Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Responsabbiltà - Slovenja

LISTA TAL- KONTENUT

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija relazzjoni legali rregolata mid-dritt tal-familja. Ir-relazzjonijiet jibdew meta titwieled tarbija jew meta tiġi ddeterminata l-paternità jew il-maternità. Fis-sistema legali tas-Slovenja, trabi li jitwieldu lil ġenituri mhux miżżewġa għandhom l-istess drittijiet u dmirijiet bħal dawk imwielda lil ġenituri miżżewġa. Il-leġiżlazzjoni tas-Slovenja kienet adottat sistema ta’ “adozzjoni sħiħa”, li jfisser li t-tfal adottati jiġu trattati bl-istess mod bħat-tfal bioloġiċi.

Il-bażi ġuridika tinsab fl-Artikolu 54 tal-Kostituzzjoni tas-Slovenja (Ustava Republike Slovenije), li skontu l-ġenituri għandhom id-dritt u d-dmir tal-manteniment, l-edukazzjoni u t-trobbija ta’ wliedhom. Dan id-dritt u d-dmir jista’ jiġi revokat jew ristrett biss għal raġunijiet stabbiliti fil-liġi sabiex jitħarsu l-interessi tal-minuri. Minuri li jitwieldu lil ġenituri mhux miżżewġa għandhom l-istess drittijiet bħal dawk imwielda lil ġenituri miżżewġa.

Il-ġenituri għandhom id-dritt u d-dmir li jaċċertaw, permezz ta’ kura diretta u l-ħidma u l-attivitajiet li jwettqu, l-iżvilupp fiżiku u mentali b’suċċess tal-minuri tal-wild tagħhom. Il-ġenituri għandhom id-dritt u d-dmir li jissalvagwardjaw il-ħajja, l-iżvilupp personali, id-drittijiet u l-interessi ta’ wild li ma jkunx għadu sar maġġorenni sabiex jaċċertaw li jgawdi minn trobbija b’saħħitha u żvilupp personali bbilanċat, u sussegwentement ikunu jistgħu jgħixu u jaħdmu b’mod indipendenti. Id-dritt tal-ġenituri jinkludi dawn id-drittijiet u d-dmirijiet. (L-Artikolu 4 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali (Zakon o zakonski zvezi in družinskih razmerjih))

Il-ġenituri jridu jissalvagwardjaw l-interessi tal-wild tagħhom fl-attivitajiet u l-proċeduri kollha li jirrigwardaw lill-wild. Il-ġenituri jitqiesu li qed jaħdmu fl-interessi tal-wild tagħhom jekk jissodisfaw il-bżonnijiet materjali, emozzjonali u psikosoċjali tal-wild tagħhom permezz ta’ kondotta li tissodisfa standards aċċettabbli u li hija meħtieġa biex tiżgura l-kura u r-responsabbiltà tal-wild tagħhom, filwaqt li jitqiesu kif dovut il-personalità u x-xewqat tal-wild. (L-Artikolu 5a tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Għal uliedhom, il-ġenituri jridu jipprovdu kundizzjonijiet għal trobbija b’saħħitha u żvilupp personali bbilanċat, u jgħinuhom jiżviluppaw il-kapaċità li jgħixu u jaħdmu b’mod indipendenti. Iridu jmantnu u jrabbu lil uliedhom, u jissalvagwardjaw saħħet u ħajjet uliedhom. Huma responsabbli biex jaċċertaw, sa fejn twassal l-abbiltà tagħhom, li uliedhom jingħataw edukazzjoni u taħriġ professjonali f’konformità mal-abbiltà, l-inklinazzjonijiet u x-xewqat ta’ wliedhom. L-ulied għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt maż-żewġ ġenituri u ż-żewġ ġenituri għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt ma’ uliedhom. (L-Artikoli 102, 103 u 106 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Ir-responsabbiltà ġuridika tal-ġenituri fil-konfront ta’ uliedhom hija stipulata fl-Artikolu 142 tal-Kodiċi tal-Obbligazzjonijiet (Obligacijski zakonik). Il-ġenituri huma responsabbli għal dannu kkawżat lil parti terza minn wild taħt l-età ta’ seba’ snin, irrispettivament minn jekk ikunux responsabbli għad-dannu kkawżat. Il-ġenituri huma responsabbli għal dannu kkawżat lil parti terza minn wild minorenni li jkollu aktar minn seba’ snin, sakemm ma jkunux jistgħu jipprovaw li ma kinux responsabbli għad-dannu kkawżat.

L-Artikolu 107 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali jirregola r-rappreżentanza ta’ wild fir-relazzjonijiet tal-wild mad-dinja ta’ hemm barra. L-ulied minorenni huma rappreżentati mill-ġenituri tagħhom. Jekk l-ulied minorenni jkollhom jiġu nnotifikati formalment jew tkun trid titwasslilhom xi ħaġa jew inkella jkunu jridu jiġu mgħarrfa b’xi ħaġa, wieħed mill-ġenituri jista’ jirċievi dan. Jekk il-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien, dan isir mill-ġenitur li miegħu jgħix il-wild. Jekk iż-żewġ ġenituri jkunu involuti fil-kura u fit-trobbija tal-wild, dawn iridu jaqblu dwar il-post tar-residenza permanenti tal-wild u dwar liema ġenitur se jirċievi kull korrispondenza għall-wild.

L-assi ta’ wild huma ġestiti mill-ġenituri tal-wild u fl-interess tal-wild sakemm il-wild isir maġġorenni. (L-Artikolu 109 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Id-dritt tal-ġenituri huwa eżerċitat kemm mill-missier kif ukoll mill-omm. (L-Artikolu 4 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Il-ġenituri jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-ġenituri permezz ta’ kunsens komuni f’konformità mal-interessi ta’ wliedhom. Meta l-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien u ma jkollhomx il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, it-tnejn li huma jiddeċiedu, permezz ta’ kunsens komuni u f’konformità mal-interessi ta’ uliedhom, dwar kwistjonijiet li jkollhom piż sinifikanti fuq l-iżvilupp ta’ wliedhom. Il-ġenitur bil-kustodja tal-wild ikun dak li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ħajja ta’ kuljum tal-wild. Meta jkun hemm impediment li ma jħallix li ġenitur minnhom jeżerċita d-dritt tiegħu tal-ġenituri, dan jiġi eżerċitat mill-ġenitur l-ieħor waħdu. (L-Artikolu 113 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Jekk ġenitur minnhom ma jkunx għadu ħaj jew ma jkunx magħruf, jew jekk jitneħħielhom id-dritt tal-ġenituri jew il-kapaċità ġuridika, id-dritt tal-ġenituri għandu jiġi eżerċitat mill-ġenitur l-ieħor. (L-Artikolu 115 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

L-ulied jistgħu jieħdu ħsiebhom persuni oħra jew istitut. Ċentru tas-servizzi soċjali (Center za socialno delo) jista’ jieħu lit-tfal mingħand il-ġenituri tagħhom u jpoġġihom fil-kustodja ta’ persuna oħra jew istitut jekk il-ġenituri b’negliġenza ma jkunux rabbew u provdew kura għal uliedhom jew jekk dan ikun fl-interess tat-tfal għal raġunijiet importanti oħra. (L-Artikolu 120 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Ċentru tas-servizzi soċjali jista’ jpoġġi lit-tfal f’foster care jekk ma jkollhom l-ebda familja tagħhom, jew min, għal diversi raġunijiet, ma jkunx jista’ jgħix mal-ġenituri tiegħu, jew lit-tfal li jkollhom l-iżvilupp fiżiku u mentali tagħhom mhedded mill-ambjent li jgħixu fih. (L-Artikolu 157 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali) Il-foster care hija rregolata f’aktar dettall mill-Att dwar il-Foster Care (Zakon o izvajanju rejniške dejavnosti).

Ġenitur adottiv jistgħu jieħu ħsieb lit-tfal. It-tfal jistgħu jiġu adottati biss jekk il-ġenituri tagħhom ma jkunux magħrufa, jekk ir-residenza tal-ġenituri tagħhom tkun ilha sena mhux magħrufa, jekk il-ġenituri tagħhom ikunu qablu, quddiem awtorità kompetenti, li jagħtu lil uliedhom għall-adozzjoni, jew jekk il-ġenituri tagħhom ikunu mietu. (L-Artikolu 141 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

L-ulied minorenni li ma jkollhomx ġenituri jew li l-ġenituri ma jkunux jieħu ħsiebhom għandhom jitpoġġew taħt il-kura ta’ tutur minn ċentru tas-servizzi soċjali. It-tutur ta’ wild minorenni jkun responsabbli għall-kura tal-wild daqslikieku kien ġenitur. (L-Artikoli 201 u 202 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li jkun beħsiebhom jisseparaw iridu jilħqu ftehim dwar il-kustodja tat-tfal li jkollhom flimkien, u dan jagħmluh fl-interessi ta’ dawk it-tfal. Jistgħu jaqblu li jżommu kustodja ndaqs ta’ wliedhom, li jagħtu l-kustodja lil wieħed mill-ġenituri jew li jaqsmu lil uliedhom bejniethom. Jekk, bejniethom, ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kustodja ta’ wliedhom lanqas bl-assistenza ta’ ċentru ta’ servizzi soċjali, qorti tista’ taqbel, meta ssir talba ta’ wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn, li l-kustodja tingħata lil wieħed mill-ġenituri jew li t-tfal jinqasmu bejn il-ġenituri. Minn rajha, il-qorti tista’ wkoll tiddeċiedi li l-kustodja tat-tfal kollha jew ta’ wħud minnhom għandha tingħata lil terza persuna. Qabel ma l-qorti tiddeċiedi, għandha l-obbligu li tistaqsi għall-opinjoni ta’ ċentru tas-servizzi soċjali rigward l-interessi tat-tfal. Il-qorti tqis ukoll l-opinjoni tat-tfal jekk din tingħata mit-tfal stess jew minn persuna fdata mit-tfal u li tkun intgħażlet mit-tfal stess, dment li t-tfal ikunu kapaċi jifhmu s-sinifikat u l-konsegwenzi tal-opinjoni. (L-Artikolu 105 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Meta qorti tannulla żwieġ, tiddeċiedi wkoll dwar il-kustodja u l-manteniment ta’ kull wild li l-konjuġi jkollhom flimkien u dwar il-kuntatt tagħhom mal-ġenituri rispettivi. (L-Artikolu 78 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Meta l-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien u ma jkollhomx il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, it-tnejn li huma jiddeċiedu, permezz ta’ kunsens komuni u f’konformità mal-interessi ta’ uliedhom, dwar kwistjonijiet li jkollhom piż sinifikanti fuq l-iżvilupp ta’ wliedhom. Il-ġenitur bil-kustodja tal-wild ikun dak li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ħajja ta’ kuljum tal-wild. (L-Artikolu 113 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li jkun beħsiebhom jisseparaw iridu jilħqu ftehim dwar il-kustodja tat-tfal li jkollhom flimkien, u dan jagħmluh fl-interessi ta’ dawk it-tfal. Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kustodja tat-tfal, jistgħu jipproponu li l-qorti toħroġ deċiżjoni dwar dan fi proċedura mhux litiġjuża. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, tiċħad il-proposta. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim bejniethom dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim lanqas bl-assistenza ta’ ċentru tas-servizzi soċjali, il-qorti toħroġ deċiżjoni meta ssir talba ta’ wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn. (L-Artikolu 105 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li jkun beħsiebhom jisseparaw jilħqu ftehim dwar il-manteniment tat-tfal li jkollhom flimkien. Jekk ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim bejniethom dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-manteniment tat-tfal li għandhom flimkien lanqas bl-assistenza ta’ ċentru tas-servizzi soċjali, il-qorti toħroġ deċiżjoni meta ssir talba ta’ wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn. (L-Artikolu 105a tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

L-ulied għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt maż-żewġ ġenituri u ż-żewġ ġenituri għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt ma’ uliedhom. Kuntatt bħal dan għandu jiżgura li jkunu ssodisfati l-interessi tat-tfal. Il-ġenitur li miegħu u fil-kustodja tiegħu jgħixu t-tfal, jew terza persuna li t-tfal jgħixu magħha, irid iżomm lura minn kull aġir li jostakola jew ma jħallix lit-tfal milli jżommu kuntatt mal-ġenitur l-ieħor jew mal-ġenituri tagħhom, u jrid jagħmel ħiltu biex iħeġġeġ lit-tfal jadottaw attitudni xierqa fil-konfront tal-kuntatt mal-ġenitur l-ieħor jew mal-ġenituri tagħhom. Il-ġenitur li jkollu kuntatt mat-tfal irid iżomm lura minn kull aġir li jostakola l-kura u t-trobbija tat-tfal. Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kuntatt, jistgħu jipproponu li l-qorti toħroġ deċiżjoni dwar dan fi proċedura mhux litiġjuża. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, tiċħad il-proposta. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-kuntatt lanqas bl-assistenza taċ-ċentru tas-servizzi soċjali, il-qorti toħroġ deċiżjoni meta ssir talba ta’ wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn. (L-Artikolu 106a tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

It-tfal għandhom ukoll id-dritt għal kuntatt ma’ persuni oħra li jkunu qraba u li jkollhom rabta personali mill-qrib mat-tfal, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għall-interessi tat-tfal. Tali persuni jitqiesu li huma, b’mod partikolari, in-nanniet tat-tfal, l-aħwa, l-aħwa mill-missier jew mill-omm, ġenituri foster preċedenti, u eks konjuġi jew il-konjuġi attwali jew is-sħab extrakonjugali ta’ wieħed mill-ġenituri. Il-ftehim dwar il-kuntatt għandu jintlaħaq mill-ġenituri tat-tfal, it-tfal (jekk ikunu kapaċi jifhmu l-importanza tal-ftehim) u l-persuni li t-tfal ikollhom rabta personali magħhom. Jekk ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim bejniethom dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Il-limitu sa fejn għandu jinżamm il-kuntatt u l-mod ta’ kif għandu jinżamm iridu jkunu fl-interess tat-tfal. Jekk il-ġenituri tat-tfal, il-ġenituri u l-persuni li jkollhom rabta personali mat-tfal jaslu għal ftehim dwar il-kuntatt, jistgħu jipproponu li l-qorti toħroġ deċiżjoni dwar dan fi proċedura mhux litiġjuża. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, tiċħad il-proposta. Jekk ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim lanqas bl-assistenza taċ-ċentru tas-servizzi soċjali, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kuntatt. (L-Artikolu 106a tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim bejniethom, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Jekk ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim lanqas bl-assistenza ta’ ċentru tas-servizzi soċjali, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Il-qorti tista’ tiddeċiedi li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu l-kustodja tat-tfal kollha jew li t-tfal għandhom jinqasmu bejn il-ġenituri. Minn rajha, il-qorti tista’ wkoll tiddeċiedi li l-kustodja tat-tfal kollha jew ta’ wħud minnhom għandha tingħata lil terza persuna. (L-Artikolu 105 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Il-qorti tiddeċiedi wkoll dwar il-manteniment tat-tfal u dwar il-kuntatt. (L-Artikoli 105a, 106 u 106a tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Biex tasal għal deċiżjoni dwar il-kuntatt, il-qorti tkun prinċipalment iggwidata mill-interessi tat-tfal. Il-proposta jew l-applikazzjoni għal deċiżjoni dwar il-kuntatt trid tkun akkumpanjata minn prova minn ċentru tas-servizzi soċjali kompetenti li tiddikjara li l-ġenituri ppruvaw jaslu għal ftehim dwar il-kuntatt bl-assistenza tiegħu. Il-qorti tista’ tneħħi jew tirrestrinġi d-dritt għall-kuntatt sa fejn dan ikun meħtieġ biex ikunu ssalvagwardjati l-interessi tat-tfal. Il-kuntatt ma jkunx fl-interessi tat-tfal jekk dan ipoġġi pressjoni psikoloġika fuq it-tfal jew jekk jikkomprometti l-iżvilupp fiżiku jew mentali tat-tfal. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-kuntatt għandu jseħħ taħt is-superviżjoni ta’ parti terza, jew li dan ma għandux jinvolvi assoċjazzjoni u kuntatt personali (jiġifieri li dan għandu jseħħ b’mod ieħor) jekk dan ma jkunx inkella fl-interessi tat-tfal. (L-Artikolu 106 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Il-manteniment jiġi ddeterminat tenut kont tal-bżonnijiet tar-rikorrent u l-kapaċitajiet materjali u ta’ qligħ tal-persuna b’obbligu li tħallas il-manteniment. Meta tikkalkula l-manteniment dovut lit-tfal, il-qorti trid taġixxi fl-interessi tat-tfal, u tistabbilixxi livell li jkun adegwat biex taċċerta l-iżvilupp fiżiku u mentali b’suċċess tat-tfal. (L-Artikoli 129 u 129a tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Jekk il-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien u ma jkollhomx il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, it-tnejn li huma jiddeċiedu, permezz ta’ kunsens komuni u f’konformità mal-interessi ta’ uliedhom, dwar kwistjonijiet li jkollhom piż sinifikanti fuq l-iżvilupp ta’ wliedhom. Jekk ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim bejniethom dwar il-kwistjoni, jassistihom ċentru tas-servizzi soċjali biex jaslu għalih. Il-ġenitur li jkollu kustodja tat-tfal ikun dak li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-ħajja ta’ kuljum tat-tfal. Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim dwar kwistjonijiet li jkollhom piż sinifikanti fuq l-iżvilupp ta’ wliedhom, lanqas bl-assistenza taċ-ċentru tas-servizzi soċjali, il-qorti toħroġ deċiżjoni, meta ssir talba ta’ wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn, fi proċedura mhux litiġjuża. (L-Artikolu 113 tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Dan ifisser li ż-żewġ ġenituri huma responsabbli ndaqs għat-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal u li t-tnejn iridu jkomplu jieħdu ħsieb lit-tfal.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-qrati distrettwali (okrožna sodišča) huma l-qrati b’ġurisdizzjoni ratione materiae f’tali każijiet. (L-Artikolu 32 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku))

Il-qorti tal-post fejn l-intimat ikollu r-residenza permanenti tiegħu għandha ġurisdizzjoni ratione loci ġenerali. Jekk qorti fis-Slovenja jkollha ġurisdizzjoni għaliex l-intimat ikollu residenza temporanja fis-Slovenja, il-qorti li tkopri ż-żona ta’ residenza temporanja tal-intimat ikollha l-ġurisdizzjoni ratione loci ġenerali. Jekk apparti r-residenza permanenti tiegħu, l-intimat ikollu wkoll residenza temporanja band’oħra u jkun jista’ jiġi preżunt, minħabba ċ-ċirkostanzi, li dan se jibqa’ jgħix hemmhekk għal perjodu estiż ta’ żmien, il-qorti li tkopri ż-żona ta’ residenza temporanja tal-intimati jkollha l-ġurisdizzjoni ratione loci ġenerali. (L-Artikolu 47 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Jekk f’tilwima dwar il-manteniment legali, l-attur ikun il-persuna li qed titlob il-manteniment, il-qorti li tkopri ż-żona ta’ residenza permanenti jew temporanja tal-attur ikollha l-ġurisdizzjoni, apparti l-qorti ta’ ġurisdizzjoni ratione loci ġenerali. Jekk f’tilwima dwar il-manteniment legali ma’ element internazzjonali, qorti fis-Slovenja jkollha ġurisdizzjoni għaliex l-atturi jkunu tfal b’residenza permanenti fis-Slovenja, il-qorti li tkopri ż-żona ta’ residenza permanenti tal-atturi jkollha ġurisdizzjoni ratione loci. Jekk f’tilwima dwar il-manteniment legali, qorti fis-Slovenja jkollha ġurisdizzjoni għaliex l-attur ikollu proprjetà fis-Slovenja li permezz tagħha jista’ jitħallas il-manteniment, il-qorti li tkopri ż-żona fejn tkun tinsab dik il-proprjetà jkollha ġurisdizzjoni ratione loci. (L-Artikolu 50 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Il-partijiet fil-proċedura u parteċipanti oħra fil-proċedura jridu jressqu kawżi, jippreżentaw appelli jew rikorsi oħra bil-lingwa Slovena jew bil-lingwa tal-komunità nazzjonali f’użu uffiċjali fil-qorti. (L-Artikolu 104 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Kawża trid tinkludi talba speċifika li tistipula s-suġġett prinċipali tal-każ u t-talbiet supplimentari, il-fatti abbażi ta’ liema tkun ibbażata t-talba tal-attur, il-provi li jissostanzjaw dawk il-fatti, u l-informazzjoni l-oħra kollha li għandu jkollha kull kawża (l-Artikolu 180 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

Skont l-Att, rikors huwa azzjoni legali, reazzjoni għal azzjoni legali, rimedju legali u argumenti, proposti jew komunikazzjonijiet oħra mressqa barra mill-kuntest tal-proċedimenti. Ir-rikors iridu jkunu komprensibbli u jinkludu dak kollu meħtieġ għal smigħ ġudizzjarju. B’mod partikolari, iridu jinkludu dan li ġej: referenza għall-qorti, l-ismijiet u l-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanja jew il-post ta; stabbiliment tal-partijiet, l-ismijiet tar-rappreżentanti legali jew tal-persuni bi prokura tagħhom, is-suġġett tat-tilwima u l-kontenut tal-argument. Ir-rikorrent irid jiffirma r-rikors, ħlief jekk dan ma jkunx jista’ jsir minħabba l-għamla tar-rikors. Il-firma oriġinali tar-rikorrent għandha titqies li tkun il-firma bil-miktub, kif ukoll firma elettronika sigura vverifikata permezz ta’ ċertifikat ikkwalifikat. Jekk l-argument jinkludi talba, il-parti trid, fir-rikors, tiddikjara l-fatti li fuqhom jibbaża r-rikors, u fejn ikun meħtieġ, l-evidenza. (L-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Meta titressaq azzjoni legali, iridu jitħallsu tariffi tal-qorti. It-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu sa mhux aktar tard mill-iskadenza stabbilita mill-qorti fl-ordni ta’ ħlas tat-tariffi tal-qorti. (L-Artikolu 105a tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Ir-rikors iridu jiġu ppreżentati bil-miktub. Rikors bil-miktub huwa rikors li jkun inkiteb jew stampat u ffirmat bl-idejn mir-rikorrent (rikors f’għamla fiżika) jew rikors f’għamla elettronika li jkun ġie ffirmat permezz ta’ firma elettronika sigura vverifikata permezz ta’ ċertifikat ikkwalifikat. Rikors bil-miktub jintbagħat bil-posta, elettronikament, bl-użu ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni, jitwassal direttament lil awtorità jew jitwassal minn persuna mqabbda professjonalment biex tissottometti r-rikorsi (fornitur kummerċjali). Ir-rikorsi elettroniċi jiġu ppreżentati elettronikament fis-sistema ta’ informazzjoni. Is-sistema ta’ informazzjoni tikkonferma awtomatikament lir-rikorrent li r-rikors ikun ġie riċevut. Ir-rikors jistgħu jitressqu wkoll bil-formula preskritta jew imħejjija mod ieħor. (L-Artikolu 105b tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

Ir-rikorsi li jridu jitwasslu lill-parti opposta jridu jiġu ppreżentati lill-qorti fl-għadd ta’ kopji rikjest mill-qorti u mill-parti opposta, u f’għamla li tippermetti li l-qorti tkun tista’ twassalhom. Dan japplika wkoll għad-dokumenti mehmużin. Ir-rikors u d-dokumenti mehmużin li jintbagħtu b’mod elettroniku u li jridu jintbagħtu lill-parti opposta jintbagħtu fl-għamla ta’ kopja waħda. Il-qorti tagħmel biżżejjed kopji elettroniċi jew fotokopji daqs kemm tkun teħtieġ il-parti opposta. (L-Artikolu 106 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili) Id-dokumenti mehmużin mar-rikors jistgħu jkunu oriġinali jew kopji. (L-Artikolu 107 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-qorti distrettwali tiddeċiedi bi proċedura ċivili, sakemm il-liġi ma tkunx tistipula li għandha tagħmel dan bi proċedura mhux litiġjuża. Il-qrati jirrisolvu l-kwistjonijiet irregolati mill-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali bħala kwistjoni prijoritarja. (L-Artikolu 10a tal-Att dwar iż-Żwiġijiet u r-Relazzjonijiet Familjali)

Matul il-proċedimenti f’tilwimiet li jinvolvu r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, il-qorti tista’, meta ssir talba minn parti jew minn rajha, toħroġ miżuri interim (mandat ta’ inibizzjoni temporanja) dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal, kif ukoll miżuri interim dwar it-tneħħija jew ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ kuntatt jew dwar il-metodu ta’ kif il-kuntatt għandu jsir. Il-miżuri interim jinħarġu skont il-proċeduri tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet (Zakon o izvršbi in zavarovanju). (L-Artikolu 411 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, tista’ tinkiseb għajnuna legali biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-proċedura. L-imħallef presedenti tal-qrati distrettwali jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-għajnuna legali. (L-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (Zakon o brezplačni pravni pomoči))

Tista’ tiġi approvata għajnuna legali għall-pariri legali, konsulenza legali u servizzi legali oħra previsti mil-liġi, għal kull forma ta’ protezzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati kollha b’ġurisdizzjoni ġenerali u l-qrati speċjalizzati fis-Slovenja, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja (Ustavno sodišče Republike Slovenije) u quddiem l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet u l-persuni fis-Slovenja kompetenti biex jiddeċiedu dwar is-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim, u għal rinunzja tal-ħlas tal-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja. (L-Artikolu 7 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

Dawk intitolati għall-għajnuna legali skont dan l-att huma: 1. iċ-ċittadini tas-Slovenja; 2. ċittadini barranin b’residenza permanenti jew temporanja fis-Slovenja u persuni mingħajr ċittadinanza (persuni mingħajr Stat) b’residenza legali fis-Slovenja; 3. ċittadini barranin oħra skont il-kundizzjonijiet tar-reċiproċità jew skont kundizzjonijiet u f’każijiet definiti fi trattati internazzjonali vinkolanti għas-Slovenja; 4. organizzazzjonijiet nongovernattivi u assoċjazzjonijiet li joperaw mingħajr skop ta’ qligħ u fl-interess pubbliku, u li huma rreġistrati fir-reġistru korrispondenti f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, f’tilwimiet relatati mat-twettiq tal-attivitajiet fl-interess pubbliku jew bl-intenzjoni li jkunu ġew stabbiliti għaliha; 5. persuni oħra li għalihom il-liġi jew trattat internazzjonali vinkolanti għas-Slovenja jippreskrivi intitolament għall-għajnuna legali. (L-Artikolu 10 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

Persuna intitolat għall-għajnuna legali tista’ titlob għajnuna legali matul kwalunkwe stadju tal-proċedimenti. Fid-deċiżjonjiet dwar it-talbiet għall-għajnuna legali, jiġi stabbilit l-istatus finanzjarju tar-rikorrent, kif ukoll kundizzjonijiet oħra stipulati fl-Att. (L-Artikolu 11 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Iva, il-kompetenza li tiddeċiedi dwar appelli minn deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li tkun ittieħdet minn qorti distrettwali hija ta’ qorti superjuri (višje sodišče). (L-Artikolu 35 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili) Appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li tat is-sentenza tal-Prim’Istanza, f’biżżejjed kopji għall-qorti u għall-parti opposta. (L-Artikolu 342 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma stipulati fl-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet. Sakemm il-qorti ma tistipulax mod ieħor, il-qorti lokali (okrajno sodišče) ikollha ġurisdizzjoni ratione materiae biex tippermetti l-eżekuzzjoni. (L-Artikolu 5 tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet)

Il-qorti b’ġurisdizzjoni ratione loci biex tiddeċiedi dwar proposta għal eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-kustodja ta’ minuri u għall-eżekuzzjoni nnifisha hija l-qorti li tkopri ż-żona tar-residenza permanenti jew temporanja tal-persuna li tkun ingħatat il-kustodja jew il-qorti li tkopri ż-żona tar-residenza permanenti jew temporanja tal-persuna li kontriha tkun tressqet il-proposta għall-eżekuzzjoni. Il-qorti li tkopri ż-żona li fiha jkunu jinsabu t-tfal hija wkoll il-qorti b’ġurisdizzjoni ratione loci fuq l-eżekuzzjoni diretta. (L-Artikolu 238a tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet)

Taħt ordni ta’ eżekuzzjoni, l-obbligu ta’ konsenja ta’ minuri jkun impost fuq il-persuna kkonċernata mill-istrument ta’ eżekuzzjoni, il-persuna li mir-rieda tagħha tkun tiddependi l-konsenja tal-minuri u l-persuna ma’ min ikunu l-minuri fil-mument li tinħareġ l-ordni. Fl-ordni ta’ eżekuzzjoni, il-qorti tiddikjara li d-dover ta’ konsenja tal-minuri huwa wkoll effettiv fil-konfront ta’ kull persuna oħra ma’ min ikunu l-minuri fil-mument li sseħħ l-eżekuzzjoni. (L-Artikolu 238c tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet)

Filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u sabiex tħares l-interessi tat-tfal, il-qorti tiddeċiedi jekk teżegwix id-deċiżjoni dwar il-kustodja tat-tfal billi timponi multa fuq il-persuna kkonċernata mill-ordni ta’ eżekuzzjoni jew billi tneħħi lit-tfal u tikkonsenjahom lill-persuna li tkun ingħatatilha l-kustodja tagħhom. (L-Artikolu 238č tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija tat-Talbiet)

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Deċiżjoni tal-qorti dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija rikonoxxuta u eżegwita f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Il-qorti tapplika proċedura mhux litiġjuża skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Litiġjuża (Zakon o nepravdnem postopku).

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-qrati distrettwali kollha għandhom il-kompetenza li jamministraw talbiet għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibilità.

Il-qorti li tkun iddikjarat deċiżjoni ġudizzjarja bħala eżegwibbli tkun il-qorti bil-kompetenza li tamministra rimedju legali kontra deċiżjoni ġudizzjarja li tiddikjara l-eżegwibilità.

Il-qorti tapplika proċedura mhux litiġjuża skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Mhux Litiġjuża.

Lista tal-Qrati Distrettwali PDF(244 Kb)sl

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Skont l-Att dwar il-Proċedura u d-Dritt Internazzjonali Privat (Zakon o mednarodnem zasebnem pravu in postopku), ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal jiġu vvalutati skont il-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom. Jekk il-ġenituri u t-tfal ikollhom nazzjonalità ta’ pajjiżi differenti, tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż li fih ilkoll ikollhom ir-residenza permanenti. Jekk il-ġenituri u t-tfal ikollhom nazzjonalità ta’ pajjiżi differenti u ma jkollhomx residenza permanenti fl-istess pajjiż, tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tat-tfal. (L-Artikolu 42)


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 09/08/2019