menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Responsabbiltà

Responsabbiltà tal-ġenituri tfisser id-drittijiet u l-obbligi kollha lejn tifel/tifla u l-assi tiegħu/tagħha. Għalkemm dan il-kunċett ivarja bejn l-Istati Membri, hu spiss ikopri l-kustodja u d-drittijiet ta' żjarat.

Jekk intom koppja internazzjonali b’tifel wieħed jew aktar u għaddejjin minn separazzjoni, jeħtieġ li taqblu dwar l-arranġamenti ta’ kustodja għalihom.


Minn fejn tibda?

X’inhi kustodja? X’inhuma d-drittijiet ta’ viżitazzjoni?

Sakemm il-ġenituri jgħixu flimkien, huma normalment għandhom il-kustodja tat-tfal tagħhom b’mod konġunt. Madankollu, jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, jeħtieġu li jiddeċiedu kif din ir-responsabbiltà se tiġi eżerċitata fil-futur.

Il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li t-tfal jgħixu b'mod alternat bejn iż-żewġ ġenituri, jew ma’ ġenitur wieħed. Fil-każ tal-aħħar, il-ġenitur l-ieħor normalment għandu d-dritt li jara t-tfal f’ċerti ħinijiet.

Id-drittijiet tal-kustodja jkopru wkoll drittijiet u dmirijiet oħra marbutin mal-edukazzjoni u l-kura tat-tfal, inkluż id-dritt li jieħdu ħsieb it-tfal u l-assi tagħhom. Il-ġenituri normalment ikollhom is-setgħa tal-ġenituri għat-tfal, iżda s-setgħa tal-ġenituri tista’ tingħata wkoll lil istituzzjoni li tiġi fdata bit-tfal.

Min jiddeċiedi dwar il-kustodja u d-drittijiet ta' viżitazzjoni?

Il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet bi ftehim reċiproku. Medjatur jew avukat jista’ jgħin jekk il-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim. Żur il-link fil-qiegħ ta’ din il-paġna biex issib medjatur.

Jekk il-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim jista’ jkollhom imorru l-qorti. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li ż-żewġ ġenituri jkollhom il-kustodja tat-tfal (kustodja konġunta) jew li wieħed mill-ġenituri jkollu l-kustodja (kustodja singola). Fil-każ li ġenituri wieħed biss ikollu l-kustodja, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar id-drittijiet ta' viżitazzjoni għall-ġenitur l-ieħor.

Fil-każ ta’ koppja internazzjonali, ir-regoli tal-UE li jiddeterminaw liema qorti għandha r-responsabbiltà li tittratta l-każ. Żur il-link fil-qiegħ ta’ din il-paġna biex issib il-qorti responsabbli.

L-għan ewlieni huwa li jiġi evitat li ż-żewġ ġenituri jindirizzaw il-qorti f’pajjiżhom stess u li jinħarġu żewġ deċiżjonijiet għall-istess każ. Il-prinċipju huwa li l-qorti responsabbli tkun il-qorti fil-pajjiż fejn it-tfal għandhom ir-residenza abitwali tagħhom.

Id-deċiżjoni tal-qorti tiġi infurzata fil-pajjiż l-ieħor tal-UE?

Mekkaniżmu għar-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet jiżgura li d-deċiżjoni tal-qorti tiġi applikata fil-pajjiżi l-oħra tal-UE ladarba tinħareġ. Dan jagħmilha aktar faċli għal dawk li għandhom is-setgħa tal-ġenituri li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

B’mod partikolari, sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor tal-UE mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali, u b’hekk tiġi appoġġata r-relazzjoni bejn it-tfal u ż-żewġ ġenituri.

Liema regoli tal-UE japplikaw?

Ir-regoli li jsolvu kwistjonijiet transfruntieri bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom huma parti mir-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegolament Brussell IIa. Dawn ir-regoli japplikaw bl-istess mod għat-tfal kollha, kemm jekk twieldu fiż-żwieġ kif ukoll jekk le. Ir-Regolament Brussell IIa huwa l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet tas-setgħa tal-ġenituri. Ir-Regolament ilu japplika mill-1 ta’ Marzu 2005 fil-pajjiżi kollha tal-UE ħlief fid-Danimarka.

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Links relatati

 


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 16/11/2017