Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċeduri għall-infurzar ta' sentenza - Franza

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-eżekuzzjoni (li timplika l-eżekuzzjoni obbligatorja, peress li eżekuzzjoni volontarja, tad-debitur tal-obbligi tiegħu ma tirrikjedix proċedimenti) tkopri l-proċedimenti kollha li jippermettu t-twettiq tal-obbligi eżegwibbli kontra r-rieda tad-debitur. Il-liġi Franċiża fiha tliet kategoriji ta’ obbligi ċivili: tħallas, tagħmel jew tonqos milli tagħmel xi ħaġa u fl-aħħar nett tagħti jew trodd lura.

Id-dritt tal-eżekuzzjoni jirrigwarda l-assi tad-debitur: ma teżisti l-ebda eżekuzzjoni kontra persuni. Madankollu, ir-rifjut li wieħed jaderixxi ma’ ċerti obbligi (obbligi ta’ manteniment) huwa reat kriminali, li jesponi lid-debitur għal prosekuzzjoni u għal sentenza ta’ ħabs. L-istess japplika għall-organizzazzjoni frawdolenti ta’ insolvenza minn debitur.

Il-liġi rigward il-miżuri tal-eżekuzzjoni hija bbażata fuq tliet affarijiet (il-ħlas, l-għemil u l-għotja).

L-obbligi ta’ ħlas huma eżegwibbli permezz ta’ mandati ta’ sekwestru. Jekk is-sekwestru jkun ta’ somma flus, l-ammont issekwestrat jiġi assenjat lill-kreditur (pereżempju: sekwestru ta’ kont bankarju). Jekk is-sekwestru jkun ta’ assi tad-debitur, is-sekwestru jwassal għall-bejgħ obbligatorju tal-assi u r-rikavat mill-bejgħ jiġi assenjat lill-kreditur, sal-limitu tal-pretensjoni tiegħu.

L-obbligi ta’ għotja jew li wieħed irodd lura jvarjaw skont in-natura tal-assi. Fil-każ ta’ proprjetà mobbli, l-assi jinqabad permezz ta’ mandat ta’ sekwestru sabiex jingħata lura lis-sid leġittimu tiegħu. Fil-każ ta’ proprjetà immobbli, il-pussess tal-proprjetà jingħata lura lis-sid billi jiġi żgumbrat l-okkupant.

L-obbligi li wieħed jagħmel xi ħaġa jew li jonqos milli jagħmel xi ħaġa jiġu eżegwiti permezz ta’ penali pekunjarji, li tkun somma flus li d-debitur ikollu jħallas apparti l-obbligu li jkollu jeżegwixxi. Dan l-ammont, stabbilit minn imħallef, jiġi kkalkulat b’mod proporzjonali għall-perjodu tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni (fil-każ ta’ obbligi li wieħed jagħmel xi ħaġa) jew skont l-għadd ta’ ksur tal-obbligu li wieħed jonqos milli jagħmel xi ħaġa. Peress li l-obbligi ta’ ħlas, ta’ għotja u li wieħed irodd lura huma wkoll interpretati bħala obbligi li wieħed jagħmel xi ħaġa, tista’ tiġi imposta penali pekunjarja apparti miżuri oħra ta’ eżekuzzjoni obbligatorja.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Il-marixxalli tal-qorti għandhom, fil-prinċipju, il-jedd sħiħ biex iwettqu eżekuzzjoni obbligatorja. Madankollu, żewġ proċeduri ta’ eżekuzzjoni dejjem jirrikjedu awtorizzazzjoni minn qabel mill-qrati:

  • is-sekwestru tar-rimunerazzjoni, awtorizzat mill-qorti distrettwali tal-post ta’ residenza tad-debitur jew tas-sekwestrat, jekk id-debitur jgħix barra jew ma għandu l-ebda residenza fissa,
  • is-sekwestru tal-proprjetà immobbli, li jitwettaq mill-qorti tal-eżekuzzjoni tal-post li l-proprjetà tkun tinsab fih.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

L-atti eżegwibbli kollha jistgħu jkunu suġġett ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jiġifieri huma suxxettibbli għal eżekuzzjoni obbligatorja; dawn huma ddefiniti mill-Artikolu L. 111-3 tal-Kodiċi tal-Proċedimenti Ċivili ta’ Eżekuzzjoni:

  • Id-deċiżjonijiet legalment vinkolanti tal-qrati ġudizzjarji jew amministrattivi u l-ftehimiet ġuridikament eżegwibbli b’deċiżjoni ta’ dawn il-qrati;
  • Miżuri u sentenzi barranin u deċiżjonijiet arbitrali ddikjarati eżegwibbli b’digriet mhux suġġett ta’ appell li jissospendi l-eżekuzzjoni;
  • Estratti minn rapporti ta’ konċiljazzjoni ffirmati mill-imħallef u mill-partijiet;
  • Atti Notarili li fihom klawżola li tagħti awtorità għall-eżekuzzjoni;
  • Titoli maħruġa minn marixxall tal-qorti fil-każ li ma jitħallasx ċekk;
  • Titoli maħruġa minn persuni ġuridiċi stabbiliti skont il-liġi pubblika u deskritti mill-liġi bħala tali, jew id-deċiżjonijiet li l-liġi tagħtihom l-istess effett ta’ sentenza.

Deċiżjonijiet tal-qorti li mhumiex suġġetti għal appell li jissospendu l-eżekuzzjoni huma eżegwibbli mingħajr sentenza oħra. Dawn id-deċiżjonijiet, bħall-atti notarili, huma ċertifikati bħala eżegwibbli mill-iskrivan tal-qorti jew minn nutar, skont il-każ. Ma hemm l-ebda proċedura intermedja oħra li tippermetti li titwettaq eżekuzzjoni.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-qorti, il-kredituri kollha jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni biex jipproċedu b’mandati ta’ sekwestru jew garanziji ġudizzjarji. Il-miżuri meħuda taħt dawn il-kundizzjonijiet jiskadu malajr jekk il-parti l-oħra ma tkunx ġiet notifikata (fi tmint ijiem) u jekk il-kreditur ma jkunx beda proċedimenti fuq il-mertu biex jikseb deċiżjoni tal-qorti li tapprova l-pretensjoni tiegħu.

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorji dwar proprjetà mobbli u somom ta’ flus, flimkien ma’ l-iżgumbrament għandhom ikunu eżegwiti mill-marixxall tal-qorti, li huwa uffiċjal pubbliku u professjonali, jiġifieri uffiċjal tal-eżekuzzjoni maħtur mill-Ministru tal-Ġustizzja. Il-marixxall tal-qorti jeżerċita d-doveri tiegħu skont il-kundizzjonijiet tad-dritt privat, iżda fil-każ tal-eżekuzzjoni, igawdi minn prerogattivi ta’ awtorità pubblika ddeterminata minn regolamentazzjoni preċiża u kodiċi tal-etika kkontrollata b’mod strett.

Is-sekwestru tal-proprjetà immobbli jsir permezz ta’ proċedimenti speċjali, normalment quddiem l-imħallef tal-eżekuzzjoni tal-Qorti Reġjonali, li għalihom il-kreditur irid ikun rappreżentat minn avukat.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-ispejjeż tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni jiġġarrbu, fil-prinċipju, mid-debitur li għandu jħallashom b’żieda mad-dejn tiegħu.

Dawn l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni huma suġġetti għal skala ta’tariffi li tistabbilixxi l-ħlas dovut lill-marixxalli tal-qorti għal kull miżura ta’ eżekuzzjoni. Skont id-Digriet Nru 96-1080 tat-12 ta’ Diċembru 1996, l-iskala ta’ ħlas għall-marixxalli tal-qorti tinkludi ammont fiss espress jew kumulattivament jew alternattivament skont il-każ, f’tariffi fissi jew proporzjonali, kif ukoll, meta xieraq, tariffa għall-ftuħ tal-prosekuzzjoni.

It-tariffi fissi jridu jitħallsu mid-debitur. It-tariffi proporzjonali, ikkalkulati skont skala li tvarja applikati għall-ammonti rkuprati, jitħallsu parti mill-kreditur u parti mid-debitur.

Pereżempju, għal pretensjoni rkuprata ta’ EUR 10 000, l-iskala ta’ tariffi għal ċerti miżuri ta’ eżekuzzjoni tkun kif ġej:

  • sekwestru kawtelatorju ta’ kont bankarju: tariffa fissa, inklużi t-taxxi: EUR 187.53
  • sekwestru ta’ proprjetà mobbli: tariffa fissa, inklużi t-taxxi: EUR 66.98
  • sekwestru ta’ vettura b’dikjarazzjoni fl-uffiċċju reġjonali amministrattiv: tariffa fissa, inklużi t-taxxi: EUR 133.95
  • avviż formali notifikat bil-ħsieb ta’ sekwestru ta’ proprjetà immobbli: tariffa fissa, inklużi t-taxxi: EUR 80.37

Barra minn dawn it-tariffi fissi, hemm tariffi proporzjonali li, għal-pretensjoni kollha jammontaw għal EUR 723.44 bit-taxxi inklużi, li minnhom EUR 121.35 jitħallsu mid-debitur u EUR 602.09 mill-kreditur.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

L-ebda ordni ta’ qorti mhi meħtieġa biex wieħed jipproċedi b’miżuri ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ titoli eżegwibbli.

Il-kriterji biex jiġu awtorizzati miżuri ta’ sekwestru favur kreditur li għad m’għandux titolu eżegwibbli huma kif ġej: fil-prinċipju, il-pretensjoni tkun tidher li hija bbażata fuq raġunijiet tajba u l-irkupru tal-pretensjoni jkun jidher li jinsab f’riskju. L-imħallef kompetenti biex jordna mandat ta’ sekwestru jkun l-imħallef tal-eżekuzzjoni (imħallef fil-Qorti Reġjonali) jew il-president tal-Qorti tal-Kummerċ fil-limiti tal-ġuriżdizzjoni ta’ dik il-qorti.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Il-kreditur jista’ jinforza l-pretensjoni tiegħu kontra l-proprjetà kollha tad-debitur, għaldaqstant fil-prinċipju, l-assi kollha tad-debitur jistgħu jkunu sekwestrati. Jeżistu regoli speċjali skont in-natura ta’ dawn l-assi: talbiet ta’ kreditu (kera, salarji, ammonti f’kont bankarju), proprjetà mobbli ta’ kull xorta, proprjetà immobbli u drittijiet in rem, titoli u drittijiet ta’ kontributuri, vetturi (tal-art, bastimenti, dgħajjes jew ajruplani), drittijiet tal-awtur, ammonti ta’ flus merfugħa ġo sejf, eċċ.

Madankollu, il-liġi tista’ tistipula li ċerti assi ma jistgħux ikunu sekwestrati, pereżempju:

  • ammonti meħtieġa għall-manteniment (b’mod partikolari proporzjon tas-salarju stabbilit skont skala li tvarja skont l-ammont ta’ introjtu u d-dipendenti, rivalutata kull sena),
  • proprjetà mobbli meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum tad-debitur u għal xogħlu, li ma tistax tkun sekwestrata għajr biex jitħallas prezzha, jew jekk tkun ta’ valur sinifikanti.
  • assi meħtieġa għall-morda u għall-persuni b’diżabbiltà.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni fuq il-proprjetà u l-pretensjonijiet isiru f’żewġ fażijiet. L-ewwel nett, l-aġent tal-eżekuzzjoni jeżegwixxi s-sekwestru tal-proprjetà jew ta’ ammonti ta’ flus. Dan is-sekwestru jfisser li wieħed ma jistax jiddisponi mill-proprjetà, iżda tibqa’ fil-pussess tad-debitur u dan isir il-kustodju tagħha. Jekk iwettaq miżapproprjazzjoni ta’ din il-proprjetà, jikkommetti reat. Fil-każ ta’ ammonti ta’ flus, dawn jiġu bblukkati fil-kont, iżda huma immedjatament għalkemm virtwalment, assenjati lill-kreditur inkwistjoni.

Id-debitur jiġi infurmat bis-sekwestru. Jekk id-debitur ma jinfurmax lill-imħallef tal-eżekuzzjoni li hu jkun qiegħed jikkontesta s-sekwestru, l-aġent tal-eżekuzzjoni jista’ jipproċedi bit-tieni fażi tas-sekwestru, jiġifieri s-sekwestru tal-proprjetà biex tinbiegħ b’irkant jew billi jordna lis-sekwestrat (normalment, il-bank) biex jittrasferixxi l-ammonti sekwestrati.

Il-bank, magħruf bħala s-“sekwestrat”, għandu obbligu, fil-waqt tas-sekwestru, li jinforma lill-marixxall b’kull ammont tad-debitur li għandu miżmum għandu. Jekk jonqos milli jagħmel dan jew jekk jgħaddi l-ammonti sekwestrati li jkollu f’idu lid-debitur, il-piena ġudizzjarja, fuq it-talba tal-kreditur, tkun li jkollu jħallas id-debitu minflok id-debitur.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

It-titoli eżegwibbli jiġu preskritti wara 10 snin. Għaldaqstant, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jridu jitwettqu f’dan iż-żmien stipulat (L. 111-4 tal-Kodiċi tal-Proċedimenti Ċivili ta’ Eżekuzzjoni).

Ordnijiet mill-imħallef tal-eżekuzzjoni għall-proċedimenti ta’ mandati ta’ sekwestru jiskadu jekk il-miżura ta’ sekwestru ma titwettaqx fi żmien tliet xhur mill-ordni.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Din il-mistoqsija tirrigwarda biss l-ordnijiet rigward mandati ta’ sekwestru. Fil-każ ta’ titoli eżegwibbli, l-eżerċitar tal-appell huwa marbut mal-kontestazzjoni ġudizzjarja tal-pretensjoni nfisha.

Ladarba tittieħed il-miżura ta’ sekwestru u d-debitur ikun ġie infurmat b’dan, dan tal-aħħar jista’ jikkontesta l-kundizzjonijiet li wasslu għall-ordni quddiem l-imħallef tal-eżekuzzjoni li jkun ordna l-miżura. Kontestazzjoni tista’ titressaq quddiem l-imħallef dment li l-mandat ta’ sekwestru kawtelatorju ma jkunx inbidel f’mandat eżekutorju wara konferma ġudizzjarja tal-pretensjoni.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Fir-rigward ta’ limiti taż-żmien, fil-prinċipju, it-titoli eżegwibbli jiġu preskritti wara 10 snin.

Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jridu jkunu limitati għal dak li hu neċessarju għall-irkupru tal-pretensjoni u ma jridx ikun hemm abbuż fl-għażla tal-miżuri.

Fil-waqt li, fil-prinċipju, il-kreditur jista’ jissekwestra l-beni kollha tad-debitur, jeżistu limiti f’għamla ta’ beni li skont il-liġi ma jistgħux ikunu sekwestrati. Dan japplika għall-pagamenti ta’ manteniment, proprjetà mobbli meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum tad-debitur u għal xogħlu, oġġetti indispensabbli għal persuna b’diżabbiltà, ċerti minimi soċjali u allokazzjonijiet tal-familja, li ma jistgħux ikunu sekwestrati. Apparti dan, f’kont bankarju, ma jistgħux ikunu sekwestrati s-somom li jaqbżu l-introjtu minimu (ir-“revenu de solidarité active” – l-introjtu ta’ solidarjetà attiva) għal persuna waħedha. Fl-aħħar nett, fil-prinċipju, remunerazzjoni tkun eliġibbli għal sekwestru, fil-limiti stabbiliti minn digriet biss, liema digriet jistabbilixxi l-ammont għas-sekwestru skont ir-remunerazzjoni tad-debitur u tad-dipendenti tiegħu.

Is-sidien uniċi jibbenefikaw, f’ċerti każijiet, minn protezzjoni speċjali għall-patrimonju kollu tagħhom jew għal parti minnu.

Fl-aħħar nett, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jitwettqu biss bejn is-6.00 u d-21.00, u ma jistgħux ikunu eżegwiti l-Ħdud u l-festi pubbliċi, għajr jekk tkun ingħatat awtorizzazzjoni minn qabel mill-imħallef tal-eżekuzzjoni. Kull sekwestru ta’ ammonti anqas minn EUR 535 fi kwartieri residenzjali wkoll jirrikjedi l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-imħallef ta’ eżekuzzjoni.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLegifrance

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-sit web tal-Kamra Nazzjonali tal-Marixxalli tal-Qorti


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 14/08/2017