Close

BETA VERSION OF THE PORTAL IS NOW AVAILABLE!

Visit the BETA version of the European e-Justice Portal and give us feedback of your experience!

 
 

Navigation path

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċeduri għall-infurzar ta' sentenza - Slovenja

Please note that the original language version of this page Slovenian has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: English have already been translated.

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Fir-Repubblika tas-Slovenja, l-infurzar huwa regolat b’mod uniformi mill-Att dwar l-Infurzar u l-Assigurazzjoni ta’ Pretensjonijiet Ċivili (Zakon o izvršbi in zavarovanju – ZIZ). Infurzar tfisser l-eżekuzzjoni sfurzata ta’ titolu li jista' jkun infurzat minn qorti, li tordna t-twettiq ta’ talba (l-għoti, it-twettiq, il-waqfien jew l-għoti ta’ permess). L-infurzar ta’ pretensjoni monetarja huwa permess ukoll abbażi ta’ dokument awtentiku. B'mod eċċezzjonali, l-infurzar fi kwistjonijiet familjari jista’ jinvolvi l-infurzar ta’ talbiet fir-rigward ta’ relazzjonijiet.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Il-qrati, speċifikament il-qrati lokali (okrajna sodišča), huma kompetenti biex jippermettu u jesegwixxu l-infurzar.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

Qorti tippermetti infurzar abbażi ta’ titolu li jista' jkun infurzat.

Titoli li jistgħu jkunu infurzati jinkludu:

  • deċiżjoni eżegwibbli tal-qorti (sentenza jew deċiżjoni arbitrali, deċiżjoni, ħlas jew ordni oħra tal-qorti jew arbitraġġ) u soluzzjoni bil-qorti (konkluża quddiem qorti);
  • rekord notarili eżegwibbli; u
  • deċiżjoni eżegwibbli oħra jew dokument li bil-liġi huwa speċifikat bħala titolu li jista' jkun infurzat, trattat internazzjonali rratifikat u ppubblikat jew att legali tal-Unjoni Ewropea direttament applikabbli fir-Repubblika tas-Slovenja.

Titolu li jista’ jkun infurzat jista' jiġi infurzat jekk ikun fih informazzjoni dwar il-kreditur, id-debitur u s-suġġett, it-tip, il-kamp ta’ applikazzjoni u ż-żmien għat-twettiq tal-obbligu (l-Artikolu 21(1) taż-ZIZ). Meta titolu li jista’ jkun infurzat ikun deċiżjoni li ma tistabbilixxix it-terminu perentorju għat-twettiq volontarju tal-obbligu, it-terminu perentorju jiġi determinat minn qorti fid-deċiżjoni ta’ infurzar tagħha.

3.1 Il-proċedura

Proċedimenti dwar infurzar u proċedimenti dwar interess ta’ garanzija jibdew fuq talba ta’ kreditur. It-talba tista’ tiġi ppreżentata direttament minn kreditur, peress li r-rappreżentazzjoni permezz ta’ avukat mhijiex obbligatorja. Normalment dawn it-talbiet għal infurzar jiġu ppreżentati permezz ta’ avukat li jkollu għarfien legali rilevanti. Qorti lokali hija kompetenti biex tisma dawn il-każijiet. Minkejja d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni territorjali, talbiet għal infurzar ibbażati fuq dokument awtentiku jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti Lokali f’Ljubljana (Okrajno sodišče vs. Ljubljani), li tiddeċiedi dwarhom. Rigward il-possibbiltà jew in-neċessità ta’ preżentata elettronika ta’ applikazzjonijiet fi proċedimenti ta’ infurzar, jekk jogħġbok ara t-taqsima dwar l-‘ipproċessar awtomatiku’.

Id-dritt tal-qorti għandu jitħallas fil-ħin li tiġi ppreżentata talba għal infurzar, oġġezzjoni jew appell kontrih. Id-dritt tal-qorti għandu jitħallas fi żmien 8 ijiem wara n-notifika tal-ordni għall-ħlas tad-dritt tal-qorti. Jekk id-dritt tal-qorti ma jitħallasx f’dan il-limitu ta’ żmien u ma jkunx hemm kundizzjonijiet li jippermettu r-rinunzja jew id-differiment tal-ħlas jew il-ħlas tad-dritt f’pagamenti akkont, il-preżentata titqies bħala rtirata.

Meta qorti tirċievi talba għal infurzar, tivverifika jekk it-talba jkunx fiha l-elementi kollha meħtieġa u mbagħad toħroġ deċiżjoni dwar l-infurzar li permezz tagħha tippermetti l-infurzar jew tiċħad it-talba għall-infurzar (minħabba li ma tkunx ġustifikata fil-mertu) jew tiċħad it-talba għall-infurzar (għal raġunijiet proċedurali). Il-qorti tinnotifika d-deċiżjoni dwar l-infurzar lill-kreditur u lid-debitur meta l-infurzar jiġi permess u lill-kreditur biss meta din tiġi miċħuda. Id-deċiżjoni dwar l-infurzar li permezz tagħha jinħatar aġent tal-infurzar jew deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ aġent tal-infurzar tiġi nnotifikata mill-qorti lill-aġent tal-infurzar, flimkien ma’ kopji tad-dokumenti kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-infurzar.

Il-qorti tista’ tippermetti l-infurzar ta’ pretensjoni monetarja permezz tal-metodi u fuq dawk il-beni li huma ddikjarati fit-talba għall-infurzar. Qabel jintemmu l-proċedimenti ta’ infurzar, il-qorti tista’, fuq talba tal-kreditur, tippermetti infurzar permezz ta’ metodi addizzjonali u ta’ oġġetti differenti.

Il-qorti tista’ tordna l-infurzar permezz ta’ metodu differenti minn dak mitlub minn kreditur meta l-metodu alternattiv ikun biżżejjed biex tħallas il-pretensjoni. L-ebda appell ma jista’ jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad talba ta’ kreditur għall-infurzar.

L-infurzar isir legalment effettiv qabel issir finali d-deċiżjoni dwar l-infurzar, sakemm il-liġi ma tistabbilixxix mod ieħor għal miżuri speċifiċi ta’ infurzar.Il-kreditur ma jistax jitħallas qabel ma deċiżjoni dwar l-infurzar issir finali ħlief f’każ ta’ infurzar ibbażat fuq titolu li jista’ jkun infurzat kontra l-flus tad-debitur miżmuma f’istituzzjoni tal-ħlas (infurzar ibbażat fuq titolu li jista' jkun infurzat), sakemm it-titolu li jista’ jkun infurzat jkun mehmuż mat-talba għall-infurzar.

Il-qorti taħtar aġent tal-infurzar fid-deċiżjonijiet tagħha li jippermettu infurzar li jkun jeħtieġ miżuri diretti ta’ infurzar.

L-aġenti tal-infurzar

L-aġenti tal-infurzar huma persuni li jwettqu miżuri diretti ta’ infurzar u ta’ sigurtà (iwettqu fiżikament l-infurzar – jiġifieri jissekwestraw proprjetà, jispeċifikaw il-garanzija, eċċ.). Aġenti tal-infurzar jinħatru mill-ministru responsabbli għall-ġustizzja. L-għadd tagħhom u l-post fejn ikunu stabbiliti jiġu determinati mill-ministru responsabbli għall-ġustizzja sabiex f’kull territorju ta’ qorti distrettwali (okrožno sodiščo) ikun hemm talanqas aġent wieħed tal-infurzar, filwaqt li l-aġenti tal-infurzar li jifdal jiġu assenjati fit-territorji tal-qrati distrettwali skont l-għadd ta’ każijiet ta’ infurzar quddiem il-qrati lokali fi ħdan kull territorju tal-qorti distrettwali. F’każijiet ta’ infurzar individwali, aġent tal-infurzar jiġi maħtur b’deċiżjoni ta’ qorti, iżda l-kreditur għandu d-dritt li jinnomina aġent tal-infurzar partikolari. Fi kwalunkwe każ partikolari, aġent tal-infurzar jista’ jwettaq miżuri fir-Repubblika tas-Slovenja kollha. Is-servizz ta’ aġenti tal-infurzar huwa servizz pubbliku, li jwettqu bħala attività indipendenti.

L-aġenti tal-infurzar huma responsabbli għal kwalunkwe dannu li jikkawżaw meta jwettqu l-miżuri ta’ infurzar u ta’ sigurtà bl-azzjonijiet tagħhom jew minħabba li jkunu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom skont il-liġi, skont ir-regolamenti implimentattivi tagħha u l-ordnijiet tal-qorti.

Fil-każ ta’ ksur serju tal-obbligi tagħhom, l-aġenti tal-infurzar jistgħu jitneħħew mill-ministru responsabbli għall-ġustizzja.

L-ispejjeż tal-infurzar

L-ispejjeż tal-infurzar jitħallsu l-ewwel mill-kreditur. Il-kreditur għandu jħallas ukoll somma bil-quddiem għall-ispejjeż tal-miżuri ta’ infurzar, skont l-ammont u t-termini perentorji stabbiliti mill-qorti. Fejn il-kreditur ma jħallasx il-garanzija, il-qorti tissospendi l-infurzar. Id-debitur għandu jħallas lura l-ispejjeż tal-kreditur fuq talba tal-kreditur meta l-ispejjeż kienu meħtieġa għall-infurzar, inklużi l-ispejjeż għal tfittxijiet relatati mal-proprjetà tad-debitur, u l-ispejjeż għal proċedimenti mibdija ex officio. Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż fi żmien tmint ijiem mill-wasla ta’ talba.

Biex jiġi żgurat ħlas għax-xogħol u għall-irkupru tal-ispejjeż, l-aġent tal-infurzar jista’ titlob lill-kreditur għal ħlas għal garanzija fi ħdan terminu perentorju u fl-ammont stabbilit fit-tariffa. L-aġent tal-infurzar għandu jinnotifika personalment l-avviż ta’ ħlas ta’ garanzija lill-kreditur, li għandu jkun fih ukoll twissija dwar il-konsegwenzi jekk il-garanzija ma titħallasx fil-ħin u jekk l-aġent tal-infurzar ma jingħatax evidenza ta’ ħlas. L-aġent tal-infurzar għandu jinkludi wkoll avviż dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li t/jitlob lill-qorti sabiex tiddeċiedi dwar il-garanzija.

Fejn il-kreditur ma jaqbilx mal-metodu ta’ ħlas, mal-limitu ta’ żmien, jew mal-ammont tal-garanzija, il-kreditur jista' fi żmien tmint ijiem minn meta jirċievi l-avviż jippreżenta talba lill-aġent tal-infurzar sabiex il-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjoni. L-aġent tal-infurzar għandu minnufih jibgħat it-talba lill-qorti, li għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni fi żmien tmint ijiem minn meta tirċeviha.

Meta l-kreditur ma jħallasx il-garanzija permezz tal-metodu u fit-terminu perentorju determinat mill-aġent tal-infurzar jew mill-qorti, jew ma jippreżentax prova ta’ ħlas, l-aġent tal-infurzar għandu jinforma lill-qorti, u din tissospendi l-infurzar.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

L-ewwel kundizzjoni biex jiġi permess infurzar huwa li jkun hemm bażi għall-infurzar. Dan jista’ jkun titolu li jista' jkun infurzat jew dokument awtentiku, skont il-liġi.

L-eżegwibbiltà ta’ deċiżjonijiet tal-qorti:

Deċiżjoni tal-qorti hija eżegwibbli ladarba din issir finali u meta jkun skada t-terminu perentorju għat-twettiq volontarju tal-obbligi tad-debitur. It-terminu perentorju għat-twettiq volontarju tal-obbligu jibda jiddekorri fil-jum wara li d-deċiżjoni tkun ġiet notifikata lid-debitur. Huwa possibbli li l-qorti tippermetti l-infurzar ta’ parti biss minn deċiżjoni, meta dik il-parti ssir eżegwibbli. Il-qorti tippermetti infurzar abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti li tkun għadha mhijiex finali meta l-liġi tipprovdi li appell ma jissospendix l-infurzar tagħha.

L-eżegwibbiltà ta’ soluzzjoni bil-qorti:

Soluzzjoni bil-qorti hija eżegwibbli jekk il-pretensjoni fis-soluzzjoni tkun dovuta għall-ħlas. Il-maturità tal-pretensjoni għandha tintwera fir-rekord tas-soluzzjoni, f’dokument pubbliku jew f’dokument ċertifikat skont il-liġi. Jekk il-maturità ma tkunx tista' tintwera b’dan il-mod, tintwera permezz ta’ deċiżjoni finali maħruġa fi proċedimenti ċivili fejn tkun qed tiġi stabbilita l-maturità tal-pretensjoni.

Rekord notarili eżegwibbli:

Rekord notarili huwa eżegwibbli jekk id-debitur kien qabel dwar l-eżegwibbiltà tiegħu fir-rekord u jekk il-pretensjoni stabbilita fir-rekord notarili tkun dovuta għall-ħlas. Il-maturità tal-pretensjoni tintwera f’rekord notarili, f’dokument pubbliku jew f’dokument ċertifikat skont il-liġi. Meta l-maturità tal-pretensjoni ma tiddependix fuq l-iskadenza ta’ terminu perentorju, iżda pjuttost fuq fatt ieħor iddikjarat fir-rekord notarili, in-nutar għandu jinnotifika lill-partijiet dwar liema evidenza hija biżżejjed sabiex jintwera li l-pretensjoni hija dovuta: id-dikjarazzjoni bil-miktub tal-kreditur lid-debitur, li tiddikjara d-data tal-maturità u evidenza ta’ kunsinna tad-dikjarazzjoni bil-miktub dwar il-maturità tal-pretensjoni lid-debitur. In-nutar għandu jinnotifika lill-partijiet li minflok ma jippreżentaw evidenza ta’ kunsinna ta’ dikjarazzjoni bil-miktub dwar il-maturità tal-pretensjoni lid-debitur jistgħu jawtorizzaw lin-nutar sabiex jinforma lid-debitur dwar il-maturità tal-pretensjoni. Id-dikjarazzjoni bil-miktub tal-kreditur jew in-notifika tan-nutar jiġu nnotifikati permezz ta’ posta rreġistrata.

It-tieni kundizzjoni sabiex qorti tippermetti infurzar hija l-preżentata ta’ talba għal infurzar, li għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-kreditur u d-debitur, fosthom informazzjoni li tidentifikahom rispettivament, titolu li jista’ jkun infurzat jew dokument awtentiku, l-obbligu tad-debitur, il-metodu u l-oġġett ta’ infurzar, u informazzjoni oħra meħtieġa biex jitwettaq l-infurzar (talba għal infurzar ibbażata fuq dokument awtentiku għandha tinkludi wkoll talba li l-qorti tordna lid-debitur sabiex iħallas il-pretensjoni, flimkien mal-kostijiet ivvalutati, fi żmien tmint ijiem jew fi żmien tlitt ijiem f’każ ta’ tilwim dwar kambjali jew ċekkijiet, mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni). Fit-talba għal infurzar, kreditur għandu jispjega b’mod ċar it-titolu li jista’ jkun infurzat li abbażi tiegħu jkun qiegħed jintalab l-infurzar u jiddikjara li tkun inħarġet dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

It-talba għandha tkun dovuta għall-ħlas u l-limitu perentorju għat-twettiq volontarju tal-obbligu għandu jkunu skada (limitu perentorju volontarju).

Id-debitur għandu jkun identifikat b’mod ċar fit-titolu li jista’ jkun infurzat jew fid-dokument awtentiku. Fit-talba għall-infurzar, id-debitur għandu jiġi identifikat ukoll permezz tal-isem u tal-indirizz (jew il-post stabbilit tan-negozju). It-talba għall-infurzar għandha tiddikjara b’mod ċar l-informazzjoni li tidentifika lid-debitur (u lill-kreditur), li tvarja skont jekk humiex persuni naturali, persuni ġuridiċi, imprendituri jew individwi privati.

Id-debitur għandu jkun entità eżistenti (ma jistax ikun mejjet jew maqtugħ mir-reġistru tal-qorti). Fejn it-talba għall-infurzar tiġi ppreżentata kontra entità li ma teżistix, din għandha tiġi miċħuda, u entità li tkun waqfet teżisti matul il-proċedimenti ta’ infurzar hija raġuni għaliex bil-liġi l-proċedimenti għandhom jiġu sospiżi (u ma hemmx bżonn li tinħareġ deċiżjoni speċjali).

Il-preżunzjonijiet japplikaw (kapaċità ġuridika) bl-istess mod kemm għad-debitur kif ukoll għall-kreditur fi proċeduri ta’ infurzar, peress li huma stabbiliti fi proċedimenti ċivili skont l-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku), b’referenza għall-Artikolu 15 taż-ZIZ.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

L-għan tal-miżuri ta’ infurzar huwa li titħallas il-pretensjoni tal-kreditur.

Miżuri ta’ infurzar għall-ħlas ta’ pretensjonijiet monetarji huma: il-bejgħ tal-beni mobbli tad-debitur, il-bejgħ ta’ beni immobbli, it-trasferiment tal-pretensjoni monetarja tad-debitur, il-fidwa ta’ drittijiet ta’ proprjetà jew materjali oħra u titoli b’entrata fil-kotba, il-bejgħ ta’ sehem ta’ membru fil-kumpanija u t-trasferiment ta’ flus miżmuma f’istituzzjoni tal-ħlas (jiġifieri banek).

Miżuri ta' infurzar għall-ħlas ta’ pretensjonijiet mhux monetarji huma: it-teħid u l-kunsinna ta’ beni mobbli, it-tbattil u t-teħid ta’ beni immobbli, is-sostituzzjoni ta’ servizz għas-spejjeż tad-debitur, il-koerċizzjoni tad-debitur li jaġixxi permezz ta’ penali finanzjarji, ir-ritorn ta’ ħaddiem lura għax-xogħol, id-distribuzzjoni ta’ beni mobbli, dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, u t-teħid ta’ wild.

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Il-miżuri ta’ infurzar elenkati hawn fuq jippermettu infurzar kontra kwalunkwe oġġett ta’ infurzar (għal kwalunkwe beni jew dritt proprjetarju jew materjali tad-debitur) sakemm bil-liġi beni ma jkunx eżenti mill-infurzar jew l-infurzar kontra xi beni jkun limitat bil-liġi - l-Artikolu 32 taż-ZIZ.

Is-suġġett ta’ infurzar ma jistax jinkludi:

  • beni li ma jiġux negozjati;
  • riżorsi minerali u riżorsi naturali oħra;
  • faċilitajiet, apparat u beni oħra essenzjali għall-Istat jew għal komunità lokali awtonoma għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, u beni mobbli u immobbli użati għad-difiża nazzjonali;
  • faċilitajiet, apparat u beni oħra essenzjali għad-debitur sabiex iwettaq servizz pubbliku; u
  • beni u drittijiet oħra stabbiliti bil-liġi (pereżempju, flus maħsuba għall-manteniment ta’ wild, beni strettament personali, dħul minn assistenza soċjali, benefiċċju tal-ġenituri, benefiċċju tat-tfal, benefiċċju tad-diżabilità, ikel, fjuwil għat-tisħin, annimali tax-xogħol u għat-tnissil, ordnijiet, midalji, għajnuniet għal persuna b’diżabilità, art agrikola u faċilitajiet tal-bdiewa meta dawn ikunu meħtieġa għas-sostenn proprju, eċċ.).

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

L-għan tal-miżuri kollha ta’ infurzar huwa l-ħlas tal-pretensjoni tal-kreditur. L-effetti tal-miżuri ta’ infurzar jiddependu fuq it-tip ta’ miżura ta’ infurzar użata.

INFURZAR GĦAL PRETENZJONIJIET MONETARJI

  • L-infurzar kontra beni mobbli jsir permezz tas-sekwestru u l-bejgħ tal-beni mobbli. Il-kreditur jikseb rahan fuq il-beni sekwestrati.
  • L-infurzar kontra l-flus riċevibbli tad-debitur isir permezz tas-sekwestru u t-trasferiment tar-riċevibbli. Permezz tad-deċiżjoni, li fiha jiġi permess is-sekwestru ta’ flus riċevibbli (deċiżjoni dwar is-sekwestru), il-qorti tipprojbixxi lid-debitur tad-debitur milli jħallas id-dejn lid-debitur u li d-debitur jitlob l-ammonti riċevibbli, inkluż mir-rahan mogħti bħala garanzija, jew li b’xi mod ieħor jiddisponi mir-riċevibbli. Is-sekwestru jidħol fis-seħħ fil-jum li fih id-debitur tad-debitur jiġi nnotifikat bid-deċiżjoni ta’ sekwestru. Permezz tas-sekwestru tar-riċevibbli tad-debitur awtorizzati mill-qorti fuq talba tal-kreditur, il-kreditur jikseb rahan fuq ir-riċevibbli sekwestrati.
  • Infurzar kontra l-flus tad-debitur miżmuma f’organizzazzjoni tal-ħlas: Permezz ta’ deċiżjoni dwar infurzar kontra l-flus miżmuma mid-debitur ma’ organizzazzjoni tal-ħlas, il-qorti tordna lill-organizzazzjoni tal-ħlas sabiex tiffriża l-flus tad-debitur fil-kontijiet kollha, sal-ammont pagabbli skont id-deċiżjoni ta’ infurzar, u wara li d-deċiżjoni ssir finali, sabiex tħallas dak l-ammont lill-kreditur. Id-deċiżjoni għandha l-effett ta’ sekwestru u t-trasferiment għall-irkupru. Meta d-deċiżjoni dwar l-infurzar issir finali, il-qorti tinforma lill-organizzazzjoni tal-ħlas. L-organizzazzjoni tal-ħlas tinforma minnufih lill-qorti wara li tkun ħallset lill-kreditur.
  • L-infurzar għal riċevibbli li l-beni mobbli jkunu ttieħdu jew li jkunu ġew fornuti jew li l-beni immobbli jkunu ġew ikkonsenjati jsir permezz tas-sekwestru ta’ dak ir-riċevibbli u t-trasferiment tiegħu lill-kreditur, segwit mill-bejgħ tiegħu. It-trasferiment tar-riċevibbli sekwestrati tad-debitur għandu l-effett ta’ trasferiment tar-riċevibbli monetarju tad-debitur.
  • L-infurzar kontra drittijiet propjetarji jew materjali oħra jsir permezz tas-sekwestru ta’ dak id-dritt u r-realizzazzjoni tal-beni mobbli. Is-sekwestru jidħol fis-seħħ fil-jum li fih id-debitur jiġi nnotifikat dwar id-deċiżjoni ta’ sekwestru. Fid-deċiżjoni ta’ infurzar, li permezz tagħha jiġi permess is-sekwestru, il-qorti tipprojbixxi lid-debitur milli jiddisponi mid-dritt. Malli d-dritt jiġi sekwestrat, kreditur jikseb rahan.
  • Infurzar kontra titoli b’entrata fil-kotba: L-infurzar ta’ titoli b’entrata fil-kotba nnegozjati fil-borża jsir permezz tas-sekwestru u l-bejgħ ta’ titoli b’entrata fil-kotba u permezz tal-ħlas lill-kreditur mill-ammont miksub mill-bejgħ. Is-sekwestru jidħol fis-seħħ fil-jum li fih id-deċiżjoni dwar is-sekwestru tiġi rreġistrata fir-reġistru ċentrali tat-titoli b’entrata fil-kotba.
  • L-infurzar kontra s-sehem ta’ membru f’kumpanija jsir permezz tar-reġistrazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ infurzar, permezz tal-bejgħ tas-sehem u l-ħlas tal-ammont miksub mill-bejgħ lill-kreditur. Permezz tad-deċiżjoni dwar l-infurzar, il-qorti tipprojbixxi lil membru milli jiddisponi mis-sehem tiegħu. Il-qorti tinnotifika d-deċiżjoni ta’ infurzar lill-kumpanija u tirreġistraha fir-reġistru tal-qorti. Permezz ta’ din ir-reġistrazzjoni, il-kreditur jikseb rahan fuq is-sehem tal-membru, li għandu effett ukoll kontra kwalunkwe persuna li sussegwentement takkwista dak is-sehem.
  • L-infurzar kontra beni immobbli jseħħ permezz tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni ta’ infurzar fir-reġistru tal-artijiet, permezz tad-determinazzjoni tal-valur tal-beni immobbli, il-bejgħ tiegħu u l-ħlas tal-ammont miksub mill-bejgħ lill-kreditur. Il-qorti tirreġistra d-deċiżjoni ta’ infurzar kontra l-beni immobbli fir-reġistru tal-artijiet. Permezz ta’ din ir-reġistrazzjoni, il-kreditur jikseb rahan fuq il-beni immobbli, li għandu effett kontra kwalunkwe persuna li sussegwentement takkwista drittijiet ta’ proprjetà fiha. Kreditur li jitlob l-infurzar iżda li ma jkunx għadu kiseb rahan jew art b’ipoteka, permezz tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni ta’ infurzar, jakkwista d-dritt li jitħallas mill-beni immobbli qabel persuna li aktar tard tkun akkwistat rahan jew art b’ipoteka.

INFURZAR GĦAL PRETENZJONIJIET MHUX MONETARJI

  • Il-proċess ta’ kunsinna u ta’ forniment ta’ beni mobbli jitwettaq minn aġent tal-infurzar li jieħu l-oġġett mingħand id-debitur u jagħtih lill-kreditur mingħand min jingħata riċevuta.
  • Il-proċess ta’ tbattil u ta’ teħid ta’ beni immobbli jitwettaq minn aġent tal-infurzar li jieħu l-beni immobbli għall-pussess tal-kreditur wara li jkun ġie żvujtjat minn persuni u beni. L-iżvujtar u t-teħid tal-beni immobbli jista’ jsir tmint ijiem wara li d-deċiżjoni tal-infurzar tiġi notifikata lid-debitur.
  • Il-proċess tal-obbligu ta’ twettiq, tal-permess jew tal-waqfien ta’ xi ħaġa jista' jsir f’kooperazzjoni ma’ aġent tal-infurzar permezz tal-metodu determinat mill-qorti. Abbażi ta’ titolu li jista’ jkun infurzat, li taħtu d-debitur irid jagħmel xi ħaġa li tista’ ssir minn xi ħadd ieħor, l-infurzar jitwettaq mill-qorti li tawtorizza lill-kreditur sabiex jafda l-kompitu lil xi ħadd ieħor għas-spejjeż tad-debitur jew li jwettaq dan huwa stess (servizz ta’ sostituzzjoni għas-spejjeż tad-debitur). Meta skont it-titolu li jista’ jkun infurzat id-debitur ikollu obbligu li jagħmel xi ħaġa li ma tistax issir minn xi ħadd ieħor, fid-deċiżjoni ta’ infurzar il-qorti tistabbilixxi terminu perentorju xieraq għat-twettiq ta’ dan l-obbligu, u toħroġ multa jekk id-debitur ma jwettaqx l-obbligu fit-terminu perentorju (l-isfurzar ta’ debitur permezz ta’ multa).
  • Il-proċess tar-ritorn ta’ ħaddiem lura għax-xogħol jitwettaq mill-qorti li tistabbilixxi terminu perentorju xieraq għat-twettiq tal-obbligi fid-deċiżjoni ta’ infurzar. Fid-deċiżjoni dwar l-infurzar, il-qorti toħroġ ukoll multa jekk id-debitur ma jwettaqx l-obbligu fi żmien it-terminu perentorju.
  • Il-proċess tad-distribuzzjoni ta’ oġġett jista' jsir permezz tad-distribuzzjoni fiżika attwali meta tali distribuzzjoni tiġi determinata bit-titolu li jista' jkun infurzat jew permezz ta’ bejgħ tal-beni.
  • Il-proċess ta’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni huwa obbligu tal-għoti ta’ reġistru tal-artijiet jew tip ieħor ta’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, kif stabbilit fid-deċiżjoni li hija titolu li jista’ jkun infurzat, li jitqies li jkun sar ladarba dik id-deċiżjoni tkun finali.
  • Il-proċess ta’ infurzar f’każijiet dwar il-kustodja jew it-trobbija tat-tfal u kuntatti personali mat-tfal huwa fejn, fid-deċiżjoni ta’ infurzar, il-qorti tistipula li persuna għandha tgħaddi r-responsabiltà ta’ wild. Il-qorti tistabbilixxi terminu perentorju li matulu għandha tingħadda r-responsabiltà ta’ wild jew tiddeċiedi li r-responsabiltà ta’ wild tingħadda minnufih. Permezz tad-deċiżjoni ta’ infurzar, l-obbligu li tingħadda r-responsabiltà ta’ wild jiġi ordnat fuq il-persuna li għaliha jirreferi t-titolu li jista’ jkun infurzat, fuq il-persuna li fuqha tiddependi l-intenzjoni li tingħadda r-responsabiltà tal-wild u fuq il-persuna li tkun mal-wild fiż-żmien li fih tkun inħarġet id-deċiżjoni. Fid-deċiżjoni ta’ infurzar, il-qorti tordna li l-obbligu li tingħadda r-responsabiltà tal-wild jidħol fis-seħħ kontra kwalunkwe persuna li magħha jkun il-wild fil-ħin tal-eżekuzzjoni tal-infurzar.

Qorti tal-infurzar tista’ toħroġ multa kontra debitur li jaġixxi kontra d-deċiżjoni tal-qorti, bħal pereżempju billi jaħbi, jagħmel ħsara jew jeqred il-proprjetà tiegħu, iwettaq atti li jistgħu jikkawżaw ħsara irreparabbli lill-kreditur jew ħsara li tkun diffiċli li tissewwa, ifixkel lil aġent tal-infurzar fit-twettiq ta’ miżuri ta’ infurzar jew ta’ sigurtà tagħhom, jaġixxi kontra deċiżjoni dwar sigurtà, ifixkel lil espert fil-ħidma tiegħu jew lil organizzazzjoni tal-ħlas, ifixkel lil min iħaddem jew lil eżekutur ieħor tad-deċiżjoni ta’ infurzar fit-twettiq tal-infurzar, jew jimpedixxi jew jipprojbixxi l-ispezzjoni u l-valutazzjoni tal-beni immobbli.

Fejn id-debitur jaġixxi kontra d-deċiżjoni ta’ infurzar u jiddisponi mill-proprjetà tiegħu, tali tranżazzjoni hija valida biss jekk l-att legali kien b’titolu oneruż u jekk il-parti l-oħra tkun aġixxiet in bona fide (jiġifieri ma kinitx taf jew ma setgħetx tkun taf li d-debitur ma kellux id-dritt jiddisponi mill-proprjetà tiegħu) fil-ħin tat-trasferiment jew tal-gravami.

Debitur li jeqred, jagħmel ħsara, jittrasferixxi jew jaħbi parti mill-proprjetà tiegħu bl-intenzjoni li jimpedixxi ħlas lil kreditur, u permezz ta’ dan jagħmel ħsara lill-kreditur, huwa kriminalment responsabbli u jiġi mmultat jew jirċievi sentenza ta’ ħabs ta’ mhux aktar minn sena.

Bank għandu, fuq talba tal-qorti, iforni spjegazzjoni u dokumentazzjoni li turi jekk u kif ikun eżegwixxa d-deċiżjoni ta’ infurzar tal-qorti u kif ikun applika l-ordni ta’ ħlas lura ta’ pretensjonijiet kif obbligat mil-liġi. Il-bank għandu jibgħat ukoll informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji tad-debitur lill-kredituri u lill-qorti. Abbażi ta’ deċiżjoni ta’ infurzar, bank għandu jiffriża l-flus tad-debitur miżmuma fil-bank skont l-ammont stabbilit fid-deċiżjoni ta’ infurzar u mbagħad iħallas dan l-ammont lill-kreditur.

Fuq talba tal-kreditur, qorti tista’ tordna lil bank, li kuntrarjament għad-deċiżjoni tal-qorti ma jkunx eżegwixxa s-sekwestru, it-trasferiment jew il-ħlas tal-ammont dovut, sabiex iħallas dan l-ammont lill-kreditur minflok lid-debitur mill-assi proprji tal-bank. F’każ bħal dan, il-bank huwa responsabbli lejn il-kreditur għal danni kkawżati minħabba li ma jkunx aġixxa skont id-deċiżjoni ta’ infurzar jew minħabba li jkun kiser id-dispożizzjonijiet statutorji dwar l-obbligu li jiżvela informazzjoni, jew minħabba li ma jkunx irrispetta l-ordni tas-sekwenza ta’ ħlas, dwar l-ammont u dwar il-mod tal-ħlas tal-obbligu skont id-deċiżjoni ta’ infurzar.

Abbażi ta’ deċiżjoni ta’ infurzar, l-impjegatur tad-debitur irid iħallas lill-kreditur somma sħiħa ta’ flus jew iħallas regolarment lill-kreditur is-somom ta’ flus li għalihom id-debitur kien ikun altrimenti intitolat bħala salarju. Madankollu, id-debitur għandu jirċievi mhux inqas minn 70 % tas-salarju minimu fix-xahar. Fuq talba tal-kreditur, il-qorti tista’ tordna lil min iħaddem, li kuntrarjament għad-deċiżjoni tal-qorti ma jkunx żamm u ħallas l-ammonti dovuti, sabiex iħallas dawn l-ammonti lill-kreditur minflok lid-debitur mill-assi proprji tal-impjegatur. F’każ bħal dan, min iħaddem huwa responsabbli lejn il-kreditur għal danni kkawżati minħabba li ma jkunx aġixxa skont id-deċiżjoni ta’ infurzar.

Debitur ta’ debitur għandu jiddikjara jekk jirrikonoxxix riċevibbli sekwestrat u f’liema ammont, u jekk l-obbligu tiegħu għall-ħlas tar-riċevibbli tad-debitur huwiex kondizzjonali fuq it-twettiq ta’ xi obbligu ieħor. Jekk ma jagħmilx dikjarazzjoni jew ma jiddikjarax il-verità, huwa responsabbli lejn il-kreditur għad-danni.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-validità taż-żmien ta’ miżura partikolari ta’ qorti tal-infurzar tiddependi fuq in-natura tal-miżura. Proċedimenti ta’ infurzar (u l-effetti ta’ deċiżjoni li tippermetti l-infurzar) ġeneralment jissolvew meta tiġi ssodisfata l-pretensjoni tal-kreditur. Jekk għal raġunijiet legali jew fattwali l-infurzar ma jkunx fattibbli, għandu jiġi riżolt permezz tas-sospensjoni tal-infurzar, li l-effett tagħha huwa li jiġu annullati l-miżuri kollha ta’ infurzar ħlief meta din is-sospensjoni tinterferixxi mad-drittijiet li jkunu kisbu partijiet terzi (pereżempju, id-drittijiet tax-xerrejja għall-beni mobbli sekwestrati). Il-kreditur jista’ jitlob li l-infurzar jiġi differit għal massimu ta’ sena u f’dan il-każ, id-deċiżjoni li tippermetti l-infurzar tibqa’ fis-seħħ anke meta d-debitur ma jkollu l-ebda proprjetà fiż-żmien tal-ħruġ tad-deċiżjoni (jiġifieri l-eżistenza ta’ ostakli fattwali li jwaqqfu r-realizzazzjoni tal-pretensjoni tal-kreditur).

Meta ma jkunx hemm flus disponibbli, fil-każ ta’ infurzar kontra r-riċevibbli tad-debitur mill-kontijiet bankarji tad-debitur, jew id-debitur ma jkunx jista’ jaċċessa l-flus, il-bank għandu jżomm id-deċiżjoni ta’ infurzar fir-reġistri tiegħu għal sena u jħallas lill-kreditur meta jkun hemm il-flus disponibbli fil-kont tad-debitur jew meta d-debitur jikseb id-dritt li jiddisponi mill-flus. Sadanittant, l-infurzar ma jistax jiġi sospiż.

Meta, matul is-sekwestru ta’ beni mobbli, aġent tal-infurzar ma jsib l-ebda ass li jista' jkun is-suġġett ta’ infurzar, jew l-assi sekwestrati ma jkunx adegwati biex titħallas il-pretensjoni tal-kreditur, jew l-aġent tal-infurzar ma jkunx jista' jesegwixxi s-sekwestru minħabba li d-debitur ma jkunx preżenti jew ma jipprovdix aċċess għall-bini, il-kreditur jista’, fi żmien tliet xhur mill-ewwel tentattiv ta’ sekwestru, jitlob lill-aġent tal-infurzar biex jerġa' jipprova s-sekwestru. Sadanittant, l-infurzar ma jistax jiġi sospiż.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Id-debitur, il-kreditur, kwalunkwe parti terza bi dritt għall-oġġett ta’ infurzar li timpedixxi l-infurzar, u kwalunkwe xerrej ta’ oġġett mixtri fil-proċedimenti, kollha għandhom id-dritt li jippreżentaw rimedji legali kontra d-deċiżjonijiet tal-qorti ta’ infurzar.

Ir-rimedju legali tipiku kontra deċiżjoni tal-prim’istanza huwa appell. B’mod eċċezzjonali, debitur jew parti terza li jkollhom dritt għall-oġġett ta’ infurzar jistgħu jippreżentaw oġġezzjoni kontra deċiżjoni ta’ infurzar li timpedixxi l-infurzar. L-oġġezzjoni għandha tkun iġġustifikata. Fl-oġġezzjoni, id-debitur jew il-parti terza għandhom jiddikjaraw il-fatti kollha u jippreżentaw evidenza li abbażi tagħha l-oġġezzjoni għandha tkun iġġustifikata (oġġezzjoni tad-debitur). Il-kreditur għandu d-dritt li jwieġeb għall-oġġezzjoni fi żmien 8 ijiem. Deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni tista’ tiġi appellata.

Kull min juri li x’aktarx għandu dritt għall-oġġett ta’ infurzar li jimpedixxi l-infurzar jista’ jippreżenta oġġezzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ infurzar u jitlob li l-qorti tiddikjara li l-infurzar kontra dak il-beni mhuwiex permess (oġġezzjoni ta’ parti terza). L-oġġezzjoni tista’ tiġi ppreżentata sal-aħħar tal-proċedimenti ta’ infurzar. Fejn il-kreditur ma jweġibx għall-oġġezzjoni fit-terminu perentorju jew jiddikjara li ma jopponix l-oġġezzjoni, il-qorti tannulla d-deċiżjoni ta’ infurzar b’mod sħiħ jew parzjalment u tissospendi l-infurzar, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Fejn il-kreditur jiddikjara li jopponi l-oġġezzjoni matul it-terminu perentorju, il-qorti tirrifjuta l-oġġezzjoni. Il-parti terza li tkun ippreżentat l-oġġezzjoni tista’ tiftaħ kawża fi żmien 30 jum wara li d-deċiżjoni ssir finali biex jiġi stabbilit jekk l-infurzar huwiex permess fuq il-beni.

Jistgħu jiġu ppreżentati appell u oġġezzjoni quddiem il-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni li kontra tagħha jkun qiegħed jintalab rimedju legali. Bħala regola ġenerali, l-istess qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni ta’ infurzar tiddeċiedi dwar oġġezzjoni, u l-qorti tat-tieni istanza tiddeċiedi dwar appell. Deċiżjoni dwar l-appell hija finali.

L-oġġezzjoni u l-appell għandhom jiġu ppreżentat fi żmien tmint ijiem min-notifika tad-deċiżjoni tal-qorti tal-prim'istanza. B'mod eċċezzjonali, oġġezzjoni tista' tiġi ppreżentata wara dan it-terminu perentorju, sal-aħħar tal-proċedimenti ta’ infurzar, meta l-oġġezzjoni tkun ibbażata fuq fatt dwar il-pretensjoni attwali u dan il-fatt ikun qam wara l-eżegwibbiltà tad-deċiżjoni u ma kienx possibbli li jiġi affermat waqt it-terminu perentorju inizjali.

Oġġezzjoni u appell ma jissospendux l-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar fi proċedimenti ta’ infurzar ħlief fil-fażi ta’ ħlas. Bħala regola ġenerali, il-kreditur ma jistax jitħallas sakemm id-deċiżjoni dwar l-infurzar tkun finali. Il-kreditur jista' jitħallas qabel id-deċiżjoni dwar l-infurzar issir finali biss f’każ ta’ infurzar ibbażat fuq titolu li jista’ jkun infurzat meta l-infurzar ikun għall-flus tad-debitur miżmuma f’istituzzjoni tal-ħlas (infurzar ibbażat fuq titolu li jista' jkun infurzat), sakemm it-titolu li jista’ jkun infurzat ikun mehmuż mat-talba għall-infurzar, ħlief fi kwistjonijiet kummerċjali fejn ma hemmx bżonn li t-titolu li jista' jkun infurzat jkun mehmuż.

Fi proċedimenti ta’ infurzar, rimedji legali eċċezzjonali huma limitati.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

L-infurzar għal talbiet monetarji u biex jiġu garantiti tali pretensjonijiet mhuwiex permissibbli fuq beni u drittijiet li huma essenzjali għall-ħtiġijiet bażiċi ta’ għajxien tad-debitur u tal-persuni li bil-liġi d-debitur ikun obbligat li jsostni, jew li huma essenzjali għall-insegwiment tal-attività professjonali tad-debitur. Fuq uħud minn dawn il-beni u d-drittijiet, l-infurzar huwa permess biss sa ċertu punt.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.mp.gov.si/si/obrazci_evidence_mnenja_storitve/uporabni_seznami_imeniki_in_evidence/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.sodisce.si/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.uradni-list.si/glasilo-uradni-list-rs

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://pisrs.si/


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 25/08/2017