Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċeduri għall-infurzar ta' sentenza - Finlandja

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-infurzar jirreferi għall-infurzar obbligatorju ta’ obbligu kif ordnat minn qorti jew awtorità oħra. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan huwa l-infurzar ta’ ordni mill-qorti ta’ ħlas ta’ dejn. Miżura ta’ infurzar ewlenija oħra hija l-iżgumbrament, jiġifieri l-obbligu li wieħed joħroġ minn bini jew parti minnu. Il-bażi għal infurzar tista’ tkun ukoll obbligu ta’ trasferiment ta’ xi assi lil parti oħra, obbligi li wieħed jagħmel xi ħaġa, u inibizzjonijiet kontra li ssir xi ħaġa. Dawn it-tipi ta’ obbligi u inibizzjonijiet jiġu eżegwiti permezz ta’ miżuri koerċittivi jew ta’ pagamenti ta’ penali, skont xi jkunu ċ-ċirkostanzi. Jistgħu jiġu eżegwiti wkoll, mandati ta’ qbid ordnati mill-qrati jew miżuri kawtelatorji oħrajn. Fil-Finlandja, l-irkupru infurzat tad-djun jaqa’ fl-ambitu tal-awtorità tal-infurzar, li hija awtorità tal-istat. L-infurzar hija attività legali indipendenti u l-awtoritajiet lokali tal-infurzar huma indipendenti u imparzjali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom.

Infurzar fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni dwar it-tfal

Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-leġiżlazzjoni dwar it-tfal, l-infurzar jirreferi għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet tal-qorti, bħall-konsenja ta’ wild. Ftehim ikkonfermat mis-servizzi soċjali jista’ iservi wkoll bħala l-bażi għall-infurzar. Dettall importanti ieħor huwa li fil-Finlandja, id-drittijiet ta’ żjara huma d-drittijiet tat-tfal, u mhux tal-ġenitur. L-infurzar ta’ deċiżjoni tal-qorti dwar kustodja u/jew drittijiet ta’ żjara ta’ minuri huwa soġġett għall-Att dwar l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-kustodja tat-tfal u d-dritt ta’ aċċess (Laki lapsen huoltoa ja tapaamisoikeutta koskevan päätöksen täytäntöönpanosta) (619/1996). Dan l-Att japplika wkoll għall-infurzar ta’ kwalunkwe ordni temporanja. L-infurzar isir ukoll f’konformità ma’ dan l-Att f’każijiet fejn sentenza jew deċiżjoni maħruġa barra mill-pajjiż tkun eżegwibbli fil-Finlandja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

Bailiff jista’ jinforza ordni li tikkonċerna l-kustodja jekk id-deċiżjoni dwar il-kwistjoni tkun inħarġet fl-aħħar tliet xhur. F’sitwazzjonijiet oħra, ordni ta’ infurzar trid tintalab minn qorti. Il-qorti tista’ tiċħad rikors dwar l-infurzar biss jekk l-infurzar imur kontra l-aħjar interessi tal-minuri. Fl-infurzar tal-ordnijiet li jikkonċernaw il-kustodja, il-qorti tobbliga lill-parti l-oħra biex tagħti l-minuri lir-rikorrent jew tiffaċċja multa bħala penalità. Jista’ jinħareġ ordni biex jinġabar il-minuri. Fl-infurzar ta’ ordnijiet dwar żjara, il-parti l-oħra hija obbligata li tippermetti ż-żjarat u li tibda miżuri oħra ordnati sabiex isiru ż-żjarat.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Fil-Finlandja, l-awtoritajiet lokali tal-infurzar huma responsabbli għall-infurzar. L-awtorità ta’ infurzar lokali kompetenti hija determinata abbażi tal-post ta’ residenza tad-debitur/debitriċi. Jekk ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni dettaljata dwar il-post ta’ residenza tiegħu/tagħha fil-Finlandja, l-applikazzjoni għal infurzar tista’ titressaq lil kwalunkwe awtorità lokali ta’ infurzar, pereżempju, l-Awtorità ta’ Infurzar ta’ Ħelsinki (Helsingin ulosottovirasto). Għalkemm l-applikazzjonijiet jsiru lill-awtoritajiet lokali tal-infurzar, il-ġuriżdizzjoni tagħhom tkopri l-pajjiż kollu.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet lokali tal-infurzar jinsabu hawnhekk: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://oikeus.fi/ulosotto/fi/index/yhteystiedot.html

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

L-infurzar jeħtieġ li l-kreditur jitlob l-infurzar bil-miktub billi jimla applikazzjoni ta’ infurzar u jipprovdi r-raġunijiet għall-infurzar. Ma hemm l-ebda tariffa għall-infurzar li trid titħallas mill-kreditur bil-quddiem. (L-applikazzjoni għall-infurzar hija disponibbli fuq is-sit web tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAmministrazzjoni Ġudizzjarja.

Il-bailiffs għandhom id-dmir li jeżegwixxu s-sentenzi tal-qrati jew titoli eżekuttivi oħra stipulati fil-leġiżlazzjoni u ma jistgħux jikkontestaw il-kontenut tagħhom. Sabiex jibdew il-proċedimenti ta’ infurzar, il-kreditur irid ikollu raġunijiet għall-infurzar kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni, b’obbligu impost fuq id-debitur. Il-bailiffs iridu jiċċekkjaw li d-dejn ma jkunx ġie estint minn meta tkun ingħatat is-sentenza tal-qorti, minħabba xi ħlas jew l-iskadenza tal-istatut ta’ dispożizzjonijiet ta’ limitazzjoni. Id-dritt li titħallas b’detenturi ta’ drittijiet kollaterali (eż. ipoteka) huwa kopert minn dispożizzjoni separata.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, l-infurzar ġeneralment jiġi bbażat fuq sentenza jew deċiżjoni mogħtija minn qorti ġenerali. Mhemmx bżonn ta’ ordni speċifika ta’ infurzar. Il-qrati ġenerali jinkludu l-qrati distrettwali (käräjäoikeus), bħala l-qrati tal-prim’istanza u l-Qrati tal-Appell (hovioikeus) u l-Qorti Suprema (korkein oikeus) bħala qrati tal-appell. Anke deċiżjoni tal-arbitraġġ tista’ tikkostitwixxi titolu eżekuttiv. Fil-prattika, wieħed mill-aktar titoli eżekuttivi importanti huwa l-ordni għall-ħlas tal-manteniment, ikkonfermat minn awtorità muniċipali. Min-naħa l-oħra, il-Finlandja ma tirrikonoxxix il-kuntratti bejn partijiet privati bħala titoli eżekuttivi.

Is-sentenzi li jkunu ġew appellati jistgħu jiġu infurzati, jekk il-kreditur jipprovdi l-garanzija speċifikata mill-bailiff għal kull dannu li jista’ isofri d-debitur. Madankollu, il-fondi ma jistgħux jitħallsu lill-kreditur sakemm it-titolu eżekuttiv kif ukoll kull deċiżjoni ta’ inibizzjoni u ta’ sekwestru jkunu finali.

Id-dispożizzjonijiet ewlenin dwar l-eżegwibbiltà ta’ sentenzi maħruġa barra mill-Finlandja jistgħu jinstabu fil-liġi tal-UE (eż. ir-Regolament Brussell I (Nru 44/2001) u r-Regolament Brussell IIa (2201/2003)) u l-konvenzjoni dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fil-pajjiżi Nordiċi.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Meta jibdew il-proċedimenti ta’ infurzar, id-debitur/id-debitriċi j/tintbagħat avviż ta’ preżentata u talba għall-ħlas. Jekk id-debitur/id-debitriċi ma j/tħallasx f’konformità mat-talba għall-ħlas u ma j/tagħmilx kuntatt dwar il-ħlas tat-tariffa ta’ infurzar minn jeddu/jeddha, l-infurzar jibda bl-investigazzjoni u l-istabbiliment tad-dħul u tal-assi tad-debitur/debitriċi abbażi ta’ data tar-reġistru.

Il-fatt li jsiru inkjesti bankarji hija parti essenzjali minn dan ix-xogħol ta’ investigazzjoni. Ħafna drabi, l-introjtu u l-fondi mill-impjiegi fil-kontijiet bankarji jiġu ffriżati. Minflok iż-żamma ta’ somma mill-pagi mħallsa f’intervalli regolari, pjan ta’ ħlas jista’ jiġi kkonfermat ukoll. Il-miżuri għall-istabbiliment tal-introjtu u l-assi tad-debitur, kif ukoll ta’ kull investigazzjoni ulterjuri, huma rregolati mil-liġi. Il-bailiffs għandhom drittijiet b’firxa wiesgħa stabbiliti fil-liġi, li jippermettulhom li jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debituri permezz ta’ għadd ta’ reġistri. Il-bailiffs huma obbligati wkoll li jfittxu l-assi li jappartjenu lid-debitur. Il-miżuri ta’ infurzar iridu jitwettqu mingħajr dewmien żejjed. Pereżempju, jekk id-debitur jirċievi dħul regolari, l-ewwel ħlas normalment jiġi rilaxxat lill-kreditur fi żmien xahrejn mill-bidu tal-proċedimenti. Id-debitur għandu d-dritt li jappella, iżda l-ġbir tal-ħlas ma jiġix interrott sakemm ma jkunx ordnat mod ieħor minn qorti.

It-talbiet jistgħu jkunu għal infurzar totali jew għal infurzar parzjali. Jekk id-dejn ma jkunx jista’ jiġi rkuprat minnufih, il-kredituri jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti mill-infurzar biex jimmonitorjawh għal perjodu ta’ sentejn, permezz tal-hekk imsejħa reġistrazzjoni passiva. Ma hemmx għalfejn jitqabbad avukat jew konsulent legali għall-iskop tal-infurzar.

It-tipi kollha ta’ assi mobbli u immobbli li jappartjenu lid-debitur u li mhumiex protetti jew li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt ta’ esklużjoni, jistgħu jiġu konfiskati, bħalma jistgħu jkunu sekwestrati d-drittijiet, ir-riċevibbli jew l-oġġetti b’valur monetarju. Jekk il-kreditur ikun talab infurzar parzjali, il-konfiska tkun tirrigwarda biss l-assi mniżżla fir-reġistri u li ma jkollhomx għalfejn jiġu likwidati. Jekk l-assi konfiskati jenħtieġu li jiġu likwidati, dawn normalment jinbiegħu b’bejgħ ġudizzjarju, li normalment ikun imħabbar f’gazzetti lokali u online.

Il-ħoloq għat-tħabbir ta’ bejgħ:

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://oikeus.fi/ulosotto/fi/index/ajankohtaista/myynti-ilmoitukset.html

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://huutokaupat.com/ulosotto/

L-att dwar l-Infurzar tal-Finlandja (Ulosottolaki) fih ukoll dispożizzjoni speċjali, fejn is-superviżur ta’ dipartiment ta’ infurzar jista’ jieħu deċiżjoni li tinjora l-arranġament artifiċjali tal-assi. Il-pretensjoni li l-assi jappartjenu lil parti terza ma għandhiex tipprekludi l-konfiska tal-assi jekk:

  1. jinstab li l-istatus tal-parti terza jkun ibbażat fuq assi jew arranġamenti oħra bi status legali li ma jikkorispondix man-natura jew l-iskop veru tagħhom, billi jittieħed kont tal-ekwivalenza tal-awtorità tad-debitur għal dik tal-awtorità tas-sid, atti ekwivalenti għal dawk ta’ sid, u benefiċċji u kif ukoll benefiċċji ekwivalenti oħrajn li jgawdi minnhom id-debitur bħala riżultat tal-arranġament, u
  2. l-istatus legali qed jintuża b’mod ċar biex jipprekludi l-infurzar jew jiżgura li l-assi jkunu inaċċessibbli għall-kredituri, u
  3. id-dejn dovut lill-kreditur ma jkunx inkella probabbli li jiġi rkuprat mingħand id-debitur f’terminu ta’ żmien raġonevoli.

Madankollu, il-konfiska tista’ ma tiġix eżegwita jekk il-parti terza involuta fl-arranġament turi evidenza ċara ta’ ksur tad-drittijiet ġenwini tagħha minħabba l-konfiska. Il-bailiff irid jikkonsulta lid-debitur u lil parti terza, kif ukoll lill-kreditur jekk ikun hemm bżonn, b’mod xieraq, sakemm il-fatt li jagħmel dan jirrendi l-infurzar aktar diffiċli b’mod konsiderevoli.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Il-bidu tal-proċedimenti ta’ infurzar għandu xi effetti, iżda s-sekwestru u l-konfiska jġibu magħhom effetti legali sinifikanti. Ladarba l-assi jkunu ġew ikkonfiskati, id-debitur ma jistax jeqred, jiddisponi jew jirhen l-assi ikkonfiskati jew jagħmel deċiżjonijiet oħra dwar l-istess ħaġa għad-detriment tal-kreditur. L-atti li jmorru kontra din l-inibizzjoni ma jkollhom l-ebda setgħa legali fuq il-kreditur. Madankollu, iċ-ċessjonarju jew parti terza tista’ tgawdi minn protezzjoni ta’ bona fide. Il-bailiffs igawdu minn aċċess estensiv għall-informazzjoni, mhux biss min-naħa tad-debitur iżda wkoll minn partijiet terzi, bħal pereżempju l-banek. Hekk kif il-bank jiġi informat li l-fondi ta’ debitur ikunu ġew iffriżati, il-bank irid jirrilaxxa il-fondi mill-kont bankarju tad-debitur lil kull individwu minbarra l-bailiff. Il-ħlas ta’ riċevibbli jew ta’ pagi jew salarji li jmur kontra din l-inibizzjoni jitqies bħala reat kriminali.

Wara l-bejgħ ta’ assi li jkun sar matul il-proċedura ta’ infurzar, jinbidlu d-drittijiet tas-sjieda fuq l-oġġetti. Il-fondi akkumulati abbażi tal-prezz tax-xiri jiġu trasferiti lill-kreditur kemm jista’ ikun malajr.

L-assi huma kkonfiskati sal-ammont meħtieġ biex jitħallas id-dejn lill-kreditur. F’każijiet fejn ikun intalab l-infurzar minn diversi kredituri jew fejn l-assi kkonfiskati jkunu soġġetti għall-ipoteki, pereżempju, il-fondi jinqasmu fost il-kredituri skont l-ordni ta’ prijorità kif stipulat fil-leġiżlazzjoni. It-tariffi miġbura mill-Istat għall-infurzar normalment jiġu imposti fuq id-debitur. Jekk l-infurzar ma jirnexxix, il-kreditur irid iħallas tariffa żgħira għall-ipproċessar. Bl-istess mod, jinġabar il-ħlas ta’ tariffa mingħand il-kreditur għall-fondi li għandhom jiġu trasferiti. Fi kwistjonijiet ta’ manteniment, ma tiġix imposta tariffa u l-benefiċċju tal-manteniment għandu jieħu prijorità. Il-pagamenti trasferiti lill-kreditur jistgħu jvarjaw kull xahar abbażi tal-varjazzjonijiet fid-dħul tad-debitur u l-ammont ta’ dejn.

Aktar informazzjoni dwar it-tariffi għall-infurzar jistgħu jinsabu hawnhekk: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://oikeus.fi/ulosotto/fi/index/ulosotto/ulosottomaksut.html

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

F’konformità mal-leġiżlazzjoni, il-bailiffs għandhom l-obbligu li jwettqu dmirijiethom b’mod rapidu u mingħajr dewmien bla bżonn. Jekk id-debitur ma jkollu l-ebda ass jew dħul li jista’ jiġi kkonfiskat jew issekwestrat, il-każ jiġi rritornat lill-kreditur bħala preskritt minħabba waħda mir-raġunijiet li ġejjin: nuqqas ta’ mezzi tad-debitur, nuqqas ta’ mezzi u debitur mhux magħruf, jew jekk id-debitur ikun informat b’ostakolu ieħor għall-irkupru li jkun ġie speċifikat b’mod separat. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, id-dettalji tad-dħul u l-assi dejjem iridu jiġu stabbiliti bl-użu tar-reġistri prinċipali. Il-proċedimenti għall-infurzar jintemmu, iżda l-kreditur jista’ jitlob li l-infurzar jerġa’ jinbeda f’data aktar tard, u f’tali sitwazzjonijiet is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur tiġi investigata għal darba oħra. Pereżempju, il-kreditur jista’ jitlob l-infurzar ta’ deċiżjoni billi jissottometti applikazzjoni ġdida f’waqtha, sabiex jiġi żgurat is-sekwestru minn sors bħar-rifużjoni tat-taxxa minn tmiem is-sena tad-debitur. Il-kreditur jista’ jitlob ukoll li d-dejn jiddaħħal fl-hekk imsejjaħ reġistru passiv. Jekk, matul l-investigazzjoni ta’ każ ieħor, ikun żvelat li d-debitur għandu dħul sekwestrat jew assi kkonfiskati, jew li jista’ ikun jirċievi rifużjoni tat-taxxa, id-dejn imdaħħal fir-reġistru passiv jitqies fil-proċedimenti ta’ infurzar. Ir-reġistrazzjoni passiva tibqa’ fis-seħħ għal sentejn mid-data taċ-ċertifikat ta’ nuqqas ta’ mezzi.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Il-miżuri ta’ infurzar u d-deċiżjonijiet tal-bailiffs jistgħu jiġu appellati minn kull persuna li l-interessi tagħha jkunu ġew affettwati mill-imsemmija miżuri jew deċiżjonijiet. L-appelli jridu jiġu ttrattati mill-qorti distrettwali (käräjäoikeus). L-appelli jridu jitressqu fi żmien tliet ġimgħat mid-data li fiha tkun ingħatat id-deċiżjoni jew mid-data li fiha l-parti interessata tkun irċeviet in-notifika tad-deċiżjoni.

Il-possibbiltà li jitressaq appell normalment ma tirriżultax f’sospensjoni tal-proċess ta’ infurzar, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Jekk l-appell jintlaqa’, il-qorti tħassar jew temenda d-deċiżjoni tal-bailiff. F’ċerti każijiet, il-bailiffs jistgħu wkoll jikkoreġu huma stess kull żball ovvju.

Jekk is-soluzzjoni ta’ argument jew pretensjoni ippreżentati b’rabta mal-infurzar tkun tirrikjedi xhieda orali, il-kawża taf tkun trid tiġi deċiża fi proċedimenti ċivili f’qorti (tilwima dwar l-infurzar).

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Il-leġiżlazzjoni tipprovdi dispożizzjonijiet dwar projbizzjonijiet ta’ infurzar, pereżempju għal raġunijiet soċjali. Għadd ta’ benefiċċji soċjali ma jistgħux jiġu sekwestrati. Jekk id-debitur/id-debitriċi fil-proċedimenti hija persuna fiżika, l-oġġetti, il-benefiċċji u d-drittijiet previsti b’mod separat fil-liġi jridu jiġu separati mill-konfiska. Barra minn hekk, l-assi ma jistgħux ikunu ikkonfiskati jekk, b’kont meħud tal-valur tal-assi u kundizzjonijiet oħra, il-kreditur jew il-kredituri jikseb/jiksbu biss ammont meqjus bħala wieħed żgħir wara li jkun sar il-pagament tal-ispejjeż tal-infurzar, it-tariffi tal-infurzar, u d-djun dovuti fuq l-assi.

Il-porzjoni statutorja protetta tad-debitur mid-dħul tiegħu għandha dejjem titqies fil-pjanijiet ta’ sekwestru u ta’ pagament: dan l-ammont irid jiġi eskluż sabiex id-debitur ikun jista’ iħallas għall-kostijiet tal-għajxien tiegħu. Ġeneralment, ma jistax jiġi kkonfiskat aktar minn terz il-paga jew salarju nett tad-debitur. Il-porzjonijiet ta’ dħul protetti kkonfermati, flimkien ma’ eżempji ta’ xi każijiet, jinsabu hawnhekk:

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://oikeus.fi/ulosotto/fi/index/velallisenaulosotossa/palkanulosmittaus.html

It-titoli eżekuttivi ta’ infurzar, meta persuna fiżika jkollha obbligu ta’ ħlas, jibqgħu infurzabbli għal 15-il sena (skadenzi għal titoli eżekuttivi ta’ infurzar). Din l-iskadenza hija ta’ 20 sena jekk il-kreditur/kreditriċi speċifikat(a) fit-titoli eżekuttivi ta’ infurzar hija persuna fiżika jew jekk il-pretensjoni tkun ibbażata fuq reat li għalih id-debitur ikun ġie kkundannat għal priġunerija jew servizz komunitarju. Is-sentenzi tal-qorti jew titoli eżekuttivi oħra ta’ infurzar ma jkunux jistgħu jiġu infurzati jekk id-dritt mogħti mill-istess ikun ġie preskritt minħabba li d-dejn ikun ġie mħallas jew l-istatut ta’ dispożizzjonijiet ta’ limitazzjoni jkun skada, jew għal xi raġuni oħra.

Għal aktar informazzjoni:

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://oikeus.fi/ulosotto/fi/index.html

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://valtakunnanvoudinvirasto.fi/fi/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.finlex.fi/en/laki/kaannokset/2007/en20070705


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 01/06/2020