Il-Konsegwenzi Patrimonjali ta’ Sħubijiet Irreġistrati

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm forom differenti ta’ “sħubijiet irreġistrati” f’dan l-Istat Membru? Spjega d-differenzi bejn il-forom differenti?

Minbarra l-istituzzjoni taż-żwieġ, fl-Awstrija hemm ukoll l-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata skont l-Att dwar is-Sħubijiet Reġistrati (Eingetragene Partnerschaft-Gesetz, EPG).

Fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti Kostituzzjonali aboliet ir-regolamenti differenti għall-koppji ta’ sess oppost u għall-koppji tal-istess sess. Mill-1 ta’ Jannar 2019, koppji tal-istess sess jistgħu jiżżewġu fl-Awstrija. Bl-istess mod, koppji tas-sess oppost issa jistgħu jidħlu fi sħubija reġistrata (li qabel kienet riżervata għall-koppji tal-istess sess).

Ir-regoli li jirregolaw is-sħubijiet reġistrati jvarjaw biss ftit mir-regoli għaż-żwiġijiet, pereżempju fir-rigward tal-età minima (18-il sena; iċ-“ċertifikat tal-ebda impediment għaż-żwieġ” mhuwiex meħtieġ mill-età ta’ 16-il sena) u fir-rigward tax-xoljiment (permess ladarba s-sħab ikunu ilhom separati għal tliet snin; għaż-żwiġijiet, huwa previst perjodu ta’ sitt snin f’każijiet eċċezzjonali).

2 Hemm reġim ta’ proprjetà statutorju għas-sħubijiet irreġistrati f’dan l-Istat Membru? X’jipprevedi? Għal liema forom ta’ “sħubija rreġistrata” japplika?

Bħal fil-każ taż-żwieġ, ir-reġim tal-proprjetà prestabbilit għas-sħubijiet reġistrati huwa s-separazzjoni tal-proprjetà (Gütertrennung) (it-Taqsima 1217(2) flimkien mat-Taqsima 1233 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak, Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch). Kull sieħeb reġistrat iżomm il-proprjetà li huwa jkun ġab fis-sħubija u huwa s-sid waħdieni tal-proprjetà li jakkwista. Kull sieħeb reġistrat huwa wkoll il-kreditur waħdieni għad-debituri tiegħu u d-debitur waħdieni għall-kredituri tiegħu.

3 Is-sħab, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Is-sħab fi sħubija reġistrata jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà tagħhom permezz ta’ ftehim ta’ sħubija reġistrata bl-istess kundizzjonijiet bħall-koppji miżżewġa. Il-partijiet jistgħu jagħżlu reġim tal-proprjetà differenti minn dak prestabbilit, permezz ta’ ftehim kuntrattwali. Ftehimiet bħal dawn jirrikjedu att notarili sabiex ikunu validi (it-Taqsima 1 tal-Att dwar l-Atti Notarili, Notariatsaktsgesetz).

4 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà?

F’termini ta’ sustanza, ir-regoli huma l-istess bħal dawk li jirregolaw iż-żwieġ.

5 X’inhuma l-effetti legali tax-xoljiment jew l-annullament fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?

F’termini ta’ sustanza, ir-regoli huma l-istess bħal dawk li jirregolaw iż-żwieġ (it-Taqsimiet 24 et seq. tal-Att dwar is-Sħubijiet Reġistrati).

6 X’inhuma l-effetti legali tal-mewt fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?

F’termini ta’ sustanza, ir-regoli huma l-istess bħal dawk li jirregolaw iż-żwieġ (it-Taqsimiet 24 et seq. tal-Att dwar is-Sħubijiet Reġistrati).

7 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ relatat mal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?

F’termini ta’ sustanza, ir-regoli huma l-istess bħal dawk li jirregolaw iż-żwieġ.

8 X’inhuma l-effetti tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata fuq ir-relazzjonijiet legali bejn sieħeb u parti terza?

F’termini ta’ sustanza, ir-regoli huma l-istess bħal dawk li jirregolaw iż-żwieġ.

9 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà tas-sħubija rreġistrata f’dan l-Istat Membru.

F’termini ta’ sustanza, ir-regoli huma l-istess bħal dawk li jirregolaw iż-żwieġ.

10 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Applikazzjoni għad-dħul tad-dritt ta’ proprjetà fir-reġistru tal-artijiet trid tiġi ppreżentata lill-Qorti Distrettwali li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun tinsab il-proprjetà immobbli li tkun trid tiġi rreġistrata.

L-applikazzjoni trid tiġi ppreżentata bil-miktub u tkun iffirmata mill-applikant. Fil-prinċipju, il-firma ma għandhiex għalfejn tiġi ċċertifikata sakemm fl-applikazzjoni ma tkunx inkluża dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni (Aufsandungserklärung).

L-applikazzjoni trid tkun akkumpanjata minn dokument pubbliku jew privat li jinkludi l-bażijiet legali għall-akkwist tal-proprjetà (eż. kuntratt ta’ xiri) u li jkollu l-firem iċċertifikati tal-partijiet. Minbarra d-dettalji eżatti tal-proprjetà, id-dokumenti privati jridu jinkludu dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni (Aufsandungserklärung).

Id-dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni hija dikjarazzjoni espliċita ta’ kunsens għar-reġistrazzjoni (dħul fir-reġistru tal-artijiet) mill-persuna li d-dritt tagħha jkun qed jiġi ristrett, gravat, annullat jew trasferit lil persuna oħra (il-bejjiegħ, fil-każ ta’ kuntratt ta’ xiri). Id-dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni trid tkun iċċertifikata minn qorti jew nutar u ffirmata mill-parti kontraenti. Id-dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni tista’ tiġi ppreżentata wkoll bħala parti mill-applikazzjoni għad-dħul tad-dritt ta’ proprjetà fir-reġistru tal-artijiet. F’dan il-każ, il-firem fuq l-applikazzjoni jridu jkunu ċċertifikati minn qorti jew nutar.

L-applikazzjoni trid tkun akkumpanjata wkoll minn ċertifikat ta’ konformità fiskali (steuerrechtliche Unbedenklichkeitsbescheinigung) f’konformità mat-Taqsima 160 tal-Kodiċi tat-Taxxa Federali (Bundesabgabeordnung). Iċ-ċertifikat jikkostitwixxi konferma mill-Awtorità tat-Taxxa li ma hemmx ostakoli għad-dħul tad-dritt ta’ proprjetà fir-reġistru tal-artijiet f’termini ta’ taxxi dovuti.

Jekk l-applikazzjoni titfassal minn avukat jew nutar, din trid tiġi ppreżentata b’mod elettroniku. F’dan il-każ, id-dokumenti mehmuża jridu jitqiegħdu f’arkivju elettroniku tad-dokumenti. Iċ-ċertifikat ta’ konformità fiskali mill-Awtorità tat-Taxxa mbagħad jista’ jiġi sostitwit minn dikjarazzjoni ta’ awtovalutazzjoni mfassla mill-avukat jew in-nutar.

L-aħħar aġġornament: 05/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.