Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Portugall

LISTA TAL- KONTENUT

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Iż-żmien iħalli r-riperkussjonijiet fid-dinja ġuridika. F'materji ċivili, sitwazzjonijiet ġuridiċi huma affettwati u limitati minn żewġ tipi differenti ta' termini: ċivili u proċedurali. It-termini huma suġġetti għal regoli u metodi partikolari ta' kalkolu skont ikunux sostantivi jew proċedurali.

Sakemm ma jkunx stipulat espressament mod ieħor, l-iskadenzi stabbiliti mil-liġi huma ċivili.

Fir-rigward tal-iskadenzi f'materji ċivili, il-leġiżlazzjoni Portugiża tagħmel referenza speċifika għal perjodi ta' preskrizzjoni, skadenza u nuqqas ta' użu (l-Artikolu 298 tal-Kodiċi Ċivili).

Id-dritt li tinvoka l-preskrizzjoni teżisti meta d-detentur ta' dritt partikolari ma jkunx eżerċita d-dritt waqt perjodu statutorju, sakemm id-dritt ikun liberament disponibbli u mhux eżentat mil-liġi. L-importanza taċ-ċertezza u s-sikurezza tar-relazzjonijiet ġuridiċi hija b'hekk riaffermata billi ma tħallix l-eżerċitar tad-drittijiet pendenti għal perjodu indefinit. Il-preskrizzjoni trid tkun invokata mill-persuna li tibbenefika minnha; ma tistax tiġi invokata mill-qorti ex officio.

L-iskadenza ta' perjodu tfisser il-waqfa, mingħajr effett retroattiv, ta' dritt jew sitwazzjoni ġuridika meta jiskadi perjodu speċifikat.

Jekk ikun stabbilit fil-materja mhux fid-diskrezzjoni tal-partijiet, l-iskadenza ta' perjodu tiġi invokata mill-qorti ex officio u tista' tkun mitluba f'kull stadju tal-proċediment. Jekk ikun stabbilit fil-materja fid-diskrezzjoni tal-partijiet, trid tkun invokata fil-qorti jew barra mill-qorti biex tkun effettiva.

In-nuqqas ta' użu tfisser in-nuqqas ta' eżerċitar ta' dritt għall-użu totali jew parzjali ta' xi ħaġa, jiġifieri t-tgawdija tal-benefiċċji jew tal-vantaġġi ekonomiċi tagħha, matul perjodu statutorju. Din tirriżulta fl-estinzjoni tad-dritt korrispondenti.

In-nuqqas ta' użu ma jistax jiġi invokat mill-qorti ex officio.

It-termini proċedurali huma stipulati bil-liġi biex jipproduċu effett speċifiku fuq kawża (pereżempju, it-termini għall-ftuħ jew għall-kontestazzjoni ta' kawża), u t-terminu jkun jew dilatorju jew perentorju.

Termini dilatorji jiddiferixxu għal żmien partikolari l-possibbiltà ta' prestazzjoni ta' att jew il-ħin biex jibda perjodu ieħor.

Meta terminu perentorju jsegwi terminu dilatorju, iż-żewġ perjodi jgħoddu bħala wieħed.

Terminu proċedurali jista' jkun stabbilit mil-liġi jew minn ordni tal-qorti.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Jiem li mhumiex tax-xogħol fil-Portugall skont ir-Regolament ta' hawn fuq huma:

l-1 ta' Jannar, il-Ġimgħa l-Kbira, il-25 ta' April, l-1 ta' Mejju, l-10 ta' Ġunju, il-15 ta' Awwissu, it-8 u l-25 ta' Diċembru.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Ir-regola ġenerali fid-dritt proċedurali ċivili Portugiż hija li fin-nuqqas ta' dispożizzjoni speċifika, it-terminu huwa ta' għaxart ijiem għall-partijiet biex iressqu talba għal kwalunkwe att jew proċediment ġudizzjarju, jitolbu n-nullità, jippreżentaw eċċezzjoni inċidentali jew jeżerċitaw kull dritt proċedurali ieħor; it-terminu huwa wkoll ta' għaxart ijiem biex parti twieġeb għat-talba tal-parti l-oħra (l-Artikolu 149 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Bħala regola, it-terminu għal kull tweġiba dejjem jibda jgħodd min-notifika tal-att ikkonċernat (l-Artikolu 149(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

In-notifiki lill-partijiet waqt il-proċedimenti jsiru lir-rappreżentanti legali tagħhom.

Meta n-notifika tkun intenzjonata li tistieden lil parti biex tidher personalment, minbarra li jiġi nnotifikat ir-rappreżentant, jintbagħat ukoll avviż ta' konsenja rreġistrata bil-posta lill-parti stess, bl-indikazzjoni tad-data, il-post u r-raġuni għall-preżenza.

Ir-rappreżentanti jkunu nnotifikati bil-posta elettronika (għal kjarifika ulterjuri (ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidal-Ordni ta' Implimentazzjoni (Portaria) Nru 280/13 tas-26 ta' Awwissu 2013), u s-sistema kompjuterizzata tiċċertifika d-data ta' meta tkun saret in-notifika, li tkun preżunta li saret fit-tielet jum wara li tkun tħejjiet jew fl-ewwel jum tax-xogħol ta' wara, jekk dak il-jum ma jkunx jum tax-xogħol.

Ċitazzjoni b'ittra ta' konsenja rreġistrata, bi rċevuta, "titqies li seħħet fil-jum li fih tiġi ffirmata l-irċevuta u li tkun ġiet effettwata mid-destinatarju anke jekk l-irċevuta tkun iffirmata minn persuna terza, bil-preżunzjoni, sakemm ma jkunx hemm evidenza kuntrarja, li l-ittra ġiet ikkonsenjata fil-pront lir-riċevitur" (l-Artikolu 230(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Fil-każ ta' proċedimenti għall-issodisfar ta' obbligi pekunjarji li jkunu ġejjin minn kuntratti bil-miktub fejn il-partijiet ikunu għażlu l-indirizz tan-notifika tagħhom, iċ-ċitazzjoni tintbagħat bil-posta fl-indirizz magħżul, sakemm il-valur tal-proċedimenti ma jkunx jaqbeż it-EUR 30 000,00 jew, f'każ li jkun jaqbeż dan l-ammont, l-obbligu tat-tkomplija tal-forniment tal-prodotti jew servizzi. Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jiffirma l-irċevuta jew li jirċievi l-ittra, il-pustier jagħmel nota tal-inċident qabel ma jirritorna l-ittra, u ċ-ċitazzjoni titqies li tkun ġiet effettwata fuq il-bażi tal-inċident annotat. Il-mument rilevanti li l-perjodu jibda jgħodd minnu huwa d-data tal-inċident annotat.

Jekk l-ittra tiġi rritornata minħabba li d-destinatarju ma jkunx ġabru mill-uffiċċju postali fit-terminu statutorju jew minħabba li persuna li mhix il-persuna nnotifikata tirrifjuta li tiffirma l-irċevuta jew li tirċievi l-ittra, iċ-ċitazzjoni terġa' ssir u tintbagħat ittra oħra rreġistrata bi rċevuta lill-persuna li trid tiġi nnotifikata. F'dan il-każ, l-ittra nnifisha - bil-forma approvata uffiċjalment - titħalla fil-post flimkien ma' kopja tal-informazzjoni obbligatorja kollha. Il-pustier irid jannota d-data u l-post preċiż tal-impustar tal-ittra u minnufih jgħaddi l-annotazzjoni taċ-ċitazzjoni lill-qorti. Jekk ma jkunx possibbli li l-ittra tkun impustata fil-kaxxa tal-ittri tal-persuna nnotifikata, il-pustier iħalli n-nota għad-destinatarju. F'dan il-każ, iċ-ċitazzjoni titqies li ġiet effettwata fid-data annotata mill-pustier jew, jekk tħalliet nota, fit-tmien jum wara dik id-data (id-destinatarju jkun avżat b'dan fl-iktar ittra reċenti mibgħuta lilu). Huwa f'dan il-punt li jibda jgħodd t-terminu proċedurali mibdi miċ-ċitazzjoni.

Meta ċitazzjoni tkun effettwata minn rappreżentant legali, marixxall jew uffiċjal ġudizzjarju, it-terminu jibda jgħodd minn meta l-persuna notifikata tiffirma l-irċevuta taċ-ċitazzjoni.

Il-liġi proċedurali ċivili tistipula għal estensjoni (perjodu addizzjonali konċess mil-leġiżlatur) biex taħseb għad-distanza ġeografika bejn il-post taċ-ċitazzjoni u l-qorti fejn tkun se tinstema' l-kawża jew il-fatt li l-persuna notifikata ma tkunx ġiet innotifikata personalment. F'dawn iċ-ċirkostanzi t-terminu perentorju jibda jgħodd minn tmiem l-estensjoni.

Iċ-ċitazzjoni tiġi effettwata permezz ta' avviżi pubbliċi u meta ma jkunx magħruf fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata, segwiti minn avviż f'paġna web miftuħa għall-pubbliku (ara l-Artikolu 24 tal-Ordni ta' Implimentazzjoni Nru 280/13 tas-26 ta' Awissu 2013 imsemmi qabel). F'dawn iċ-ċirkostanzi, iċ-ċitazzjoni titqies li ġiet effettwata fil-jum tal-pubblikazzjoni tal-aħħar avviż. It-terminu estendibbli jibda mid-data taċ-ċitazzjoni; iż-żmien għall-preżentazzjoni tan-nota tal-eċċezzjonijiet tibda minn tmiem l-estensjoni ġuridika tat-terminu.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Iva. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Id-data proprja tal-att, avveniment, deċiżjoni, ċitazzjoni jew notifika ma tgħoddx.

Id-data proprja tal-att, avveniment, deċiżjoni jew id-data taċ-ċitazzjoni u/jew l-intimazzjoni li tibdiha ma tgħoddx.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

It-terminu proċedurali stipulat mil-liġi jew stabbilit mill-qorti huwa kontinwu. Madankollu, ikun sospiż waqt btajjel ġudizzjarji, sakemm it-terminu proċedurali ma jkunx ta' sitt xhur jew iktar jew meta jkunu kkonċernati atti fil-proċedimenti kklassifikat statutorjament bħala urġenti, sakemm, b'ordni motivata u wara s-smigħ tal-partijiet, l-imħallef jiddeċiedi li jissospendi t-terminu proċedurali. Meta t-terminu biex isir att proċedurali jispiċċa f'jum meta l-qrati jkunu magħluqin, il-perjodu jiġi estiż sal-jum tax-xogħol li jkun imiss.

Il-btajjel ġudizzjarji huma mit-22 ta' Diċembru sat-3 ta' Jannar, minn Ħadd il-Palm sal-għada tal-Għid u mis-16 ta' Lulju sal-31 ta' Awwissu.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Meta dan il-perjodu jkun espress f'xhur jew snin, il-punt tal-bidu jkun iddeterminat bl-istess mod, jiġifieri l-perjodu jibda jgħodd mill-jum ta' wara d-data taċ-ċitazzjoni, notifika, jew l-avveniment rilevanti li jibdieh.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Terminu espress f'jiem jispiċċa wara li l-għadd ta' jiem tal-perjodu jiżdied mal-punt tal-bidu, kif deskritt fit-tweġiba għall-parti b) ta' din il-mistoqsija

Perjodu espress f'ġimgħat, xhur jew snin u li jibda minn ċerta data jispiċċa f'nofsillejl tal-jum korrispondenti tal-aħħar ġimgħa, xahar jew sena; jekk il-jum korrispondenti ma jkunx jeżisti fl-aħħar xahar, il-perjodu jispiċċa fl-aħħar jum ta' dak ix-xahar (l-Artikolu 279(c) tal-Kodiċi Ċivili).

Peress li l-Ħdud u l-festi pubbliċi huma meqjusa bħala btajjel ġudizzjarji, il-perjodi li jintemmu l-Ħadd jew f'festa pubblika jiġu estiżi sal-ewwel jum tax-xogħol fl-att ikkonċernat ikun irid jinstema' l-qorti.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Il-qrati jiftħu biss fil-jiem tax-xogħol.

Ir-regola għall-kalkolu tat-termini proċedurali kollha hija li tmiem il-perjodu għat-twettiq ta' att proċedurali jiġi estiż sal-jum tax-xogħol ta' wara jekk jaħbat ma' data meta l-qorti tkun magħluqa.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

It-terminu proċedurali stabbilit mil-liġi jista' jkun estiż fil-każijiet stipulai. Bi qbil mal-partijiet, it-terminu jista' jiġi estiż darba u għall-istess tul taż-żmien (l-Artikolu 141 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

It-terminu għall-preżentazzjoni ta' appell huwa ta' 30 jum li jibdew jgħoddu min-notifika tad-deċiżjoni, u 15-il jum għal każijiet urġenti u fil-każijiet stipulati Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidafl-Artikolu 6442 u Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidal-Artikolu 677 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Jekk il-parti tkun kontumaċi u ma jkollhiex tiġi nnotifikata skont l-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, it-terminu għall-preżentazzjoni ta' appell jibda meta d-deċiżjoni tiġi ppubblikata sakemm il-parti ma tibqax kontumaċi qabel tmiem il-perjodu u f'dak il-każ tridu tkun innotifikata bis-sentenza jew ordni u l-perjodu jibda mid-data taċ-ċitazzjoni.

Fil-każ ta' ordnijiet jew sentenzi orali riprodotti fil-proċess, it-terminu jibda mill-jum meta ngħataw sakemm il-parti tkun preżenti jew innotifikata biex tidher.

Meta, minbarra l-każijiet imsemmija fuq, iċ-ċitazzjoni ma jkunx hemm għalfejn issir, it-terminu jibda mill-jum meta l-persuna ssir taf bid-deċiżjoni.

Fl-istess terminu bħal dak għat-tressiq ta' appell, l-intimat irid iwieġeb għat-talbiet tar-rikorrent.

Fit-talbiet, l-intimat jista' jikkontesta l-ammissibilità jew it-tempestività tal-appell, kif ukoll il-leġittimità tar-rikorrent.

Jekk il-fini tal-appell tkun rieżami ta' evidenza rreġistrata, it-terminu jiżdied b'għaxart ijiem.

Jekk l-intimat jitlob li jitwessa' l-ambitu tal-appell, ir-rikorrent jista' jwieġeb fi żmien 15-il jum min-notifika tat-talba.

Jekk ikun hemm iktar minn rikorrent wieħed jew iktar minn intimat wieħed, anke jekk ikunu rappreżentati minn avukati differenti, kull waħda mit-talbiet tagħhom ikollha t-terminu tagħha. Is-Segretarjat huwa responsabbli għall-iżgurar li l-kawżi kollha jinstemgħu fit-termini assenjati lilhom.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Termini statutorji ma jistgħux jitqassru.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

L-intimat li ġie nnotifikat b'rikors biex iwieġeb għal kawża ċivili partikolari għandu terminu biex jippreżenta l-eċċezzjonijiet tiegħu. Dan jista' jiġi estiż meta l-avviż jkun innotifikat barra mid-distrett ta' fejn tinsab il-qorti u fejn se jsiru l-proċedimenti. Estensjoni tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-eċċezzjonijiet tiddependi mill-avviż innotifikat barra mid-distrett ta' fejn tinsab il-qorti u fejn se jsiru l-proċedimenti, u mhux mill-post tar-residenza tal-persuna nnotifikata - Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidal-Artikolu 245 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

L-iskadenza tat-terminu perentorju jtemm id-dritt għall-ftuħ ta' kawża. Madankollu, il-kawża tista' tinfetaħ wara l-iskadenza tat-terminu f'każ ta' impediment iġġustifikat u, irrispettivament minn dan, tista' tinfetaħ ukoll fl-ewwel tlett ijiem tax-xogħol wara l-iskadenza tat-terminu, bil-kundizzjoni tal-ħlas immedjat ta' multa.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

L-att jista' jsir wara l-iskadenza tat-terminu f'każijiet ta' impediment iġġustifikat, kif imesmmi fit-tweġiba għall-mistoqsija 14; fi kliem ieħor, minħabba avveniment li ma tkunx attribwibbli għal dawk li huma suġġetti għat-terminu jew ir-rappreżentanti tagħhom, li jipprevjeni milli jitwettaq fil-ħin att partikolari. F'dan il-każ, il-parti li tallega l-impediment trid tipprovdi minnufih l-evidenza ta' sostenn.

Irrispettivament minn impediment iġġustifikat, l-att jista' jsir fi żmien tlett ijiem tax-xogħol wara l-iskadenza tat-terminu, bil-kundizzjoni tal-ħlas immedjat ta' multa, kif intqal fuq, u l-imħallef jista', b'mod eċċezzjonali, jiddeċiedi li jnaqqas jew jaħfer il-multa f'każijiet ta' problemi ekonomiċi ċari jew meta l-ammont jitqies bħala manifestament sproporzjonat, partikolarment f'kawżi li ma jirrikjedux li jitqabbad rappreżentant legali u l-att ikun sar mill-partijiet stess.

Aktar tagħrif


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 10/09/2019