Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Informazzjoni nazzjonali dwar ir-regoli speċjali li japplikaw għal ċerta proprjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra ta’ assi

In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali pproduċa xi fuljetti ta’ informazzjoni dwar ir-regoli speċjali skont il-liġi nazzjonali, li jimponu restrizzjonijiet dwar is-suċċessjoni li tipikament jinvolvu l-assi li ġejjin:

  • ċerti tipi ta’ proprjetà immobbli (proprjetà immobbli)
  • ċerti tipi ta’ negozji,
  • kategoriji speċjali oħra ta’ assi.

Għal raġunijiet ekonomiċi, familjari u/jew soċjali, dawn ir-regoli jillimitaw is-suċċessjoni li tinvolvi dawn l-assi.

Huma japplikaw għal suċċessjoni, skont il-liġi nazzjonali tal-pajjiż li timponi tali restrizzjonijiet, irrispettivament mil-liġi dwar is-suċċessjoni.

Biex tikkonsulta folja ta’ informazzjoni dwar il-liġi nazzjonali li timponi restrizzjonijiet fuq is-suċċessjoni li tinvolvi ċerti assi, jew b’xi mod ieħor taffettwaha, jekk jogħġbok ikklikkja fuq il-bandiera nazzjonali rilevanti f'din il-paġna.

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 08/10/2020

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Belġju

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

L-Artikolu 745c tal-Kodiċi Ċivili (Code civil) jistabbilixxi regoli speċjali fejn is-sjieda ta’ ċerta proprjetà hija kondiviża bejn id-dixxendenti tal-mejjet li jirċievu s-sjieda mingħajr użufrutt u l-konjuġi superstiti li jirċievi l-użufrutt.

Fil-prinċipju, il-konjuġi superstiti jew wieħed mis-sidien mingħajr użufrutt jista’ jitlob għall-konverżjoni sħiħa jew parzjali tal-użufrutt, jiġifieri parti waħda tista’ tixtri s-sjieda mingħajr użufrutt jew l-użufrutt mill-parti l-oħra.

Madankollu, ċerta proprjetà hija eskluża minn din ir-regola:

  • Il-konverżjoni tal-użufrutt tista’ tiġi rifjutata mill-qorti tal-familja (tribunal de la famille) jekk din tista’ tagħmel ħsara serja lill-interessi ta’ attività kummerċjali jew professjonali.
  • Il-qbil tal-konjuġi superstiti jew il-koabitant legali superstiti huwa meħtieġ meta l-proprjetà immobbli u l-għamara tagħha kienet qed tintuża, fid-data meta nfetħet is-suċċessjoni, bħala r-residenza prinċipali tal-familja.

L-Artikolu 745g tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi protezzjoni simili, għall-benefiċċju tal-koabitant legali, għal proprjetà immobbli li ntużat bħala r-residenza komuni tal-familja u l-għamara tagħha.

Barra dan, l-Artikolu 915a tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi għall-wirt sfurzat ta’ parti mill-proprjetà (jiġifieri parti riservata) għall-benefiċċju tal-konjuġi superstiti u jistipula, fil-każijiet kollha, li dan il-wirt sfurzat għandu jinkludi mill-inqas il-proprjetà immobbli li kienet qed tintuża bħala r-residenza ewlenija tal-familja u l-għamara tagħha.

Meta s-suċċessjoni kollha jew parti minnha tikkonsisti minn azjenda agrikola, l-eredi f’linja ta’ dixxendenza diretta jistgħu jieħdu f’idejhom, fuq il-bażi ta’ stima, il-proprjetà mobbli u immobbli li tifforma l-azjenda agrikola (l-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu tal-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 1988 dwar ir-regoli tas-suċċessjoni għall-azjendi agrikoli bil-għan li tiġi promossa l-kontinwità tagħhom (loi du 29 août 1988 relative au régime successoral des exploitations agricoles en vue d'en promouvoir la continuité)).

Jekk is-suċċessjoni kollha jew parti minnha ma tikkonsistix minn azjenda agrikola, iżda minflok minn proprjetajiet immobbli li kienu jifformaw parti mill-azjenda agrikola tal-mejjet, u jekk wieħed mill-eredi f’linja ta’ dixxendenza diretta attwalment qed jopera dawk il-proprjetajiet fl-azjenda agrikola tiegħu, dan tal-aħħar jista’ jieħu f’idejh dawn il-proprjetajiet ukoll, fuq il-bażi ta’ stima, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili li jistabbilixxi d-drittijiet tal-konjuġi superstiti u l-koabitant legali superstiti (l-Artikolu 1, it-tielet paragrafu, tal-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 1988).

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4 tal-Liġi tas-16 ta’ Mejju 1900 dwar ir-regoli tas-suċċessjoni għal wirt żgħir (loi du 16 mai 1900 sur le régime successoral des petits héritages) jipprovdi li, fejn is-suċċessjoni kollha jew parti minnha tikkonsisti minn proprjetajiet immobbli li għalihom id-“dħul kadastrali” sħiħ (dħul minn kiri nozzjonali) ma jaqbiżx l-EUR 1 565 (l-Artikolu 1 tal-Liġi), mingħajr preġudizzju għad-drittijiet konferiti fuq il-konjuġi superstiti bl-Artikolu 1446 tal-Kodiċi Ċivili, kull wieħed mill-eredi f’linja diretta u, fejn applikabbli, il-konjuġi superstiti li mhuwiex divorzjat jew separat legalment mill-mejjet jistgħu jieħdu f’idejhom, fuq il-bażi ta’ stima, jew il-bini okkupat sal-mewt mill-mejjet, il-konjuġi tiegħu/tagħha jew wieħed mid-dixxendenti tiegħu/tagħha u l-għamara tiegħu, jew id-dar, l-għamara u l-art li l-okkupant tad-dar uża personalment f’ismu, it-tagħmir agrikolu u l-annimali użati għall-kultivazzjoni, jew l-oġġetti, il-materja prima, it-tagħmir professjonali u aċċessorji oħra użati fuq bażi kummerċjali, ta’ skala żgħira jew industrijali.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Dawn id-dispożizzjonijiet huma obbligatorji, iżda l-liġi ma tgħidx espressament jekk dawn jenħtieġx li jiġu applikati irrispettivament mil-liġi applikabbli.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Diversi proċeduri jeżistu biex jiggarantixxu dawn id-drittijiet:

  • L-approvazzjoni ta’ rikors għall-konverżjoni tal-użufrutt mill-qorti tal-familja: il-qorti tal-familja tista’ jew tirrifjuta l-konverżjoni tal-użufrutt u l-allokazzjoni ta’ sjieda sħiħa, jekk dan jista’ jagħmel ħsara serja lill-interessi ta’ attività kummerċjali jew professjonali, jew tapprova r-rikors jekk din titqies bħala ekwitabbli minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ (l-Artikolu 745(c)(2) tal-Kodiċi Ċivili).
  • L-akkwiżizzjoni ta’ azjenda agrikola: jekk il-parti interessata jew wieħed mill-kredituri tagħha tressaq dan ir-rikors, il-qorti tal-familja twettaq stima. Il-qorti tista’, għal dan l-iskop, taħtar espert wieħed jew iktar (l-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, tal-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 1988 – hemm ordni ta’ preferenza stipulat fl-Artikolu 3). Jekk il-metodu tal-akkwiżizzjoni jiġi kontestat jew jekk waħda mill-partijiet interessati tirrifjuta li tagħti l-kunsens jew mhijiex preżenti, il-qorti tal-familja ssejjaħ lill-partijiet interessati jew ir-rappreżentanti legali tagħhom mill-inqas 15-il ġurnata bil-quddiem. Fid-data stabbilita, il-partijiet interessati jiltaqgħu f’seduta preseduta mill-imħallef li sejħilhom. Il-laqgħa titwettaq anke jekk wieħed jew iktar mill-partijiet interessati ma jkunux preżenti. Fejn applikabbli, l-imħallef li qed jippresjedi l-laqgħa jaħtar nutar biex jissostitwixxi l-partijiet assenti, biex jirċievi l-ishma tagħhom u jagħti kwittanza għal dawk l-ishma. Il-ħlasijiet għan-nutar jitħallsu mill-partijiet rappreżentati min-nutar. L-imħallef isolvi t-tilwim u jirreferi l-partijiet, għall-iffirmar tal-att, għand in-nutar maħtur minnhom jew għand nutar maħtur mill-qorti, jekk il-partijiet ma jistgħux jaqblu fuq l-għażla tan-nutar (l-Artikolu 4, it-tielet paragrafu, tal-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 1988). Ħlief għal raġuni serja rikonoxxuta bħala valida bil-quddiem mill-qorti tal-familja, il-persuna li tieħu f’idejha l-proprjetà immobbli ma tistax tbiegħha għal perjodu ta’ 10 snin mill-iffirmar tal-att ta’ akkwiżizzjoni (l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, tal-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 1988).
  • L-akkwiżizzjoni ta’ wirt żgħir: il-proċedura hija fil-maġġorparti l-istess bħall-akkwiżizzjoni ta’ azjenda agrikola (l-Artikolu 4, it-tielet u l-ħames paragrafi, tal-Liġi tas-16 ta’ Mejju 1900). L-unika differenza huwa l-perjodu li matulu l-proprjetà li ġiet akkwistata ma tistax tinbiegħ, ħlief għal raġuni serja rikonoxxuta bħala valida bil-quddiem mill-qorti tal-familja, li huwa ta’ ħames snin mill-iffirmar tal-att ta’ akkwiżizzjoni (l-Artikolu 5 tal-Liġi tas-16 ta’ Mejju 1900).

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 27/08/2019

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Repubblika Ċeka

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Ma teżisti l-ebda regola speċifika.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

-

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Ma teżisti l-ebda proċedura speċifika biex tiġi żgurata konformità bħal din.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 25/03/2020

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Ġermanja

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Restrizzjonijiet speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni tal-UE jistgħu jinstabu fil-liġi dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola tal-Ġermanja (Anerbenrecht), li taħt ċerti kundizzjonijiet tkun teħtieġ li proprjetà agrikola tkun soġġetta għal regoli speċjali ta’ wirt.

Regoli bħal dawn jinstabu fl-Ordni dwar l-irziezet (Höfeordnung), li hija liġi federali parzjali f’Hamburg, is-Sassonja t’Isfel, in-Nordrhein-Westfalen u Schleswig-Holstein, u fil-liġijiet dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola ta’ Länder individwali (Att dwar id-dominji [Hofgütergesetz] u l-Att dwar il-Wirt ta’ Proprjetà Agrikola [Anerbengesetz] f’Baden-Württemberg, li din tal-aħħar tapplika biss jekk il-mejjet ikun twieled qabel l-1 ta’ Jannar 1930; l-Ordni dwar il-beni [Landgüterordnung] f’Hessen; l-Ordni dwar l-irziezet [Höfeordnung] f’Rheinland-Pfalz; l-Att dwar l-Irziezet [Höfegesetz] fi Bremen). Ma hemm l-ebda regola bħal din fil-Länder l-oħrajn. L-Artikolu 36(2)(c) tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni tal-UE jintuża sabiex jiddetermina liema liġi dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola għandha tapplika. Barra minn hekk, ir-regoli individwali dwar il-wirt ta’ proprjetà fil-Kodiċi Ċivili japplikaw ukoll (l-Artikoli 1515(2), 2049, 2312), bħalma japplika wkoll il-Artikolu 13 tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet ta’ Proprjetà Immobbli (Grundstücksverkehrsgesetz), li jippermetti li razzett jiġi allokat lil werriet konġunt leġittimu wieħed biss.

L-Ordni dwar l-irziezet tinkludi regoli speċjali dwar il-wirt għal ċerti azjendi agrikoli sabiex jiġi pprevenut li rziezet u operazzjonijiet tal-foresterija jinqasmu f’każ ta’ suċċessjoni. Id-dispożizzjonijiet fl-Ordni dwar l-irziezet jipprovdu li werriet wieħed biss (il-werriet tar-razzett) għandu jingħata s-sjieda, u b'hekk tkun garantita l-preservazzjoni minn ġenerazzjoni għal oħra ta’ rzizezet li jkunu ekonomikament vijabbli. Dawn ir-regoli mhux biss jaqdu l-interessi privati ta’ sidien ta’ rziezet individwali, iżda wkoll l-interess pubbliku biex irziezet ma jispiċċawx jinqasmu filwaqt li jinżammu effiċjenti.

Il-werrieta konġunti l-oħrajn jistgħu jitolbu kumpens, għalkemm l-ammont li jista’ jintalab ikun iżjed baxx minn dak ta’ kwistjonijiet ta’ wirt oħrajn sabiex l-irziezet jiġu protetti minn talbiet eċċessivi ta’ soluzzjoni u ta' kumpens li jistgħu jheddu s-sopravvivenza tagħhom.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Meta wieħed jikkunsidra l-għan regolatorju tal-liġi dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola, li huwa li jiżgura l-preservazzjoni tal-irziezet minn ġenerazzjoni għal oħra, ir-regoli speċjali msemmija aktar ’il fuq għandhom jiġu applikati għall-proprjetà agrikola domestika, ikunu liema jkunu l-liġijiet li japplikaw għas-suċċessjoni tal-mejjet.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Skont ir-Regoli ta’ Proċedura għal materji li jikkonċernaw l-irziezet (Verfahrensordnung für Höfesachen – HöfeVfO), il-liġi Ġermaniża tippermetti li l-Qorti Agrikola (Landwirtschaftsgericht) tkun tista’ twettaq ċerti proċeduri ta’ verifika, pereżempju li tistabbilixxi jekk dispożizzjonijiet testamentarji jew ftehimiet ta’ trasferiment ta’ rziezet jiksrux il-liġi dwar is-suċċessjoni involuta ta’ proprjetajiet agrikoli.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 25/11/2020

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Greċja

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Il-liġi Griega fiha ċerti regoli speċjali li jimponu restrizzjonijiet fuq il-wirt ta’ assi li jkunu jinsabu fil-Greċja għal kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, familjari u soċjali.

Dawn ir-regoli speċjali ġew stabbiliti fir-rigward ta’:

A) proprjetajiet ta’ patrijiet (ara l-Artikoli 4, 18 u 19 tal-Liġi 3414/1909 dwar il-Fond Ekkleżjastiku Ġenerali u l-Ġestjoni tal-Monasteri, li baqgħu fis-seħħ bl-Artikolu 99 tal-Liġi li tintroduċi l-Kodiċi Ċivili Elleniku, l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 25 tal-Liġi 4684/1930, l-Artikolu 1 tal-Liġi 1918/1942 u l-Artikolu I tal-Liġi 2067/1952). B’mod partikolari, dawk id-dispożizzjonijiet jiddikjaraw li, bl-operat tal-liġi, il-proprjetà ta’ patri għandha tintiret mill-monasteru fejn dan ikun indifen u li jkun ġie rreġistrat fir-reġistri tiegħu, wara li jkun tnaqqas is-sehem riżervat tal-beni għall-eredi tiegħu. Legati, donazzjonijiet u wirt li jiddevolvu fuq il-patri wara li dan ikun daħal fil-monasteru jappartjenu lill-monasteru u l-patri jkollu biss id-dritt ta’ 50 % tal-użufrutt fuq l-assi li jiddevolvu fuq il-monasteru, filwaqt liassi li jirċievi l-patri wara li jkun ħa l-voti tiegħu fuq bażi mhux gratwita jiddevolvu fuqu personalment u jista’ jiddisponi minnhom, iżda dan ma jistax jagħmlu permezz ta’ tranżazzjonijiet gratwiti. Jekk ma jiddisponix minnhom, wara mewtu, 50 % ta’ dawk l-assi jiddevolvu fuq is-Servizz Finanzjarju Ċentrali Ekkleżjatiku u 50 % fuq il-monasteru. Ta’ min jinnota li hemm regoli aktar speċifiċi għall-patrijiet tal-Muntanja Atos (ara l-Artikolu 101 tal-Karta tal-Muntanja Atos, li baqgħet fis-seħħ permezz tal-Artikolu 99 tal-Liġi li tintroduċi l-Kodiċi Ċivili Elleniku). Jekk dawn il-patrijiet jakkwistaw assi wara li jkunu ħadu l-voti tagħhom, dawk l-assi jiddevolvu fuq il-monasteru irrilevantement minn meta l-patrijiet imutu, u kwalunkwe dispożizzjoni tal-assi f’testment tkun invalida, kif ikun it-testment innifsu.

B) Assi li jsir disponiment minnhom b’wirt, legat jew donazzjoni lill-Istat Grieg jew korp irregolat bil-liġi pubblika jew għall-finijiet ta’ benefiċċju pubbliku (ara l-Liġi 4182/2013 dwar il-beni ta’ benefiċċju pubbliku, wirt battal u dispożizzjonijiet oħrajn). Il-Ministru tal-Finanzi jista’ jew jafferma jew jiċħad il-wirt tal-assi, sakemm dan ma jkunx wirt li jkun għadda lill-Istat mingħand persuna intestata li f’dan il-każ il-wirt ma jistax jiġi rifjutat. Barra minn hekk, l-Istat jaċċetta tali beni, fi kwalunkwe żmien, soġġett għall-benefiċċju tal-inventarju, li jfisser li dan ikun responsabbli għad-djun fuq il-beni li jkun wiret, iżda sa mhux iżjed mill-valur tal-assi tal-beni.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Dawk ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni, irrispettivament mil-liġi li tirregolaha.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Sa fejn jikkonċerna r-regoli speċjali fil-punt (B), il-Liġi 4182/2013 tiddikjara, fost l-oħrajn, li meta jiġi ppreżentat testment awtentikat jew awtentikat barra l-pajjiż, u dak it-testment ikollu dispożizzjoni favur finijiet ta’ benefiċċju pubbliku jew favur l-Istat jew korp irregolat bil-liġi pubblika, l-iskrivan tal-qorti u/jew l-awtorità konsulari fil-post fejn ikun ġie awtentikat jew miżmum it-testment, u l-iskrivan tal-Qorti ta’ Ateni tal-Prim'Istanza li jkun intbagħatlu t-testment, ikunu obbligati jibagħtu kopja tal-proċeduri awtentikata lid-Direttorat rilevanti tal-Ministeru tal-Finanzi sa mhux aktar tard mill-ewwel 10 ijiem tax-xahar ta’ wara. Il-liġi tiddikjara wkoll li l-assi mħollija għall-finijiet ta’ benefiċċju pubbliku għandhom jintużaw fil-manjiera speċifikata mit-testatur jew donatur, u huwa pprojbit li l-għanijiet ta’ benefiċċju pubbliku, il-manjiera u t-termini relatati mal-ġestjoni tal-beni jinbidlu, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar kif dawn għandhom jiġu amministrati. Jekk ikun hemm dubji dwar x’intenzjonijiet kellu t-testatur jew id-donatur, jew kwalunkwe kontestazzjoni għal dawk il-materji, il-materja għandha tiġi deċiża mill-qorti kompetenti. Dik l-istess Liġi stabbiliet ukoll ir-Reġistru għall-Beni ta’ Benefiċċju Pubbliku (ir-Reġistru tad-Dotazzjonijiet Nazzjonali) li fih jiġu rreġistrati dawn il-beni kollha.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 29/08/2019

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Spanja

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

a) Sabiex il-propjetà tinżamm fl-istess fergħa tal-familja meta tintiret minn axxendent, il-liġi tistipula li din il-propjetà trid tiġi merfugħa għal qraba tal-istess linja (l-Artikolu 811 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol[Código Civil]) u l-konjuġi superstiti jrid jerfa' kwalunkwe propjetà li jiret mill-konjuġi deċedut jekk jerġa' jiżżewweġ jew ikollu aktar tfal (l-Artikolu 968 tal-Kodiċi Ċivili). L-axxendenti jirtu qabel kulħadd kwalunkwe propjetà mogħtija lit-tfal tagħhom jew lid-dixxendenti li mietu mingħajr tfal (l-Artikolu 812 tal-Kodiċi Ċivili).

b) Il-propjetà li tinsab fil-provinċja ta’ Vizcaya tista’ tintiret biss minn ċerti qraba (l-Artikolu 17 tal-Liġi 3/1992), dritt li jingħata lill-abitanti kollha ta’ Vizcaya (l-Artikolu 23 tal-Liġi 3/1992).

c) Sabiex in-negozji ma jinqasmux, jew għal raġunijiet ekonomiċi jew fl-interessi tal-familja, it-testatur jista’ jipprevedi ħlas għall-werrieta l-oħra għas-sehmu, inkluż ħlas differit, anke jekk ma jkunx hemm biżżejjed flus kontanti fil-wirt (il-paragrafu 2 tal-Artikolu 1056 tal-Kodiċi Ċivili).

d) Korporazzjoni (sociedad de capital) tista’, fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha, tillimita t-trasferibbiltà tal-ishma, anke mal-mewt tad-detentur. Jekk ikun hemm restrizzjoni ta’ din ix-xorti, il-korporazzjoni trid tinkariga persuna biex tixtri l-ishma mogħtija lill-werriet jew biex tixtrihom hija stess (l-Artikolu 124 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali Spanjol 1/2010 dwar il-korporazzjonijiet, [Ley de sociedades de capital]).

e) Għal raġunijiet ekonomiċi, ġie stabbilit ammont minimu tas-superfiċe għall-propjetajiet rurali biex ma jitfarrdux bejn il-werrieta (l-Artikoli 23 et seq. tal-Liġi 15/1995 dwar il-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli).

f) Għal raġunijiet soċjali, il-leġiżlazzjoni tal-Istat u tal-Komunità Awtonoma stabbiliet limiti fuq it-trasferiment ta’ akkomodazzjoni soċjali.

g) Il-leġiżlazzjoni dwar il-kirjiet urbani u rurali tippermetti lil suċċessuri speċifiċi tal-kerrej li jakkwistaw id-drittijiet tal-kera permezz ta’ surroga (l-Artikolu 24 tal-Liġi 49/2003 dwar il-kirjiet rurali, l-Artikoli 16 u 33 tal-Liġi 29/1994 dwar il-kirjiet urbani).

h) L-akkwiżizzjoni ta’ drittijiet fuq propjetà li tinsab f’żoni li ddikjaraw li jillimitaw is-sjieda nazzjonali barranija hija soġġetta għal awtorizzazzjoni militari minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew sovranità tal-istat (l-Artikoli 4, 16 u 18 tal-Liġi 8/1975 tat-12 ta’ Marzu 1975 dwar żoni u strutturi ta’ interess għas-sigurtà nazzjonali u l-Artikolu 46 tad-Digriet Irjali 689/1978 tal-10 ta’ Frar 1978).

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Il-paragrafi b), e), f), g) u h) japplikaw għall-propjetà li tinsab fi Spanja irrispettivament mil-liġi li tirregola s-suċċessjoni; il-paragrafu d) japplika jekk il-kumpanija tkun regolata mil-liġi Spanjola.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

In-nutar li jfassal id-dokument tat-trasferiment u r-reġistratur tar-reġistru tal-propjetà inkarigat bir-reġistrazzjoni jivverifikaw jekk trasferiment ikunx sar skont il-liġi. Naturalment, tista’ tintalab ukoll dikjarazzjoni ġudizzjarja.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 26/11/2020

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - il-Kroazja

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Ma hemm l-ebda regola speċjali fir-regolamenti Kroati li timponi, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet fuq il-wirt jew li taffettwa l-wirt ta’ proprjetà immobbli, ċerti kumpaniji, jew kategoriji speċjali oħra ta’ assi li jkun hemm fih.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Ara t-tweġiba ta’ qabel.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Ara t-tweġiba ta’ qabel.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 29/08/2019

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Ċipru

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

M’hemm l-ebda regola speċjali bħal din f’Ċipru. Madankollu, hemm dispożizzjonijiet fil-liġi li jipproteġu l-werrieta leġittimi, li jipprojbixxu dak li hu msejjaħ “sehem riżervat” tal-patrimonju li jkun qiegħed jingħata f’testment.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Ara t-tweġiba hawn fuq.

Fir-rigward ta’ proprjetà immobbli, japplikaw ir-regoli fil-Liġi dwar it-Testmenti u s-Suċċessjoni, Kap. 195, kif emendat.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

M’hemm l-ebda proċedura tal-konformità speċjali. Il-proċeduri tal-konformità huma l-istess fil-każijiet kollha.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 29/08/2019

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Lussemburgu

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Iva, jeżistu restrizzjonijiet bħal dawn fil-liġi tal-Lussemburgu. Din hija sehem riżervat, kif definit fil-Kodiċi Ċivili (Code civil). Madankollu, ta’ min jinnota li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux restrizzjonijiet fuq ċerti tipi ta’ proprjetà jew intrapriżi speċifiċi skont it-tifsira tal-mistoqsija, jew fuq il-kategoriji speċjali ta’ assi msemmija fil-mistoqsija. Sehem riżervat jimponi restrizzjonijiet fuq parti legali ta’ patrimonju, irrispettivament min-natura tal-proprjetà inkluża f’dan is-sehem.

L-Artikolu 913 tal-Kodiċi Ċivili jiddefinixxi l-prinċipji li skonthom il-legati fit-testmenti ma jistgħux jaqbżu nofs l-assi tat-testatur jekk dan tal-aħħar fadallu wild wieħed, terz jekk fadallu żewġ ulied, u kwart jekk fadallu tliet ulied jew aktar. Skont l-Artikolu 916 tal-Kodiċi Ċivili, meta ma jkunx hemm dixxendenti, il-legati fit-testmenti jew ir-rigali tul il-ħajja permezz ta’ atti jistgħu jikkonċernaw l-assi kollha.

Għall-finijiet tal-kompletezza, għalkemm dawn ir-restrizzjonijiet ma jirriżultawx mil-liġi dwar is-suċċessjonijiet, għandha tissemma l-Liġi emendata tat-18 ta’ Lulju 1983 dwar il-konverżjoni u l-protezzjoni ta’ siti u monumenti nazzjonali (loi modifiée du 18 juillet 1983 concernant la conservation et la protection des sites et monuments nationaux). Proprjetà immobbli li ġiet elenkata skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi msemmija hija soġġetta għal ċerti restrizzjonijiet, irrispettivament minn jekk hijiex koperta minn suċċessjoni futura jew miftuħa. Għalhekk, pereżempju, l-Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, l-ewwel sentenza, tal-Liġi msemmija jipprevedi li proprjetà immobbli elenkata ma tistax tinqered jew titmexxa, l-użu tagħha ma jistax jinbidel, u din ma jistax isirilha restawr, tiswija jew xogħol ta’ alterazzjoni mingħajr ma jkun ta l-awtorizzazzjoni l-ministru kompetenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 15, l-ewwel paragrafu, tal-istess Liġi msemmija jiddikjara li l-ebda struttura ġdida ma tista’ tingħaqad ma’ proprjetà immobbli elenkata mingħajr awtorizzazzjoni speċjali mill-ministru.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Hemm diversi opinjonijiet esperti dwar jekk is-sehem riżervat jaqax taħt politika pubblika internazzjonali u għalhekk għandux jiġi rispettat irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Iva, fir-rigward tas-sehem riżervat. Jekk l-attribuzzjonijiet, sew jekk ikunu rigali tul il-ħajja jew legati mal-mewt, jaqbżu s-sehem disponibbli, dawn jistgħu jitnaqqsu sa dak is-sehem meta tinfetaħ is-suċċessjoni. L-Artikolu 920 et seq. tal-Kodiċi Ċivili jistipula l-proċedura għat-tnaqqis ta’ donazzjonijiet u legati li hija applikabbli f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 03/11/2020

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Ungerija

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

1) Artijiet agrikoli u tal-forestrija

1.1 B’mod ġenerali

Skont il-liġi Ungeriża, hemm regoli stretti li jirregolaw l-akkwiżizzjoni tas-sjieda fuq artijiet agrikoli u tal-forestrija. Dawn ir-restrizzjonijiet jaffettwaw ukoll l-akkwiżizzjoni permezz ta’ suċċessjoni, kemm miċ-ċittadini Ungeriżi, miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn jew minn jew barranin oħrajn. Id-dispożizzjonijiet restrittivi huma inklużi fiż-żewġ atti li ġejjin:

  • L-Att CXXII tal-2013 dwar it-tranżazzjonijiet ta’ art agrikola u tal-forestrija (a mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. évi CXXII. törvény) (L-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art) u
  • L-Att CCXII tal-2013 li jistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet u miżuri tranżizzjonali dwar l-Att CXXII tal-2013 dwar it-tranżazzjonijiet ta’ art agrikola u tal-forestrija (a mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. évi CXXII. törvénnyel összefüggő egyes rendelkezésekről és átmeneti szabályokról szóló 2013. évi CCXII. törvény) (l-Att tal-2013 dwar Miżuri Tranżizzjonali).

Ir-regoli huma kumplessi ħafna; id-dispożizzjonijiet ewlenin rilevanti f’termini tas-suċċessjoni jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

1.2 Proprjetà immobbli li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-restrizzjonijiet

Ir-restrizzjonijiet legali jikkonċernaw l-akkwiżizzjoni ta’ ‘art agrikola u tal-forestrija’. Skont l-Artikolu 5(17) tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art, it-terminu "art agrikola u tal-forestrija" (art agrikola) jinkludi dawn li ġejjin:

  • l-irqajja’ tal-art kollha li huma rreġistrati għal wieħed mill-użi li ġejjin fir-reġistru ta’ proprjetà immobbli: raba’, dwieli, ġnien tal-frott, ġnien, mergħa, mergħa (bwar), qasab, foresta u bosk (irrispettivament minn jekk l-art tinsabx f’żona urbana jew periferali); u
  • l-irqajja’ tal-art irreġistrati bħala meħuda barra mill-kultivazzjoni u li jiddaħħlu fir-reġistru ta’ proprjetà immobbli bħala: "żona rreġistrata bħala foresta fil-Bażi ta’ Data Nazzjonali tal-Forestrija".

1.3 Restrizzjonijiet li jaffettwaw l-akkwiżizzjoni tas-sjieda permezz ta’ suċċessjoni

L-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Artijiet jittratta s-suċċessjoni ab intestato u suċċessjoni b’testment b’mod differenti fir-rigward tal-akkwiżizzjoni tas-sjieda ta’ art agrikola. Ir-restrizzjonijiet deskritti fl-Att japplikaw biss għall-akkwiżizzjonijiet permezz ta’ suċċessjoni b’testment u ma japplikawx għall-akkwiżizzjoni ta’ art agrikola permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.

Fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-Att tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżizzjonali, każ fejn legatarju jista’ jsir eredi bl-operat tal-liġi – fin-nuqqas ta’ testment u sakemm eredi oħrajn jiġu skwalifikati mis-suċċessjoni – huwa wkoll meqjus bħala akkwiżizzjoni tas-sjieda permezz ta’ suċċessjoni ab intestato għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-akkwiżizzjoni tas-sjieda.

1.3.1 Regoli li jikkonċernaw l-akkwiżizzjoni tas-sjieda permezz ta’ suċċessjoni b’testment

a) hija meħtieġa awtorizzazzjoni mill-awtorità pubblika

Jekk it-testatur ikun iddispona mis-sjieda ta’ art agrikola f’testment, sabiex l-eredi intitolat taħt it-testment sabiex jikseb is-sjieda tiegħu, hija meħtieġa approvazzjoni minn awtorità pubblika (korp amministrattiv agrikolu) fil-forma ta’ awtorizzazzjoni (l-Artikolu 34 tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art). Matul il-proċedura ta’ approvazzjoni, il-korp amministrattiv agrikolu jaċċerta

  • jekk l-eredi huwiex eliġibbli sabiex jakkwista u
  • li t-testment mhux se jirriżulta fil-ksur jew iċ-ċirkomvenzjoni ta’ restrizzjoni fuq l-akkwiżizzjoni tas-sjieda.

b) restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-akkwiżizzjoni ta’ art agrikola

L-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art jittratta kategoriji individwali ta’ entitajiet ġuridiċi b’mod differenti f’termini tal-eliġibbiltà sabiex tiġi akkwiżita art agrikola. Il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin għandhom jiġu distinti f’dan ir-rigward:

i) entitajiet ġuridiċi li ma jistgħux jakkwistaw sjieda fuq art agrikola taħt l-ebda ċirkostanza

Dawn jinkludu

  • persuni fiżiċi barranin (iċ-ċittadini ta’ Stati Membri mhumiex inklużi taħt din id-definizzjoni);
  • Stati barranin (jew il-provinċji tagħhom, il-gvernijiet lokali, jew kwalunkwe wieħed mill-korpi tagħhom);
  • persuni ġuridiċi domestiċi jew barranin (bi ftit eċċezzjonijiet).

Eċċezzjoni: il-projbizzjoni ta’ persuni ġuridiċi milli jakkwistaw art agrikola permezz ta’ disponiment ta’ proprjetà mal-mewt ma tapplikax għal knejjes stabbiliti (jew għal “persuni ġuridiċi skont regoli ekkleżjastiċi interni”).

ii) persuni li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “bidwi”

It-terminu “bidwi” huwa definit taħt l-Artikolu 5(7) tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art. Persuni fiżiċi ta’ nazzjonalità Ungeriża jew tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor li ġew irreġistrati mill-awtoritajiet kompetenti f’reġistru uffiċjali miżmuma għal dan l-iskop jaqgħu taħt din id-definizzjoni. Il-prekundizzjonijiet speċifikati bil-liġi jridu jiġu ssodisfati sabiex ikunu rreġistrati (kwalifiki speċjalizzati għall-agrikoltura jew għall-forestrija; attivitajiet agrikoli jew tal-forestrija ċċertifikati u dħul minn attivitajiet bħal dawn, eċċ.).

Għal din il-kategorija ta’ persuni, il-limitu massimu tad-dimensjonijiet ta’ art agrikola li tista’ tkun il-proprjetà ta’ xi ħadd minnhom – "il-limitu massimu tal-akkwiżizzjoni tal-art" – huwa ta’ 300 ettaru; dan għandu jinkludi ż-żona ta’ art li diġà hija proprjetà tal-persuna kkonċernata u ż-żona ta’ art li fuqha diġà teżerċita drittijiet ta’ użufrutt (l-Artikolu 16(1) tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art).

iii) persuni fiżiċi li mhumiex "bdiewa", iżda li huma ċittadini tal-Ungerija jew ta’ Stat Membru ieħor

Persuni f’din il-kategorija jistgħu jakkwistaw is-sjieda ta’ art agrikola, jekk l-erja tal-art agrikola fil-pussess tagħhom – flimkien mal-erja tal-art agrikola li jixtiequ jakkwistaw – ma tkunx ta’ aktar minn ettaru wieħed (l-Artikolu 10(2) tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art).

Eċċezzjoni: ir-restrizzjoni msemmija hawn fuq ma tapplikax għal akkwiżizzjonijiet bejn qraba mill-qrib. Madankollu, il-limitu massimu tal-akkwiżizzjoni tal-art ta’ 300 ettaru japplika wkoll f’każijiet bħal dawn (l-Artikoli 10(3) u 16(1) tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art).

Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-persuni li ġejjin huma koperti mid-definizzjoni ta’ "ċittadin ta’ Stat Membru" (l-Artikolu 5(24) tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art):

  • ċittadin ta’ Stat Membru (għajr l-Ungerija) tal-Unjoni Ewropea;
  • ċittadin ta’ Stat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;
  • ċittadin ta’ Stat ieħor li jiġi ttrattat bl-istess mod bħall-persuni msemmija fuq abbażi ta’ trattat internazzjonali.

1.3.2 L-akkwiżizzjoni ta’ sjieda permezz ta’ suċċessjoni ab intestato

Ir-restrizzjonijiet deskritti hawn fuq (il-punt 1.3.1) ma japplikawx għall-akkwiżizzjonijiet ta’ art agrikola permezz ta’ suċċessjoni ab intestato. B’hekk, persuna li tkun imċaħħda milli takkwista s-sjieda ta’ art agrikola Ungeriża permezz ta’ suċċessjoni b’testment (jew permezz ta’ akkwiżizzjoni bejn persuni ħajjin) (pereżempju xi ħadd li ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru) tista’ takkwista tali sjieda permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.

2) Armi tan-nar u munizzjon

2.1 B’mod ġenerali

Skont il-liġi Ungeriża, l-armi tan-nar u l-munizzjon jistgħu jinkisbu biss b’liċenzja tal-armi tan-nar. Il-leġiżlazzjoni li ġejja tinkludi d-dispożizzjonijiet dwar il-pussess tal-armi tan-nar:

  • L-Att XXIV tal-2004 dwar l-armi tan-nar u l-munizzjon (a lőfegyverekről és lőszerekről szóló 2004. évi XXIV. törvény) (Att dwar l-Armi tan-Nar),
  • Id-Digriet tal-Gvern Nru 253/2004 tal-31 ta’ Awwissu 2004 dwar l-armi u l-munizzjon (a fegyverekről és lőszerekről szóló 253/2004. Korm. rendelet) (Digriet tal-Gvern dwar l-Armi),
  • Id-Digriet Nru 49/2004 tal-31 ta’ Awwissu 2004 tal-Ministru għall-Intern dwar art li tintuża għall-eżerċizzju tal-isparar, il-ħażna tal-armi tan-nar u tal-munizzjon mill-awtoritajiet pubbliċi u l-għarfien teoretiku u l-ħiliet meħtieġa għall-pussess tal-armi tan-nar (a lőterekről, a lőfegyverek, lőszerek hatósági tárolásáról, a fegyvertartáshoz szükséges elméleti és jártassági követelményekről szóló 49/2004. BM rendelet),
  • Struzzjoni Nru 2/2016 tas-7 ta’ Jannar 2016 tal-Kap Kummissarju tal-Pulizija Nazzjonali dwar ir-regoli għall-ħażna mill-awtoritajiet pubbliċi, il-bejgħ, it-trasferiment, id-disponiment, iċ-ċediment mingħajr kunsiderazzjoni u l-qerda tal-armi tan-nar (a lőfegyverek hatósági tárolásának, értékesítésének, elidegenítésének, hatástalanításának, érték nélküli leadásának, megsemmisítésének szabályairól szóló 2/2006. ORFK utasítás).

2.2 Assi li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-restrizzjonijiet

Ir-restrizzjonijiet statutorji jikkonċernaw l-akkwiżizzjoni ta’ ‘armi tan-nar u munizzjon’. Fis-sens tal-Artikolu 2(16) u (22) tal-Att dwar l-Armi tan-Nar

  • arma tan-nar: tfisser kwalunkwe pistola li tista’ tinġarr jew airgun li minnha jista’ jiġi sparat projettili ta’ materjal solidu b’enerġija tal-muzzle li taqbeż is-7.5 Joules;
  • munizzjon: ifisser kwalunkwe skartoċċ magħmul minn projettili, trab tal-porvli u primer u li l-assemblaġġ tiegħu jsir minn qabel fi skartoċċ wieħed.

2.3 Restrizzjonijiet li jaffettwaw is-suċċessjoni tal-armi

Skont l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Digriet Nru 49/2004 tal-31 ta’ Awwissu 2004 tal-Ministru għall-Intern, meta detentur ta’ liċenzja jmut, l-eredi jista’ jitlob – wara li l-għotja tas-suċċessjoni tkun saret finali – li l-arma tan-nar u/jew il-munizzjon

  • jinbiegħu minn negozjant tal-armi tan-nar,
  • jiġu ttrasferiti lil persuna jew organizzazzjoni li jkollha awtorizzazzjoni għall-akkwiżizzjoni tagħhom,
  • jintremew, jinqerdu jew
  • jiġu ċeduti mingħajr kunsiderazzjoni.

Jekk l-eredi jonqos milli juża l-għażliet deskritti hawn fuq, il-pulizija jistgħu jeqirdu l-armi tan-nar u/jew il-munizzjon maħżuna jew jistgħu jgħadduhom lil negozjant tal-armi tan-nar għall-bejgħ wara evalwazzjoni ta’ espert tal-kummerċ. L-ammont mill-bejgħ tal-arma u / jew tal-munizzjon irid jitħallas lis-sid, wara li jkunu tnaqqsu kwalunkwe kostijiet imġarrba.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Iva (fir-rigward ta’ kull wieħed mill-assi msemmija hawn fuq).

Fir-rigward tal-artijiet agrikoli u tal-forestrija (artijiet agrikoli), il-preambolu tal-Att innifsu (l-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art) jelenka kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, tal-politika tal-familja u soċjali (bħall-abbiltà tal-villaġġi li jżommu l-popolazzjonijiet tagħhom, itejbu l-istruttura tal-età tal-popolazzjonijiet lokali tagħhom, itejbu l-impjiegi rurali, jiżguraw l-operat stabbli ta’ rziezet żgħar, eċċ.) li juru b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur li r-restrizzjonijiet stipulati fl-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art għandhom jiġu applikati f’kull każ, irrispettivament minn liema liġi tal-Istat hija l-liġi li tirregola s-suċċessjoni.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

1) Artijiet agrikoli u tal-forestrija

Iva.

Jekk in-nutar pubbliku li jmexxi l-proċedimenti ta’ suċċessjoni jsir jaf matul il-proċedimenti li l-patrimonju jinkludi artijiet agrikoli jew tal-forestrija (artijiet agrikoli), u t-testatur ikun iddispona minn tali art fit-testment tiegħu, huwa jibgħat it-testment lill-korp amministrattiv agrikolu b’ġuriżdizzjoni skont il-post fejn tinsab l-art. Il-korp imsemmi l-aħħar għandu l-kompetenza li jagħti l-approvazzjoni uffiċjali għall-akkwiżizzjoni tas-sjieda tal-art agrikola (l-Artikolu 34 tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art). F’każijiet bħal dawn, in-nutar pubbliku jissospendi l-proċedimenti tas-suċċessjoni sakemm il-korp amministrattiv agrikolu jkun ħa deċiżjoni (l-Artikolu 71(2)(d) tal-Att XXXVIII tal-2010 dwar il-proċedimenti tas-suċċessjoni).

Matul il-proċedura ta’ approvazzjoni, il-korp amministrattiv agrikolu jaċċerta

  • jekk l-eredi huwiex eliġibbli sabiex jakkwista u
  • li t-testment mhux se jirriżulta fil-ksur jew iċ-ċirkomvenzjoni ta’ restrizzjoni fuq l-akkwiżizzjoni tas-sjieda.

Il-korp amministrattiv agrikolu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu dwar is-suġġett tal-approvazzjoni lin-nutar pubbliku wkoll. Jekk il-korp amministrattiv agrikolu jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tal-eredi sabiex jakkwista sjieda tal-art, din id-dispożizzjoni tat-testment għandha titqies bħala invalida (l-Artikolu 34 tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Art). F’każ bħal dan, id-dispożizzjoni tat-testment inkwistjoni hija b’hekk legalment nulla, li trid tittieħed f’kunsiderazzjoni min-nutar pubbliku, u t-trasferiment tal-parti tal-patrimonju kkonċernata (l-art agrikola inkwistjoni) lill-eredi intitolat taħt testment ma jkunx jista’ jiġi stabbilit (l-Artikolu 71(6) tal-Att XXXVIII tal-2010 dwar il-proċedimenti ta’ suċċessjoni).

Id-dmirijiet tal-korp amministrattiv agrikolu jitwettqu mill-uffiċċji tal-gvern tal-kontea.

2) Armi tan-nar u munizzjon

Iva.

Skont l-Artikolu 13 tad-Digriet Nru 49/2004 tal-31 ta’ Awwissu 2004 tal-Ministru tal-Intern, jekk persuna li għandha liċenzja ta ’armi tan-nar tmut, kwalunkwe arma tan-nar u munizzjon għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-pulizija mill-persuna fil-pussess tagħhom, li għandha tiżgura wkoll il-kustodja tagħhom sakemm jaslu l-pulizija. Il-pulizija jieħdu f’idejhom u jaħżnu l-armi tan-nar u l-munizzjon innotifikati u jfasslu rekord tal-azzjonijiet tagħhom.

Skont il-Kapitolu III tal-Istruzzjoni Nru 2/2016 tas-7 ta’ Jannar 2016 tal-Kap Kummissarju tal-Pulizija Nazzjonali, wara li l-pulizija jkunu ħadu f’idejhom l-armi tan-nar u l-munizzjon, huma

  • jinformaw bil-miktub lill-uffiċjal tal-gvern lokali tad-detentur tal-liċenzja deċedut li fassal l-inventarju tal-patrimonju (uffiċjal tal-inventarju) li l-armi tan-nar u l-munizzjon huma fil-ħażna ta’ awtorità pubblika,
  • fl-istess ħin jitolbu li l-armi tan-nar u l-munizzjon jiġu elenkati fl-inventarju tal-patrimonju,
  • u jitolbu informazzjoni rigward liema nutar pubbliku se jmexxi l-proċediment tas-suċċessjoni.

Il-pulizija jinformaw lin-nutar pubbliku li jmexxi l-proċediment tas-suċċessjoni bil-miktub dwar fejn jinsabu l-armi tan-nar u l-munizzjon u jitolbu li l-għotja finali tas-suċċessjoni tintbagħat lilhom wara li jkun ingħalaq il-proċediment tas-suċċessjoni.

Għaldaqstant, in-nutar pubbliku jibgħat l-għotja ta’ suċċessjoni maħruġa wara l-għeluq tal-proċediment tas-suċċessjoni lill-pulizija. Abbażi tal-għotja ta’ suċċessjoni, il-pulizija jinformaw lill-eredi li, fi żmien 180 jum, huwa jew hija jkunu jistgħu jitolbu li l-armi tan-nar u l-munizzjon jinbiegħu minn negozjant tal-armi tan-nar jew jiġu ttrasferiti lil persuna jew organizzazzjoni li għandha awtorizzazzjoni sabiex takkwistahom, jew ikunu jistgħu jagħtu bidu għad-disponiment, il-qerda jew iċ-ċediment mingħajr kunsiderazzjoni tal-armi tan-nar u tal-munizzjon.

Jekk l-eredi jonqos milli juża l-għażliet deskritti hawn fuq fiż-żmien stipulat, il-pulizija jistgħu jeqirdu l-armi tan-nar u l-munizzjon maħżuna jew jistgħu jgħadduhom lil negozjant tal-armi tan-nar għall-bejgħ wara evalwazzjoni ta’ espert tal-kummerċ. L-ammont mill-bejgħ tal-armi u tal-munizzjon irid jitħallas lis-sid, wara li jitnaqqsu kwalunkwe kostijiet imġarrba (l-Artikolu 13 u 14 tad-Digriet Nru 49/2004 tal-31 ta’ Awwissu 2004 tal-Ministru għall-Intern).

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 02/09/2019

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Olanda

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Fin-Netherlands ma hemm ebda assi speċjali kif indikat fl-Artikolu 30 tar-Regolament Ewropew dwar is-Suċċessjoni. Madankollu, mhux l-assi kollha jistgħu jiġu nnegozjati u ttrasferiti liberament.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Mhux applikabbli fin-Netherlands.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Mhux applikabbli fin-Netherlands.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 16/11/2020

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Awstrija

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Il-liġijiet dwar it-tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli (Grundverkehrsgesetze) tal-provinċji jistgħu jipprevedu restrizzjonijiet fl-applikazzjoni tal-ftehim bejn il-Gvern Federali u l-provinċji skont l-Artikolu 15a tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgesetz) dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi ċivili li jirrigwardjaw it-tranżazzjonijiet ta’ plott tal-bini (Il-Gazzetta Federali Nru 260/1993 kif emendata mill-Gazzetta Federali I Nru 1/2017, disponibbli fuq: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.ris.bka.gv.at/GeltendeFassung.wxe?Abfrage=Bundesnormen&Gesetzesnummer=10001259.)

F’konformità mal-Artikolu 14 tal-Att tal-2002 dwar il-Proprjetà Residenzjali (Wohnungseigentumsgesetz), jekk xi ħadd mis-sħab fi “sħubija ta’ sidien”(Eigentümerpartnerschaft) imut, tapplika regola speċjali: is-sjieda tal-parti tad-deċedut tas-sehem minimu u l-proprjetà residenzjali konġunta tiġi ttrasferita bil-liġi direttament lis-sieħeb superstiti. Madankollu, dan tal-aħħar jista’ jirrinunzja d-dritt tiegħu għal dan it-trasferiment tas-sjieda (Il-Gazzetta Federali I Nru 70/2002 kif emendata mill-Gazzetta Federali I Nru 87/2015, disponibbli fuq: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.ris.bka.gv.at/).

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq fl-Artikolu 14 tal-Att tal-2002 dwar il-Proprjetà Residenzjali dwar sjieda konġunta bi dritt ta’ sopravivenza hija koperta mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament tas-Suċċessjoni tal-UE.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tal-Att tal-2002 dwar il-Proprjetà Residenzjali, il-paragrafu (7) tiegħu jiddikjara li jekk proprjetà titħallas barra l-pajjiż, id-dmirijiet u s-setgħat ġeneralment assenjati lill-Qorti dwar is-Suċċessjoni (Awstrijaka) (Verlassenschaftsgericht) jiġu assenjati lill-Qorti Awstrijaka kompetenti tar-Reġistru tal-Artijiet (Grundbuchsgericht).

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 28/08/2019

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Polonja

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Le.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Skont l-Artikolu 7 tal-Att tal-4 ta’ Frar 2011 – Il-Liġi Internazzjonali Privata (Ġurnal tal-Liġijiet 2015, il-punt 1792), il-liġi barranija ma għandhiex tapplika meta l-effetti tal-applikazzjoni tagħha jmorru kontra l-prinċipji fundamentali tas-sistema legali tar-Repubblika tal-Polonja.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Le.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 29/08/2019

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Portugall

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Iva, hemm regoli li jimponu restrizzjonijiet fuq is-suċċessjoni, jew li jaffettwaw is-suċċessjoni, fir-rigward ta’ ċerti assi.

FIL-KODIĊI ĊIVILI

L-Artikoli 1476(1)(a) u 1485 tal-Kodiċi Ċivili (Código Civil) jistipulaw li l-użufrutt u d-dritt in rem ta’ użu u ta’ abitazzjoni huma drittijiet in rem li jispiċċaw bil-mewt tad-detentur tagħhom, bis-saħħa tal-liġi.

L-Artikoli 2103-A u 2103-B tal-Kodiċi Ċivili jipprevedu wirt legali: il-konjuġi superstiti għandu, fil-ħin tal-qasma, prijorità fir-rigward tad-dritt li jgħix fid-dar tal-familja u d-dritt li juża l-kontenut tagħha, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi.

FIL-KODIĊI TAL-KUMPANIJI

L-Artikolu 184 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji (Código das Sociedades Comerciais) jistabbilixxi li, jekk sieħeb ta’ sħubija ordinarja jmut, sakemm l-istatut ta’ assoċjazzjoni ma jistipulax mod ieħor, is-sħab li jifdal jew il-kumpanija jridu jiddeċiedu l-valur rispettiv mas-suċċessur li għalih jakkumulaw id-drittijiet tal-persuna deċeduta, sakemm ma jagħżlux li jxolju l-kumpanija u jinnotifikaw dan lis-suċċessur fi żmien 90 jum mid-data li fiha jsiru jafu bil-mewt tas-sieħeb. Madankollu, is-sħab superstiti jistgħu jkomplu l-kumpanija mas-suċċessur tal-persuna deċeduta, sakemm is-suċċessur jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu.

L-Artikolu 225 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji jiddikjara li ftehim ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata jista’ jistabbilixxi li jekk xi ħadd mis-sħab imut, is-sehem tiegħu ma jistax jiġi ttrasferit lis-suċċessuri tad-deċedut, u jista’ wkoll jagħmel it-trasferiment soġġett għal ċerti rekwiżiti.

Jekk, minħabba ftehim bħal dan, is-sehem ma jiġix ittrasferit lis-suċċessuri tas-sieħeb deċedut, il-kumpanija trid tamortizzah, takkwistah jew tara li jiġi akkwistat minn sieħeb jew parti terza; jekk l-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma titwettaq fi żmien 90 jum wara li xi wieħed mid-diretturi jsir jaf bil-mewt tas-sieħeb, is-sehem jitqies bħala li ġie ttrasferit.

Skont l-Artikoli 469 u 475 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji, l-istess sistema tapplika fil-każ tal-mewt ta’ sieħeb ta’ soċjetà limitata.

Skont l-Artikolu 252(4) tal-Kodiċi tal-Kumpaniji, il-ġestjoni ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata ma tistax tkun soġġetta għal suċċessjoni minħabba mewt, anki flimkien ma’ sehem.

IL-QAFAS LEGALI GĦALL-ARMI U L-MUNIZZJON

L-Artikolu 37 tal-qafas legali dwar l-armi u l-munizzjon (Regime Jurídico das Armas e Munições), approvat mil-Liġi Nru 5/2006 tat-23 ta’ Frar 2006, jistabbilixxi li l-akkwiżizzjoni b’suċċessjoni mortis causa ta’ kwalunkwe arma ddikjarata hija permessa biss bl-awtorizzazzjoni tad-direttur nazzjonali tal-PSP (Polícia de Segurança Publica (il-korp tal-pulizija)), li tista’ tinkiseb skont id-dispożizzjoni legali msemmija qabel.

Il-verżjoni aġġornata tal-Kodiċi Ċivili tista’ tiġi kkonsultata bil-Portugiż fuq: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=775&tabela=leis&so_miolo=&

Il-verżjoni aġġornata tal-Kodiċi tal-Kumpaniji tista’ tiġi kkonsultata bil-Portugiż fuq: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=524&tabela=leis&so_miolo=&

Il-qafas legali dwar l-armi u l-munizzjon, approvat mil-Liġi Nru 5/2006 tat-23 ta’ Frar 2006, jista’ jiġi kkonsultat bil-Portugiż fuq: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=692&tabela=leis&so_miolo

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

It-tweġiba hija iva fil-każ ta’ estinzjoni, minħabba mewt, tal-użufrutt u tad-dritt in rem ta’ użu u ta’ abitazzjoni, kif ukoll tar-regoli stabbiliti fil-Kodiċi tal-Kumpaniji u fil-qafas legali dwar l-armi u l-munizzjon, imsemmija hawn fuq.

Din il-konklużjoni ġejja wkoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(h), (k) u (l) tar-Regolament Nru 650/2012.

It-tweġiba hija le fil-każ tal-wirt legali previst fl-Artikoli 2103-A u 2103-B tal-Kodiċi Ċivili.

Madankollu, it-tweġiba ta’ hawn fuq ma tippreġudikax l-interpretazzjonijiet differenti mill-Qrati.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Fil-każ tal-ftuħ ta’ suċċessjoni, hemm regoli fil-Kodiċi Ċivili li jagħtu setgħat ta’ amministrazzjoni tal-wirt u li jistgħu jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq.

Il-proċeduri u l-preċetti tal-Kodiċi Ċivili huma dawn li ġejjin:

  • Meta l-wirt ikun għadu sospiż – fi kliem ieħor, miftuħ iżda li għadu ma ġiex aċċettat jew iddikjarat mhux mitlub għall-Istat – is-suċċessuri fit-titolu (l-Artikolu 2047) jew l-eżekutur tal-wirt sospiż (l-Artikolu 2048) jistgħu jagħmlu l-arranġamenti għall-amministrazzjoni tal-assi jekk dewmien f’miżuri bħal dawn jista’ jkun detrimentali;
  • Wara l-aċċettazzjoni tal-wirt, l-amministrazzjoni tal-wirt taqa’ fuq l-amministratur tal-patrimonju (l-Artikoli 2079 u 2087);
  • L-amministratur tal-patrimonju jista’ jitlob lill-eredi jew lil partijiet terzi sabiex jittrasferixxu l-assi li għandhom jiġu amministrati, u jużaw azzjonijiet ta’ pussess mill-ġdid jew evizzjoni kontrihom sabiex jiddefendu jew jiggarantixxu l-irkupru tal-pussess tal-oġġetti soġġetti għall-ġestjoni tagħhom (l-Artikolu 2088);
  • L-amministratur tal-patrimonju jista’ jiġbor id-djun tal-wirt riċevibbli meta l-irkupru jista’ jiġi pperikolat minn dewmien jew meta l-ħlas isir volontarjament (l-Artikolu 2089);
  • Barra minn hekk, l-eredi jista’ jressaq talba ta’ wirt sabiex ifittex rikonoxximent ġudizzjarju tal-kapaċità tiegħu bħala suċċessur u l-irkupru tal-assi kollha tal-wirt tiegħu, jew parti minnhom, kontra dawk li jippossjeduhom bħala eredi jew b’titolu ieħor, jew saħansitra mingħajr titolu (l-Artikolu 2075).

NOTA

L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva mhijiex eżawrjenti jew vinkolanti fuq il-Punt ta’ Kuntatt, il-Qrati jew entitajiet u awtoritajiet oħrajn. Għalkemm jgħaddu minn aġġornamenti regolari, l-iskedi informattivi ma jistgħux jinkludu r-reviżjonijiet kollha magħmula għal-liġi u, għalhekk, mhumiex sostituti għall-konsultazzjoni tat-testi legali fis-seħħ fi kwalunkwe ħin.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 14/10/2019

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Rumanija

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Iva.

Il-liġi Rumena tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw l-akkwiżizzjoni tad-dritt tas-sjieda ta’ art li tinsab fir-Rumanija.

Pereżempju, il-Kostituzzjoni Rumena u r-regoli legali rilevanti jistabbilixxu li l-barranin u l-persuni apolidi jistgħu jakkwistaw id-dritt tas-sjieda privata ta’ art biss taħt il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea u minn trattati internazzjonali oħrajn li r-Rumanija hija parti fihom, fuq bażi reċiproka u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, jew permezz ta’ wirt legali. Dawn il-persuni ma jistgħux jakkwistaw id-dritt tas-sjieda ta’ art permezz ta’ wirt testamentarju.

Barra minn hekk, hemm dispożizzjonijiet regolatorji speċjali li jirregolaw ċerti kategoriji ta’ oġġetti. Dawn japplikaw irrispettivament miċ-ċittadinanza tal-benefiċjarju jew minn jekk il-wirt huwiex legali jew testamentarju. Pereżempju, id-drittijiet tal-awtur jiġu trażmessi permezz ta’ wirt skont il-leġiżlazzjoni ċivili għal perjodu ta’ 70 sena, irrispettivament mid-data li fiha x-xogħol ikun ġie ppubblikat legalment.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Iva.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Saret dispożizzjoni legali espliċita għall-projbizzjoni.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 27/08/2019

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Slovenja

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

L-Att dwar id-Denazzjonalizzazzjoni (Zakon o denacionalizaciji) jistipula regoli speċjali dwar is-suċċessjoni fir-rigward ta’ assi privatizzati.

Dawn ir-regoli japplikaw f’każ ta’ proċedimenti ta’ suċċessjoni fejn l-assi li huma soġġetti għal privatizzazzjoni ma ġewx diskussi, u ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet F’din iċ-ċirkostanza il-qorti tista', fuq talba ta’ “suċċessur legali”, twettaq proċediment ta’ suċċessjoni ġdid u speċjali dwar l-assi privatizzati. Id-deċiżjoni dwar il-privatizzazzjoni tiġi indirizzata lill-individwu li kien sid l-assi dak iż-żmien tan-nazzjonalizzazzjoni.

Hemm regoli speċjali dwar is-suċċessjoni tal- assi ta’ kumpanija. Ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ assi li kien qiegħed juża d-decujus li kien kummerċjant uniku għall-attività bi qligħ jew it-trasferiment tal-parteċipazzjoni/ishma minn parteċipazzjoni (sħubija) fi sħubija jew kumpanija kapitali lil suċċessur jew suċċessuri legali. L-Att dwar il-Wirt (Zakon o dedovanju) ma fihx dispożizzjoni speċifika dwar dan il-każ. Skont l-Att dwar il-Wirt, mal-mewt tat-testatur, tinħoloq komunità ta’ ko-eredi sakemm issir id-diviżjoni tal-wirt, li jfisser li l-kumpanija tiġi ġestita b’mod konġunt mill-eredi wkoll. Fejn il-patrimonju li ntiret huwa l-kumpanija, jistgħu iqumu diversi sitwazzjonijiet: Jekk is-suċċessur tal-kumpanija kien ġie maħtur fit-testment, iżda ma jixtieqx ikompli bil-kumpanija, soluzzjoni alternattiva trid tiġi aċċettata mill-eredi kollha. Jekk it-testatur għamel testment mingħajr ma speċifika lis-suċċessur tiegħu jew ma għamilx testment, l-eredi jridu jaqblu dwar il-kontinwazzjoni tan-negozju. Huma jistgħu jiddeċiedu li ħadd minnhom mhu se jkompli n-negozju bħala kummerċjant uniku, u b’hekk in-negozju jieqaf jew jinbiegħ. Alternattivament, huma jistgħu jiddeċiedu li wieħed mill-eredi, bħala kummerċjant uniku, se jkompli bin-negozju jew se jkomplu bih l-eredi kollha. Fil-każ tal-aħħar, jittrasformaw in-negozju f’wieħed minn fost tipi differenti ta’ kumpanija.

Sħubija ġenerali tieqaf teżisti mal-mewt ta’ wieħed mill-imsieħba sakemm il-ftehim ta’ sħubija ma jipprovdix mod ieħor. L-interess ta’ parteċipazzjoni tad-decujus f’kumpanija b’responsabbiltà limitata jista’ jintiret. Jekk hemm diversi eredi, l-interess ta’ parteċipazzjoni jsir propjetà konġunta tal-komunità ta’ eredi. Huma jridu jieħdu ħsieb il-patrimonju flimkien sakemm jiġu determinati l-ishma rispettivi tagħhom. Meta jinqasam il-wirt, hemm żewġ possibiltajiet: L-interess ta’ parteċipazzjoni jibqa’ fil-komunità’ ta’ eredi, li jaqblu li jkollhom partijiet indaqs jew mhux indaqs, jew l-interess ta’ parteċipazzjoni jinqasam bi ftehim sakemm mhux pprovdut mod ieħor fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni. Jekk l-interess ta’ parteċipazzjoni jiġi maqsum, jinħolqu interessi ta’ parteċipazzjoni ġodda minn dak ta’ qabel.

L-ishma f’kumpanija b’ishma konġunti jistgħu jintirtu. Jekk hemm diversi eredi, l-interess ta’ parteċipazzjoni jsir il-propjetà konġunta tal-komunità ta’ eredi. Huma jieħdu ħsieb u jiddisponu mill-interess ta’ parteċipazzjoni/ishma fi ħdan il-komunità ta’ eredi.

Hemm regoli speċjali fuq is-suċċessjoni ta’ azjendi agrikoli, stabbiliti fl- Att dwar is-Suċċessjoni ta’ Azjendi Agrikoli (Zakon o dedovanju kmetijskih gospodarstev).

Il-prinċipju globali ta’ dawn ir-regoli huwa li f’każ ta’ suċċessjoni jiġi evitat li jinqasmu l-irziezet. Minn dak il-prinċipju jsegwu aktar dispożizzjonijiet tal-Att. Bħala regola ġenerali, eredi wieħed biss jista’ jingħata s-sjieda tar-razzett iżda jrid jissodisfa aktar kundizzjonijiet. Jekk it-testatur kien is-sid uniku ta’ razzett protett, ir-razzett jintiret mill-eredi li jkun beħsiebu jaħdem fir-razzett u kien magħżul b’mod reċiproku mill-eredi kollha. Jekk l-eredi ma jistgħux jaqblu, l-eredi li jkun wera l-intenzjoni tiegħu li jaħdem fir-razzett, pereżempju billi jlesti taħriġ fil-qasam tal-agrikoltura jew jiġi mħarreġ f'dan il-qasam, jieħu preċedenza fuq l-eredi l-oħra kollha. Bl-istess kundizzjonijiet, il-konjuġi tad-deċedut jieħu preċedenza fuq id-dixxendenti tat-testatur. Jekk ir-razzett kien il-propjetà konġunta tat-testatur u tal-konjuġi superstiti tiegħu, jew kien il-propjetà speċifika ta’ xi ħadd minnhom, jew jekk il-konjuġi huma l-kopropjetarji tar-razzett, l-eredi tar-razzett jiġi l-konjuġi superstiti tat-testatur. Jekk ir-razzett protett huwa protett minn wieħed mill-ġenituri u d-dixxendent tiegħu jew minn persuna li adottat wild u l-wild adottat tagħha, l-eredi jiġi d-dixxendent jew il-wild adottat. L-interessi tal-parteċipazzjoni statutorji ta’ dawk il-persuni li ma jkunux wirtu r-razzett jitqiesu bħala porzjoni riservata. Barra minn hekk, l-eredi ta’ razzett protett irid ikun kapaċi jieħu r-razzett f’idejh b’kundizzjonijiet li ma jimponux piż eċċessiv fuqu.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Il-wirt ta’ razzett protett huwa każ fejn il-liġi tal-pajjiż fejn jinsabu ċerti kategoriji speċjali ta’ assi għandha regoli speċjali li jistipulaw restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni marbuta ma’ dawk l-assi. Għalhekk, f’każijiet fejn razzett protett fis-Slovenja jifforma parti minn patrimonju, tapplika l-liġi nazzjonali Slovena, irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni (l-Att dwar is-Suċċessjoni ta’ Azjendi Agrikoli).

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 08/01/2020

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Slovakkja

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Iva, hemm kategoriji speċjali ta’ beni li japplika reġim speċjali għalihom, f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Is-Slovakkja nnotifikat lill-Kummissjoni b’dawn il-kategoriji ta’ beni u l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument tan-notifika. Dan id-dokument jistabbilixxi r-regolamenti attwalment fis-seħħ.

Id-dispożizzjonijiet dwar reġimi speċjali huma strutturati skont il-kategorija tal-beni li huma soġġetti għas-suċċessjoni:

A – art agrikola u forestali:

L-Artikolu 23 tal-Att Nru 180/1995 dwar ċerti miżuri għall-modalitajiet applikabbli fi kwistjonijiet ta’ drittijiet ta’ sjieda ta’ artijiet, kif emendat

(1) Sakemm dan l-Att ma jistipulax mod ieħor, att legali jew deċiżjoni tal-qorti dwar soluzzjoni għal koproprjetà jew deċiżjoni tal-qorti dwar suċċessjoni ma tistax taqsam l-art eżistenti msemmija fl-Artikolu 21(1) fi rqajja’ ta’ art agrikola iżgħar minn 2 000 m2 jew fi rqajja’ ta’ art forestali iżgħar minn 5 000 m2.

(2) Jekk il-benefiċjarji ma jsolvux is-suċċessjoni tal-art elenkata fl-Artikolu 21(1) skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subartikolu (1), jew jekk b’konsegwenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet il-qorti ma tkunx tista’ tikkonferma s-sehem tal-patrimonju għal kull benefiċjarju, il-qorti għandha tiddeċiedi li l-art għandha tmur għand il-benefiċjarji li jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex iġestuha. Il-qorti għandha wkoll tiddeċiedi dwar id-dmir ta’ dan il-benefiċjarju li jasal għal ftehim mal-benefiċjarji l-oħrajn.

(4) Il-benefiċjarji jridu jagħmlu d-dikjarazzjoni msemmija fis-subartikolu (3) bil-miktub u ma jistgħux jirtirawha.

(6) Il-perjodu ta' preskrizzjoni għal talbiet tal-benefiċjarji li jirriżultaw mis-soluzzjoni tas-suċċessjoni skont is-subartikoli (2) u (3) huwa ta’ għaxar snin. Bħala garanzija għal dawn it-talbiet, mar-reġistrazzjoni tat-titlu tad-debitur jiġi stabbilit rahan fuq din l-art għall-kreditur; kwalunkwe prijorità statutorja ta’ rahan bi preċedenza ogħla ma tapplikax. Il-kreditur għandu d-dritt tal-ewwel rifjut għall-art koperta bir-rahan.

(7) Jekk il-qorti tiddeċiedi dwar soluzzjoni għall-koproprjetarji, il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subartikoli (2) sa (5) japplikaw ukoll għas-soluzzjoni tagħhom.

B – assoċjazzjonijiet ta’ artijiet:

L-Artikolu 8 tal-Att Nru 97/2013 dwar l-assoċjazzjonijiet tal-artijiet, kif emendat

(1) Għall-finijiet ta’ dan l-Att, proprjetà immobbli komuni tirreferi għal oġġett immobbli wieħed li jinkludi diversi rqajja’ separati. Proprjetà immobbli komuni hija indiviżibbli għajr fil-każijiet stabbiliti fis-subartikolu (2) (nota: is-subartikolu ma jinkludix is-suċċessjoni, għalhekk ma tapplika l-ebda eżenzjoni). Is-sjieda konġunta ta’ proprjetà immobbli komuni ma tistax tiġi xolta u solvuta skont id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar ix-xoljiment u s-soluzzjoni ta’ koproprjetà (skont il-Kodiċi Ċivili).

C — kirja ta’ appartament u t-trasferiment ta’ sehem ta’ membru f’kooperattiva ta’ abitazzjoni:

L-Artikoli 706-707 tal-Att Nru 40/1964 tal-Kodiċi Ċivili (Občiansky zákonník)

It-trasferiment ta’ kirja mhuwiex suġġett għas-suċċessjoni, għalhekk jekk jintalab in-nutar joħroġ biss konferma tal-benefiċjarji kkonċernati għall-finijiet tal-Artikolu 706 tal-Kodiċi Ċivili. Madankollu, sehem ta’ membru għandu valur patrimonjali u għalhekk huwa soġġett għas-suċċessjoni f’konformità mat-titli tal-benefiċjarji.

L-Artikolu 706 tal-Kodiċi Ċivili:

(1) Jekk il-kerrej imut u l-appartament ma jkunx b’kirja konġunta mal-konjuġi, l-ulied, in-neputijiet, il-ġenituri, l-aħwa, u l-ulied tar-rispett tad-deċedut li kienu jaqsmu l-abitazzjoni mad-deċedut fil-jum li miet, u li ma jkollhomx appartamenti tagħhom, isiru l-kerrejja (kokerrejja). Il-persuni li jkunu ħadu ħsieb l-abitazzjoni kondiviża tal-kerrej jew li kienu dipendenti fuq il-kerrej deċedut ukoll isiru kerrejja (kokerrejja) bil-kundizzjoni li kienu jaqsmu l-abitazzjoni mad-deċedut għal mill-inqas tliet snin qabel ma miet u li ma jkollhomx appartamenti tagħhom.

(2) …

(3) Jekk il-kerrej ta’ appartament b’kooperattiva tal-abitazzjoni jmut u l-appartament ma jkunx maqsum mal-konjuġi, mal-mewt tal-kerrej, is-sħubija tiegħu mal-kooperattiva u l-kirja tal-appartament jgħaddu għal għand il-benefiċjarju li jiret is-sehem tas-sħubija.

L-Artikolu 707 tal-Kodiċi Ċivili:

(1) Jekk imut wieħed mill-miżżewġin li kienu kokerrejja f’appartament, il-konjuġi superstiti jsir l-uniku kerrej.

(2) Jekk dan ikun appartament b’kooperattiva, il-kirja konġunta tal-appartament mill-miżżewġin tiskadi mal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin. Jekk it-titlu għall-appartament b’kooperattiva jkun inkisbet matul iż-żwieġ, il-konjuġi superstiti jibqa’ membru tal-kooperattiva u jkollu s-sjieda tas-sehem tas-sħubija; dan il-qorti tieħu kont tiegħu fil-proċedimenti tas-suċċessjoni. Jekk konjuġi li kien akkwista t-titlu għall-appartament b’kooperattiva qabel iż-żwieġ imut, mal-mewt tiegħu s-sħubija tiegħu fil-kooperattiva u l-kirja tal-appartament b’kooperattiva jgħaddu għand il-benefiċjarju li jkun wiret is-sehem tas-sħubija. Jekk ikun hemm kirjiet multipli, is-sħubija tad-deċedut tista’ tgħaddi għand benefiċjarji multipli.

(3) Jekk wieħed mill-kokerrejja jmut, it-titlu tiegħu jgħaddi għand il-kokerrejja l-oħra.

D – interess proprjetarju f’kumpanija b’responsabbiltà limitata:

L-Artikoli 116–117 tal-Att Nru 513/1991, kif emendat – jekk id-deċedut ikun miet wara l-1 ta’ Jannar 1992

L-Artikolu 116 tal-Kodiċi tal-Kummerċ (Obchodný zákonník):

(1) …

(2) Interess proprjetarju jista’ jintiret. Jekk din ma tkunx kumpanija b’membru uniku, il-memorandum ta’ assoċjazzjoni jista’ jeskludi s-suċċessjoni ta’ interess proprjetarju. Benefiċjarju li ma jkunx l-uniku membru jista’ jitlob ir-revoka tal-parteċipazzjoni tiegħu jekk ma jkunx ġust li jintalab li jkun membru …

L-Artikolu 117 tal-Kodiċi tal-Kummerċ:

(1) Id-diviżjoni ta’ interess proprjetarju jkun possibbli biss biċ-ċessjoni jew it-trasferiment tiegħu lill-benefiċjarju jew lis-suċċessur legali tal-membru. Għad-diviżjoni ta’ interess proprjetarju hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali.

(2) Il-memorandum ta’ assoċjazzjoni jista’ jeskludi d-diviżjoni ta’ interess proprjetarju.

(3) Fid-diviżjoni ta’ interess proprjetarju, l-ammont tal-investiment stabbilit fl-Artikolu 109(1) irid jinżamm (il-valur tal-investiment ta’ membru jrid ikun mill-inqas EUR 750).

E – il-paga tad-deċedut:

L-Artikolu 35 tal-Att Nru 311/2001, il-Kodiċi Industrijali (Zákonník práce), kif emendat

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor minn leġiżlazzjoni separata, l-intitolamenti finanzjarji tal-impjegat ma jiskadux ma’ mewtu. L-intitolament tal-paga tal-impjegat mill-impjieg, sa erba’ darbiet il-qligħ medju fix-xahar tal-impjegat, jgħaddi direttament lill-konjuġi, lill-ulied u lill-ġenituri tal-impjegat jekk ikunu jgħixu fl-abitazzjoni tal-impjegat fil-mument tal-mewt. Jekk ma jkunx hemm persuni bħal dawn, l-intitolamenti tal-paga jsiru soġġetti għas-suċċessjoni.

F – pensjonijiet:

(1) L-Artikolu 21 tal-Att Nru 650/2004 dwar l-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari, kif emendat

Il-valur attwali tal-kont personali ta’ parteċipant li jkun riċevitur ta’ pensjoni tal-età supplimentari temporanja jew ta’ pensjoni tas-servizz supplimentari temporanja, huwa soġġett għas-suċċessjoni jekk fil-kuntratt tal-pensjoni l-parteċipant deċedut li jkun riċevitur ta’ pensjoni tal-età supplimentari temporanja jew ta’ pensjoni tas-servizz supplimentari temporanja ma kienx innomina persuna fiżika jew ġuridika oħra bħala l-benefiċjarju li l-valur attwali tal-kont personali għandu jitħallas lilha.

(2) L-Artikoli 40–40a tal-Att Nru 43/2004 dwar l-iskemi tal-pensjoni tal-età, kif emendat

L-Artikolu 40

(1) Mal-mewt ta’ kontributur għal skema ta’ pensjoni tal-età, il-benefiċjarju li l-kontributur ikun innominat fil-kuntratt tal-pensjoni jkun intitolat għall-ħlas ta’ ammont li jikkorrispondi għall-valur attwali tal-kont tal-pensjoni personali tad-deċedut dakinhar li l-kumpanija tal-pensjonijiet tkun saret taf bil-mewt tal-kontributur, wara li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji li kienu ntalbu mill-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali (Sociálna poisťovňa) u li jkunu indebitament ġew ittrasferiti f’isem id-deċedut, u wara li jitnaqqsu wkoll l-ispejjeż li l-kumpanija tal-pensjonijiet tkun ġarrbet b’mod raġonevoli biex tħallas dan l-ammont fi flus kontanti jew billi tittrasferih lejn pajjiż li mhux membru taż-żona tal-euro, u wara li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji li l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali tkun għadha trid tittrasferihom. Jekk il-kontributur ma jkun innomina l-ebda benefiċjarju fil-kuntratt tal-pensjoni, jew jekk ma jkun hemm l-ebda benefiċjarju, dawn il-beni jsiru soġġetti għas-suċċessjoni.

(2) Il-benefiċjarju ma jkunx intitolat għall-ħlas tal-ammont skont is-subartikolu (1) jekk qorti f’deċiżjoni finali tkun ikkonkludiet li dik il-persuna tkun ikkawżat intenzjonalment il-mewt tal-kontributur.

L-Artikolu 40a

(1) Mal-mewt ta’ riċevitur ta’ pensjoni għal tul il-ħajja, il-benefiċjarju li r-riċevitur ikun innomina fil-kuntratt tal-assigurazzjoni tal-pensjoni jkun intitolat għall-ħlas ta’ ammont skont l-Artikolu 32(2) jew għal benefiċċju mogħti bħala somma waħda f'daqqa skont l-Artikolu 46g(5) minn dakinhar li l-assiguratur sar jaf bil-mewt tar-riċevitur. Jekk ir-riċevitur ma jkun innomina l-ebda benefiċjarju fil-kuntratt tal-assigurazzjoni tal-pensjoni, jew jekk ma jkun hemm l-ebda benefiċjarju, l-ammont iddefinit fl-ewwel sentenza jsir soġġett għas-suċċessjoni.

(2) Il-benefiċjarju msemmi fis-subartikolu (1) ma jkunx intitolat għall-ħlas tal-ammont skont l-Artikolu 32(2) jew għal benefiċċju mogħti bħala somma waħda f'daqqa skont l-Artikolu 46g(5) jekk qorti f’deċiżjoni finali tkun ikkonkludiet li dik il-persuna tkun ikkawżat intenzjonalment il-mewt tar-riċevitur.

L-Artikolu 118 tal-Att Nru 461/2003 dwar is-sigurtà soċjali, kif emendat

(1) Jekk persuna fiżika li tkun issodisfat il-kundizzjonijiet għall-intitolament ta’ benefiċċju tkun mietet wara li tkun talbet l-intitolament għall-benefiċċju u l-intitolament għall-ħlas tiegħu, l-intitolamenti ta’ din il-persuna għall-ammonti dovuti dakinhar li tkun mietet, suċċessivament, jgħaddu għand il-konjuġi, it-tfal u l-ġenituri.

(2) Jekk persuna fiżika li tkun issodisfat il-kundizzjonijiet għall-intitolament għall-benefiċċji tal-mard, benefiċċju għal korriment, benefiċċju ta’ riabilitazzjoni, benefiċċju ta’ taħriġ mill-ġdid, benefiċċju tal-assigurazzjoni ta’ garanzija jew benefiċċju tal-qgħad, iżda tkun mietet qabel ma titlob l-intitolament għal dawn il-benefiċċji, l-intitolamenti ta’ din il-persuna għall-ammonti dovuti dakinhar ta’ mewtha jgħaddu, suċċessivament, għand il-konjuġi, it-tfal u l-ġenituri.

(3) Jekk benefiċċju jkun ingħata qabel il-mewt ta’ persuna fiżika li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-intitolament għall-benefiċċju u l-intitolament għall-ħlas tiegħu, l-ammonti dovuti li ma kinux tħallsu dakinhar li din il-persuna tkun mietet jitħallsu lill-persuni fiżiċi elenkati fis-subartikolu (1) (l-ewwel sentenza).

(4) L-intitolamenti li jgħaddu għand il-persuni fiżiċi elenkati fis-subartikoli minn (1) sa (3) mhumiex soġġetti għas-suċċessjoni; isiru soġġetti għas-suċċessjoni jekk ma jkunx hemm tali persuni fiżiċi.

(5) Jekk ma jkun hemm l-ebda persuna fiżika li ssir intitolata għall-benefiċċji skont is-subartikoli minn (1) sa (4), dawn il-benefiċċji jsiru introjtu ieħor għall-fond sors li kellhom jitħallsu minnu.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Iva. Jew huwa d-dritt tad-deċedut li jispeċifika l-persuni li jkunu se jakkwistaw il-beni wara mewtu minflok il-benefiċjarji legali (eż. kuntratt ta’ pensjoni supplimentari), jew dan jikkonċerna ċerta kategorija ta’ beni fejn il-liġi tispeċifika kif għandhom jitqassmu wara l-mewt (eż. miżuri għas-soluzzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà ta’ art, benefiċċji tas-sigurtà soċjali).

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Għall-proprjetà immobbli, jekk il-proċedimenti tas-suċċessjoni jinjoraw ir-regolamenti stabbiliti fl-ewwel mistoqsija, l-awtorità responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-artijiet ma tirreġistrax titlu ta’ proprjetà ġdid fir-reġistru tal-artijiet.

Fil-proċedimenti tas-suċċessjoni li jsiru fis-Slovakkja, japplikaw ir-regolamenti stabbiliti fl-ewwel mistoqsija, wara istruzzjonijiet tal-qorti, min-nutar li jmexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni. L-eżitu ta’ dawn il-proċedimenti huwa ordni dwar is-suċċessjoni, u kwalunkwe parti li temmen li ma tkunx f’konformità mar-reġimi speċjali fis-seħħ tista’ tippreżenta rimedju biex tikkontesta l-eżitu.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 29/06/2020

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Svezja

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Fl-Iżvezja għad fadal xi ftit fedekommessi (fideikommiss). Fedekommess huwa arranġament testamentarju li permezz tiegħu ċerta proprjetà, li ma jistax isir disponiment minnha, għandha tiġi mgħoddija lill-membri ta’ familja waħda jew aktar f’ordni partikolari. F’konformità mal-Att dwar il-likwidazzjoni ta’ fedekommessi (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidalagen (1963:583) om avveckling av fideikommiss), il-fedekommessi għandhom jiġu likwidati taħt arranġamenti speċjali.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Mhux applikabbli.