Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċeduri għall-infurzar ta' sentenza - Bulgarija

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-eżekuzzjoni hija l-aħħar fażi tal-proċess ġudizzjarju. Tikkonsisti fil-possibbiltà li rikorrent li tkun inqatgħet sentenza favurih jitlob li l-korp kompetenti ta’ eżekuzzjoni jieħu l-passi kollha fil-kompetenza tiegħu u preskritti fil-liġi biex jissodisfa l-pretensjoni.

Id-dritt għal eżekuzzjoni jiġi mill-eżistenza ta’ pretensjoni eżekuttiva li ma tkunx ġiet issodisfata b’mod volontarju u strument li jippermetti l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jinkludu:

  • sekwestru ta’ beni mobbli;
  • sekwestru ta’ beni immobbli;
  • inventarju u valutazzjoni ta’ proprjetà immobbli;
  • bejgħ ta’ beni immobbli b’subbasta;
  • sekwestru ta’ kont tal-bank ta’ debitur;
  • sekwestru ta’ vettura;
  • preklużjoni ta’ dritt ipotekarju;
  • qbid ta’ beni mobbli;
  • eżekuzzjoni fi-rigward ta’ ishma f’kumpanija;
  • eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ ċediment ta’ minorenni;
  • eżekuzzjoni fir-rigward ta’ proprjetà matrimonjali.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Fil-Bulgarija, hemm żewġ tipi ta’ uffiċjali tal-eżekuzzjoni (uffiċjali ġudizzjarji):

1. Uffiċjali ġudizzjarji Statali

2. Uffiċjali ġudizzjarji privati.

L-istat tal-uffiċjali ġudizzjarji privati huwa rregolat mill-Att dwar l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja Privata (Zakon za chastnoto sadebno izpalnenie (ZChSI)). L-Artikolu 2 ta’ ZChSI jiddefinixxi uffiċjal ġudizzjarju privat bħala uffiċjal delegat mill-Istat biex jeżegwixxi pretensjonijiet privati.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Skont l-Artikolu 404 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Grazhdanski protsesualen kodeks (GPK)), il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jitmexxew fuq dawn il-bażijiet:

1. - sentenzi u ordnijiet res judicata; sentenzi minn qrati tal-appell; ordnijiet eżekuttivi; saldi ġudizzjarji; sentenzi u ordnijiet eżekuttivi jew sentenzi u ordnijiet iddikjarati eżegwibbli bil-quddiem jew immedjatament; u deċiżjonijiet ta’ tribunali tal-arbitraġġ u saldi sanzjonati minn dawn it-tribunali;

2. - sentenzi, atti u saldi ġudizzjarji maqtugħin minn qrati f’pajjiżi oħra mhux fil-Bulgarija, jekk eżegwibbli fil-Bulgarija mingħajr proċeduri ulterjuri;

3. - sentenzi, atti u saldi ġudizzjarji maqtugħin minn qrati f’pajjiżi oħra mhux fil-Bulgarija u s-sentenzi u s-saldi maqtugħin u sanzjonati minn tribunali tal-arbitraġġ f’pajjiżi oħra mhux fil-Bulgarija, meta jiġu ddikjarati eżegwibbli fil-Bulgarija.

Skont l-Artikolu 405 tal-GPK, jinħarġu ordnijiet ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ rikors bil-miktub, bla ebda ħtieġa li tigi notifikata kopja lid-debitur.

Skont l-Artikolu 405(2) tal-GPK, dawn il-qrati għandhom ġuriżdizzjoni fuq ir-rikorsi mressqa:

  • fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 404(1) tal-GPK, il-qorti ġenerali li tkun semgħet il-każ jew ħarġet l-ordni ta’ eżekuzzjoni u, meta att ikun eżegwibbli immedjatament, il-qorti li tkun qatgħet is-sentenza jew ħarġet l-ordni ta’ eżekuzzjoni;
  • fil-każijiet preveduti fl-Artikolu 404(2) u (3) tal-GPK, il-qorti kompetenti biex tagħti l-eżekuzzjoni;
  • fir-rigward tad-deċiżjonijiet maqtugħin minn tribunali tal-arbitraġġ domestiċi u s-saldi sanzjonati minn dawn it-tribunali fi proċeduri ta’ arbitraġġ, il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija (Sofiyski Gradski Sad).

Hemm limitu ta’ żmien ta’ ġimagħtejn għal appelli kontra ordnijiet li jippermettu jew jirrifjutaw rikors għal ordni ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 407 tal-GPK).

Skont id-dritt Bulgaru, jista’ jitressaq rikors ta’ eżekuzzjoni minn parti li mhijiex avukat, inkluż il-parti li tfittex l-eżekuzzjoni jew ir-rappreżentant tagħha (li jista’ jkun avukat). Ma hemm l-ebda rekwiżit speċjali għall-preżentazzjoni li jrid jiġi ssodisfat sabiex tinkiseb ordni ta’ eżekuzzjoni.

L-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni huma stabbiliti fit-Tariffa tal-Miżati u tal-Ispejjeż ippreveduta fl-Att dwar l-Eżekuzzjoni Privata (il-Gazzetta tal-Istat (SG) Nru 35/2006).

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Sabiex jiġu implimentati l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, il-parti interessata trid tapplika bil-miktub lil uffiċjal ġudizzjarju Statali jew privat, u tehmeż ordni ta’ eżekuzzjoni jew strument eżekuttiv ieħor. Ir-rikors irid jispeċifika l-metodu ppreferut ta’ eżekuzzjoni, li jista’ jinbidel matul il-kors tal-proċeduri (l-Artikolu 426 tal-GPK).

Il-ġuriżdizzjoni tal-uffiċjali ġudizzjarji hija rregolata bl-Artikolu 427 tal-GPK.

L-uffiċjal ġudizzjarju jrid isejjaħ lid-debitur bil-miktub biex jissodisfa l-pretensjoni b’mod volontarju, li d-debitur irid iwettaq fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi ċ-ċitazzjoni. Iċ-ċitazzjoni tavża lid-debitur li jekk jonqos milli jissodisfa l-pretensjoni, dan jirriżulta f’azzjoni ta’ eżekuzzjoni. Iċ-ċitazzjoni trid tispeċifika s-sekwestri u l-qbid imposti u tinkludi kopja tal-istrument eżekuttiv. Meta jsejjaħ lid-debitur biex jissodisfa pretensjoni b’mod volontarju, l-uffiċjal ġudizzjarju jrid jispeċifika wkoll id-data li fiha jiġi kkumpilat inventarju tal-beni u, meta eżekuzzjoni tikkonċerna beni immobbli, jibgħat notifika ta’ qbid lir-reġistru tal-beni.

L-uffiċjal ġudizzjarju jfassal rekord ta’ kull miżura li tittieħed jew titwettaq minnhom.

Meta l-metodu inizjali ta’ eżekuzzjoni jinbidel, l-uffiċjal ġudizzjarju jrid jinnotifika lid-debitur bil-miktub bil-bidla skont l-Artikolu 428 tal-GPK.

Hekk kif jibdew il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, meta d-debitur ma jkollux indirizz permanenti jew attwali fir-reġistru, l-imħallef distrettwali, li jaġixxi fuq mozzjoni ppreżentata mill-kreditur, irid jaħtar rappreżentant ad hoc tad-debitur (l-Artikolu 430 tal-GPK).

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Tista’ tittieħed azzjoni ta’ eżekuzzjoni kontra dawn il-beni tad-debitur:

  • oġġetti mobbli;
  • pagi;
  • dħul minn beni immobbli, inkluż dħul mill-kera, eċċ.;
  • kontijiet tal-bank;
  • beni immobbli;
  • ishma u bonds maħruġa minn impriżi kummerċjali;
  • oġġetti ta’ beni mobbli u immobbli, inkluż proprjetà matrimonjali.

Skont l-Artikolu 442 tal-GPK, kreditur jista’ jwettaq eżekuzzjoni kontra kull ħaġa jew riċevibbli tad-debitur.

Skont l-Artikolu 444 tal-GPK, ma għandhiex tittieħed azzjoni ta’ eżekuzzjoni kontra dawn:

  • oġġetti ta’ kuljum użati mid-debitur u l-familja tiegħu, kif speċifikat f’lista adottata mill-Kunsill tal-Ministri (Ministerski savet);
  • l-ikel meħtieġ biex isostni lid-debitur u lil familtu għal xahar jew, fil-każ ta’ bdiewa, sal-ħsad il-ġdid, jew l-ekwivalenti tiegħu fi prodotti agrikoli oħrajn;
  • il-fjuwil meħtieġ għat-tisħin, għat-tisjir u għad-dawl għal tliet xhur;
  • il-makkinarju u t-tagħmir li debitur jeħtieġ sabiex ikun jista’ jkompli jipprattika l-impjieg jew il-professjoni tiegħu;
  • parti mill-art li hija sjieda tad-debitur (sa massimu ta’ 0.5 ettaru għal vinji u raba’ oħra u sa massimu ta’ 3 ettari għal għelieqi ta’ skop ġenerali, flimkien mal-makkinarju u l-implimenti, il-fertilizzanti, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ż-żrieragħ intiżi li jinżergħu għal perjodu ta’ sena);
  • għal bdiewa li jrabbu l-bhejjem, l-ifrat meħtieġa għax-xogħol fl-għelieqi, partikolarment żewġt irjus ifrat li jiġbdu, baqra, ħamest irjus ngħaġ u mogħoż, għaxar doqqajs u tajr domestiku, flimkien mal-għalf meħtieġ biex jieklu sal-ħsad li jkun imiss jew sakemm jinħarġu biex jirgħu;
  • l-abitazzjoni li hija s-sjieda tad-debitur, jekk id-debitur u l-membri tal-familja tiegħu ma jkollhom l-ebda abtazzjoni oħra, irrispettivament minn jekk id-debitur jgħixx hemm. Jekk l-abitazzjoni taqbeż il-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni tad-debitur u l-familja tiegħu, kif speċifikat f’Regolament iddedikat adottat mill-Kunsill tal-Ministri, sehem minnha jinbiegħ, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(2) tal-Att dwar il-Beni (Zakon za sobstvenostta);
  • oġġetti u riċevibbli oħrajn protetti bil-liġi kontra l-eżekuzzjoni.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Meta jsejjaħ lid-debitur biex jissodisfa pretensjoni b’mod volontarju, l-uffiċjal ġudizzjarju jrid jispeċifika wkoll id-data li fiha jiġi kkumpilat inventarju tal-beni u, meta eżekuzzjoni tikkonċerna beni immobbli, jibgħat notifika ta’ qbid lir-reġistru tal-beni.

Is-sekwestru ta’ beni mobbli jew pretensjoni tiġi imposta billi jiġi kkumpilat inventarju.

Is-sekwestru u l-qbid għandhom dan l-effett fil-konfront tad-debitur:

Mill-mument tal-impożizzjoni tiegħu, debitur la jista’ jiddisponi mir-riċevibbli jew beni (immobbli jew mobbli) tiegħu, u lanqas ma jista’ jbiddel, jeqred jew jagħmel ħsara fuq il-beni, b’piena ta’ prosekuzzjoni kriminali. Dawn l-effetti għandhom japplikaw mid-data taċ-ċitazzjoni biex jiġi saldat id-dejn volontarjament.

Is-sekwestru jew il-qbid għandu jkollhom dawn l-effetti fil-konfront tal-kreditur:

Skont l-Artikolu 452(1) tal-GPK, kull disponiment tal-beni mobbli jew riċevibbli sekwestrati jkun invalidu fil-konfront tal-kreditur u kull kreditur konġunt, sakemm iċ-ċessjonarju ma jkunx jista’ jinvoka l-Artikolu 78 tal-Att dwar il-Beni. Din l-aħħar dispożizzjoni tistipula li kull min jakkwista beni mobbli legalment jew titoli ta' pussess għal kunsiderazzjoni, anke jekk jakkwistahom bla ħsieb mingħand xi ħadd li mhuwiex is-sid, jakkwista s-sjieda, sakemm it-trasferiment tas-sjieda tal-beni mobbli ma tkunx teħtieġ att notarili jew attestazzjoni notarili tal-firem tal-partijiet tat-tranżazzjoni. L-istess regola tapplika għall-akkwist ta’ drittijiet in rem oħra għal beni mobbli.

Meta tittieħed azzjoni ta’ eżekuzzjoni kontra proprjetà immobbli, l-invalidità tieħu effett biss fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet tad-disponiment imwettqa wara d-data tar-reġistrazzjoni tas-sekwestru preventiv (l-Artikolu 452(2) tal-GPK).

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-liġi ma tistabbilixxi l-ebda limitu ta’ żmien għall-validità ta’ dawn il-miżuri. Huma intiżi li jissodisfaw il-pretensjoni tal-kreditur, allura huma validi sa ma jintemmu l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Ir-rimedji disponibbli fil-proċess ta’ eżekuzzjoni huma stabbiliti fit-Taqsimiet I u II tal-Kapitolu 39 tal-GPK.

Dawn il-partijiet jistgħu jressqu appelli kontra azzjoni ta’ eżekuzzjoni, inkluż miżuri individwali ta’ eżekuzzjoni:

  • Kreditur jista’ jappella kontra r-rifjut ta’ uffiċjal ġudizzjarju milli jwettaq l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni speċifikata u kontra s-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-eżekuzzjoni.
  • Id-debitur jista’ jappella kontra ordni mingħand l-uffiċjal ġudizzjarju li timponi multa fuq id-debitur u li jfittex li jinfurzaha kontra beni li d-debitur iqis immuni, u kontra l-qbid ta’ beni mobbli jew l-espulsjoni tad-debitur minn beni immobbli fuq il-bażi li l-uffiċjal ġudizzjarju jkun naqas milli jinnotifika kif xieraq, u kontra ordnijiet għall-pagament ta’ spejjeż.
  • Partijiet terzi (mhux partijiet fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni) jistgħu jappellaw kontra azzjoni ta’ uffiċjal ġudizzjarju biss jekk l-eżekuzzjoni tkun diretta kontra oġġetti fil-pussess tagħhom fid-data tas-sekwestru, tal-qbid jew taċ-ċediment.
  • Parti terza tista’ tressaq appell kontra l-preklużjoni ta’ dritt ipotekarju ta’ beni immobbli biss jekk il-parti terza kellha fil-pussess tagħha dawk il-beni qabel id-data li fiha tkun tressqet il-pretensjoni li issa qed tiġi eżegwita (l-Artikolu 435 tal-GPK).
  • Meta ssir is-subbasta, l-ordni li jingħataw il-beni hija soġġetta għal appell mingħand parti li tkun ħallset depożitu mhux aktar tard mill-aħħar jum tal-irkant, mingħand kreditur li jkun tefa’ offerta fis-subbasta mingħajr ma kellu jħallas depożitu, jew mingħand id-debitur, fuq il-bażi li s-subbasta ma tkunx twettetq legalment jew li l-beni ma jkunux ngħataw lill-ogħla offerent.

Skont l-Artikolu 436 tal-GPK, għandhom jitressqu appelli fi żmien ġimgħa mid-data tas-subbasta ikkontestata, jekk il-parti tkun preżenti fil-ħin tal-azzjoni jew tkun issejħet biex tattendi, u fil-każijiet l-oħra kollha, fi żmien ġimgħa mid-data tal-komunikazzjoni. L-appelli jitressqu permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju quddiem il-qorti provinċjali b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-eżekuzzjoni. Meta jitressaq appell, l-uffiċjal ġudizzjarju irid jiddikjara r-raġunijiet għall-azzjoni kkontestata.

Dawn l-appelli jiġu eżaminati f’seduta bil-bibien magħluqa, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ippreżentati minn partijiet terzi, li jiġu eżaminati f’seduta pubblika li għaliha jissejħu l-partijiet kollha għall-proċeduri tal-eżekuzzjoni. L-appelli jiġu deċiżi fi żmien xahar.

L-appelli ma jissospendux il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, iżda l-qorti tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri sakemm tinqata’ sentenza dwar l-eċċezzjonijiet invokati stabbiliti fl-appell. Jekk il-proċeduri jiġu sospiżi, l-uffiċjal ġudizzjarju jiġi notifikat mingħajr dewmien (l-Artikolu 438 tal-GPK).

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

L-Artikolu 432 tal-GPK jistabbilixxi x-xenarji differenti li fihom qorti tista’ legalment tissospendi l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fuq mozzjoni tal-kreditur.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 04/08/2017