Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Dokumenti pubbliċi

Ir-Regolament dwar id-Dokumenti Pubbliċi (Regolament 2016/1191), li ġie adottat fis-6 ta’ Lulju 2016 u japplika fil-pajjiżi kollha tal-UE mis-16 ta’ Frar 2019, jissimplifika ċ-ċirkolazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi.

Iċ-ċittadini li jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE li mhux dak tal-oriġini tagħhom ta’ spiss ikollhom bżonn jippreżentaw dokument pubbliku lill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE fejn jgħixu. Dawn id-dokumenti pubbliċi jistgħu jkunu, pereżempju, ċertifikat tat-twelid minħabba żwieġ, jew ċertifikat fin-nuqqas ta’ fedina penali għal skopijiet ta’ impjieg.

Ir-Regolament dwar id-Dokumenti Pubbliċi (Regolament 2016/1191), li jibda japplika mis-16 ta’ Frar 2019 għandu l-għan li jnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż għaċ-ċittadini meta jkollhom bżonn jippreżentaw dokument pubbliku maħruġ minn pajjiż tal-UE f’pajjiż ieħor tal-UE.

Qabel ir-Regolament, iċ-ċittadini li kellhom bżonn jippreżentaw dokument pubbliku f’pajjiż ieħor tal-UE kellhom jiksbu timbru ta’ awtentiċità (l’hekk imsejjħa apostille) biex juru li d-dokument pubbliku tagħhom huwa awtentiku. Iċ-ċittadini ta’ spiss kellhom ukoll jippreżentaw kopja attestata u traduzzjoni tad-dokument pubbliku tagħhom.

Ir-Regolament iġib fi tmiem numru ta’ proċeduri burokratiċi:

  • Id-dokumenti pubbliċi (pereżempju, ċertifikat tat-twelid, kuntratt taż-żwieġ nutarili, sentenza) u l-kopji attestati tagħhom maħruġa mill-awtoritajiet ta’ pajjiż tal-UE jridu jiġu aċċettati bħala awtentiċi mill-awtoritajiet ta’ pajjiż ieħor tal-UE mingħajr il-bżonn ta’ timbru ta’ awtentiċità (jiġifieri l-apostille);
  • Ir-Regolament jabolixxi l-obbligu taċ-ċittadini li jipprovdu fl-istess ħin kemm id-dokument pubbliku l-oriġinali kif ukoll il-kopja attestata tiegħu. Fejn pajjiż tal-UE jippermetti l-preżentazzjoni ta’ kopja attestata ta’ dokument pubbliku minflok l-oriġinal, l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż tal-UE jridu jaċċettaw kopja attestata maħruġa fil-pajjiż tal-UE fejn inħareġ id-dokument pubbliku;
  • Ir-Regolament jabolixxi l-obbligu għaċ-ċittadini li jipprovdu traduzzjoni tad-dokument pubbliku tagħhom. Jekk id-dokument pubbliku ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż tal-UE li jitlob id-dokument, iċ-ċittadini jistgħu jistaqsu għal formola standard multilingwi, disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE, mill-awtoritajiet. Dan tista’ tiġi mehmuża mad-dokument pubbliku tagħhom biex jiġi evitat il-bżonn ta’ traduzzjoni. Meta ċittadin jippreżenta dokument pubbliku flimkien ma’ formola standard multilingwi, l-awtorità riċeventi tista’ titlob traduzzjoni tad-dokument pubbliku biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Peress li mhux kull pajjiż fl-UE joħroġ il-formoli standard multilingwi kollha, iċ-ċittadini jistgħu jivverifikaw liema formoli jinħarġu fil-pajjiż tal-UE tagħhom hawnhekk;
  • Jekk l-awtoritajiet tal-pajjiż riċeventi tal-UE jeħtieġu traduzzjoni attestata tad-dokument pubbliku ppreżentat miċ-ċittadin, iridu jaċċettaw traduzzjoni attestata magħmula fi kwalunkwe pajjiż tal-UE.

Ir-Regolament jintroduċi wkoll salvagwardji kontra dokumenti pubbliċi frawdolenti: jekk awtorità riċeventi għandha dubju raġonevoli dwar l-awtentiċità ta’ dokument pubbliku ppreżentat lilha, hija tista’ tivverifika l-awtentiċità tiegħu mal-awtorità tal-ħruġ tal-pajjiż l-ieħor tal-UE permezz ta’ pjattaforma attwali tal-IT, is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern jew IMI.

Ir-Regolament jindirizza l-awtentiċità ta’ dokumenti pubbliċi iżda mhux ir-rikonoxximent tal-effetti legali tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE. Ir-rikonoxximent tal-effetti legali ta’ dokument pubbliku għadhom regolati mil-liġi nazzjonali tal-pajjiż tal-UE fejn iċ-ċittadin jippreżenta d-dokument. Madankollu, fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom, il-pajjiżi tal-UE jridu jħarsu l-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Id-dokumenti pubbliċi jfissru dokumenti maħruġa minn awtorità pubblika, bħal pereżempju:

  • dokumenti li joħorġu minn qorti jew minn uffiċjal tal-qorti;
  • dokumenti amministrattivi;
  • atti nutarili;
  • ċertifikati uffiċjali mogħtija fuq dokumenti privati;
  • dokumenti diplomatiċi u konsulari.

Ir-Regolament ikopri dokumenti pubbliċi maħruġa fl-oqsma li ġejjin:

  • it-twelid
  • persuna ċċertifikata li għadha ħajja
  • il-mewt
  • l-isem
  • iż-żwieġ, inkluż il-kapacità li persuna tiżżewweġ u l-istatus personali
  • id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ
  • is-sħubija rreġistrata, inkluż il-kapaċità li wieħed jidħol għal sħubija rreġistrata u l-istatus ta’ sħubija rreġistrata
  • il-ħall ta’ sħubija rreġistrata, is-separazzjoni legali jew l-annullament ta’ sħubija rreġistrata
  • il-ġenituri
  • l-adozzjoni
  • id-domiċilju u/jew ir-residenza
  • in-nazzjonalità
  • in-nuqqas ta’ fedina penali
  • id-dritt tal-vot u li wieħed joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Il- formoli standard multilingwi li jridu jiġu mehmuża bħala għajnuna għat-traduzzjoni għad-dokumenti pubbliċi jistgħu jintalbu għal dawn l-oqsma li ġejjin:

  • it-twelid
  • persuna ċċertifikata li għadha ħajja
  • il-mewt
  • iż-żwieġ, inkluż il-kapacità li persuna tiżżewweġ u l-istatus personali
  • is-sħubija rreġistrata, inkluż il-kapaċità li wieħed jidħol għal sħubija rreġistrata u l-istatus ta’ sħubija rreġistrata
  • id-domiċilju u/jew ir-residenza
  • in-nuqqas ta’ fedina penali.

Formoli standard multilingwi

Ikklikkja hawnhekk biex tara l-formoli standard multilingwi maħruġa mill-awtoritajiet f’kull pajjiż tal-UE

Informazzjoni kkomunikata mill-pajjiżi tal-UE (skont l-Artikolu 24 tar-Regolament)

Ikklikkja hawnhekk biex tara l-informazzjoni mogħtija mill-pajjiżi tal-UE dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, b’mod partikolari:

  • b’liema lingwa(i) jista’ jiġi ppreżentat dokument pubbliku
  • il-lista ta’ dokumenti pubbliċi li magħhom tista’ tiġi mehmuża formola standard multilingwi
  • lista ta’ tradutturi attestati
  • l-awtoritajiet li jistgħu joħorġu kopji attestati
  • il-karatteristiċi ta’ traduzzjonijiet u kopji attestati

Repożitorju tad-dokumenti pubbliċi

Ikklikkja hawnhekk biex tara eżempji ta’ dokumenti pubbliċi maħruġa f’kull pajjiż tal-UE.

Ikklikkja hawn PDF (652 KB) en biex tara l-lista tal-Awtoritajiet Ċentrali maħtura minn kull pajjiż tal-UE, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Il-lista tidentifika wkoll, fil-każ ta’ aktar minn Awtorità Ċentrali waħda, liema waħda minnhom hija responsabbli biex tirċievi komunikazzjonijiet minn pajjiż ieħor.

L-aħħar aġġornament: 25/02/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.