Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali - Ġermanja

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Restrizzjonijiet speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni tal-UE jistgħu jinstabu fil-liġi dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola tal-Ġermanja (Anerbenrecht), li taħt ċerti kundizzjonijiet tkun teħtieġ li proprjetà agrikola tkun soġġetta għal regoli speċjali ta’ wirt.

Regoli bħal dawn jinstabu fl-Ordni dwar l-irziezet (Höfeordnung), li hija liġi federali parzjali f’Hamburg, is-Sassonja t’Isfel, in-Nordrhein-Westfalen u Schleswig-Holstein, u fil-liġijiet dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola ta’ Länder individwali (Att dwar id-dominji [Hofgütergesetz] u l-Att dwar il-Wirt ta’ Proprjetà Agrikola [Anerbengesetz] f’Baden-Württemberg, li din tal-aħħar tapplika biss jekk il-mejjet ikun twieled qabel l-1 ta’ Jannar 1930; l-Ordni dwar il-beni [Landgüterordnung] f’Hessen; l-Ordni dwar l-irziezet [Höfeordnung] f’Rheinland-Pfalz; l-Att dwar l-Irziezet [Höfegesetz] fi Bremen). Ma hemm l-ebda regola bħal din fil-Länder l-oħrajn. L-Artikolu 36(2)(c) tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni tal-UE jintuża sabiex jiddetermina liema liġi dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola għandha tapplika. Barra minn hekk, ir-regoli individwali dwar il-wirt ta’ proprjetà fil-Kodiċi Ċivili japplikaw ukoll (l-Artikoli 1515(2), 2049, 2312), bħalma japplika wkoll il-Artikolu 13 tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet ta’ Proprjetà Immobbli (Grundstücksverkehrsgesetz), li jippermetti li razzett jiġi allokat lil werriet konġunt leġittimu wieħed biss.

L-Ordni dwar l-irziezet tinkludi regoli speċjali dwar il-wirt għal ċerti azjendi agrikoli sabiex jiġi pprevenut li rziezet u operazzjonijiet tal-foresterija jinqasmu f’każ ta’ suċċessjoni. Id-dispożizzjonijiet fl-Ordni dwar l-irziezet jipprovdu li werriet wieħed biss (il-werriet tar-razzett) għandu jingħata s-sjieda, u b'hekk tkun garantita l-preservazzjoni minn ġenerazzjoni għal oħra ta’ rzizezet li jkunu ekonomikament vijabbli. Dawn ir-regoli mhux biss jaqdu l-interessi privati ta’ sidien ta’ rziezet individwali, iżda wkoll l-interess pubbliku biex irziezet ma jispiċċawx jinqasmu filwaqt li jinżammu effiċjenti.

Il-werrieta konġunti l-oħrajn jistgħu jitolbu kumpens, għalkemm l-ammont li jista’ jintalab ikun iżjed baxx minn dak ta’ kwistjonijiet ta’ wirt oħrajn sabiex l-irziezet jiġu protetti minn talbiet eċċessivi ta’ soluzzjoni u ta' kumpens li jistgħu jheddu s-sopravvivenza tagħhom.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Meta wieħed jikkunsidra l-għan regolatorju tal-liġi dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola, li huwa li jiżgura l-preservazzjoni tal-irziezet minn ġenerazzjoni għal oħra, ir-regoli speċjali msemmija aktar ’il fuq għandhom jiġu applikati għall-proprjetà agrikola domestika, ikunu liema jkunu l-liġijiet li japplikaw għas-suċċessjoni tal-mejjet.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Skont ir-Regoli ta’ Proċedura għal materji li jikkonċernaw l-irziezet (Verfahrensordnung für Höfesachen – HöfeVfO), il-liġi Ġermaniża tippermetti li l-Qorti Agrikola (Landwirtschaftsgericht) tkun tista’ twettaq ċerti proċeduri ta’ verifika, pereżempju li tistabbilixxi jekk dispożizzjonijiet testamentarji jew ftehimiet ta’ trasferiment ta’ rziezet jiksrux il-liġi dwar is-suċċessjoni involuta ta’ proprjetajiet agrikoli.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 27/08/2019