Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Responsabbiltà - Polonja

LISTA TAL- KONTENUT

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Fil-Kodiċi tal-Familja u l-Kustodja Pollakk m’hemm l-ebda definizzjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Fil-letteratura legali Pollakka, responsabbiltà tal-ġenituri hija mifhuma bħala li tkopri sett ta’ obbligi u drittijiet tal-ġenituri fir-rigward ta’ minuri għall-għan tal-kura xierqa tal-minuri u l-assi tiegħu.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Iż-żewġ ġenituri għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri. Meta ġenitur wieħed ikun mejjet jew ma jkollux kapaċità legali sħiħa, il-ġenitur l-ieħor ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri. L-istess japplika fil-każ li r-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ xi wieħed mill-ġenituri tkun ġiet sospiża.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista’ tkun ukoll limitata b’deċiżjoni tal-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġenitur l-ieħor ikun intitolat li jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri sa fejn ikun speċifikat fid-deċiżjoni tal-qorti.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

F'każ li l-ġenituri ma jkunux jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, dawn jistgħu jagħmlu talba mal-qorti li tindirizza kwistjonijiet ta’ kustodja (sąd opiekuńczy) jew awtorità pubblika oħra biex il-minuri jitpoġġa taħt kura foster. F’każijiet ta’ urġenza estrema, fuq it-talba jew bil-kunsens tal-ġenituri tal-minuri, il-minuri jista’ jitqiegħed taħt il-kura ta’ familja foster abbażi ta’ ftehim bejn il-kap ta’ distrett (starosta) u familja foster jew persuni li għandhom dar ta’ familja foster (rodzinny dom dziecka).

Meta l-ġenituri ma jkunux iridu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq minuri, dawn jistgħu jagħtu l-kunsens għall-adozzjoni tiegħu. Hemm tliet forom ta’ adozzjoni skont il-liġi Pollakka: kompluta, kompluta u irrevokabbli (magħruf ukoll bħala “adozzjoni sħiħa”), u mhux kompluta.

Jekk l-interessi tal-minuri jitqiegħdu f’periklu mill-ġenituri meta jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri bil-mod dovut, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tagħhom tista’ tiġi ristretta mid-deċiżjoni tal-qorti li tindirizza kwistjonijiet ta’ kustodja u l-minuri jista’ jitqiegħed f’familja foster, f’dar ta’ familja foster, taħt kura foster istituzzjonali, f’ċentru ta’ kura u trattament, f’ċentru ta’ kura tal-infermiera, jew f’ċentru ta’ riabilitazzjoni terapewtika.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Meta tingħata sentenza dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, qorti Pollakka hija meħtieġa li ssolvi l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq minuri ħlief jekk ma jkollha l-ebda ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ responsabbiltà tal-ġenituri f’każ speċifiku. Waqt li tkun qed issolvi l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti Pollakka tista’ tieħu kont ta’ ftehim bil-miktub bejn il-miżżewġin dwar kif tkun se tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri, dment li tkun fl-aħjar interessi tal-minuri.

Jekk il-ġenituri jonqsu milli jaqblu, il-qorti tista’, wara li tikkunsidra d-dritt tat-tfal li jitrabbew miż-żewġ ġenituri:

1) tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju konġunt tar-responsabbiltà tal-ġenituri;

2) tagħti r-responsabbiltà tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri u tirrestrinġi r-responsabbiltà tal-ġenitur l-ieħor għal obbligi u drittijiet speċifiċi fir-rigward tal-minuri.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Ma hemm l-ebda forma speċifikata mil-liġi għal ftehim tal-ġenituri bħal dan. Madankollu, ta’ min jinnota li ftehim bejn il-ġenituri dwar kif tkun se tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri m’għandu l-ebda effett legali u jista’ jitqies sempliċiment bħala bażi għas-sentenza tal-qorti f’dan ir-rigward. Il-ftehim jista’ jintlaħaq ukoll permezz ta’ medjazzjoni. F’dak il-każ, dan isir bil-miktub u jiġi ffirmat miż-żewġ ġenituri u minn medjatur. Sabiex tkun legalment vinkolanti, il-ftehim irid jiġi approvat mill-qorti.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Il-ġenituri jistgħu jiġu megħjuna minn medjatur. Is-servizzi tal-medjazzjoni jiġu pprovduti abbażi ta’ ftehim ta’ medjazzjoni jew deċiżjoni tal-qorti li tirreferi l-ġenituri għal medjazzjoni. Il-ftehim jista’ jiġi konkluż ukoll permezz tal-kunsens ta’ ġenitur biex jimmedja meta l-ġenitur l-ieħor ikun talab medjazzjoni. Madankollu, soluzzjoni milħuqa bil-medjatur m’għandhiex il-forza legali ta’ sentenza tal-qorti qabel ma tiġi approvata mill-qorti.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Il-ġenituri jistgħu jmorru f’qorti fil-Polonja li tindirizza kwistjonijiet tal-kustodja fir-rigward ta’ bosta kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq minuri, bħal:

1) il-mod li bih ser tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ aċċess għall-minuri fil-każ li r-responsabbiltà tal-ġenituri tinqasam bejn iż-żewġ ġenituri li ma jgħixux flimkien;

2) riżoluzzjoni ta’ tilwima li tikkonċerna kwistjonijiet importanti fir-rigward tal-minuri f’każ li l-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar kif għandhom jiġu riżolti kwistjonijiet bħal dawn, inkluż id-determinazzjoni tal-post ta’ residenza, l-għażla tal-iskola, l-għażla tal-isem u l-kunjom, deċiżjonijiet li jikkonċernaw kura medika, ivvjaġġar barra mill-pajjiż, eċċ.

3) tranżazzjonijiet legali bejn minuri u ġenitur fejn tali tranżazzjonijiet legali jmorru lil hinn mill-immaniġġjar ordinarju tal-assi tal-minuri.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Iva. Jekk qorti tkun fdat l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri biss, dak il-ġenitur ikun liberu li jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw lill-minuri mingħajr ma jkollu għalfejn jikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor jew jikseb il-kunsens tiegħu.

Ġenitur jista’ jiġi mċaħħad mir-responsabbiltà tal-ġenituri mill-qorti li tindirizza kwistjonijiet ta’ kustodja jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma tkunx tista’ tiġi eżerċitata minħabba impediment permanenti, il-ġenitur ikun jabbuża mir-responsabbiltà tal-ġenituri jew ikun jittraskura b’mod qawwi l-obbligi tiegħu fil-konfront tal-minuri.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

L-għoti tal-kustodja konġunta lill-ġenituri jfisser li dawn jistgħu u għandhom jeżerċitaw l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-minuri. Dan ifisser, fost l-oħrajn, li kwistjonijiet importanti li jikkonċernaw il-minuri jiġu deċiżi b’mod konġunt mill-ġenituri, jew minn qorti li tindirizza kwistjonijiet ta’ kustodja meta ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-każijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri jinstemgħu mid-diviżjonijiet tal-familja u l-minuri tal-qrati tad-distretti (sądy rejonowe) (qrati li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ kustodja) b’ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza tal-minuri. Meta ma jkunx hemm bażi bħal din, il-ġuriżdizzjoni tinsab fil-Qorti Distrettwali tal-Belt Kapitali Varsavja.

Talba għandha titressaq flimkien maċ-ċertifikat tat-twelid tal-minuri, iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri (meta jkunu miżżewġin), dokumenti oħrajn li jappoġġjaw it-talba, bħal ċertifikati mediċi, ċertifikati tal-iskola, valutazzjonijiet edukattivi eċċ.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-każijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri jinstemgħu f’dik li hija magħrufa bħala proċedura mhux kontenzjuża, li hija inqas formali minn proċedura kontenzjuża.

Barra minn hekk, fuq it-talba ta’ parti fil-proċedimenti, il-qorti li tindirizza kwistjonijiet ta’ kustodja tista’ tagħti miżura provviżorja fil-mod li tqis xieraq taħt kondizzjonijiet speċifiċi. Id-deċiżjonijiet f’dan ir-rigward isiru effettivi u eżegwibbli meta jinħarġu.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-partijiet fil-proċedimenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri huma meħtieġa li jħallsu t-tariffi u l-ispejjeż previsti fl-Att dwar l-Ispejjeż Legali f’Kawżi Ċivili. Madankollu, skont l-Artikolu 102(1) tal-Att, parti fil-proċedimenti tal-qorti tista’ titlob eżenzjoni mill-ispejjeż legali billi tressaq dikjarazzjoni li ma tistax tħallas spejjeż bħal dawn mingħajr tbatija fuqha stess jew il-familja tagħha. It-talba għal eżenzjoni mill-ispejjeż legali għandha tiġi akkumpanjata minn dikjarazzjoni li tagħti l-istatus tal-familja, l-assi, l-introjtu u l-għajxien tar-rikorrent. Parti fil-proċedimenti tista’ tiġi eżentata parzjalment mill-ispejjeż legali mill-qorti fil-każ li tali parti tkun f’pożizzjoni li tħallas biss parti mit-tali spejjeż (l-Artikolu 101(1)).

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva. Appell kontra kwalunkwe deċiżjoni jista’ jitressaq quddiem qorti superjuri. Appelli kontra sentenzi li jingħataw minn qorti distrettwali (sąd rejonowy) dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu jitressqu quddiem qorti reġjonali (sąd okręgowy). Sentenzi li jingħataw minn qorti reġjonali (sąd okręgowy) li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fi proċedimenti għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ huma soġġetti għal appell quddiem il-qorti tal-appell (sąd apelacyjny).

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Il-korp tal-eżekuzzjoni tal-qorti f’każijiet li jikkonċernaw ir-ritorn ta’ minuri huwa tutur maħtur mill-qorti (kurator sądowy). Fil-każ li ma tiġix irrispettata s-sentenza tal-qorti li tordna r-ritorn ta’ minuri, il-persuna intitolata sabiex il-minuri jirritorna għandha titlob lill-qorti li ħarġet it-tali deċiżjoni biex tordna t-tneħħija obbligatorja tal-minuri permezz ta' tutur maħtur mill-qorti. F'każ li ma jkunx magħruf fejn tinsab il-persuna soġġetta għar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti twettaq investigazzjoni sabiex tistabbilixxi fejn tinsab. Id-digriet jingħata mill-qorti lil tutur maħtur mill-qorti fil-forma ta’ deċiżjoni, li tista’ tingħata f’sessjoni magħluqa. Ma jista’ jitressaq l-ebda appell kontra deċiżjoni bħal din. It-tutur maħtur mill-qorti jistabbilixxi d-data għat-tneħħija tal-minuri u jinnotifika l-persuna intitolata. It-tutur maħtur mill-qorti jista’ jneħħi l-minuri mingħand kwalunkwe persuna li l-minuri jkun qiegħed joqgħod magħha. Għal dan il-għan, it-tutur maħtur mill-qorti jista’ jfittex l-assistenza ta’ uffiċjali tal-pulizija, psikologi u l-bqija.

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi proċedura differenti fir-rigward ta’ sentenzi dwar arranġamenti ta’ kuntatt. F’dak il-każ, fuq it-talba ta’ persuna intitolata għal kuntatt mal-minuri, il-qorti li tindirizza kwistjonijiet tal-kustodja thedded li toħroġ mandat fil-konfront tal-persuna li għandha l-kustodja u li tonqos milli tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn sentenza jew soluzzjoni fir-rigward ta’ kuntatt mal-minuri, li teħtieġ il-ħlas ta’ ammont speċifiku lill-persuna intitolata għal kull ksur tal-obbligu. Fil-każ li persuna intitolata għal kuntatt mal-minuri jew ma’ persuna pprojbita minn tali kuntatt tikser l-obbligu impost mid-deċiżjoni, il-qorti li tindirizza kwistjonijiet ta’ kustodja thedded li tordna lil din il-persuna tħallas ammont speċifiku lill-persuna b’kustodja tal-minuri. Fil-każ li persuna ordnata mill-qorti li tindirizza kwistjonijiet ta’ kustodja biex tagħmel ħlas tkompli tonqos milli tissodisfa l-obbligu tagħha, il-qorti tal-kustodja tordna lit-tali persuna tħallas ammont dovut, li jiġi stipulat skont kemm-il darba kien hemm ksur.

Titolu jew ftehim eżekutorju li jikkonċerna l-kuntatt mal-minuri għandu jinhemeż mat-talba msemmija hawn fuq.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Id-dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli huma dawk tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u l-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Bħala regola, dawn is-sentenzi jiġu rikonoxxuti u eżegwiti mingħajr ebda proċedimenti addizzjonali. Madankollu, huwa possibbli li jiġi ppreżentat rikors għal rikonoxximent u eżekuzzjoni lil qorti reġjonali. Il-qorti reġjonali hija wkoll kompetenti biex teżamina talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibilità. Fiż-żewġ każijiet, it-talba għandha tissodisfa l-kriterji ta’ dokument proċedurali, li jfisser li din għandha speċifikament tistabbilixxi t-talba, il-fatti li jiġġustifikaw tali talba, u jekk il-partijiet ippruvawx jagħmlu medjazzjoni jew le.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Rikors għan-nonrikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija mill-qorti ta’ Stat Membru tal-UE għandha tiġi ppreżentata fil-qorti reġjonali li tkun ġeografikament kompetenti biex tikkunsidra l-kawża riżolta mis-sentenza tal-qorti barranija jew mal-qorti reġjonali tar-reġjun fejn tinsab il-qorti distrettwali ġeografikament kompetenti jew, u fin-nuqqas ta’ qrati bħal dawn, mal-Qorti Reġjonali f’Varsavja (Sąd Okręgowy w Warszawie). Id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent mogħti mill-qorti reġjonali hija soġġetta għal appell interlokutorju (zażalenie) u d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell hija soġġetta għal appell fil-kassazzjoni (skarga kasacyjna). Huwa possibbli wkoll li jintalab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti li jkunu ngħalqu b’deċiżjoni mhux appellabbli dwar ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni mhux appellabbli mogħtija f’dan ir-rigward. Tapplika proċedura mhux kontenzjuża.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi applikabbli fi kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ kuntatt mal-minuri hija stipulata fil-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal li saret fl-Aja fid-19 ta’ Ottubru 1996, jew fi ftehimiet bilaterali li l-Polonja hija parti minnhom. Meta l-ebda wieħed minn dawk l-istrumenti ma jkun japplika, japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat. Fil-każ li r-residenza abitwali tal-minuri tinbidel għal residenza f’pajjiż li mhuwiex parti għall-Konvenzjoni, il-liġi ta’ dak il-pajjiż tirregola t-tibdiliet sussegwenti kollha fil-kondizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-miżuri adottati fil-pajjiż tal-ewwel residenza abitwali preċedenti tal-minuri.

 

Din il-paġna web hija parti minn Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidafeedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 16/12/2020