijiet għall-kura istituzzjonali ordnata ma jibqgħux jeżistu, jew jekk il-wild minuri jkun jista’ jingħata xi ħaġa differenti minn kura istituzzjonali, il-qorti tikkanċella l-kura istituzzjonali mingħajr dewmien u fl-istess ħin tiddeċiedi ma’ min se jkun fdat il-wild minuri skont iċ-ċirkostanzi.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Deċiżjoni dwar il-kura ta’ wild minuri hija kundizzjoni essenzjali għad-divorzju tal-ġenituri tagħhom. Meta tieħu d-deċiżjoni, il-qorti tqis l-interess tal-wild minuri; il-qorti tiddevja biss mill-kunsens reċiproku tal-ġenituri jekk ikun meħtieġ fl-interess tal-wild minuri. Qorti tista’ tqiegħed lill-wild minuri taħt il-kura ta’ wieħed mill-ġenituri jew f’kustodja kondiviża jew f’kustodja konġunta; qorti tista’ wkoll tqiegħed lill-wild minuri taħt il-kura ta’ persuna oħra minbarra l-ġenituri tiegħu jekk ikun meħtieġ fl-interess tal-wild minuri. Il-qorti tqis il-personalità tal-wild minuri, b’mod partikolari t-talenti u l-kapaċitajiet tiegħu fir-rigward tal-possibilitajiet ta’ żvilupp, u l-istili tal-ħajja tal-ġenituri tiegħu, kif ukoll l-orjentazzjoni emozzjonali u l-isfond tal-wild minuri, il-kapaċità ta’ kull wieħed mill-ġenituri li jipprovdi trobbija, l-istabilità kurrenti u antiċipata tal-ambjent edukattiv fejn għandu jitrabba l-wild, u r-rabtiet emozzjonali tal-wild ma’ ħutu, man-nanniet jew ma’ qraba oħrajn u persuni li ma jiġux minnu. Il-qorti dejjem se tqis liema ġenitur ikun ħa ħsieb il-wild minuri kif xieraq sa dak il-punt u min ikun ħa ħsieb l-edukazzjoni emozzjonali, intellettwali u morali tiegħu, kif ukoll liema ġenitur joffri l-aħjar opportunitajiet lill-wild minuri għal żvilupp b’saħħtu u b’suċċess. Il-qorti tiffoka wkoll fuq id-dritt tal-wild minuri għall-kura miż-żewġ ġenituri u għaż-żamma ta’ kuntatt personali regolari magħhom, fuq id-dritt tal-ġenitur l-ieħor li mhux se jkollu l-kustodja għal informazzjoni regolari dwar il-wild, u l-qorti tqis ukoll il-kapaċità tal-ġenitur li jaqbel fuq it-trobbija tal-wild minuri mal-ġenitur l-ieħor. Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li tapprova ftehim bejn il-ġenituri sakemm ikun ċar li l-metodu maqbul għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkun skont l-interess tal-wild minuri.

Jekk il-ġenituri ta’ minuri li ma jkollux kapaċità ġuridika sħiħa ma jkunux jgħixu flimkien, u jekk ma jkunux jistgħu jaqblu dwar ir-regoli tal-kura għal dak il-wild, il-qorti tiddeċiedi dwar dan ex officio. Hija ssegwi regoli simili għal dawk fil-każ tad-divorzju tal-ġenituri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-kura tal-wild minuri.

Il-ġenitur li jkollu l-wild minuri fil-kura tiegħu, u l-ġenitur l-ieħor, jiddeċiedu flimkien kif il-ġenitur li ma jkollux il-wild minuri fil-kura tiegħu ikun jista’ jżomm kuntatt miegħu. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu, jew ikun meħtieġ skont l-interess tat-trobbija tal-wild minuri u r-relazzjonijiet fil-familja, il-qorti tirregola l-kuntatt bejn il-ġenitur u l-wild minuri. F’każijiet iġġustifikati, il-qorti tista’ tiddetermina fejn jista’ jsir il-kuntatt bejn il-ġenitur u l-wild minuri. Jekk ikun hemm bżonn fl-interess tal-wild minuri, il-qorti tillimita d-dritt ta’ ġenitur għall-kuntatt personali mal-wild minuri, u/jew ma tippermettix dak il-kuntatt.

Jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu, il-qorti tibdel id-deċiżjoni relatata mat-twettiq tal-obbligi u d-drittijiet li jiġu mir-responsabbiltà tal-ġenituri anke ex officio.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Fil-każ ta’ divorzju bejn il-ġenituri, il-ftehim bejn il-ġenituri dwar il-metodu tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jrid jirregola kif kull wieħed mill-ġenituri ikun se jieħu ħsieb il-wild minuri wara d-divorzju. F’dan il-ftehim, il-ġenituri jistgħu jirregolaw il-kuntatt bejnhom u l-wild minuri. Il-ftehimiet ta’ din in-natura huma soġġetti għall-kunsens tal-qorti. Il-qorti għandha tapprova l-ftehim bejn il-ġenituri, ħlief jekk ikun ċar li l-metodu maqbul għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma jkunx skont l-interess tal-wild minuri. L-istess japplika għal ftehim bejn il-ġenituri jekk il-ġenituri tal-wild minuri ma jkunux jgħixu flimkien.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Biex jitħarsu l-interessi tal-wild minuri, il-qorti, waqt il-proċedimenti dwar il-kura għall-minuri, tiggwida lill-ġenituri biex isibu soluzzjoni konċiljatorja. Il-qorti tista’ timponi l-parteċipazzjoni f’konċiljazzjoni ekstraġudizzjarja jew f’laqgħat tal-medjazzjoni jew f’terapija tal-familja dwar il-ġenituri għal perjodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur, jew tista’ timponi fuqhom laqgħat ma’ espert fil-psikoloġija pedjatrika.

Barra minn hekk, huwa possibbli li jintużaw is-servizzi ta’ ċentri ta’ konsulenza dwar iż-żwieġ u l-familja li jipprovdu għajnuna permezz ta’ psikologi u ħaddiema soċjali.

Hekk ukoll, awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal tista’ tipperswadi jew teduka ġenitur li ma jkunx jirrispetta d-drittijiet tal-wild minuri jew tal-ġenitur l-ieħor (eż. għall-kura, għal kuntatt regolari) dwar il-leġiżlazzjoni u l-konsegwenzi tal-imġiba tiegħu. Awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal tista’ wkoll timponi fuq il-ġenituri l-obbligu li jużaw konsulenza esperta jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jsolvu l-problemi marbuta mat-trobbija tal-wild minuri mingħajr konsulenza esperta, b’mod partikolari waqt it-tilwim dwar il-modifikazzjoni tat-trobbija tat-tfal jew id-dritt għall-aċċess.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Bil-kundizzjoni ta’ konformità mal-kundizzjonijiet magħżula u b’talba mill-ġenituri, il-qorti tista’ tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar il-kwistjonijiet li ġejjin li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal:

  1. id-drittijiet ta’ natura personali (eż. id-dritt li tiddetermina l-isem u l-kunjom tal-wild minuri jew id-dritt li jingħata kunsens għall-adozzjoni tal-wild minuri)
  2. il-kura tal-wild minuri u r-regoli tal-kuntatt mal-wild minuri,
  3. forom alternattivi ta’ kura tal-wild minuri (eż. tutela, kustodja minn persuna oħra, fostering, kura istituzzjonali),
  4. il-manteniment u l-obbligi ta’ sostenn,
  5. ir-rappreżentanza u l-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-wild minuri, il-kunsens għal kawżi legali mill-wild minuri,
  6. dwar kwistjonijiet importanti għall-wild minuri, fejn il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu (eżempji ta’ kwistjonijiet importanti huma, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-post tar-residenza u l-għażla tal-edukazzjoni jew l-impjieg tal-wild minuri, imma mhux proċeduri mediċi normali jew proċeduri simili).

Normalment, il-qorti tiddeċiedi ma’ min se tafda lill-wild minuri, u potenzjalment dwar ir-regoli tal-kuntatt mal-wild minuri, u dwar il-manteniment u s-sostenn.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Il-kura għall-wild minuri hija biss parti mill-obbligi u d-drittijiet inklużi fir-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk ġenitur li ma jkunx ġie fdat bil-kura tal-wild minuri ma kienx imċaħħad mir-responsabbiltà tal-ġenituri, u lanqas ma ġiet limitata jew sospiża, huwa xorta jkun jista’ jeżerċitaha fir-rigward tal-komponenti l-oħra tar-responsabbiltà tal-ġenituri u ma jitlifx id-dritt li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet importanti li jikkonċernaw lill-wild minuri. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenituri bi qbil reċiproku u skont l-interessi tal-wild minuri. Jekk ikun hemm il-periklu ta’ kontumaċja waqt li tkun qed tittieħed id-deċiżjoni rigward kwistjoni li tikkonċerna l-wild minuri, wieħed mill-ġenituri jista’ jieħu d-deċiżjoni hu jew jagħti l-kunsens tiegħu waħdu; madankollu huwa jkollu jinforma lill-ġenitur l-ieħor dwar is-sitwazzjoni mingħajr dewmien.

Jekk il-ġenituri ma jaqblux f’kwistjoni li tkun importanti għall-wild minuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-interessi tiegħu, qorti tiddeċiedi, fuq rikors minn ġenitur; dan japplika wkoll jekk ġenitur wieħed jiġi eskluż mit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-ġenitur l-ieħor dwar kwistjoni importanti għall-wild minuri. Il-qorti tiddeċiedi wkoll wara talba minn ġenitur f’każ fejn il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar min minnhom se jirrappreżenta lill-wild minuri fi proċedimenti ġudizzjarji jew fi kwistjonijiet importanti relatati mal-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-wild minuri.

Il-ġenituri jridu jinfurmaw lil xulxin b’kull ħaġa importanti fir-rigward tal-wild minuri u l-interessi tiegħu.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-Kodiċi Ċivili jagħmel differenza bejn li wild minuri jitqiegħed fil-kura ta’ wieħed mill-ġenituri tiegħu, jew f’kustodja kondiviża jew f’kustodja konġunta, jew fil-kustodja ta’ xi ħadd li mhux wieħed mill-ġenituri tiegħu. Meta tieħu deċiżjoni dwar il-kura ta’ wild minuri, il-qorti tiddeċiedi b’tali mod li tissodisfa l-interessi tal-wild minuri. Qorti tista’ tikkonċedi kustodja kondiviża jew kustodja konġunta jekk il-ġenituri jkunu kapaċi jikkomunikaw u jikkooperaw flimkien.

Kustodja konġunta (trobbija konġunta)

Din il-forma ta’ regolamentazzjoni tal-kura tal-wild minuri tfisser li ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni speċifika dwar il-kustodja tal-wild minuri lil ġenitur jew ieħor. Fil-prattika dan ifisser li f’każ ta’ kustodja konġunta wieħed mill-ġenituri jista’, pereżempju, jieħu ħsieb il-bżonnijiet edukattivi tal-wild minuri u l-attivitajiet sportivi tiegħu u/jew ġenitur jiffoka fuq l-istudji lingwistiċi tal-wild minuri filwaqt li l-ġenitur l-ieħor jiffoka fuq l-attivitajiet ekstrakurrikolari oħrajn tal-wild minuri. Iż-żewġ ġenituri jaqsmu l-għoti tal-kura tas-saħħa u l-bżonnijiet materjali tal-wild minuri (eż. it-tisjir, it-tindif, il-ħwejjeġ, eċċ.). Biex tingħata kustodja konġunta huwa meħtieġ li l-ġenituri jaqblu magħha.

Kustodja kondiviża (trobbija alternata)

Kustodja kondiviża tfisser li l-kura tal-wild minuri talterna bejn il-ġenituri għal perjodu ta’ żmien determinat b’mod preċiż. Il-qorti tiddefinixxi wkoll id-drittijiet u l-obbligi eżerċitati matul dawn il-perjodi.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Talba relatata mal-obbligi u d-drittijiet tal-ġenituri trid issir fil-qorti distrettwali (fi Praga f’qorti distrettwali, f’Brno fil-Qorti Muniċipali) li l-minuri jkun residenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha u, jekk ma jkollux indirizz permanenti, fil-qorti distrettwali li jkun qed jgħix fil-ġuriżdizzjoni tagħha. Il-qorti tista’, fi kwistjonijiet relatati mal-minuri, tieħu deċiżjonijiet ex officio.

Ir-rekwiżiti ta’ talba jiddependu mit-tip ta’ talba. Madankollu, dejjem ikun neċessarju li jiġi indikat l-isem, il-kunjom, u l-indirizz tal-parteċipanti, jew in-numri tal-identità tat-twelid tal-parteċipanti u r-rappreżentanti tagħhom, deskrizzjoni tal-fatti materjali, indikazzjoni tal-provi li l-attur ikun qed iserraħ fuqhom, u jrid ikun ċar minnha xi jrid l-attur u lil liema qorti hija indirizzata t-talba.

It-talba jrid ikun fiha d-dokumenti importanti kollha relatati mal-materja inkwistjoni – eż. ċertifikat tat-twelid, ċertifikat taż-żwieġ, kwalunkwe deċiżjoni preċedenti tal-qorti relatata mal-wild minuri, eċċ. Il-proposta għandha tiġi sottomessa fuq karta fl-ammont meħtieġ ta’ kopji sabiex kopja waħda tinżamm il-qorti u kull parteċipant jirċievi kopja, jekk ikun meħtieġ.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-qorti tista’ tiftaħ il-proċedimenti f’materji ta’ kura tal-qorti għal minuri anke jekk ma tkunx tressqitilha talba.

Bl-użu ta’ deċiżjoni preliminari anke qabel ma tieħu deċiżjoni dwar il-merti tal-kawża u jekk ikun hemm bżonn tar-regolamentazzjoni provviżorja tar-relazzjonijiet tal-parteċipanti, jew jekk ikun hemm tħassib li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-qorti tkun mhedda, il-qorti tista’ timponi fuq parteċipant fil-proċedimenti l-ħlas ta’ manteniment essenzjali u/jew tagħti l-kustodja tal-wild minuri lil wieħed mill-ġenituri, jew lil persuna magħżula mill-qorti. Deċiżjoni preliminari normalment tittieħed wara talba, madankollu, huwa possibbli li l-proċedimenti dwar il-merti tal-kawża (għalhekk inklużi wkoll proċedimenti relatati mal-kura għal minuri mill-qorti) jinfetħu ex officio, deċiżjoni preliminari tista’ wkoll tittieħed ex officio. Il-qorti kompetenti mill-proċedimenti dwar il-kwistjoni hija responsabbli biex tordna deċiżjoni preliminari, sakemm il-liġi ma tistipulax mod ieħor. Talba għall-ordni ta’ deċiżjoni preliminari jrid ikun fiha r-rekwiżiti skont l-Artikolu 42(4) u skont l-Artikolu 75 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (l-Att Nru 99/1963, kif emendat), jiġifieri b’mod partikolari: informazzjoni dwar il-qorti li għaliha tapplika t-talba; min ikun qed iressaq it-talba u dwar xiex, jiġifieri rendikont tal-fatti li jiġġustifikaw tali deċiżjoni preliminari kif proposta; dak li għandha tikseb it-talba, li jfisser liema tip ta’ deċiżjoni preliminari qed ifittex l-attur; rendikont tal-fatt li jeħtieġ li jiġu rregolati b’mod provviżorju r-relazzjonijiet tal-parteċipanti jew li hemm tħassib li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-qorti tista’ tiġi mhedda, u wkoll indikazzjoni tad-data li fiha tkun tħejjiet it-talba u l-firma tal-attur jew tar-rappreżentant tiegħu. Id-dokumenti li l-attur jirreferi għalihom iridu jkunu mehmuża mat-talba. B’mod ġenerali, għad-deċiżjonijiet preliminari, is-sitwazzjoni hija li biex ikun żgurat kumpens għad-danni jew telf ieħor li jiġri minħabba deċiżjoni preliminari, l-attur irid jiddepożita, mhux aktar tard minn dakinhar stess li jkun ressaq it-talba l-qorti għal deċiżjoni preliminari, garanzija għal ammont iddeterminat. Madankollu, f’każ ta’ deċiżjoni preliminari dwar il-manteniment u s-sostenn jew deċiżjoni preliminari li qorti tista’ timponi anke ex officio, id-depożitu tal-garanzija mhux meħtieġ. Il-qorti tiddeċiedi dwar deċiżjoni preliminari mingħajr dewmien. Jekk ma jkun hemm l-ebda periklu ta’ kontumaċja, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari fi żmien sebat ijiem wara li tkun tressqet. Il-qorti tiddeċiedi mingħajr ma tisma’ lill-parteċipanti. Meta tordna deċiżjoni preliminari, il-qorti timponi fuq l-attur li jkun irid jippreżenta talba l-qorti għall-ftuħ tal-proċedimenti b’data ta’ skadenza imposta fuqu. Hija tista’ tiddetermina wkoll li deċiżjoni preliminari ddum biss għal perjodu ta’ żmien speċifiku.

L-Att dwar il-Proċedimenti Speċjali tal-Qorti (l-Att Nru 292/2013, kif emendat) jirregola deċiżjoni preliminari speċjali f’każ li minuri jkun f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kura xierqa irrispettivament minn jekk ikunx hemm jew le persuna li jkollha d-dritt tal-kura tal-wild minuri, jew jekk ħajjet il-wild minuri, l-iżvilupp normali tiegħu jew interess importanti ieħor ikunu mhedda serjament jew ġew imxekkla. F’każ hekk, il-qorti, permezz ta’ deċiżjoni preliminari li l-qorti tista’ timponi biss wara talba minn awtorità għall-protezzjoni soċjali u ġuridika tat-tfal, tirregola r-relazzjonijiet tal-wild minuri għal żmien essenzjali billi tordna li l-wild minuri jitqiegħed f’ambjent adatt indikat fid-deċiżjoni. Permezz ta’ tali deċiżjoni preliminari huwa possibbli li wild minuri jitpoġġa f’foster care għal perjodu ta’ żmien provviżorju li matulu l-ġenitur ma jkunx jista’ jieħu ħsieb il-wild minuri għal raġunijiet serji, jew, wara li jiskadi dak iż-żmien, il-wild minuri jista’ jitpoġġa taħt tħaris qabel ma jiġi adottat jekk il-ġenituri jkunu taw il-kunsens għall-adozzjoni jew ikun hemm deċiżjoni li l-kunsens tal-ġenituri mhux meħtieġ. Il-qorti tiddeċiedi wara talba għal deċiżjoni preliminari mingħajr dewmien, imma mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-preżentata. Id-deċiżjoni tkun eżegwita minnufih wara li tiġi ordnata, filwaqt li l-qorti tikkoopera għall-eżekuzzjoni tagħha mal-awtoritajiet pubbliċi applikabbli.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Skont l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (l-Att Nru 549/1991, kif emendat) il-proċedimenti relatati mat-tutela u mal-kustodja tal-minuri mill-qrati huma eżenti mit-tariffi. Dan ifisser li l-attur li jippreżenta talba relatata mal-obbligi u d-drittijiet tal-ġenituri ma jkunx obbligat iħallas tariffi tal-qorti.

Skont ċerti ċirkostanzi jista’ jkun possibbli li tqabbad rappreżentant legali bla ħlas jew għal ammont imnaqqas. Il-qorti tqabbad rappreżentant, wara talba mill-parteċipant, li wara hija tneħħi, kompletament jew parzjalment, it-tariffi tal-qorti tiegħu, jekk dan ikun neċessarju pereżempju għall-protezzjoni tal-interessi tiegħu. Jekk ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi tal-parteċipant, jitqabbad avukat għalih. Il-ħatra ta’ rappreżentant trid tkun iġġustifikata mis-sitwazzjoni tal-parteċipant (fil-prattika dawn jistgħu jkunu ċirkostanzi finanzjarji avversi jew sitwazzjoni soċjali avversa, filwaqt li dejjem ikun neċessarju li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ) u ma jridx ikun hemm eżekuzzjoni jew protezzjoni tad-drittijiet arbitrarji jew li manifestament ma jirnexxux.

L-Att dwar l-Għoti tal-Għajnuna Legali f’Tilwim Transfruntier fl-Unjoni Ewropea (l-Att Nru 629/2004, kif emendat) jirregola l-aċċess għall-għajnuna legali fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fejn persuna fiżika, li tkun residenti fi Stat Membru ieħor, tkun qed tieħu sehem f’kawża. L-għajnuna hija relatata mal-proċedimenti legali fil-fażijiet tas-seduti u tal-eżekuzzjoni.

L-Att dwar il-Professjoni Legali (l-Att Nru 85/1996, kif emendat) jiddetermina l-kundizzjonijiet biex ikun possibbli li jintalab appuntament b’xejn ma’ konsulent legali direttament mill-Kamra tal-Avukati Ċeka.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, huwa possibbli li tappella kontra deċiżjoni relatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-Qrati Distrettwali huma qrati tal-ewwel istanza għall-ġestjoni tad-drittijiet u l-obbligi li jiġu mir-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-Qrati Reġjonali (jew il-Qorti Muniċipali fi Praga) jiddeċiedu dwar appelli kontra deċiżjonijiet tal-ewwel istanza. Appell kontra deċiżjoni tal-qorti jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum mill-wasla tad-deċiżjoni bil-miktub mill-qorti li d-deċiżjoni tagħha tkun qed tiġi appellata u, sakemm ma jkunx ipprojbit mil-liġi (eż. mhux possibbli li tressaq appell kontra deċiżjoni tal-qorti li tapprova l-ftehim bejn il-ġenituri dwar il-kura tal-wild minuri). Appell jitqies ukoll li ġie ppreżentat fil-ħin anke wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħmistax-il ġurnata jew l-appellant kien qed jimxi ma’ informazzjoni żbaljata mingħand il-Qorti tal-Appell.

Għandu jiġi enfasizzat li xi deċiżjonijiet jistgħu jkun eżegwibbli provviżorjament – u għalhekk jistgħu jkunu eżegwiti anke jekk ikun ġie ppreżentat appell kontrihom. Deċiżjonijiet li jimponu l-ħlas ta’ manteniment u deċiżjonijiet għall-estensjoni tat-tul ta’ miżura edukattiva li permezz tagħha wild minuri jkun tneħħa mill-kustodja tal-ġenituri tiegħu jew ta’ persuna oħra huma eżegwibbli b’mod provviżorju.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Fir-Repubblika Ċeka trid tiġi ppreżentata talba għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni relatata mal-kura għal minuri mill-qorti. Il-proċedura applikata għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni hija suġġetta għall-Att dwar il-Proċedimenti Speċjali tal-Qorti (l-Att Nru 292/2013, kif emendat).

Il-qorti ġenerali tal-minuri hija kompetenti għal dawn il-proċedimenti, jiġifieri il-Qorti Distrettwali (il-Qorti Distrettwali fi Praga, il-Qorti Muniċipali f’Brno) li l-minuri jkun residenti fil-ġuriżdizzjoni tagħhom abbażi tal-ftehim bejn il-ġenituri jew id-deċiżjoni tal-qorti, jew fatti deċiżivi oħrajn. It-talba trid tinkludi l-informazzjoni neċessarja kollha (il-partijiet intitolati u dawk obbligati, l-ambitu u l-kontenut tal-obbligu tal-parti obbligata u d-data ta’ skadenza għall-konformità mal-obbligu applikabbli u speċifikazzjoni tal-hekk imsejjaħ titolu eżekutorju – id-deċiżjoni li trid tiġi eżegwita).

Qabel ma tordna l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, il-qorti tista’, jekk tara li jkun hemm raġunijiet speċjali għal dan, u/jew jekk il-parti obbligata ma tkunx ġiet infurmata dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ obbligu, tordna lill-parti obbligata biex tikkonforma mad-deċiżjoni jew mal-ftehim u tinformaha bil-modi ta’ kif jistgħu jiġu eżegwiti d-deċiżjonijiet: bl-impożizzjoni ta’ multi jew bit-tneħħija tal-wild minuri. Il-qorti tista’ wkoll tistaqsi lill-awtorità rilevanti għall-protezzjoni soċjali u ġuridika tat-tfal biex iwasslu lill-parti obbligata biex tikkonforma mal-obbligi tagħha mingħajr il-bżonn ta’ ordni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

Jekk il-persuna ma tikkonformax mal-obbligu tagħha anke wara li tkun ordnata mill-qorti, il-qorti tordna l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni permezz tal-impożizzjoni ta’ multa, u dan jista’ jsir ripetutament. L-ammonti tal-multi individwali ma jistgħux jaqbżu l-CZK 50 000. Miżuri oħrajn li tista’ tordna l-qorti jinkludu laqgħa ma’ medjatur, laqgħa ma’ espert fil-psikoloġija pedjatrika jew id-determinazzjoni ta’ pjan għal skema ta’ akklimatizzazzjoni biex jiġi ffaċilitat il-kuntatt gradwali bejn il-wild minuri u persuna intitolata li tkun f’kuntatt miegħu.

Jekk minkejja l-miżuri li jkunu qegħdin jiġu implimentati, l-obbligi ma jkunux osservati jew ikun ċar miċ-ċirkostanzi li dan l-approċċ ma wassalx għal konformità mal-obbligi, il-qorti tordna f’każijiet eċċezzjonali l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni għat-tneħħija tal-wild minuri minn mal-persuna li l-wild minuri mhux suppost ikun qiegħed magħha skont il-ftehim jew id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni li tkun ordnat it-tneħħija tal-wild minuri tiġi nnotifikata lill-parti obbligata waqt l-eżekuzzjoni biss.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Is-sentenzi f’kawżi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa mill-qrati fl-Istati Membri tal-UE huma rikonoxxuti – mingħajr il-bżonn ta’ proċedura speċjali – fir-Repubblika Ċeka f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (“ir-Regolament Nru 2201/2003”) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (“ir-Regolament 2019/1111”). Skont ir-Regolament Nru 2201/2003, kwalunkwe persuna b’interess ġuridiku tista’ tirrikorri l-qorti biex titlob li tinħareġ deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni. Fir-Repubblika Ċeka, il-qrati distrettwali (il-qrati distrettwali fi Praga, il-Qorti Muniċipali f’Brno) huma kompetenti għal proċedimenti bħal dawn fl-ewwel istanza. Il-qorti kompetenti hija l-qorti distrettwali li tkun il-qorti ġenerali tal-attur, inkella l-qorti distrettwali li s-sitwazzjoni li r-rikonoxximent huwa importanti għaliha tkun ġrat jew tista’ tiġri fil-ġuriżdizzjoni tagħha. Skont ir-Regolament 2019/1111, kwalunkwe parti interessata tista’ tressaq rikors għal deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ raġunijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent. Fir-Repubblika Ċeka, il-qrati distrettwali (il-qrati distrettwali fi Praga, il-Qorti Muniċipali f’Brno) huma kompetenti għal proċedimenti bħal dawn fl-ewwel istanza.

Qabel ma deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa fi Stat Membru ieħor tkun tista’ tiġi eżegwita fir-Repubblika Ċeka, trid tiġi ddikjarata bħala eżegwibbli f’konformità ma’ proċedura speċjali f’konformità mar-Regolament Nru 2201/2003 indikat fuq. Talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà fir-Repubblika Ċeka tiġi ppreżentata fil-qorti distrettwali lokalment kompetenti (il-qorti distrettwali fi Praga, il-Qorti Muniċipali f’Brno). Il-kompetenza lokali tiġi ddeterminata f’konformità mar-Regolament Nru 2201/2003 skont il-post tar-residenza abitwali tal-persuna li qed tintalab l-eżekuzzjoni kontriha, jew skont il-post tar-residenza abitwali tal-wild minuri; jekk l-ebda wieħed minn dawn il-postijiet ma jkun fl-Istat Membru fejn tkun se ssir l-eżekuzzjoni, il-kompetenza lokali tiġi ddeterminata skont il-post tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

Deċiżjoni dwar id-dritt ta’ kuntatt ma’ wild minuri u deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ wild minuri maħruġa abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003 huma eżegwibbli, skont l-Artikolu 41 u 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, fi Stat Membru differenti mingħajr il-bżonn għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà u mingħajr il-possibbiltà ta’ oġġezzjoni kontra r-rikonoxximent tad-deċiżjoni, jekk id-deċiżjoni tkun attestata fl-Istat Membru tal-oriġini bl-użu ta’ formola standardizzata li tinsab f’anness mar-Regolament Nru 2201/2003.

Huwa neċessarju li mat-talba għar-rikonoxximent jew nonrikonoxximent ta’ deċiżjoni u dikjarazzjoni ta’ deċiżjoni bħala eżegwibbli tinhemeż kopja tad-deċiżjoni li tikkonforma mal-kundizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tal-awtentiċità tagħha (eż. kopja dduplikata jew kopja attestata tad-deċiżjoni), u attestazzjoni skont l-Artikolu 39, maħruġa mill-awtorità rilevanti tal-Istat Membru fejn tkun inħarġet id-deċiżjoni, fuq formola standardizzata li tinsab f’anness mar-Regolament Nru 2201/2003. F’każ ta’ sentenza b’kontumaċja, huwa importanti li jintbagħtu wkoll l-oriġinal jew kopja attestata tad-dokument li jikkonferma li l-parti li ma tkun ġiet għall-proċedimenti, it-talba għall-ftuħ tal-proċedimenti jew dokument simili ieħor innotifikat jew kwalunkwe dokument li jindika li l-konvenut aċċetta s-sentenza b’mod inekwivoku. Jekk l-attestazzjoni jew dokument meħtieġ fil-każ ta’ sentenza ta’ kontumaċja ma jiġux ippreżentati, il-proċedura adottata tkun skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

Skont ir-Regolament 2019/1111, id-deċiżjonijiet f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri mogħtija fi Stat Membru u eżegwibbli f’dak l-Istat Membru għandhom ikunu eżegwibbli fir-Repubblika Ċeka mingħajr ebda ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

Deċiżjonijiet li jagħtu drittijiet ta’ aċċess għat-tfal u deċiżjonijiet skont l-Artikolu 29(6), jekk ikun meħtieġ ir-ritorn tal-wild minuri, fejn ikun iċċertifikat fl-Istat Membru ta’ oriġini bl-użu taċ-ċertifikat previst fl-Anness tar-Regolament 2019/1111, jiġu rikonoxxuti fi Stati Membri oħra skont l-Artikolu 43 tar-Regolament 2019/1111, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura speċjali u mingħajr ebda possibbiltà li r-rikonoxximent tagħha jiġi kkontestat, sakemm is-sentenza ma tinstabx li tkun irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni [sussegwenti] kif imsemmi fl-Artikolu 50, u biss sal-punt ta’ dak in-nuqqas ta’ rikonċiljazzjoni.

Deċiżjonijiet li jagħtu drittijiet ta’ aċċess għat-tfal u deċiżjonijiet skont l-Artikolu 29(6), jekk ikun meħtieġ ir-ritorn tal-wild minuri, fejn ikun iċċertifikat fl-Istat Membru ta’ oriġini bl-użu taċ-ċertifikat previst fl-Anness tar-Regolament 2019/1111, jiġu rikonoxxuti fi Stati Membri oħra skont l-Artikolu 43 tar-Regolament 2019/1111, mingħajr ebda ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

Għall-finijiet ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni skont ir-Regolament 2019/1111, huwa meħtieġ li tiġi sottomessa kopja tad-deċiżjoni, li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tal-awtentiċità tagħha u ċ-ċertifikat rilevanti msemmi fl-Artikoli 36 jew 47 maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-Istat Membru fejn tkun ingħatat id-deċiżjoni, bl-użu taċ-ċertifikat previst fl-Anness tar-Regolament 2019/1111. Jekk id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 31(1) ma jiġux ipprovduti, trid tiġi segwita l-proċedura msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament 2019/1111.

Bil-konformità mal-kundizzjonijiet indikati fir-regolamenti hawn fuq imsemmija, il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri minn Stat Membru tal-UE differenti hija l-istess bħal dik għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet nazzjonali. Għal aktar informazzjoni, ara l-mistoqsija preċedenti.

16 Quddiem liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi ngħaddi biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Miżura rimedjali (appell) kontra deċiżjoni ta’ qorti tiġi ppreżentata lill-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni. Qorti superjuri tiddeċiedi dwar il-miżura rimedjali.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fi proċedimenti li jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, il-liġi applikabbli tkun iddeterminata skont il-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ottubru 1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri għall-Protezzjoni tat-Tfal. Kwalunkwe ftehim internazzjonali bilaterali li r-Repubblika Ċeka tkun marbuta bih fir-rigward ta’ stati oħrajn jieħu preċedenza fuq il-Konvenzjoni tal-1996, sakemm ma tkunx saret dikjarazzjoni skont l-Artikolu 52(1) tal-Konvenzjoni tal-1996 (dikjarazzjoni ta’ dan it-tip saret fir-rigward tal-ftehim bilaterali reċiproku bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja, li żgura l-preċedenza tal-Konvenzjoni tal-1996).

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 06/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.