Protezzjoni kontra l-vjolenza u l-fastidju

Kull miżura ta’ protezzjoni (trażżin, impediment jew ordni ta' protezzjoni simili) mogħtija minn qorti nazzjonali tista’ tiġi eżegwita f’pajjiż ieħor tal-UE.

Id-dritt li wieħed ikompli jibbenefika minn miżuri protettivi meta jġorr minn Stat Membru għal ieħor

Biex tkun protett bħala vittma (b'mod partikolari vittma ta' forom differenti ta' vjolenza domestika u segwiment ta' persuna bil-moħbi) minn vjolenza u fastidju, l-awtoritajiet nazzjonali spiss jistgħu joffrulek miżuri speċifiċi (trażżin, impediment jew ordni ta' protezzjoni oħra) li jgħinu biex jipprevjenu aggressjonijiet jew assalti ulterjuri mill-ħati. Jekk tingħata ordni ta' protezzjoni fi Stat Membru huwa probabbli li tkun tixtieq tkompli tibbenefika minn din il-protezzjoni meta ġġorr jew tivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor. Għal din il-fini, l-UE daħħlet fis-seħħ mekkaniżmu għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri protettivi.

Il-miżuri protettivi nazzjonali jistgħu jkunu ta' natura tad-dritt ċivili, kriminali jew amministrattiv u d-dewmien, il-kamp ta' applikazzjoni u l-proċeduri ta' adozzjoni tagħhom ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Minħabba bażijiet ġuridiċi separati fil-liġi tal-UE għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri tad-dritt ċivili u l-miżuri tad-dritt kriminali, kien hemm bżonn ta' żewġ strumenti separati biex tkun żgurata ċ-ċirkolazzjoni tat-tliet tipi l-aktar komuni ta' miżuri protettivi fl-UE. Ordnijiet protettivi koperti mid-Direttiva u r-Regolament jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn inti, bħala vittma jew vittma potenzjali ta' delitt, tibbenefika minn projbizzjoni jew regolazzjoni tad-dħul f'ċerti postijiet, tkun ikkuntattjat jew avviċinat minn persuna li tikkawżalek riskju.

Ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti r-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa bħala miżura tad-dritt ċivili bejn Stati Membri.

B'hekk jekk tibbenefika minn ordni ta' protezzjoni skont id-dritt ċivili fl-Istat Membru ta' residenza tiegħek int tkun tista' tapplikah direttament fi Stati Membri oħrajn billi tikseb ċertifikat u tippreżentah lill-awtoritajiet rilevanti li jiċċertifikaw id-drittijiet tiegħek.

Ir-Regolament ilu japplika mill-11 ta’ Jannar 2015.

Madankollu, jekk tibbenefika minn ordni ta' protezzjoni f'materji kriminali maħruġa minn Stat Membru tista' titlob Ordni Ewropea ta' Protezzjoni fuq il-bażi tad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni (EPO) li tistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti r-rikonoxximent ta' ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa bħala miżura tad-dritt kriminali bejn l-Istati Membri.

L-aħħar aġġornament: 06/10/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.