Close

BETA VERSION OF THE PORTAL IS NOW AVAILABLE!

Visit the BETA version of the European e-Justice Portal and give us feedback of your experience!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - il-Kroazja

Please note that the original language version of this page Croatian has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: English have already been translated.

LISTA TAL- KONTENUT

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Fir-Repubblika tal-Kroazja, it-termini għall-proċeduri ċivili huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 111 - 114 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri. 53/91, 91/92, 112/99, 129/00, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 96/08, 84/08, 123/08, 57/11, 25/13 u 89/14; minn hawn ’il quddiem: ZPP).

Terminu huwa perjodu ta’ żmien speċifiku li matulu tista’ tittieħed azzjoni proċedurali, jew li qabel l-iskadenza tiegħu ma tistax tittieħed tali azzjoni.

Il-liġi proċedurali Kroata tirrikonoxxi diversi tipi ta’ termini:

• termini statutorji (zakonski) u ġudizzjarji (sudski) — it-tul ta’ żmien tat-termini statutorji huwa stabbilit mil-liġi u ma jistax jitbiddel mill-qorti jew mill-partijiet, u t-tul ta’ żmien tat-termini ġudizzjarji huwa stabbilit mill-qorti, fid-diskrezzjoni tagħha għal kull każ speċifiku, fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni legali.

• termini li jistgħu jiġu estiżi (produživi) u li ma jistgħux jiġu estiżi (neproduživi) — it-termini statutorji ma jistgħux jiġu estiżi, filwaqt li t-termini ġudizzjarji jistgħu jiġu estiżi, kif deċiż mill-qorti, iżda biss fuq il-mozzjoni ta’ persuna kkonċernata, fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex tagħmel dan (l-Artikolu 111(2) taz-ZPP);

• termini suġġettivi (subjektivni) u oġġettivi (objektivni) — termini suġġettivi huma dawk li l-bidu tagħhom jiddependi fuq li l-persuna awtorizzata tikseb għarfien ta’ avveniment li huwa rilevanti għall-kalkolu tat-terminu u t-termini oġġettivi jiġu kkalkolati minn meta jseħħ il-fatt rilevanti, irrispettivament mill-persuna awtorizzata li tikseb għarfien tiegħu;

• termini ta’ preskrizzjoni negattiva (prekluzivni) u termini indikattivi (instruktivni) — in-nuqqas ta’ konformità ma’ terminu ta’ preskrizzjoni negattiva jwassal għat-telf tad-dritt li titwettaq l-azzjoni proċedurali sussegwentement, filwaqt li n-nuqqas ta’ konformità ma’ terminu indikattiv ma jwassalx għal konsegwenzi dannużi u l-azzjoni proċedurali tista’ titwettaq sussegwentement;

• termini minimi (dilatorni) u termini għall-eżekuzzjoni (paricijski) — termini minimi jfissru li azzjoni proċedurali ma tistax tittieħed qabel ikun għadda perjodu ta’ żmien partikolari, filwaqt li t-termini għall-eżekuzzjoni jfissru li l-qorti ma tistax twettaq attività partikolari qabel ma jkun skada t-terminu għall-eżekuzzjoni;

• termini ċivili (građanskopravni) u proċedurali (procesnopravni) — termini ċivili jfissru dawk li jiffissaw perjodu ta’ żmien sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni jew jiġu ssodisfati d-dmirijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-liġi sostantiva ċivili, filwaqt li t-termini proċedurali jiffissaw perjodu ta’ żmien sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni jew jiġu ssodisfati d-dmirijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-liġi proċedurali (ċivili).

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Fir-Repubblika tal-Kroazja, il-lista ta’ jiem mhux tax-xogħol hija rregolata mill-Att dwar il-Btajjel, il-Jiem ta’ Tifkira u l-Jiem Mhux tax-Xogħol fir-Repubblika tal-Kroazja (Zakon o blagdanima, spomendanima i neradnim danima u Republici Hrvatskoj) (NN Nri 33/96, 96/01, 13/02, 136/02, 112/05, 59/06, 55/08, 74/11, 130/11).

Il-btajjel pubbliċi fir-Repubblika tal-Kroazja huma dawn li ġejjin:

L-1 ta’ Jannar - L-Ewwel tas-Sena

Is-6 ta’ Jannar - L-Epifanija

Ħadd il-Għid u t-Tnejn ta’ wara l-Għid

Corpus Christi

L-1 ta’ Mejju - Jum il-Ħaddiem

It-22 ta’ Ġunju - Il-Jum tal-Ġlieda Kontra l-Faxxiżmu

Il-25 ta’ Ġunju - Jum is-Sovranità

Il-5 ta’ Awwissu - Jum il-Vitorja u r-Radd il-Ħajr u l-Jum iddedikat lill-Veterani tal-Patrija

Il-15 ta’ Awwissu - L-Assunzjoni

It-8 ta’ Ottubru - Jum l-Indipendenza

L-1 ta’ Novembru - Jum il-Qaddisin Kollha

Il-25 ta’ Diċembru - Il-Milied

Is-26 ta’ Diċembru - L-Għada tal-Milied/Il-Jum iddedikat lil San Stiefnu

Fir-Repubblika tal-Kroazja, il-btajjel pubbliċi huma jiem mhux tax-xogħol.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

It-termini jiġu kkalkolati f’jiem, xhur u snin.

Ir-regoli dwar il-kalkolu tat-termini japplikaw għat-termini kollha. It-termini jiġu kkalkolati f’jiem sħaħ, minn nofs il-lejl sa nofs il-lejl (computatio civilis, a die ad diem) u mhux minn mument għal mument, billi jiġu kkalkolati s-sigħat u l-minuti (computation naturalis, a momento ad momentum). Għal aktar informazzjoni dwar ir-regoli ġenerali, ara r-risposta taħt 1).

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Id-data tal-bidu hija d-data tal-bidu tal-proċeduri jew ta’ xi azzjoni oħra (pereżempju, notifika, avviż) minn meta jrid jiġi kkalkolat it-tul taż-żmien. Id-data tal-bidu mhijiex inkluża fit-termini espressi f’jiem. L-ewwel jum li jkun imiss jitqies bħala l-bidu tat-terminu.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Ir-regola ġenerali tan-notifika hija li din trid tiġi effettwata f’jum tax-xogħol u speċifikament mis-sebgħa (7) ta’ filgħodu sat-tmienja (8) ta’ filgħaxija, fir-residenza jew fuq il-post tax-xogħol tal-persuna li għandha tingħata n-notifika, jew fil-qorti meta l-persuna msemmija tkun tinsab hemmhekk. L-eċċezzjoni għar-regola msemmija fuq, jiġifieri li n-notifika għandha tiġi effettwata f’jum tax-xogħol u speċifikament mis-sebgħa (7) ta’ filgħodu sat-tmienja (8) ta’ filgħaxija, ma tapplikax għal notifika bil-posta jew minn nutar pubbliku.

In-notifika tista’ tiġi effettwata wkoll f’ħin u post ieħor bil-kunsens tal-persuna li għandha tingħata n-notifika

Jekk il-qorti tqis li jkun meħtieġ, hija toħroġ ordni sabiex in-notifika tiġi effettwata fi kwalunkwe post ieħor jew fi kwalunkwe ħin ieħor. Fil-każ ta’ din il-forma ta’ notifika, il-persuna li lilha tiġi kkomunikata l-komunikazzjoni għandha tingħata kopja tad-deċiżjoni tal-qorti li biha din tkun ġiet ordnata. Din id-deċiżjoni ma għandhiex bżonn tinkludi spjegazzjoni.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Jekk terminu jkun ġie kkalkolat f’jiem, il-jum meta saret in-notifika jew il-jum meta seħħ l-avveniment minn meta beda jiddekorri t-terminu ma jiġix inkluż f’tali terminu. Minflok, it-terminu għandu jibda fl-ewwel jum li jkun imiss.

Pereżempju, jekk l-avveniment minn meta beda perjodu ta’ żmien ta’ 15-il jum seħħ fil-5 ta’ Frar, it-terminu ta’ 15-il jum jiskadi f’nofs il-lejl fl-20 ta’ Frar.

Għalhekk, il-kalkolu tat-terminu ma jibdiex f’dak il-jum li jkun seħħ avveniment (dies a quo), iżda fil-jum ta’ wara.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Meta terminu jiġi espress f’jiem, in-numru ta’ jiem indikat jirreferi għal jiem kalendarji. Madankollu, jekk l-aħħar jum ta’ terminu jaqa’ fi btala pubblika jew nhar ta’ Ħadd jew fi kwalunkwe jum ieħor meta l-qorti ma tkunx miftuħa, tali terminu jiskadi fl-aħħar tal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

It-termini kkalkolati f’xhur jew snin jiġu fi tmiemhom fl-aħħar tal-jum tal-aħħar xahar jew sena li jkollhom l-istess numru bħall-jum li fih beda jiddekorri t-terminu.

Jekk ma jkun hemm ebda data bħal din fl-aħħar xahar, it-terminu jiskadi fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Ara l-punt 8.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Terminu ffissat minn qorti jista’ jiġi estiż darba biss fuq il-mozzjoni ta’ persuna kkonċernata jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi għal dan.

Il-mozzjoni għandha tiġi ppreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu li għalih tintalab estensjoni.

Ma hemm ebda appell kontra deċiżjoni dwar l-estensjoni ta’ terminu.

It-terminu estiż jibda fl-ewwel jum li jkun imiss wara l-iskadenza tat-terminu li għalih intalbet l-estensjoni.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Il-partijiet jistgħu jressqu appell kontra sentenza mogħtija minn qorti tal-prim’istanza fi żmien ħmistax-il jum mid-data meta tiġi nnotifikata kopja tas-sentenza, sakemm dan l-Att ma jipprevedix terminu ieħor. F’tilwimiet li jinvolvu kontrolli u kambjali, dan it-terminu jkun ta’ tmint ijiem.

Barra minn hekk, fi proċeduri għal talbiet żgħar, proċeduri quddiem qrati kummerċjali u tilwimiet relatati mal-impjiegi, it-terminu sabiex jitressaq appell huwa ta’ tmint ijiem.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Terminu ffissat minn qorti jista’ jiġi estiż darba biss fuq il-mozzjoni ta’ persuna kkonċernata jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi għal dan.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Ir-regoli tal-proċedura ċivili fir-Repubblika tal-Kroazja ma jipprevedu ebda estensjoni tat-terminu skont il-post tar-residenza tal-partijiet.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Il-konsegwenzi jiddependu fuq in-natura legali tal-iskadenzi, jiġifieri, fil-każ ta’ termini statutorji li ma jistgħux jiġu estiżi u fejn il-parti tonqos milli tieħu azzjoni proċedurali fit-terminu preskritt, tali nuqqas ta’ osservanza tal-iskadenza jirriżulta fit-telf tad-dritt li sussegwentement tittieħed l-azzjoni proċedurali.

Min-naħa l-oħra, hemm termini li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ma jirriżultax fit-telf tad-dritt li sussegwentement tittieħed azzjoni, u dawn it-termini ssir referenza għalihom bħala indikattivi.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Jekk parti tonqos milli tidher f’seduta ta’ smigħ jew milli tilħaq skadenza sabiex tieħu azzjoni fil-proċedimenti u, għal dik ir-raġuni, titlef id-dritt li tieħu dik l-azzjoni, il-qorti tista’ tippermetti lil dik il-parti, fuq mozzjoni tagħha stess, li tieħu dik l-azzjoni aktar tard (mozzjoni sabiex jitreġġa’ lura status preċedenti), jekk hija tqis li kien hemm raġunijiet leġittimi għall-ommissjoni.

Il-mozzjoni għandha titressaq fi żmien tmint ijiem mill-jum meta tkun waqfet teżisti r-raġuni għall-ommissjoni; jekk il-parti tkun saret taf bl-ommissjoni aktar tard, il-perjodu ta’ żmien imsemmi fuq jibda jiddekorri minn dakinhar li hija tkun saret taf biha. Wara l-iskadenza ta’ xahrejn mid-data tal-ommissjoni, ma tista’ titressaq ebda mozzjoni sabiex jitreġġa’ lura status preċedenti.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2018