Proċeduri għall-infurzar ta' sentenza - Svezja

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni (utsökningsbalken)

L-eżekuzzjoni hija meta awtorità eżekuttiva timponi konformità ma’ obbligu li ġie deċiż minn qorti jew korp ieħor. L-eżekuzzjoni ġeneralment hija marbuta ma’ obbligu ta’ ħlas jew biex persuna titlaq ’l barra minn dar. Tip ieħor ta’ eżekuzzjoni huwa marbut mas-sekwestru jew ma’ miżuri ta’ sigurtà oħra.

L-eżekuzzjoni li hija marbuta ma’ obbligu ta’ ħlas hija implimentata permezz ta’ ordni ta’ sekwestru. L-ordni ta’ sekwestru tippermetti l-ħtif ta’ beni li jkunu jappartjenu lid-debitur. Jekk l-obbligu jirrikjedi li persuna tiċċaqlaq, pereżempju titlaq minn dar, l-eżekuzzjoni sseħħ permezz ta’ żgumbrament. Inkella, l-eżekuzzjoni ġeneralment tieħu l-forma li tagħtiha l-awtorità eżekuttiva li tordna lill-persuna, li fil-konfront tagħha ntalbet eżekuzzjoni, biex taġixxi jew biex tikkonforma mal-inibizzjoni jew ma’ xi sentenza oħra. L-awtorità eżekuttiva tista’ timponi multa.

Il-każijiet ta’ eżekuzjoni skont il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri (föräldrabalken)

L-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri hija marbuta ma’ miżuri sabiex fil-prattika titwettaq azzjoni permezz ta’ deċiżjoni jew ta’ ftehim fuq il-kustodja, ir-residenza, il-kuntatt mat-tfal jew il-konsenja tagħhom. Il-qorti li tiddeċiedi l-eżekuzzjoni tista’ timponi multa jew tordna biex il-pulizija jiġbru lill-persuna. L-istess regoli ta’ eżekuzzjoni japplikaw meta deċiżjonijiet barranin jiġu eżegwiti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (ir-Regolament Brussell II), jekk l-eżekuzzjoni tirrigwarda lill-persuna tal-wild. Madankollu, jekk l-eżekuzzjoni tirrigwarda l-beni jew l-ispejjeż legali tal-wild, il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni japplika.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

L-eżekuzzjoni titwettaq mis-Servizz Svediż ta’ Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten). Is-Servizz ta’ Eżekuzzjoni għaldaqstant jiddeċiedi dwar pereżempju, ordni ta’ sekwestru. Uffiċjal għoli ta’ eżekuzzjoni jerfa’ r-responsabbiltà legali kollha tar-rikors, filwaqt li l-eżekuzzjoni effettiva tiġi ttrattata minn uffiċjali oħra (amministraturi tal-eżekuzzjoni).

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni

Biex isseħħ eżekuzzjoni, irid ikun hemm sentenza jew titolu eżekuttiv ieħor.

It-titoli eżekuttivi li ġejjin,  jistgħu jiffurmaw il-bażi tal-eżekuzzjoni:

  • sentenza tal-qorti, verdett jew deċiżjoni,
  • saldu li jiġi kkonfermat mill-qorti, jew ftehim ta’ medjazzjoni li ġie ddikjarat eżegwibbli mill-qorti
  • digriet approvat dwar piena kriminali, inibizzjoni dwar pagament approvata jew ordni approvata sabiex titħallas multa għall-ksur tar-regolamenti,
  • deċiżjoni arbitrali,
  • impenn bil-miktub, b’żewġ persuni bħala xhieda, li jirrigwarda pagament ta’ manteniment skont il-Kodiċi taż-Żwieġ (äktenskapsbalken) u skont il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri (föräldrabalken),
  • deċiżjoni minn awtorità amministrattiva li għandha tiġi eżegwita skont dispożizzjoni speċifika,
  • dokument li huwa eżegwibbli skont dispożizzjoni speċifika,
  • verdett jew deċiżjoni mis-Servizz ta’ Eżekuzzjoni rigward ordni ta’ ħlas jew assistenza għall-eżekuzzjoni, u ordnijiet ta’ ħlas Ewropej li ġew iddikjarati eżegwibbli mis-Servizz ta’ Eżekuzzjoni.

Ladarba jinħareġ titolu eżekuttiv, mhix meħtieġa xi deċiżjoni oħra tal-qorti jew ta’ awtorità oħra sabiex titnieda l-eżekuzzjoni.

Il-biċċa l-kbira tax-xogħol tas-Servizz ta’ Eżekuzzjoni jikkonsisti fil-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-assi tad-debitur. Id-debitur huwa obbligat jipprovdi d-dettalji tal-assi tiegħu u jikkonferma f’dikjarazzjoni jew meta mistoqsi taħt akkużi kriminali, li l-informazzjoni li ta hija preċiża. L-awtorità tista’ tordna lid-debitur biex jipprovdi din l-informazzjoni u fin-nuqqas ta’ dan tiġi imposta multa. Il-multa tiġi deċiża mill-qorti distrettwali fuq talba tas-Serviżż ta’ Eżekuzzjoni.

Ir-rikors għall-eżekuzzjoni jista’ jsir bil-fomm jew bil-miktub. Rikors bil-miktub jobbliga lir-rikorrent (il-persuna li qed titlob l-eżekuzzjoni) biex jidher quddiem is-Serviżż ta’ Eżekuzzjoni. Ir-rikors bil-miktub irid jiġi ffirmat mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu.

L-ispejjeż tal-Istat fil-każijiet ta’ eżekuzzjoni (l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni) huma koperti minn tariffi (it-tariffi ta’ eżekuzzjoni). L-ispejjeż ta’ amministrazjoni huma ġeneralment mitfugħa fuq il-konvenut (il-kontroparti tar-rikorrent) meta l-eżekuzzjoni titwettaq u meta dan ikun possibbli. Madankollu, ir-rikorrent, fir-rigward tal-ispejjeż, huwa ġeneralment obbligat lejn l-Istat. Tista’ ssir eċċezzjoni għar-regola dwar l-obbligu tar-rikorrent, pereżempju għal ħafna mit-talbiet għall-ħlas ta’ manteniment.

Ir-regola ġenerali hija li ssir tariffa bażika fuq kull titolu li jista' jkun infurzat, li għalih tintalab eżekuzzjoni. F’każ ta’ eżekuzzjoni marbuta ma’ pretensjoni skont il-liġi privata, it-tariffa bażika hija ta’ SEK 600.

Tariffi oħrajn li jistgħu japplikaw huma t-tariffi ta’ tħejjija, it-tariffi ta’ bejgħ u t-tariffi speċjali.

Il-każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri

L-eżekuzzjoni tista’ tkun ibbażata fuq deċiżjoni ta’ qorti ordinarja fir-rigward tal-kustodja, tar-residenza, tal-kuntatt jew l-għoti tat-tfal. L-eżekuzzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq ftehim dwar il-kustodja, ir-residenza jew il-kuntatt, li daħlu għalih il-ġenituri u li ġie approvat mill-bord tas-servizzi soċjali. Deċiżjonijiet barranin jistgħu ukoll jiġu eżegwiti fl-Iżvezja, pereżempju deċiżjoni li hija eżegwibbli skont ir-Regolament Brussell II.

Deċiżjonijiet dwar l-eżegwibbiltà jittieħdu mill-qrati distrettwali. Ir-rikors għall-eżekuzzjoni jsir għand il-qorti distrettwali li tinsab fil-post fejn joqgħod il-wild. Jekk il-wild ma jkunx residenti fl-Iżvezja, ir-rikors irid isir fil-qorti distrettwali ta’ Stokkolma (Stockholms tingsrätt).

Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat minn, pereżempju, ġenitur li se jkollu kuntatt mal-wild jew li l-wild se jmur joqgħod għandu.

Filwaqt li tkun qed titratta l-każ, il-qorti tista’ toħroġ istruzzjoni speċjali lil xi ħadd fis-servizzi soċjali, sabiex tipprova tikkonvinċi lill-persuna li tieħu ħsieb il-wild, biex tagħmel b’mod volontarju dak li hemm speċifikat fid-deċiżjoni jew fil-ftehim. Jekk il-kwistjoni tkun urġenti, il-qorti jew il-pulizija jistgħu jiddeċiedu li l-wild għandu jieħu ħsiebu xi ħadd. Il-qorti tista’ timponi multa jew tordna li jinġabar mill-pulizija sabiex l-eżekuzzjoni titwettaq.

Ma jsir l-ebda ħlas għar-rikors għall-infurzar skont il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri. Kull naħa tista’ madankollu, tintalab tħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra f’dan il-każ. Parti, li minħabba fiha jkunu nħolqu spejjeż sabiex xi ħadd jieħu ħsieb il-wild jew jiġbru, tista’ tiġi mġiegħla tħallas dawn l-ispejjeż lill-Istat.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni

F’xi każijiet, jista’ jkun hemm impedimenti għall-infurzar. Dan isseħħ pereżempju jekk it-titolu li jista' jkun infurzat,  ikun tant vag, li ma jistax jintuża bħala bażi tal-eżekuzzjoni.

Xenarju ieħor jista’ jkun meta l-persuna ordnata li twettaq xi azzjoni permezz ta’ sentenza, ma taqdix l-obbligu impost mis-sentenza, pereżempju li tħallas ammont partikolari.

Każ ieħor jista’ jkun meta persuna ordnata li twettaq xi azzjoni tagħmel kontrotalba kontra r-rikorrent, jiġifieri titfa’ oġġezzjoni ta’ tpaċija. It-tpaċija tikkostitwixxi impediment għall-eżekuzzjoni jekk is-servizz ta’ eżekuzzjoni jsib li l-kontrotalba tpoġġiet permezz ta’ titolu ta’ infurzar validu jew hija bbażata fuq iċ-ċertifikat tal-pretensjoni bil-miktub.

Jekk id-debitur jasserixxi li xi kwistjoni oħra bejn il-partijiet tikkostitwixxi impediment għall-eżekuzzjoni u din l-objezzjoni ma tistax tiġi miċħuda, l-eżekuzzjoni ukoll ma tistax isseħħ. Eżempju jista’ jkun l-oġġezzjonijiet għal perjodu ta’ limitazzjoni.

Jekk titolu li jista’ jkun infurzat jiġi rrevokat minn qorti, l-eżekuzzjoni trid titwaqqaf immedjatament.

F’xi każijiet, qorti tista’ wkoll tordna li proċedura ta’ eżekuzzjoni li tkun għadha għaddejja għandha tiġi rtirata (din hija magħrufa bħala inibizzjoni).

Il-każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri

Is-suppożizzjoni hija li dak li huwa stipulat f’deċiżjoni jew fi ftehim huwa fl-aħjar interess tal-wild. Il-qorti ma tistax terġa’ teżamina d-deċiżjoni jew il-ftehim bħala parti mir-rieżami ta’ eżekuzzjoni, u l-alternattiva prinċipali hija li sseħħ konformità b’mod volontarju. Jekk tkun meħtieġa miżura obbligatorja, l-impożizzjoni ta’ multa hija l-opzjoni l-aktar probabbli. Il-ġbir fiżiku jista’ jintuża biss bħala l-aħħar għażla.

Jista’ xi drabi jkun hemm impedimenti għall-infurzar, bħal meta l-wild ikun marid.

Jekk il-wild jkun leħaq l-età u l-livell ta’ maturità meta x-xewqat tiegħu għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni, l-eżekuzzjoni ma tistax isseħħ kontra l-volontà tal-wild ħlief meta l-qorti tikkonkludi li din hija fl-aħjar interess tal-wild. Il-qorti għandha tiċħad ukoll l-eżekuzzjoni, jekk ikun ċar li din tmur kontra l-aħjar interess tal-wild.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni

Sabiex il-beni jinħarġilhom ordni ta’ sekwestru, ċerti kundizzjonijiet iridu jintlaħqu. Il-beni jridu

  • jkunu tad-debitur;
  • jkunu trasferibbli;
  • ikollhom xi valur monetarju.

L-ordni ta’ sekwestru tista’ tintuża sabiex jittieħed kull tip ta’ ben. Ir-regoli dwar il-beni benefiċjarji ġeneralment japplikaw biss għall-persuni fiżiċi. Kemm il-beni immobbli kif ukoll dawk mobbli jistgħu jiġu sekwestrati.

Il-beni mobbli ma jfissrux biss l-affarijiet personali (pereżempju l-karozzi, id-dgħajjes u affarijiet oħra), iżda assi (bħal kontijiet il-bank) u drittijiet ta’ natura differenti (pereżempju, id-drittijiet għall-użu tal-patrimonu tal-mejjet jew għal partijiet minnu).

Dħul, pensjonijiet eċċ jistgħu ukoll ikunu suġġetti għal sekwestru.

Xi beni ma jistgħux jiġu ssekwestrati. Dan huwa l-każ tal-beni benefiċjarji. Ir-regoli dwar il-beni benefiċjarji ġeneralment japplikaw biss għall-persuni fiżiċi. Il-beni benefiċjarji jirreferu għal pereżempju

  • Ħwejjeġ u affarijiet oħra għall-użu personali tad-debitur, ta’ valur raġonevoli,
  • għamara, apparat domestiku u tagħmir ieħor meħtieġ għall-funzjonament u għall-manutenzjoni ta’ dar,
  • L-għodda u tagħmir ieħor meħtieġ għall-għajxien tad-debitur, u biex iwettaq taħriġ professjonali,
  • oġġetti personali bħal medalji u trofej sportivi li tant għandhom valur personali kbir għad-debitur, li ma jkunx ġust li jiġu ssekwestrati.

Il-beni jistgħu ukoll jiġu protetti kontra sekwestru permezz ta’ regolamenti speċfiċi. Dan jista’ jkun il-każ pereżempju ta’ kumpens.

L-ordni ta’ sekwestru ta’ qligħ tista’ tapplika biss fuq l-ammont żejjed minn dak li d-debitur għandu bżonn biex imantni lilu nnifsu u lil familtu.

F’dan ir-rigward, xi pretensjonijiet ikollhom preċedent fuq oħrajn. Pretensjoni marbuta mal-pagamenti ta’ manteniment tieħu preċedenza fuq pretensjonijiet oħrajn.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni

Ladarba l-beni jkunu ġew ssekwestrati, id-debitur ma jkollux l-istess kontroll fuqhom bħal qabel. Id-debitur ma jkunx jista’ juża l-beni għad-detriment tar-rikorrent permezz ta’ trasferiment jew b’xi mod ieħor, ħlief biss meta l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni tkun ippermettiet dan għal raġunijiet speċifiċi wara li tkun ikkonsultat lir-rikorrent.

Kull min jagħmel użu mhux skont il-liġi minn beni ssekwestrati jista’ jiffaċċja pieni kriminali.

Deċiżjoni dwar ordni ta’ sekwestru tagħti drittijiet prijoritarji fuq il-beni.

F’każ ta’ eżekuzzjoni, parti terza trid tiddikjara jekk id-debitur għandux pretensjonijiet magħha jew affarijiet oħra li jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-debitur għandux beni sekwestrabbli. Id-dmir tal-iżvelar japplika ukoll għal kull parti terza li għandha fil-pussess tagħha beni tad-debitur permezz ta’, pereżempju, rahan jew iddepożitar. Bank huwa obbligat pereżempju li jagħti d-dettalji tal-kontijiet tal-bank tad-debitur, tal-kaxxi tad-depożitu jew ta’ beni oħra, li l-bank ikollu l-kustodja tagħhom. Il-qraba u l-ħbieb tad-debitur għandhom id-dmir ukoll li jiżvelaw l-informazzjoni.

L-informazzjoni minn partijiet terzi tista’ tintalab bil-fomm jew bil-miktub, u jekk ikun meħtieġ, partijiet terzi jistgħu jiġu interrogati. Jekk ma jikkonformawx ma’ din l-obbligazzjoni, tista’ tiġi imposta multa fuqhom jew jingħataw priġunerija.

Il-proprjetà ssekwestrata tista’ tinbiegħ bla telf ta’ żmien mill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni. Il-bejgħ forzat ġeneralment isir permezz ta’ subbasti pubbliċi, iżda xi drabi jista’ jsir privatament.

Flejjes li jaslu f’każijiet ta’ eżekuzzjoni jridu jiġu rrappurtati u mogħtija lir-rikorrent malajr kemm jista’ jkun.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni

Ma hemmx terminu preskrittiv massimu rigward il-validità ta’ deċiżjoni dwar ordni ta’ sekwestru. Il-leġiżlazzjoni tqis madankollu, li l-proprjetà ssekwestrata tinbiegħ bla telf ta’ żmien. ara 3.2.

Jekk ikun possibbli, l-iżgumbrament għandu jseħħ fi żmien erba’ ġimgħat minn meta d-dokumenti meħtieġa jaslu għand l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni.

Il-każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri

Deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tidħol fis-seħħ immedjatament, jekk ma jiġix iddikjarat mod ieħor. Tapplika sakemm ma jiġix iddeterminat mod ieħor. L-ordni ta’ multa tindika li jrid jittieħed rikors f’ċertu żmien, pereżempju l-wild irid jingħata lir-rikorrent. Deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni rigward il-kuntatt ġeneralment tindika meta l-kuntatt jista’ jseħħ, u normalment tapplika għax-xhur suċċessivi.

Deċiżjoni fil-kwistjoni tal-eżekuzzjoni ma twaqqafx milli jiġi eżaminat rikors ġdid.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Każijiet ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni

Deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Eżekuzjoni huma ġeneralment suġġetti għall-appell. Appell lill-qorti distrettwali għandu jiġi ppreżentat lill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni.

Il-persuna li tkun tirrigwardaha d-deċiżjoni tista’ tappella kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni jekk din tkun kontriha. Deċiżjoni dwar is-sekwestru fuq qligħ tista’ tiġi appellata mingħajr terminu preskrittiv partikolari. Deċiżjoni dwar is-sekwestru ta’ assi oħra tista’ tiġi appellata fi żmien tliet ġimgħat minn meta tingħata. Partijiet terzi jistgħu jappellaw kontra ordni ta’ sekwestru mingħajr terminu preskrittiv partikolari.

Il-qorti distrettwali tista’ tiddeċiedi li fil-mument, ma għandu jittieħed l-ebda rikors ta’ eżekuzzjoni (din tissejjaħ inibizzjoni) jew, jekk ikun hemm raġunijiet speċifiċi għalih, tista’ tiddeċiedi li rikors li diġà ttieħed jista’ jitħassar.

Il-każijiet ta’ eżekuzjoni skont il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri

Id-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni, ta’ qorti distrettwali, tista’ titressaq quddiem il-qorti tal-appell. L-appelli jridu jiddaħħlu bil-miktub u jiġu ppreżentati lill-qorti distrettwali. It-terminu preskrittiv għall-appelli huwa ta’ tliet ġimgħat.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Il-kodiċi ta’ eżekuzzjoni għandu dispożizzjonijiet li jillimitaw il-possibilità ta’ eżekuzzjoni, pereżempju biex jiġi protett id-debitur. Sa ċertu punt, id-debitur jista’ jżomm lill-eżekuzzjoni milli sseħħ, billi joġġezzjona għaliha, pereżempju għax issa ġiet preskritta. L-aktar eżempji komuni ta’ restrizzjonijiet fl-eżekuzzjoni huma ta’ xi beni u xi assi li jiġu esklużi mill-ordni ta’ sekwestru meta jitqiesu l-bżonnijiet tad-debitur. L-ordni ta’ sekwestru ta’ beni materjali jista’ pereżempju jeskludi dak li huwa magħruf bħala “beneficium” (“beni mhux sekwestrabbli”) bħal appartament li huwa r-residenza permanenti tad-debitur u flus li d-debitur għandu bżonn immedjatament biex iżomm lilu nnifsu. L-ordni ta’ sekwestru fuq qligħ teskludi “l-ammont ta’ riżerva” sabiex jiġu koperti l-ispejjeż normali tal-għajxien u l-ispejjeż ta’ abitazzjoni tad-debitur.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 15/12/2017