Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

L-effetti taż-żwieġ u s-sħubija rreġistrata fuq il-proprjetà


Koppji f’relazzjoni b’dimensjoni internazzjonali li jkunu jeħtieġu informazzjoni ġuridika rigward il-proprjetà tagħhom f’każijiet ta’ divorzju/separazzjoni jew il-mewt ta’ wieħed mill-membri f’koppja.


Iċ-ċittadini tal-Unjoni qegħdin jiċċaqalqu dejjem iktar minn pajjiż għall-ieħor biex jistudjaw, jaħdmu jew jibdew familja fi Stat Membru ieħor, u dan iwassal għal għadd dejjem jiżdied ta' koppji b'dimensjoni internazzjonali: koppji li l-membri tagħhom ikollhom nazzjonalità differenti, koppji li jgħixu fi Stat Membru li mhux dak tan-nazzjonalità tagħhom, koppji li għandhom proprjetà f'pajjiżi differenti jew koppji li jiddivorzjaw jew imutu f'pajjiż li mhux pajjiżhom. Koppji internazzjonali, sew jekk miżżewġin u sew jekk fi sħubija reġistrata, iridu jġestixxu l-proprjetà tagħhom u, b'mod partikolari, jaqsmuha fil-każ ta' divorzju/separazzjoni jew tal-mewt ta' wieħed mill-membri tagħha.

Bħalissa, ċittadini fi żwieġ internazzjonali jew sħubija reġistrata jiffaċċaw inċertezza meta jġestixxu jew jaqsmu l-proprjetà tagħhom f'każ ta' divorzju jew mewt. Huwa diffiċli għalihom li jkunu jafu l-qrati ta' liem Stat Membru jkunu kompetenti biex jittrattaw kwistjoni li tikkonċerna r-reġim tal-proprjetà, x'liġi tapplika għar-reġim tal-proprjetà tagħhom u kif se jieħdu deċiżjoni dwar ir-reġim tal-proprjetà tagħhom u kif jista' jkollhom deċiżjoni dwar ir-reġim tal-proprjetà tagħhom maħruġa fi Stat Membru rikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor.

Fl-2011, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ proposti biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza tad-dritt lill-koppji internazzjonali fir-rigward tal-ġestjoni u l-qsim tal-proprjetà tagħhom f'każ ta' divorzju/separazzjoni jew tal-mewt ta' wieħed mill-membri. Waħda mill-proposti kienet tikkonċerna l-koppji miżżewġin u l-oħra r-reġimi ta' proprjetà tas-sħubijiet reġistrati. Peress li dawn il-proposti kienu jikkonċernaw il-liġi tal-familja, kellhom jiġu adottati mill-Kunsill b'unanimità wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Wara bosta snin ta' negozjati, f'Diċembru 2015, il-Kunsill ikkonkluda li ma setax jasal għal unanimità għall-adozzjoni tal-proposti fi żmien raġonevoli.

Sussegwentement, 18-il Stat Membru (l-Iżvezja, il-Belġju, il-Greċja, il-Kroazja, is-Slovenja, Spanja, Franza, il-Portugall, l-Italja, Malta, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Finlandja u Ċipru) esprimew xewqthom li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tar-reġimi tal-proprjetà ta' koppji internazzjonali biex l-Istati Membri li xtaqu hekk ikunu jistgħu jadottaw leġiżlazzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam.

Wara dawn it-talbiet, fit-2 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat tliet proposti: proposta għal Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDeċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tar-reġimi tal-proprjetà ta' koppji internazzjonali, li tkopri kemm iż-żwiġijiet u kemm is-sħubijiet reġistrati, u żewġ proposti għal Regolamenti tal-Kunsill li jimplimentaw il-kooperazzjoni msaħħa, waħda fir-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidareġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-oħra dwar ir-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidareġimi tal-proprjetà tas-sħubijiet reġistrati.

Il-proposti għaż-żewġ regolamenti fihom regoli li jiddeterminaw il-qrati ta' liem Stat Membru għandhom jittrattaw kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-reġimi tal-proprjetà ta' koppji internazzjonali (ġuriżdizzjoni), liem liġi għandha tapplika għal dawk il-kwisjonijiet (il-liġi applikabbli) u kif sentenzi u dokumenti notarili dwar dawn il-kwistjonijiet maħruġa fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor. Peress li r-regolamenti proposti jittrattaw il-ġestjoni u b'mod partikolari l-qsim tal-proprjetà tal-koppja internazzjonali f'każ ta' divorzju/separazzjoni jew tal-mewt ta' wieħed mill-membri tagħha, dawn ir-regolamenti huma marbutin mill-qrib mar-regolamenti tal-Unjoni eżistenti dwar id-divorzju/is-separazzjoni u s-suċċessjoni.

Il-proposti tal-Kummissjoni issa qed jiġu eżaminati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

L-Istati Membri li għadhom mhumiex jieħdu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa jistgħu jingħaqdu fiha x'ħin iridu.

Jekk teħtieġ xi informazzjoni dwar il-liġi tal-Istati Membri li tikkonċerna r-reġimi tal-proprjetà taż-żwiġijiet u tas-sħubijiet reġistrati, ikkuntattja lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat. Tista' wkoll tikkonsulta s-sit Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.coupleseurope.eu/en/home tal-Kunsill tal-Kmamar tan-Nutara tal-Unjoni Ewropea.


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 17/11/2017