Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Bulgarija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Il-liġi sostantiva fis-seħħ tiskwalifika lil dawn li ġejjin milli jsiru werrieta jew legatarji:

(1) kwalunkwe persuna li ma kinitx ikkonċepita meta nfetħet is-suċċessjoni, u

(2) kwalunkwe persuna mwielda fi stat mhux vijabbli.

Skont il-liġi, kull persuna mwielda ħajja hija preżunta li hija vijabbli sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju.

Barra minn dawn imsemmija hawn fuq, dawn li ġejjin jiġu skwalifikati bħala mhux denji tas-suċċessjoni:

(1) kwalunkwe persuna li tkun qatlet b’mod volontarju jew għamlet tentattiv biex toqtol lill-persuna deċeduta, lill-konjuġi jew lil wild minuri tal-persuna deċeduta, u kwalunkwe kompliċi f’dawn ir-reati kriminali, ħlief jekk l-att ikun twettaq taħt ċirkostanzi li jeskludu l-piena, jew il-persuna kkonċernata tkun irċeviet amnestija;

(2) kwalunkwe persuna li tkun akkużat b’mod falz lill-persuna deċeduta b’reat kriminali punibbli b’sentenza ta’ priġunerija jew b’sanzjoni penali aktar severa, sakemm l-akkuża falza tkun ġiet soġġetta għal prosekuzzjoni abbażi ta' kwerela mill-vittma u dik il-kwerela ma tkunx ġiet ippreżentata;

(3) kwalunkwe persuna li, bl-użu ta’ forza jew frodi, tkun ġiegħlet lill-persuna deċeduta biex tagħmel, tibdel jew tirrevoka testment jew tkun żammet lill-persuna deċeduta milli tagħmel xi wieħed minn dawn ta’ hawn fuq, jew li tkun qerdet, ħbiet jew immodifikat it-testment tal-persuna deċeduta jew xjentement tkun għamlet użu minn testment mhux awtentiku.

Dawk il-persuni li ma jkunux denji tas-suċċessjoni jistgħu jirtu biss jekk il-persuna deċeduta tkun irrikonoxxiethom espressament bħala denji permezz ta’ att notarili jew b’testment.

Jekk il-persuna deċeduta, filwaqt li tkun konxja mir-raġuni għala persuna ma tkunx denja, tagħmel testment favur dik il-persuna li ma tkunx denja tas-suċċessjoni mingħajr ma tirrikonoxxiha espressament bħala denja, il-persuna li ma tkunx denja tas-suċċessjoni tiret biss fil-limiti tat-testment.

Skont l-Artikolu 54 tal-Kodiċi tal-Familja (Semeen kodeks) fis-seħħ, ladarba jkunu ddivorzjati, l-ex miżżewġin ma jibqgħux il-werrieta legali ta’ xulxin u jitilfu l-benefiċċji li jirriżultaw minn kwalunkwe dispożizzjoni li tkun saret qabel f’każ ta’ mewt.

Madanakollu, din ir-regola ma tapplikax jekk it-testatur ikun iddikjara espliċitament li d-dispożizzjonijiet testamentarji jkomplu jipproduċu l-effetti tagħhom wara d-divorzju.

Min-naħa tiegħu, l-Att dwar is-Sjieda (Zakon za sobstvenostta) jimponi restrizzjoni fir-rigward ta’ suċċessjoni favur Stat barrani, li tipprovdi li Stat barrani ma jistax jakkwista dritt ta’ sjieda fi proprjetà immobbli fil-Bulgarija b’wirt.

Il-leġiżlazzjoni Bulgara timponi żewġ restrizzjonijiet oħra f’liġijiet speċjali dwar il-wirt ta’ proprjetà immobbli, minħabba n-natura speċifika tal-proprjetà kkonċernata.

Għaldaqstant, l-Att dwar is-Sjieda u l-Użu tal-Art Agrikola (Zakon za sobstvenostta i polzvaneto na zemedelskite zemi) jistabbilixxi regoli speċjali dwar il-wirt ta’ tali proprjetà: l-art agrikola.

Skont l-Artikolu 3b ta’ dak l-Att, kwalunkwe barrani, li jkun akkwista dritt ta’ sjieda f’art agrikola b’wirt skont il-liġi iżda li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, jew sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi trattat internazzjonali ratifikat skont il-proċedura tal-Artikolu 22(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, huwa obbligat li jittrasferixxi s-sjieda lil persuni li huma intitolati li jakkwistaw tali proprjetajiet fi żmien tliet snin mill-ftuħ tas-suċċessjoni.

Bl-istess mod, l-Artikolu 24(1) tal-Att dwar il-Foresti (Zakon za gorite) jimponi restrizzjoni fir-rigward ta’ proprjetà li tikkostitwixxi żona tal-foresti: kwalunkwe barrani, li jikseb dritt ta’ proprjetà fil-foresti u f’art b’boskijiet b’wirt skont il-liġi iżda li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, jew sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi trattat internazzjonali ratifikat skont il-proċedura tal-Artikolu 22(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, huwa obbligat li jittrasferixxi s-sjieda lil persuni li huma intitolati li jakkwistaw tali proprjetajiet fi żmien tliet snin mill-ftuħ tas-suċċessjoni.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Skont ir-regola ġenerali, jekk ir-regoli tal-liġi speċjali jidħlu f’kunflitt mar-regoli ġenerali, jipprevalu r-regoli tal-liġi speċjali; għalhekk, ir-regoli restrittivi diskussi hawn fuq japplikaw kull meta l-prerekwiżiti sostantivi għal dan ikunu fis-seħħ.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

L-Att dwar is-Sjieda u l-Użu tal-Art Agrikola stabbilixxa proċedura speċjali li tiżgura l-konformità mal-obbligu skont l-Artikolu 3b(1) tal-istess Att, li jippermetti lill-Istat jixtri l-artijiet agrikoli bil-prezzijiet stabbiliti b’regolament tal-Kunsill tal-Ministri jekk il-barrani jonqos milli jittrasferixxi d-dritt tas-sjieda fil-limitu ta’ żmien speċifikat f’dik ir-regola.

Bl-istess mod, fir-rigward tal-proprjetà li tikkostitwixxi bosk, l-Att dwar il-Foresti jistipula li l-Istat jista’ jixtri l-art agrikola bi prezzijiet stabbiliti f’regolament tal-Kunsill tal-Ministri jekk il-limitu ta’ żmien skont l-Artikolu 24(1) ta’ dak l-Att ma jiġix osservat.

L-aħħar aġġornament: 24/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.