Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Iva, hemm kategoriji speċjali ta’ beni li japplika reġim speċjali għalihom, f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Is-Slovakkja nnotifikat lill-Kummissjoni b’dawn il-kategoriji ta’ beni u l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument tan-notifika. Dan id-dokument jistabbilixxi r-regolamenti attwalment fis-seħħ.

Id-dispożizzjonijiet dwar reġimi speċjali huma strutturati skont il-kategorija tal-beni li huma soġġetti għas-suċċessjoni:

A – art agrikola u forestali:

L-Artikolu 23 tal-Att Nru 180/1995 dwar ċerti miżuri għall-modalitajiet applikabbli fi kwistjonijiet ta’ drittijiet ta’ sjieda ta’ artijiet, kif emendat

(1) Sakemm dan l-Att ma jistipulax mod ieħor, att legali jew deċiżjoni tal-qorti dwar soluzzjoni għal koproprjetà jew deċiżjoni tal-qorti dwar suċċessjoni ma tistax taqsam l-art eżistenti msemmija fl-Artikolu 21(1) fi rqajja’ ta’ art agrikola iżgħar minn 2 000 m2 jew fi rqajja’ ta’ art forestali iżgħar minn 5 000 m2.

(2) Jekk il-benefiċjarji ma jsolvux is-suċċessjoni tal-art elenkata fl-Artikolu 21(1) skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subartikolu (1), jew jekk b’konsegwenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet il-qorti ma tkunx tista’ tikkonferma s-sehem tal-patrimonju għal kull benefiċjarju, il-qorti għandha tiddeċiedi li l-art għandha tmur għand il-benefiċjarji li jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex iġestuha. Il-qorti għandha wkoll tiddeċiedi dwar id-dmir ta’ dan il-benefiċjarju li jasal għal ftehim mal-benefiċjarji l-oħrajn.

(4) Il-benefiċjarji jridu jagħmlu d-dikjarazzjoni msemmija fis-subartikolu (3) bil-miktub u ma jistgħux jirtirawha.

(6) Il-perjodu ta' preskrizzjoni għal talbiet tal-benefiċjarji li jirriżultaw mis-soluzzjoni tas-suċċessjoni skont is-subartikoli (2) u (3) huwa ta’ għaxar snin. Bħala garanzija għal dawn it-talbiet, mar-reġistrazzjoni tat-titlu tad-debitur jiġi stabbilit rahan fuq din l-art għall-kreditur; kwalunkwe prijorità statutorja ta’ rahan bi preċedenza ogħla ma tapplikax. Il-kreditur għandu d-dritt tal-ewwel rifjut għall-art koperta bir-rahan.

(7) Jekk il-qorti tiddeċiedi dwar soluzzjoni għall-koproprjetarji, il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subartikoli (2) sa (5) japplikaw ukoll għas-soluzzjoni tagħhom.

B – assoċjazzjonijiet ta’ artijiet:

L-Artikolu 8 tal-Att Nru 97/2013 dwar l-assoċjazzjonijiet tal-artijiet, kif emendat

(1) Għall-finijiet ta’ dan l-Att, proprjetà immobbli komuni tirreferi għal oġġett immobbli wieħed li jinkludi diversi rqajja’ separati. Proprjetà immobbli komuni hija indiviżibbli għajr fil-każijiet stabbiliti fis-subartikolu (2) (nota: is-subartikolu ma jinkludix is-suċċessjoni, għalhekk ma tapplika l-ebda eżenzjoni). Is-sjieda konġunta ta’ proprjetà immobbli komuni ma tistax tiġi xolta u solvuta skont id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar ix-xoljiment u s-soluzzjoni ta’ koproprjetà (skont il-Kodiċi Ċivili).

C — kirja ta’ appartament u t-trasferiment ta’ sehem ta’ membru f’kooperattiva ta’ abitazzjoni:

L-Artikoli 706-707 tal-Att Nru 40/1964 tal-Kodiċi Ċivili (Občiansky zákonník)

It-trasferiment ta’ kirja mhuwiex suġġett għas-suċċessjoni, għalhekk jekk jintalab in-nutar joħroġ biss konferma tal-benefiċjarji kkonċernati għall-finijiet tal-Artikolu 706 tal-Kodiċi Ċivili. Madankollu, sehem ta’ membru għandu valur patrimonjali u għalhekk huwa soġġett għas-suċċessjoni f’konformità mat-titli tal-benefiċjarji.

L-Artikolu 706 tal-Kodiċi Ċivili:

(1) Jekk il-kerrej imut u l-appartament ma jkunx b’kirja konġunta mal-konjuġi, l-ulied, in-neputijiet, il-ġenituri, l-aħwa, u l-ulied tar-rispett tad-deċedut li kienu jaqsmu l-abitazzjoni mad-deċedut fil-jum li miet, u li ma jkollhomx appartamenti tagħhom, isiru l-kerrejja (kokerrejja). Il-persuni li jkunu ħadu ħsieb l-abitazzjoni kondiviża tal-kerrej jew li kienu dipendenti fuq il-kerrej deċedut ukoll isiru kerrejja (kokerrejja) bil-kundizzjoni li kienu jaqsmu l-abitazzjoni mad-deċedut għal mill-inqas tliet snin qabel ma miet u li ma jkollhomx appartamenti tagħhom.

(2) …

(3) Jekk il-kerrej ta’ appartament b’kooperattiva tal-abitazzjoni jmut u l-appartament ma jkunx maqsum mal-konjuġi, mal-mewt tal-kerrej, is-sħubija tiegħu mal-kooperattiva u l-kirja tal-appartament jgħaddu għal għand il-benefiċjarju li jiret is-sehem tas-sħubija.

L-Artikolu 707 tal-Kodiċi Ċivili:

(1) Jekk imut wieħed mill-miżżewġin li kienu kokerrejja f’appartament, il-konjuġi superstiti jsir l-uniku kerrej.

(2) Jekk dan ikun appartament b’kooperattiva, il-kirja konġunta tal-appartament mill-miżżewġin tiskadi mal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin. Jekk it-titlu għall-appartament b’kooperattiva jkun inkisbet matul iż-żwieġ, il-konjuġi superstiti jibqa’ membru tal-kooperattiva u jkollu s-sjieda tas-sehem tas-sħubija; dan il-qorti tieħu kont tiegħu fil-proċedimenti tas-suċċessjoni. Jekk konjuġi li kien akkwista t-titlu għall-appartament b’kooperattiva qabel iż-żwieġ imut, mal-mewt tiegħu s-sħubija tiegħu fil-kooperattiva u l-kirja tal-appartament b’kooperattiva jgħaddu għand il-benefiċjarju li jkun wiret is-sehem tas-sħubija. Jekk ikun hemm kirjiet multipli, is-sħubija tad-deċedut tista’ tgħaddi għand benefiċjarji multipli.

(3) Jekk wieħed mill-kokerrejja jmut, it-titlu tiegħu jgħaddi għand il-kokerrejja l-oħra.

D – interess proprjetarju f’kumpanija b’responsabbiltà limitata:

L-Artikoli 116–117 tal-Att Nru 513/1991, kif emendat – jekk id-deċedut ikun miet wara l-1 ta’ Jannar 1992

L-Artikolu 116 tal-Kodiċi tal-Kummerċ (Obchodný zákonník):

(1) …

(2) Interess proprjetarju jista’ jintiret. Jekk din ma tkunx kumpanija b’membru uniku, il-memorandum ta’ assoċjazzjoni jista’ jeskludi s-suċċessjoni ta’ interess proprjetarju. Benefiċjarju li ma jkunx l-uniku membru jista’ jitlob ir-revoka tal-parteċipazzjoni tiegħu jekk ma jkunx ġust li jintalab li jkun membru …

L-Artikolu 117 tal-Kodiċi tal-Kummerċ:

(1) Id-diviżjoni ta’ interess proprjetarju jkun possibbli biss biċ-ċessjoni jew it-trasferiment tiegħu lill-benefiċjarju jew lis-suċċessur legali tal-membru. Għad-diviżjoni ta’ interess proprjetarju hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali.

(2) Il-memorandum ta’ assoċjazzjoni jista’ jeskludi d-diviżjoni ta’ interess proprjetarju.

(3) Fid-diviżjoni ta’ interess proprjetarju, l-ammont tal-investiment stabbilit fl-Artikolu 109(1) irid jinżamm (il-valur tal-investiment ta’ membru jrid ikun mill-inqas EUR 750).

E – il-paga tad-deċedut:

L-Artikolu 35 tal-Att Nru 311/2001, il-Kodiċi Industrijali (Zákonník práce), kif emendat

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor minn leġiżlazzjoni separata, l-intitolamenti finanzjarji tal-impjegat ma jiskadux ma’ mewtu. L-intitolament tal-paga tal-impjegat mill-impjieg, sa erba’ darbiet il-qligħ medju fix-xahar tal-impjegat, jgħaddi direttament lill-konjuġi, lill-ulied u lill-ġenituri tal-impjegat jekk ikunu jgħixu fl-abitazzjoni tal-impjegat fil-mument tal-mewt. Jekk ma jkunx hemm persuni bħal dawn, l-intitolamenti tal-paga jsiru soġġetti għas-suċċessjoni.

F – pensjonijiet:

(1) L-Artikolu 21 tal-Att Nru 650/2004 dwar l-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari, kif emendat

Il-valur attwali tal-kont personali ta’ parteċipant li jkun riċevitur ta’ pensjoni tal-età supplimentari temporanja jew ta’ pensjoni tas-servizz supplimentari temporanja, huwa soġġett għas-suċċessjoni jekk fil-kuntratt tal-pensjoni l-parteċipant deċedut li jkun riċevitur ta’ pensjoni tal-età supplimentari temporanja jew ta’ pensjoni tas-servizz supplimentari temporanja ma kienx innomina persuna fiżika jew ġuridika oħra bħala l-benefiċjarju li l-valur attwali tal-kont personali għandu jitħallas lilha.

(2) L-Artikoli 40–40a tal-Att Nru 43/2004 dwar l-iskemi tal-pensjoni tal-età, kif emendat

L-Artikolu 40

(1) Mal-mewt ta’ kontributur għal skema ta’ pensjoni tal-età, il-benefiċjarju li l-kontributur ikun innominat fil-kuntratt tal-pensjoni jkun intitolat għall-ħlas ta’ ammont li jikkorrispondi għall-valur attwali tal-kont tal-pensjoni personali tad-deċedut dakinhar li l-kumpanija tal-pensjonijiet tkun saret taf bil-mewt tal-kontributur, wara li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji li kienu ntalbu mill-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali (Sociálna poisťovňa) u li jkunu indebitament ġew ittrasferiti f’isem id-deċedut, u wara li jitnaqqsu wkoll l-ispejjeż li l-kumpanija tal-pensjonijiet tkun ġarrbet b’mod raġonevoli biex tħallas dan l-ammont fi flus kontanti jew billi tittrasferih lejn pajjiż li mhux membru taż-żona tal-euro, u wara li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji li l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali tkun għadha trid tittrasferihom. Jekk il-kontributur ma jkun innomina l-ebda benefiċjarju fil-kuntratt tal-pensjoni, jew jekk ma jkun hemm l-ebda benefiċjarju, dawn il-beni jsiru soġġetti għas-suċċessjoni.

(2) Il-benefiċjarju ma jkunx intitolat għall-ħlas tal-ammont skont is-subartikolu (1) jekk qorti f’deċiżjoni finali tkun ikkonkludiet li dik il-persuna tkun ikkawżat intenzjonalment il-mewt tal-kontributur.

L-Artikolu 40a

(1) Mal-mewt ta’ riċevitur ta’ pensjoni għal tul il-ħajja, il-benefiċjarju li r-riċevitur ikun innomina fil-kuntratt tal-assigurazzjoni tal-pensjoni jkun intitolat għall-ħlas ta’ ammont skont l-Artikolu 32(2) jew għal benefiċċju mogħti bħala somma waħda f'daqqa skont l-Artikolu 46g(5) minn dakinhar li l-assiguratur sar jaf bil-mewt tar-riċevitur. Jekk ir-riċevitur ma jkun innomina l-ebda benefiċjarju fil-kuntratt tal-assigurazzjoni tal-pensjoni, jew jekk ma jkun hemm l-ebda benefiċjarju, l-ammont iddefinit fl-ewwel sentenza jsir soġġett għas-suċċessjoni.

(2) Il-benefiċjarju msemmi fis-subartikolu (1) ma jkunx intitolat għall-ħlas tal-ammont skont l-Artikolu 32(2) jew għal benefiċċju mogħti bħala somma waħda f'daqqa skont l-Artikolu 46g(5) jekk qorti f’deċiżjoni finali tkun ikkonkludiet li dik il-persuna tkun ikkawżat intenzjonalment il-mewt tar-riċevitur.

L-Artikolu 118 tal-Att Nru 461/2003 dwar is-sigurtà soċjali, kif emendat

(1) Jekk persuna fiżika li tkun issodisfat il-kundizzjonijiet għall-intitolament ta’ benefiċċju tkun mietet wara li tkun talbet l-intitolament għall-benefiċċju u l-intitolament għall-ħlas tiegħu, l-intitolamenti ta’ din il-persuna għall-ammonti dovuti dakinhar li tkun mietet, suċċessivament, jgħaddu għand il-konjuġi, it-tfal u l-ġenituri.

(2) Jekk persuna fiżika li tkun issodisfat il-kundizzjonijiet għall-intitolament għall-benefiċċji tal-mard, benefiċċju għal korriment, benefiċċju ta’ riabilitazzjoni, benefiċċju ta’ taħriġ mill-ġdid, benefiċċju tal-assigurazzjoni ta’ garanzija jew benefiċċju tal-qgħad, iżda tkun mietet qabel ma titlob l-intitolament għal dawn il-benefiċċji, l-intitolamenti ta’ din il-persuna għall-ammonti dovuti dakinhar ta’ mewtha jgħaddu, suċċessivament, għand il-konjuġi, it-tfal u l-ġenituri.

(3) Jekk benefiċċju jkun ingħata qabel il-mewt ta’ persuna fiżika li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-intitolament għall-benefiċċju u l-intitolament għall-ħlas tiegħu, l-ammonti dovuti li ma kinux tħallsu dakinhar li din il-persuna tkun mietet jitħallsu lill-persuni fiżiċi elenkati fis-subartikolu (1) (l-ewwel sentenza).

(4) L-intitolamenti li jgħaddu għand il-persuni fiżiċi elenkati fis-subartikoli minn (1) sa (3) mhumiex soġġetti għas-suċċessjoni; isiru soġġetti għas-suċċessjoni jekk ma jkunx hemm tali persuni fiżiċi.

(5) Jekk ma jkun hemm l-ebda persuna fiżika li ssir intitolata għall-benefiċċji skont is-subartikoli minn (1) sa (4), dawn il-benefiċċji jsiru introjtu ieħor għall-fond sors li kellhom jitħallsu minnu.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Iva. Jew huwa d-dritt tad-deċedut li jispeċifika l-persuni li jkunu se jakkwistaw il-beni wara mewtu minflok il-benefiċjarji legali (eż. kuntratt ta’ pensjoni supplimentari), jew dan jikkonċerna ċerta kategorija ta’ beni fejn il-liġi tispeċifika kif għandhom jitqassmu wara l-mewt (eż. miżuri għas-soluzzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà ta’ art, benefiċċji tas-sigurtà soċjali).

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Għall-proprjetà immobbli, jekk il-proċedimenti tas-suċċessjoni jinjoraw ir-regolamenti stabbiliti fl-ewwel mistoqsija, l-awtorità responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-artijiet ma tirreġistrax titlu ta’ proprjetà ġdid fir-reġistru tal-artijiet.

Fil-proċedimenti tas-suċċessjoni li jsiru fis-Slovakkja, japplikaw ir-regolamenti stabbiliti fl-ewwel mistoqsija, wara istruzzjonijiet tal-qorti, min-nutar li jmexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni. L-eżitu ta’ dawn il-proċedimenti huwa ordni dwar is-suċċessjoni, u kwalunkwe parti li temmen li ma tkunx f’konformità mar-reġimi speċjali fis-seħħ tista’ tippreżenta rimedju biex tikkontesta l-eżitu.

L-aħħar aġġornament: 22/08/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.